|
13.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 40/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/189
tat-12 ta' Frar 2020
li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1183/2005. |
|
(2) |
Fis-6 ta' Frar 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, żied persunamal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi Għalhekk, jenħtieġ li din il-persuna tiżdied mal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005. |
|
(3) |
L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
ANNESS
Il-persuna li ġejja żdiedet mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005
“36. Seka BALUKU (psewdonimu inqas affidabbli: a) Mzee Kajaju, b) Musa, c) Lumu, d) Lumonde)
Deżinjazzjoni: Kap ġenerali tal-Alleanza tal-Forzi Demokratiċi (ADF)
Data tat-twelid: bejn wieħed u ieħor 1977
Nazzjonalità: Uganda
Indirizz: L-aħħar post magħruf huwa l-kamp ta’ Kajuju ta’ Medina II, it-territorju ta’ Beni, fit-Tramuntana ta’ Kivu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 6 ta’ Frar 2020
Informazzjoni oħra: Baluku ilu żmien twil membru tal-ADF, u kien il-viċi kmandant tal-fundatur tal-ADF Jamil Mukulu sakemm ħa t-tmexxija f’idejh wara l-operazzjoni militari tal-FARDC Sukola I fl-2014.
Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Raġuni għall-elenkar:
Seka Baluku ġie elenkat fis-6 ta’ Frar 2020 skont il-paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni 2293 (2016) talli ħa sehem f’atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RDK jew ipprovda appoġġ għalihom.
Informazzjoni addizzjonali:
Mexxej ġenerali tal-ADF. Kif enfasizzat f’diversi rapporti mill-Grupp ta’ Esperti dwar ir-RDK (S/2015/19, S/2015/797, S/2016/1102, S/2017/672, S/2018/531, S/2019/469, S/2019/974), SEKA Baluku wettaq, ippjana u/jew mexxa atti ripetuti ta’ mmirar, qtil u mankament, stupru u vjolenza sesswali oħra u ħtif ta’ persuni ċivili, inkluż tfal, kif ukoll attakki fuq faċilitajiet tas-saħħa, b’mod partikolari f’Mamove, fit-territorju ta’ Beni, fit-12 u l-24 ta’ Frar 2019, kif ukoll ir-reklutaġġ u l-użu kontinwi tat-tfal matul l-attakki u għal xogħol furzat fit-territorju ta’ Beni fir-RDK sa mill-inqas l-2015.”