IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.2.2025
COM(2025) 31 final
2025/0013(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti ta’ Marzu 2025 għal regolamenti tan-NU
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA
Din il-proposta hija għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (WP.29) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ modifiki tar-regolamenti attwali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU).
2.KUNTEST TAL-PROPOSTA
2.1.Il-Ftehim Rivedut tal-1958 u l-Ftehim Parallel
Hemm żewġ ftehimiet fis-seħħ biex jiġu żviluppati rekwiżiti armonizzati biex jitneħħew l-ostakli tekniċi għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur bejn il-partijiet kontraenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE, United Nations Economic Commission for Europe), u biex jiġi żgurat li l-vetturi bil-mutur joffru livell għoli ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni ambjentali. Dawn huma:
–il-Ftehim tan-NUKEE dwar l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jiġu ffittjati u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (il-“Ftehim Rivedut tal-1958”); kif ukoll
–il-Ftehim li jikkonċerna l-istabbiliment tar-regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jiġu ffittjati u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (il-“Ftehim Parallel”).
Għall-UE, il-ftehimiet daħlu fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998 u fil-15 ta’ Frar 2000 rispettivament. Ix-xogħol relatat ma’ dawn il-ftehimiet huwa ssorveljat mid-WP.29.
2.2. Il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti
Id-WP.29 jipprovdi qafas uniku għal regolamenti armonizzati dwar il-vetturi f’livell dinji. Id-WP.29 huwa grupp ta’ ħidma permanenti fil-qafas istituzzjonali tan-NU li għandu mandat speċifiku u regoli ta’ proċedura speċifiċi. Dan jaħdem bħala forum globali li jabilita diskussjonijiet miftuħin rigward ir-regolamenti dwar il-vetturi bil-mutur u dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u tal-Ftehim Parallel. Kull membru tan-NU u kull organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika mwaqqfa min-NU jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet tad-WP.29 u jsiru parti kontraenti għall-ftehimiet dwar il-vetturi li jissorvelja d-WP.29. L-UE hija parti għal dawn il-ftehimiet.
Id-WP.29 jiltaqa’ tliet darbiet fis-sena, f’Marzu, f’Ġunju, u f’Novembru. Biex jiġi rifless il-progress tekniku, f’kull laqgħa, id-WP.29 jista’ jadotta:
regolamenti ġodda tan-NU;
riżoluzzjonijiet ġodda tan-NU;
regolamenti tekniċi globali ġodda tan-NU (GTRs tan-NU - UN GTRs, UN global technical regulations);
modifiki tar-regolamenti u tar-riżoluzzjonijiet tan-NU skont il-Ftehim Rivedut tal-1958; kif ukoll
modifiki tal-GTRs u tar-riżoluzzjonijiet tan-NU skont il-Ftehim Parallel.
Qabel kull laqgħa tad-WP.29, il-korpi sussidjarji ddedikati tad-WP.29 jiddiskutu dawn il-modifiki fil-livell tekniku.
Wara, id-WP.29 jkun jista’ jadotta l-proposti:
b’maġġoranza kwalifikata tal-partijiet kontraenti preżenti u billi jivvutaw għal proposti skont il-Ftehim Rivedut tal-1958; jew
b’vot ta’ konsensus tal-partijiet kontraenti preżenti u billi jivvutaw għal proposti skont il-Ftehim Parallel.
Qabel kull laqgħa tad-WP.29, tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE dwar:
regolamenti ġodda tan-NU, GTRs ġodda tan-NU u riżoluzzjonijiet ġodda tan-NU; kif ukoll
emendi, supplimenti u rettifiki tar-regolamenti tan-NU, tal-GTRs tan-NU u tar-riżoluzzjonijiet tan-NU.
2.3. L-att previst tad-WP.29
Mill-4 sas-7 ta’ Marzu 2025, matul il-195 sessjoni tiegħu, id-WP.29 jista’ jadotta:
proposti għal modifiki tar-Regolamenti tan-NU Nru 13, 39, 48, 49, 79, 83, 92, 96, 100, 105, 116, 124, 138, 148, 149, 152, 158, 161, 162, 163, 168, u 171;
proposta għal regolament ġdid tan-NU dwar id-determinazzjoni tal-potenza tas-sistemi ta’ vetturi elettriċi ibridi u ta’ vetturi purament elettriċi li jkollhom aktar minn magna elettrika waħda għall-propulsjoni; kif ukoll
proposta għal emenda tar-riżoluzzjoni konsolidata dwar l-ispeċifikazzjoni komuni tal-kategoriji tas-sorsi ta’ dawl.
3. IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UE
Is-sistema tad-WP.29 issaħħaħ l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-vetturi. Il-Ftehim Rivedut tal-1958 għandu rwol ewlieni fil-kisba ta’ dan l-objettiv. Il-manifatturi tal-UE jistgħu jużaw sett komuni ta’ regolamenti dwar l-approvazzjoni tat-tip bl-għarfien li l-partijiet kontraenti se jirrikonoxxu l-prodotti tagħhom bħala konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Din l-iskema għamlitha possibbli li r-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur iħassar aktar minn 50 direttiva tal-UE u jissostitwihom b’regolamenti korrispondenti żviluppati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958.
Ir-Regolament (UE) Nru 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill isegwi approċċ simili. Jistabbilixxi dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u l-introduzzjoni fis-suq tal-vetturi, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dan ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti li ġew adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Ladarba d-WP.29 ikun adotta proposta għal regolament ġdid tan-NU jew għal modifiki ta’ Regolament eżistenti tan-NU, is-Segretarju Eżekuttiv tan-NUKEE jinnotifika l-att korrispondenti lill-partijiet kontraenti. Sakemm partijiet kontraenti li jikkostitwixxu minoranza li timblokka ma joġġezzjonawx fi żmien 6 xhur, l-att jidħol fis-seħħ. Imbagħad, kull parti kontraenti tista’ tittrasponi l-att fir-regoli nazzjonali applikabbli tagħha. Fl-UE, il-proċess ta’ traspożizzjoni jitlesta bil-pubblikazzjoni tal-att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-pożizzjoni tal-UE għandha tiġi stabbilita rigward l-atti li ġejjin:
–il-proposti għal modifiki tar-Regolamenti tan-NU Nru 13, 39, 48, 49, 79, 83, 92, 96, 100, 105, 116, 124, 138, 148, 149, 152, 158, 161, 162, 163, 168, u 171 biex jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar:
–l-ibbrejkjar ta’ vetturi tqal - l-emendi proposti għandhom l-għan li jemendaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-brejk fit-tul, li jkopri l-massa tal-kombinazzjoni sħiħa tal-vettura (jiġifieri vettura tal-irmonk u trejler). L-emendi proposti għandhom ukoll l-għan li jirrettifikaw ir-rekwiżiti tas-sistema tal-brejk tal-parking applikabbli għall-vetturi awtopropulsiva għat-triq:
–it-tagħmir tal-ispeedometer u tal-odometru inkluża l-installazzjoni tiegħu - l-emendi proposti għandhom l-għan li jaġġornaw ir-rekwiżiti eżistenti għall-odometri biex jinkludu dispożizzjonijiet dwar: (a) l-akkuratezza tal-valuri tal-kilometraġġ tal-odometru abbord, (b) sistema kontra t-tbagħbis tal-valuri tal-kilometraġġ tal-odometru abbord u (c) dwar l-akkuratezza u s-sistema kontra t-tbagħbis tal-valuri tal-kilometraġġ tal-odometru murija lis-sewwieq;
–l-installazzjoni ta’ apparati għat-tidwil u għas-sinjalar bid-dawl – l-emendi proposti għandhom l-għan jallinjaw ir-rekwiżiti għall-viżibbiltà tad-dawl aħmar lejn in-naħa ta’ quddiem u/jew tad-dawl abjad lejn in-naħa ta’ wara tal-vettura mas-serje ta’ emendi 01 tar-regolamenti tan-NU Nru 148 u 149. L-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw u jallinjaw ir-rekwiżiti għall-vetturi off-road dwar l-inklinazzjoni vertikali tar-raġġ baxx skont l-għoli tal-immuntar tal-fanali ta’ quddiem. L-emendi proposti jintroduċu wkoll mudell ġdid għal trajettorja mbassra bħala parti mill-projezzjonijiet ta’ assistenza għas-sewwieqa u jtejbu r-rekwiżiti tad-detezzjoni u s-sinjalizzazzjoni tal-fallimenti biex jirriflettu l-progress teknoloġiku f’diversi sorsi ta’ dawl. L-emendi proposti jaġġornaw ir-rekwiżiti rigward il-fluss luminuż oġġettiv totali ta’ sors ta’ dawl wieħed jew aktar jew modulu/i tas-sors ta’ dawl għal raġġ baxx;
–l-emissjonijiet ta’ magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni u ta’ tqabbid bi spark (LPG u CNG) - l-emendi proposti għandhom l-għan li jipprovdu korrezzjonijiet editorjali;
–tagħmir tal-istering – l-emendi proposti għandhom l-għan li jeskludu ċerti rekwiżiti ta’ approvazzjoni għal kategoriji addizzjonali ta’ funzjonijiet tal-istering bi kmand awtomatiku, dawk diġà koperti mir-Regolament tan-NU Nru 171;
–l-emissjonijiet tal-vetturi M1 u N1 - l-emendi proposti għandhom l-għan li jipprovdu korrezzjonijiet editorjali;
–is-sistemi tas-silenzjar tal-egżost ta’ sostituzzjoni għall-muturi - l-emendi proposti għandhom l-għan li jtejbu r-rekwiżiti li jipprevjenu t-tbagħbis b’sistemi tas-silenzjar tal-egżost ta’ sostituzzjoni mhux oriġinali;
–l-approvazzjoni tal-magni li għandhom jiġu installati fit-tratturi agrikolturi u forestali u fil-makkinarju mobbli mhux tat-triq fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa mill-magna - l-emendi proposti għandhom l-għan li jipprovdu korrezzjonijiet editorjali;
–il-vetturi b’motopropulsjoni elettrika – l-emendi proposti għandhom l-għan li jintroduċu dispożizzjonijiet ġodda dwar it-trattament tal-proprjetajiet intellettwali tal-manifatturi u jtejbu r-rekwiżiti dwar il-propagazzjoni termali u l-approvazzjoni tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku;
–il-vetturi għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi – l-emendi proposti għandhom l-għan li jallinjaw it-test tar-Regolament tan-NU Nru 105 mal-aħħar verżjoni tal-Ftehim dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq (ADR, Agreement concerning the international carriage of dangerous goods by road);
–is-sistemi ta’ kontra s-serq u tal-allarm – l-emendi proposti għandhom l-għan li jallinjaw it-test tar-Regolament tan-NU Nru 116 mar-rekwiżiti tekniċi tar-Regolament tan-NU Nru 10 fir-Regolament tan-NU Nru 157;
–ir-roti ta’ sostituzzjoni għall-karozzi tal-passiġġieri - l-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw uħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tan-NU Nru 124 fir-rigward tal-ittestjar tar-roti tal-liga tal-aluminju u tal-liga tal-manjeżju;
–il-vetturi tat-trasport bit-triq silenzjużi – l-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rekwiżiti dwar ir-rekwiżit tal-pressjoni massima tal-ħoss fil-pjan ta’ quddiem tal-vettura għar-rivers;
–l-apparati għas-sinjalar bid-dawl - l-emenda proposta għandha l-għan li tikkoreġi referenza żbaljata għad-determinazzjoni tad-daqs tal-marka tal-approvazzjoni ta’ fanal wieħed għas-sinjalar bid-dawl;
–apparati għat-tidwil tat-triq - l-emendi proposti għandhom l-għan li jikkoreġu ċerti rekwiżiti ta’ kejl fotometriku għall-fanali ta’ quddiem b’raġġ baxx inkluż l-emendar tar-rekwiżiti tad-detezzjoni u s-sinjalazzjoni tal-ħsarat biex jirriflettu l-progress teknoloġiku f’diversi sorsi ta’ dawl. L-emendi proposti għandhom ukoll l-għan li jirrettifikaw ċertu numru ta’ valuri massimi ta’ intensità luminuża fit-tabelli tal-konformità tal-produzzjoni;
–is-sistema avvanzata għal ibbrejkjar f’emerġenza (AEBS, advanced emergency braking system) għal M1/N1 - l-emendi proposti għandhom l-għan li jintroduċu, abbażi tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura sħiħa tal-UE, dispożizzjonijiet biex jintuża ittestjar virtwali bħala alternattiva għat-testijiet fiżiċi fir-Regolament tan-NU Nru 152;
–il-moviment tar-rivers – l-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw il-kundizzjonijiet tat-test tal-kamera retroviżur u tas-sistema ta’ detezzjoni;
–is-sistemi ta’ kontra l-użu mhux awtorizzat - l-emendi proposti għandhom l-għan li jallinjaw it-test tar-Regolament tan-NU Nru 161 mar-rekwiżiti tekniċi tar-Regolament tan-NU Nru 10 fir-Regolament tan-NU Nru 157;
–l-immobilizzaturi - l-emendi proposti għandhom l-għan li jallinjaw it-test tar-Regolament tan-NU Nru 162 mar-rekwiżiti tekniċi tar-Regolament tan-NU Nru 10 fir-Regolament tan-NU Nru 157;
–is-sistemi ta’ allarm tal-vetturi - l-emendi proposti għandhom l-għan li jallinjaw it-test tar-Regolament tan-NU Nru 163 mar-rekwiżiti tekniċi tar-Regolament tan-NU Nru 10 fir-Regolament tan-NU Nru 157;
–l-emissjonijiet globali reali tas-sewqan (global RDE, global real driving emissions) - l-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw il-ħtieġa għall-użu ta’ analiżi tad-data tat-test bi 3 fażijiet u b’4 fażijiet, skont it-tip ta’ fjuwil tal-magna (diżil jew petrol). Ir-rekwiżiti proposti għandhom ukoll l-għan li jallinjaw id-dispożizzjonijiet ta’ korrezzjoni tal-konċentrazzjoni u tal-emissjonijiet tas-sistema portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS, portable emissions measurement system) ma’ dawk fir-Regolament tan-NU Nru 49; kif ukoll
–is-sistemi ta’ assistenza fil-kontroll għas-sewwieq (DCAS, driver control assistance systems) – ir-rekwiżiti proposti għandhom l-għan li jintroduċu dispożizzjonijiet ġodda li jippermettu r-regolazzjoni tal-għajnuna tad-DCAS għal manuvri mibdija mis-sistema u/jew jippermettu li jinqabżu t-talbiet “hands-on”; kif ukoll
–proposta għal:
–regolament ġdid tan-NU dwar id-determinazzjoni tal-potenza tas-sistemi ta’ vetturi elettriċi ibridi u ta’ vetturi purament elettriċi li jkollhom aktar minn magna elettrika waħda għall-propulsjoni - din il-proposta għal regolament ġdid għandha l-għan li tittrasponi r-rekwiżiti tal-GTR tan-NU Nru 21.
Id-WP.29 qed jippjana li jivvota għal dawn il-proposti fil-laqgħa tiegħu tal-4 sas-7 ta’ Marzu 2025.
Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-UE dwar:
–proposta għal emenda tar-riżoluzzjoni konsolidata dwar l-ispeċifikazzjoni komuni tal-kategoriji tas-sorsi ta’ dawl - l-emendi proposti għandhom l-għan li jintroduċu l-kategoriji ġodda tas-sorsi ta’ dawl LW7A u LW7B tad-dijodi li jemettu d-dawl (LED).
Jenħtieġ li l-UE tappoġġa l-atti msemmijin hawn fuq minħabba li dawn jikkonformaw mal-politika tas-suq intern tagħha dwar l-industrija tal-karozzi fir-rigward tas-sikurezza, l-awtomatizzazzjoni u l-emissjonijiet, kif ukoll mal-politiki tagħha dwar il-ġeopolitika, it-trasport, il-klima u l-enerġija.
Dawn l-atti kollha għandhom impatt pożittiv ħafna fuq il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tal-UE u fuq il-kummerċ internazzjonali. Vot favur dawn l-atti jippromwovi l-progress teknoloġiku, jipprovdi ekonomiji ta’ skala, jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern u jiżgura li l-istandards tal-karozzi jiġu applikati b’mod uniformi fl-UE kollha.
L-għarfien espert estern mhuwiex rilevanti għal din il-proposta. Madankollu, il-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur irrieżamina din il-proposta.
4.BAŻI LEGALI
4.1. Bażi legali proċedurali
4.1.1. Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jiddikjara li l-Kunsill jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali minħabba r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2. Applikazzjoni għal dan il-każ
Id-WP.29 huwa s-sede li fih il-partijiet kontraenti tan-NUKEE jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u tal-Ftehim Parallel.
L-atti li d-WP.29 qed jintalab jadotta huma atti li għandhom effetti legali.
Ir-regolamenti tan-NU stabbiliti fl-att previst se jkunu vinkolanti għall-UE. Flimkien mar-riżoluzzjoni tan-NU u l-GTRs tan-NU, se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas ma jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2. Bażi legali sostantiva
4.2.1.
Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-UE.
L-att previst jista’ jkollu żewġ għanijiet jew komponenti, li wieħed minnhom jista’ jiġi identifikat bħala ewlieni u l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali. F’dan il-każ, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik il-waħda għall-għan jew għall-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2. Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlieni tal-att previst huma l-approssimazzjoni tal-liġijiet. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 114 tat-TFUE.
4.3. Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 114 tat-TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFEU.
2025/0013 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti ta’ Marzu 2025 għal regolamenti tan-NU
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE, l-Unjoni aderiet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE) li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”). Il-Ftehim Rivedut tal-1958 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998.
(2)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE, l-Unjoni aderiet mal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“Ftehim Parallel”). Il-Ftehim Parallel daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2000.
(3)Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u l-introduzzjoni fis-suq tal-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dan ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti li ġew adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 (“ir-regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
(4)Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim Parallel, il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi (WP.29) jista’ jadotta proposti għal modifiki tar-regolamenti tan-NU, ir-regolamenti tekniċi globali tan-NU (GTRs tan-NU) u r-riżoluzzjonijiet tan-NU, kif ukoll proposti għal regolamenti tan-NU, GTRs tan-NU u riżoluzzjonijiet tan-NU ġodda dwar l-approvazzjoni tal-vetturi. Barra minn hekk, skont dawk id-dispożizzjonijiet, id-WP.29 jista’ jadotta proposti għal awtorizzazzjonijiet biex jiġu żviluppati emendi għall-GTRs tan-NU jew biex jiġu żviluppati GTRs ġodda tan-NU, u jista’ jadotta proposti għall-estensjoni tal-mandati għall-GTRs tan-NU.
(5)Mill-4 sas-7 ta’ Marzu 2025, matul il-195 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi, id-WP.29 jista’ jadotta: proposti għal modifiki tar-Regolamenti tan-NU Nru 13, 39, 48, 49, 79, 83, 92, 96, 100, 105, 116, 124, 138, 148, 149, 152, 158, 161, 162, 163, 168, u 171; proposta għal regolament ġdid tan-NU dwar id-determinazzjoni tal-potenza tas-sistemi ta’ vetturi elettriċi ibridi u ta’ vetturi purament elettriċi li jkollhom aktar minn magna elettrika waħda għall-propulsjoni; u proposta għal emenda tar-riżoluzzjoni konsolidata dwar l-ispeċifikazzjoni komuni tal-kategoriji tas-sorsi ta’dawl.
(6)Ir-regolamenti tan-NU se jkunu vinkolanti għall-Unjoni. Flimkien mar-riżoluzzjoni tan-NU, se jinfluwenzaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi. Għalhekk, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-WP.29 rigward l-adozzjoni ta’ dawk il-proposti.
(7)Sabiex jiġu riflessi l-esperjenza fuq il-post u l-iżviluppi tekniċi matul il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip, ir-rekwiżiti għal ċerti aspetti jew karatteristiċi koperti mir-Regolamenti tan-NU Nru 13, 39, 48, 49, 79, 83, 92, 96, 100, 105, 116, 124, 138, 148, 149, 152, 158, 161, 162, 163, 168, u 171; u r-riżoluzzjoni konsolidata dwar l-ispeċifikazzjoni komuni tal-kategoriji tas-sorsi ta’ dawl, jeħtieġ li jiġu emendati jew issupplimentati.
(8)Sabiex jiġi abilitat il-progress teknoloġiku u sabiex tiġi promossa l-mobbiltà nadifa, jeħtieġ li jiġi adottat regolament ġdid tan-NU dwar id-determinazzjoni tal-potenza tas-sistemi ta’ vetturi elettriċi ibridi u ta’ vetturi purament elettriċi li jkollhom aktar minn magna elettrika waħda għall-propulsjoni.
(9)Dawn il-proposti huma konformi mal-orjentazzjonijiet strateġiċi ta’ politika tal-Unjoni dwar l-industrija tal-karozzi.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-195 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi, li se ssir mill-4 sas-7 ta’ Marzu 2025, għandha tkun li ssir votazzjoni favur il-proposti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President