European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1884

18.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1884

tal-15 ta’ Diċembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-FSE, fil-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja u fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja lill-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, id-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja dwar il-ftehim tiegħu mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2024.

(2)

Skont l-Artikoli 104, 106 u 108 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja u l-Kumitat Konsultattiv tal-FSE (it-“tliet istituzzjonijiet”) ġew stabbiliti, rispettivament.

(3)

Skont l-Artikolu 108(2) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE jiddetermina l-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, fuq rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja.

(4)

Skont l-Artikolu 108(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konsultattiv tal-FSE jrid jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, bi ftehim mal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’dawk it-tliet istituzzjonijiet, peress li r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja lill-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, id-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja dwar il-qbil tiegħu mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu se jkollhom effetti legali fl-Unjoni.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan it-tliet istituzzjonijiet fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja lill-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja dwar il-qbil tiegħu mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konsultattiv u tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni u abbozzi ta’ Deċiżjonijiet rispettivi tat-tliet istituzzjonijiet mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja, stabbilit skont l-Artikolu 106 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-FSE dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (Anness I).

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-FSE, stabbilit skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim rigward id-Deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (Anness II).

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja, stabbilit skont l-Artikolu 106 tal-Ftehim rigward id-Deċiżjoni dwar il-qbil tiegħu mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (Anness III).

Artikolu 4

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-FSE, stabbilit skont l-Artikolu 108 tal-Ftehim rigward id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-FSE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (Anness IV).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (ĠU L, 2024/1648, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1648/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1884/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)