|
23.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2207
tal-5 ta’ Diċembru 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fid-39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Twila fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Protokoll Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l‐Artikolu 191, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila (il-"Konvenzjoni") għandha Protokoll Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (il-"Protokoll") li ġie adottat fl-1999. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 13 bis tal-Protokoll, il-Partijiet preżenti f’sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni (il-"Korp Eżekuttiv") jistgħu jadottaw emendi għall-Protokoll u għall-annessi tiegħu. |
|
(3) |
Il-Protokoll ġie emendat fl-2012 permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2012/1 u 2012/2 mill-Partijiet preżenti għat-30 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv. L-Emendi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/1 daħħlu fis-seħħ u saru effettivi abbażi tal-proċedura mħaffa prevista fil-Protokoll. L-Emenda stabbilita fid-Deċiżjoni 2012/2 kienet teħtieġ li tiġi aċċettata mill-Partijiet għall-Protokoll u ġiet approvata mill-Unjoni mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 (1). Dik l-emenda daħħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2019. |
|
(4) |
Fid-39 sessjoni tiegħu ta’ bejn id-9 u t-13 ta’ Diċembru 2019, il-Korp Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-emendi għall-Artikolu 3 bis tal-Protokoll u l-Anness VII għall-Protokoll kif propost mill-Istati Uniti tal-Amerka, bil-għan li jiffaċilita r-ratifika tal-Protokoll min-naħa ta’ Partijiet mhux tal-UE. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Korp Eżekuttiv, peress li s-suġġett u l-kontenut tal-Protokoll li jrid jiġi emendat huma koperti mill-acquis tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(6) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fid-39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-proposta biex jiġi emendat l-Anness VII għall-Protokoll. |
|
(7) |
Fejn Partijiet mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali preżenti fid-39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv jindikaw li l-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 3 bis tal-Protokoll hija waħda utli, il-pożizzjoni tal-Unjoni fid-39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv jenħtieġ li tkun li tappoġġa dik il-proposta. Fejn dawk il-Partijiet ma jindikawx li l-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 3 bis tal-Protokoll hija waħda utli, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tistieden lill-Istati Uniti tal-Amerka biex jirtiraw il-proposta tagħhom u, jekk l-Istati Uniti tal-Amerka ma jirtirawhiex, l-Unjoni għandha tkun tista’ toġġezzjona għall-proposta, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja fuq Distanza Twila (id-"39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv") għandha tkun is-segwenti:
|
(a) |
l-appoġġ tal-proposta mressqa mill-Istati Uniti tal-Amerka biex jiġi emendat l-Anness VII għall-Protokoll biex jiġu estiżi l-iskedi ta’ żmien ta’ flessibbiltà mill-2019 sal-2024; |
|
(b) |
fejn Partijiet mill-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali preżenti fid-39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv jindikaw li l-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 3 bis tal-Protokoll biex jiġu estiżi l-iskedi ta’ żmien ta’ flessibbiltà mill-2019 sal-2024 u mill-2022 sal-2030 hija waħda utli, li tiġi appoġġata l-proposta mressqa mill-Istati Uniti tal-Amerka biex jiġi emendat dak l-Artikolu. |
|
(c) |
fejn il-kundizzjoni taħt il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu ma tkunx issodisfata, l-Istati Uniti tal-Amerka għandha tiġi mistiedna biex tirtira l-proposta li jiġi emendat l‐Artikolu 3 bis tal-Protokoll; |
|
(d) |
jekk l-Istati Uniti tal-Amerka ma jirtirawx il-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 3 bis tal-Protokoll wara stedina kif imsemmi fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni tista’ toġġezzjona għall-proposta. |
Artikolu 2
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, jilħqu qbil biex tiġi rfinata l-pożizzjoni stabbiltà fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fid‐39 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
M. LINTILÄ
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 tas-17 ta’ Lulju 2017 dwar l-aċċettazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea ta’ Emenda lill-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (ĠU L 248, 27.9.2017, p. 3).
(2) Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d‐Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).