Brussell, 11.12.2025

COM(2025) 749 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar ir-Rieżami tad-Direttiva ta’ Marrakexx 2017/1564 u tar-Regolament ta’ Marrakexx 2017/1563

{SWD(2025) 406 final}


I.INTRODUZZJONI

Filwaqt li rrikonoxxew l-impatt negattiv sinifikanti tal-aċċess limitat għall-materjal bil-miktub f’forma aċċessibbli, jew il-“kilba għall-kotba”, fuq il-parteċipazzjoni fis-soċjetà ta’ persuni b’diżabbiltà u fuq l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, fl-2013, l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali adottaw it-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (“it-Trattat ta’ Marrakexx”) ( 1 ).

It-Trattat introduċa limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet obbligatorji għad-dritt tal-awtur għall-benefiċċju tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista u li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat sabiex jippermetti r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet (bħal testi, notazzjonijiet u illustrazzjonijiet relatati, fi kwalunkwe media, inklużi l-kotba awdjo) f’kopji b’format aċċessibbli. It-Trattat jippermetti wkoll l-iskambju ta’ dawn il-kopji bejn il-fruntieri ( 2 ).

L-Unjoni Ewropea ffirmat it-Trattat ta’ Marrakexx fl-2014 ( 3 ) u kkonkludietu fi Frar 2018 ( 4 ). Id-Direttiva (UE) 2017/1564 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat ( 5 ) (minn hawn ’il quddiem id-Direttiva ta’ Marrakexx) u r-Regolament (UE) 2017/1563 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat ( 6 ) (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament ta’ Marrakexx) ġabu l-adattamenti neċessarji għad-dritt tal-UE wara l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta’ Marrakexx tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO, Word Intellectual Property Organisation). Id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx għandhom l-għan li jżidu d-disponibbiltà ta’ kopji ta’ kotba u ta’ materjal stampat ieħor b’formati aċċessibbli għall-benefiċċju ta’ persuni b’diffikultà relatata mal-qari ta’ materjal stampat, kif ukoll li jtejbu ċ-ċirkolazzjoni ta’ kopji bħal dawn b’format aċċessibbli bejn il-fruntieri. Id-Direttiva ta’ Marrakexx kellha tiġi trasposta sal-11 ta’ Ottubru 2018. Ir-Regolament ta’ Marrakexx ilu japplika mit-12 ta’ Ottubru 2018.

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ta’ Marrakexx u l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Marrakexx jirrikjedu li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dawn l-istrumenti sal-11 ta’ Ottubru 2023 ( 7 ) u li tipproponi emendi fejn xieraq. L-għan ta’ din l-evalwazzjoni huwa li tivvaluta l-punt sa fejn id-Direttiva ta’ Marrakexx u r-Regolament ta’ Marrakexx kienu effettivi biex jilħqu l-objettivi tagħhom, effiċjenti, rilevanti għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, koerenti mal-politika u mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea (UE) u kemm urew valur miżjud tal-UE. B’mod partikolari, din l-evalwazzjoni tivvaluta kif dawn iż-żewġ strumenti legali kellhom impatt fuq id-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli tax-xogħlijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u għenu biex jiġi ffaċilitat l-iskambju transfruntier ta’ dawn il-kopji.

Kif meħtieġ mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ta’ Marrakexx, l-evalwazzjoni tinkludi speċifikament valutazzjoni tal-impatt tal-iskemi ta’ kumpens eżistenti f’ċerti Stati Membri għad-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli u għall-iskambji transfruntiera tagħhom. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tqis l-impatt possibbli tar-regoli previsti fid-Direttiva ta’ Marrakexx u fir-Regolament ta’ Marrakexx fuq id-disponibbiltà kummerċjali ta’ ċerti xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor b’formati aċċessibbli għal persuni benefiċjarji, kif ukoll ir-rilevanza tagħhom fil-kuntest ta’ oqsma ta’ politika oħra relatati mal-aċċessibbiltà ta’ xogħlijiet ippubblikati, b’mod partikolari l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (European Accessibility Act, “EAA”) ( 8 ).

Qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx, id-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 9 ) tat lill-Istati Membri l-għażla li jipprovdu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tal-awtur u għal drittijiet relatati għall-benefiċċji ta’ persuni b’diżabbiltà, għal użi ta’ natura mhux kummerċjali li huma direttament relatati mad-diżabbiltà, sa fejn meħtieġ mid-diżabbiltà speċifika. L-Istati Membri kollha għamlu użu minn din il-possibbiltà sa ċertu punt ( 10 ). Madankollu, peress li d-Direttiva 2001/29 tistabbilixxi biss rekwiżiti minimi, u tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ( 11 ), kien hemm differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ( 12 ), li min-naħa tagħhom affettwaw l-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli ( 13 ).

L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx fid-dritt tal-UE wasslet għall-istabbiliment ta’ regoli armonizzati madwar l-UE kollha li jippermettu li l-persuni għomja, jew li għandhom diżabbiltà fil-vista li ma tistax tittejjeb jingħataw funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta’ persuna li ma għandha l-ebda diżabbiltà bħal din, jew lil dawk li għandhom diżabbiltà fil-qari jew fil-perċezzjoni, jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, jagħmlu kopji ta’ ċerti xogħlijiet u ta’ materjal ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt, għall-benefiċċju ta’ persuni b’diffikultà relatata mal-qari ta’ materjal stampat. Għalhekk, xogħlijiet fil-forma ta’ kotba, ta’ gazzetti, ta’ rivisti jew ta’ tipi oħra ta’ kitba, ta’ notazzjoni, inkluż partituri, u illustrazzjonijiet relatati, fi kwalunkwe media, jistgħu jsiru f’kopji b’format aċċessibbli, bħal braille, awdjo jew format kbir, minn benefiċjarji u minn persuni li jaġixxu f’isimhom. Barra minn hekk, id-Direttiva ta’ Marrakexx tipprevedi li ċerti korpi jistgħu jwettqu atti f’isem il-benefiċjarji. Dawn il-korpi huma entitajiet awtorizzati, li huma organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, b’mod partikolari libreriji, stabbilimenti edukattivi u organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta’ qligħ li jservu lill-persuni b’diffikultà biex jaqraw materjal stampat bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħhom, l-obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet tagħhom ta’ interess pubbliku. L-entitajiet awtorizzati jistgħu jagħmlu kopja b’format aċċessibbli ta’ xogħol jew ta’ materjal ieħor li għalih għandhom aċċess legali, u jikkomunikaw, jagħmlu disponibbli, iqassmu jew isellfu kopja b’format aċċessibbli lil benefiċjarju jew lil entità awtorizzata oħra mingħajr skop ta’ qligħ, għall-finijiet ta’ użu esklużiv minn benefiċjarju. L-entitajiet awtorizzati għandhom l-obbligu li jistabbilixxu prattiki biex jipprevjenu t-tixrid mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet. Id-Direttiva ta’ Marrakexx tinkludi dispożizzjoni li tippermetti l-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli fis-suq intern. Din hija kkomplementata mir-Regolament ta’ Marrakexx, li jippermetti skambji transfruntiera ma’ pajjiżi terzi li huma parti għat-Trattat ta’ Marrakexx.

Id-Direttiva ta’ Marrakexx tippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu skemi ta’ kumpens għall-użi permessi skont id-Direttiva u li jitwettqu minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tagħhom. Sal-lum, hemm skemi ta’ kumpens fis-seħħ f’sitt Stati Membri( 14 ). Żewġ Stati Membri oħra introduċew il-possibbiltà li jkollhom skema ta’ kumpens jekk ikun hemm preġudizzju għall-interessi tad-detenturi tad-drittijiet, iżda sa issa għadhom ma għamlux użu minn din l-għażla ( 15 ).

Il-leġiżlatur tal-UE ddeċieda li ma jimplimentax l-għażla stabbilita fit-Trattat ta’ Marrakexx biex jirrestrinġi l-limitazzjoni jew l-eċċezzjoni għal xogħlijiet li, fil-format aċċessibbli partikolari, ma jistgħux jinkisbu b’mod kummerċjali skont termini raġonevoli għall-persuni benefiċjarji f’dak is-suq. Tqies li l-impożizzjoni ta’ obbligu bħal dan fuq l-entitajiet awtorizzati tkun ta’ detriment għaċ-ċertezza legali, u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar taffettwa d-disponibbiltà tax-xogħlijiet għall-benefiċjarji ( 16 ). L-Istati Membri mhumiex permessi jintroduċu rekwiżiti addizzjonali fuq entitajiet awtorizzati bħall-verifika minn qabel tad-disponibbiltà kummerċjali tax-xogħlijiet b’formati aċċessibbli. Jidher li żewġ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet fis-seħħ li jistgħu jwasslu biex l-entitajiet awtorizzati jivverifikaw id-disponibbiltà kummerċjali jew jistgħu joħolqu nuqqas ta’ ċarezza f’dan ir-rigward ( 17 ). Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza dawn il-kwistjonijiet.

L-entitajiet awtorizzati ma humiex soġġetti għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-użi koperti mill-qafas. Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, huma ristretti għall-kategoriji speċifiċi, enumerati fl-Artikolu 2(4). Id-Direttiva ta’ Marrakexx tiċċara li r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ rikonoxximent li l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal entitajiet awtorizzati, bħal dawk relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ natura ġenerali lil persuni benefiċjarji, ma għandux ikollhom l-effett li jżommuhom milli jwettqu attivitajiet permessi mid-Direttiva. L-implimentazzjoni tad-Direttiva wasslet biex fi Stat Membru wieħed ( 18 ) jitneħħa l-obbligu għall-entitajiet awtorizzati li jirreġistraw mal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li f’xi Stati Membri ( 19 ) l-entitajiet awtorizzati jridu jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali bl-istatus tagħhom bħala entità awtorizzata u bid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom ( 20 ).

Barra minn hekk, l-entitajiet awtorizzati huma mħeġġa jittrażmettu b’mod volontarju d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom lill-Istati Membri ta’ stabbiliment tagħhom jekk jinvolvu ruħhom fi skambji fis-suq intern jew jekk jimportaw jew jesportaw kopji b’format aċċessibbli skont ir-Regolament ta’ Marrakexx. L-Istati Membri jittrażmettu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, li tagħmilha disponibbli għall-pubbliku ( 21 )

Id-Direttiva ma tinkludi l-ebda rekwiżit ta’ monitoraġġ speċifiku. Il-konsultazzjoni mal-Istati Membri ma tipprovdix stampa komprensiva iżda żvelat li f’xi Stati Membri l-entitajiet awtorizzati jittrażmettu rapportar perjodiku lill-awtorità rilevanti jew huma soġġetti għal kontrolli ad hoc. Fl-istess ħin, fi Stat Membru wieħed ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ Marrakexx minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar liema kienu l-entitajiet awtorizzati li jiffunzjonaw f’dak il-pajjiż ( 22 ).

II.METODOLOĠIJA

L-evalwazzjoni hija bbażata fuq studju ta’ sostenn, li tnieda f’April 2023 u tlesta fir-rebbiegħa tal-2024. Id-data nġabret permezz ta’ riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri (li huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva ta’ Marrakexx) u mingħand il-partijiet ikkonċernati, bis-saħħa ta’ konsultazzjoni mmirata u intervisti fil-fond imwettqa fil-qafas tal-istudju ta’ sostenn ( 23 ). Il-fehmiet tal-pubbliku waslu wkoll permezz ta’ sejħa għal evidenza ( 24 ).

Kif meħtieġ mid-Direttiva u mir-Regolament ta’ Marrakexx, il-fehmiet tal-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u dawk li jirrappreżentaw lill-anzjani tqiesu fil-proċess tal-evalwazzjoni. B’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni (konsultazzjoni mmirata, intervisti fil-fond) koprew, minbarra entitajiet awtorizzati, diversi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà. L-istedina għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni mmirata tqassmet wkoll lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-anzjani, iżda waħda biss minn dawn l-organizzazzjonijiet wieġbet. Barra minn hekk, diversi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà bagħtu l-fehmiet tagħhom fil-kuntest tas-sejħa għal evidenza ( 25 ). Il-konsultazzjoni mmirata u s-sejħa għal evidenza saru aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

III.EFFETTIVITÀ

Biex tivvaluta jekk l-intervent kienx effettiv, l-evalwazzjoni qieset jekk id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx tejbux id-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli fl-UE u l-iskambji transfruntiera tagħhom fl-UE u ma’ pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta’ Marrakexx. Analizzat ukoll jekk hemmx fatturi li affettwaw il-progress fir-rigward tal-objettivi u jekk kienx hemm konsegwenzi mhux mistennija u mhux intenzjonati. Fl-aħħar nett, hija vvalutat l-impatt tal-iskemi ta’ kumpens fuq id-disponibbiltà tal-kopji b’format aċċessibbli u fuq l-iskambju transfruntier tagħhom.

Id-data kwantitattiva miksuba għall-evalwazzjoni minn kampjun ta’ entitajiet awtorizzati wriet li n-numru ta’ titli f’kopji b’format aċċessibbli disponibbli fil-kollezzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet żdied b’aktar minn 50 % mill-2018. Id-data ma hijiex biżżejjed biex jiġi ddeterminat f’termini kwantitattivi sa liema punt ir-regoli armonizzati mid-Direttiva ta’ Marrakexx tejbu l-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli minn entitajiet awtorizzati, meta mqabbla ma’ dak li kien ikun possibbli skont il-liġijiet nazzjonali adottati abbażi tad-Direttiva InfoSoc 2001/29. Jeħtieġ ukoll li jitqies li, irrispettivament mill-qafas tad-drittijiet tal-awtur, ir-restrizzjonijiet baġitarji u l-kapaċitajiet teknoloġiċi huma aktar probabbli li jixprunaw il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-entitajiet awtorizzati. Madankollu, id-data kwalitattiva miġbura permezz tal-konsultazzjoni mmirata turi li, fl-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati, il-qafas ta’ Marrakexx kellu impatt pożittiv fuq id-disponibbiltà ta’ formati aċċessibbli. Ir-riċerka akkademika li saret fl-2022 enfasizzat ukoll żieda perċepita tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet aċċessibbli. Din issuġġeriet li l-qafas ta’ Marrakexx iffaċilita b’mod partikolari l-konverżjoni ta’ materjal stampat b’format braille, iżda ftit li xejn kellu impatt fuq l-aċċess għall-kotba diġitali ( 26 ).

Barra minn hekk, ċerti impatti kwantitattivi jistgħu jiġu identifikati bħala effett tal-armonizzazzjoni tal-eċċezzjoni fid-Direttiva ta’ Marrakexx. Fil-perjodu ta’ referenza kien hemm żieda ta’ madwar 39 % fin-numru ta’ utenti (benefiċjarji) irreġistrati mal-entitajiet awtorizzati li pprovdew id-data. Dan jista’ jkun marbut mal-armonizzazzjoni, skont id-Direttiva ta’ Marrakexx, tal-kategoriji ta’ benefiċjarji, li f’xi Stati Membri twassal biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji meta mqabbel ma’ dak li kien fis-seħħ qabel fil-livell nazzjonali. Kif juru pereżempju t-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-UE tal-2014 ( 27 ), mhux l-eċċezzjonijiet kollha eżistenti fil-livell nazzjonali qabel l-adozzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx kienu jkopru d-diżabbiltajiet fil-qari, filwaqt li issa huma fil-kamp ta’ applikazzjoni.

Fir-rigward tal-iskambji transfruntiera, ir-ratifika tat-Trattat ta’ Marrakexx mill-UE għamlitha possibbli li jkun hemm kooperazzjoni mal-entitajiet awtorizzati fl-Istati Membri kollha u mal-partijiet kontraenti f’pajjiżi terzi, inkluż billi ffaċilitat l-aċċess għall-ABC Global Book Service, li jappoġġa l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx ( 28 ).

Bħala medja, l-iskambju transfruntier fl-UE u ma’ pajjiżi terzi li huma parti għat-Trattat ta’ Marrakexx kien jirrappreżenta 16,3 % tat-titli kumplessivi miżmuma fl-2023 mill-entitajiet awtorizzati li pprovdew id-data, żieda mit-12,7 % tat-titli miksuba mill-UE u minn pajjiżi terzi fl-2018. Il-pajjiżi li għandhom lingwa komuni għandhom it-tendenza li jkollhom rata ogħla ta’ titli importati, peress li l-utenti normalment jippreferu xogħlijiet bil-lingwa tagħhom stess. Għalkemm il-kotba b’lingwi barranin jiffurmaw parti iżgħar mill-ġabra ta’ entitajiet awtorizzati, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet dawn jinkisbu permezz ta’ skambji transfruntiera. It-titli importati jinkisbu l-aktar minn Stati Membri oħra, iżda l-entitajiet awtorizzati jimportaw ukoll titli minn pajjiżi terzi li huma parti għat-Trattat ta’ Marrakexx. Dawn l-importazzjonijiet laħqu sehem ta’ 2,7 % tal-katalgu fl-2023 (żieda minn 2 % fl-2018). L-entitajiet awtorizzati intervistati fil-kuntest tal-istudju jindikaw li normalment jimportaw xogħlijiet mill-Istati Uniti tal-Amerka, mir-Renju Unit u mill-Kanada ( 29 ). L-iskambji jistgħu jkunu pjuttost sinifikanti fil-każ ta’ entitajiet awtorizzati speċifiċi: pereżempju, il-katalgu ta’ entità awtorizzata Franċiża fih 15 % tat-titli importati mill-Iżvizzera u mill-Kanada ( 30 ); l-istess entità awtorizzata rrapportat li hija esportat ukoll lejn pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Kanada ( 31 ). Barra minn hekk, l-intervisti ma’ entitajiet awtorizzati jindikaw li l-iskambji ma’ pajjiżi mill-Amerka Latina u mill-Afrika jikkonsistu l-aktar f’esportazzjonijiet mill-UE ( 32 ).

Id-data kwalitattiva miġbura mit-tim ta’ studju permezz tal-konsultazzjoni mmirata tappoġġa l-fehma li r-regoli armonizzati tal-UE għandhom impatt fuq l-iskambji transfruntiera, b’entitajiet awtorizzati u b’awtoritajiet nazzjonali li jqisu li l-impatt fuq l-iskambji transfruntiera tal-UE u dawk internazzjonali tar-regoli kien aktar importanti milli fuq il-produzzjoni. Dan jista’ jiġi assoċjat mar-rapportar minn entitajiet awtorizzati li, filwaqt li ċerti Stati Membri kellhom fis-seħħ ftehimiet ta’ kooperazzjoni qabel l-adozzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx biex jiskambjaw kopji b’format aċċessibbli bejn il-fruntieri (speċjalment fiż-żoni bl-istess lingwa), l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx ippermettiet lil xi wħud minnhom jagħmlu dawn l-iskambji għall-ewwel darba, jew ippermettitilhom jespandu l-iskambji għal numru usa’ ta’ pajjiżi ( 33 ).

Fatturi li jaffettwaw il-produzzjoni u l-iskambju ta’ kopji b’format aċċessibbli

Abbażi tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni mmirata mill-entitajiet awtorizzati, il-fatturi ewlenin li jillimitaw il-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli huma marbuta ma’ finanzjament insuffiċjenti għall-istituzzjonijiet li jipproduċu l-formati, jew riżorsi oħra insuffiċjenti (riżorsi umani, għarfien prattiku, teknoloġija). Għas-sorsi ta’ finanzjament, l-entitajiet awtorizzati jiddependu l-aktar fuq finanzjament pubbliku jew taħlita ta’ finanzjament pubbliku u ta’ donazzjonijiet. Fi Stat Membru wieħed, l-entità awtorizzata hija ffinanzjata prinċipalment permezz tal-introjtu gross miksub mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ lotteriji.

L-entitajiet awtorizzati fi swieq iżgħar huma kkonfrontati wkoll b’restrizzjonijiet minħabba l-kapaċità limitata tal-produzzjoni, għalkemm jista’ jiġi nnotat li f’dawn l-Istati Membri, ir-rikkezza tal-katalgi tal-entitajiet awtorizzati tvarja b’mod sinifikanti, b’entitajiet awtorizzati fil-Finlandja u fid-Danimarka li għandhom ħafna aktar titli minn entitajiet awtorizzati fil-Kroazja jew fil-Litwanja.

L-għarfien tal-benefiċjarji (persuni b’diżabbiltà) dwar fejn u kif jistgħu jsibu kopji b’format aċċessibbli ġiet identifikata wkoll bħala sfida, kemm matul il-konsultazzjoni mmirata kif ukoll matul is-sejħa għal evidenza. Ir-riċerka ppubblikata fl-2023 sabet ukoll li l-benefiċjarji u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabbiltà mhux dejjem kienu konxji ta’ kif il-qafas ta’ Marrakexx jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom ( 34 ). L-artikolu jissuġġerixxi li persuni għomja jaf ikollhom għarfien aħjar tat-Trattat ta’ Marrakexx minn persuni b’diżabbiltà fil-vista, u dan jista’ jkun marbut mal-metodi differenti użati għall-aċċess għax-xogħlijiet (eż. l-użu ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt tal-awtur biex jiġu prodotti kopji bil-braille għal persuni għomja kontra l-użu ta’ lenti viżwali għal persuni b’diżabbiltà fil-vista) ( 35 ) 

Ċerti entitajiet awtorizzati indikaw ukoll l-importanza li l-benefiċjarji jkollhom aċċess għat-teknoloġija li tippermettilhom jużaw formati diġitali aċċessibbli, li għadha lura. L-entitajiet awtorizzati enfasizzaw ukoll l-importanza li jiġu ssodisfati diversi ħtiġijiet tal-benefiċjarji, pereżempju billi jikkollaboraw ma’ networks ta’ libreriji biex jipprovdu kopji fiżiċi lill-benefiċjarji permezz tal-librerija lokali.

Għalhekk, filwaqt li fil-perjodu ta’ referenza, l-għadd ta’ benefiċjarji u ta’ xogħlijiet f’kopji b’format aċċessibbli żdied, ċerti fatturi mhux direttament marbuta mar-regoli ta’ Marrakexx — b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ riżorsi tal-entitajiet awtorizzati — huma perċepiti minn dawn l-istituzzjonijiet bħala ostaklu għall-forniment ta’ kopji aktar aċċessibbli.

Impatt tal-iskemi ta’ kumpens

L-iskemi ta’ kumpens ivarjaw fost is-sitt Stati Membri li introduċewhom: f’erba’ Stati Membri l-iskemi ta’ kumpens huma limitati jew għal ċerti setturi (l-edukazzjoni), għal ċerti formati (eż. kotba awdjo) jew għal ċerti modi ta’ konsenja (eż. tniżżil), filwaqt li f’żewġ Stati Membri l-iskema ta’ kumpens ma fihiex differenzjazzjonijiet bħal dawn, u għalhekk tapplika għall-użi minn entitajiet awtorizzati koperti mid-Direttiva ta’ Marrakexx.

L-istudju qabbel iż-żieda fil-volum ta’ katalgi, fil-perjodu ta’ referenza, ta’ ħames entitajiet awtorizzati preżenti f’erba’ Stat Membru bi skemi ta’ kumpens, u 19-il entità awtorizzata fi 12-il Stat Membru mingħajr skemi ta’ kumpens. Filwaqt li d-data turi li l-volum kumplessiv tat-titli fid-19-il entità awtorizzata żdied aktar milli fil-ħames entitajiet awtorizzati mill-Istati Membri bi skemi ta’ kumpens, id-data għandha tiġi ttrattata b’kawtela. Kif jispjega l-istudju nnifsu, id-data hija limitata ħafna u jaf ma tkunx rappreżentattiva, u ma tippermettix korrelazzjoni bejn in-nuqqas ta’ skemi ta’ kumpens u l-volum akbar ta’ kopji b’formati aċċessibbli. Dan għaliex fatturi oħra jistgħu jikkontribwixxu għad-differenza fir-rata ta’ tkabbir fil-katalgi ta’ kopji b’format aċċessibbli, bħall-fatt li l-entitajiet awtorizzati fl-Istati Membri li introduċew skemi ta’ kumpens jaf diġà kellhom ġabra estensiva ta’ titli, filwaqt li entitajiet awtorizzati oħra jaf bdew jibnu l-ġabra tagħhom fil-perjodu ta’ referenza. Pereżempju, kif imsemmi qabel, il-Finlandja u d-Danimarka (fejn hemm skema ta’ kumpens fis-seħħ) għandhom ferm aktar titli minn entitajiet awtorizzati fil-Kroazja jew fil-Litwanja, fejn ma tapplika l-ebda skema ta’ kumpens ( 36 ). B’mod kumplessiv, in-nuqqas ta’ data kuntestwali ma jippermettix li ssir konklużjoni dwar l-impatt ta’ dan it-tqabbil.

Fit-tweġibiet tagħhom għas-sejħa għal evidenza, l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw fost il-gruppi kkonsultati. Id-detenturi tad-drittijiet jenfasizzaw li l-iskemi ta’ kumpens huma meħtieġa biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u għandhom jirriflettu b’mod akkurat il-firxa u l-mod tal-użu tal-format aċċessibbli ( 37 ), filwaqt li r-rappreżentanti tal-benefiċjarji jargumentaw li l-iskemi ta’ kumpens għandhom jiġu eliminati ( 38 ), b’mod partikolari billi jsemmu li l-iskemi ta’ kumpens joħolqu ostakli u li l-entitajiet awtorizzati, li jaħdmu fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ, ma għandhomx iħallsu għal xogħol li l-pubblikaturi għandhom jagħmlu huma stess. Żewġ rispondenti li jirrappreżentaw lill-benefiċjarji jidhrilhom li l-iskemi ta’ kumpens imorru kontra l-ispirtu tat-Trattat ta’ Marrakexx, minkejja l-fatt li dawn l-iskemi huma permessi b’mod espliċitu mit-Trattat. Filwaqt li t-Trattat ta’ Marrakexx jippermetti lill-partijiet kontraenti jiddeċiedu jekk jipprovdux remunerazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet għal użi skont l-eċċezzjoni għad-dritt tal-awtur introdotta mit-Trattat ta’ Marrakexx, id-dritt tal-UE jipprevedi li l-possibbiltà għall-Istati Membri tagħha li jipprevedu skemi ta’ kumpens bħal dawn hija limitata.

B’mod partikolari, l-iskemi jistgħu japplikaw biss għall-entitajiet awtorizzati u ma għandhomx jirrikjedu pagamenti minn persuni benefiċjarji (ara l-premessa 14). Bħala tali, l-għażla fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva ta’ Marrakexx mogħtija mil-leġiżlatur tal-UE lill-Istati Membri hija konsistenti mat-Trattat.

Barra minn hekk, il-perċezzjoni tal-impatt tal-iskemi ta’ kumpens tidher li tvarja wkoll skont it-tfassil u l-finanzjament tal-iskema fl-Istat Membru speċifiku. Jidher li hu aktar probabbli li l-entitajiet awtorizzati mill-Istati Membri fejn il-livell ta’ finanzjament mill-Istat ikopri wkoll il-kumpens dovut, u fejn l-iskema ta’ kumpens hija limitata għal ċerti tipi ta’ użi jew ta’ xogħlijiet, jidhrilhom li l-iskema ta’ kumpens ma hijiex qed taffettwa l-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli, jew qed taffettwaha b’mod aktar limitat. Fi Stati Membri oħra bi skemi ta’ kumpens, anke jekk il-kumpens kumplessiv imħallas kull sena huwa baxx, l-impatt jista’ jiġi perċepit bħala importanti mill-partijiet ikkonċernati jekk il-baġit ma jitqiesx għoli biżżejjed (speċjalment jekk l-entitajiet awtorizzati jiddependu fuq donazzjonijiet għall-finanzjament tagħhom).

Barra minn hekk, huwa difficli li l-korrelazzjoni bejn l-iskemi ta’ kumpens u l-iskambju transfruntier tiġi kkwantifikata jew stabbilita, speċjalment peress li l-iskambji bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi huma affettwati minn diversi fatturi, marbuta b’mod partikolari mal-fatt li għandhom lingwa komuni, kif ukoll mal-użu tat-teknoloġija f’ċerti każijiet (l-interoperabbiltà ta’ formati u ta’ metadata) ( 39 ). Filwaqt li ma hemmx data kwantitattiva disponibbli biex jiġu ddeterminati l-effetti possibbli, ċerti partijiet ikkonċernati jargumentaw li l-entitajiet awtorizzati jinvolvu ruħhom inqas fi skambji transfruntiera, b’mod partikolari minħabba inċertezzi rigward l-applikazzjoni għat-tixrid transfruntier u d-diffikultà li jiġi kkalkolat il-kumpens għall-esportazzjonijiet, u dan jista’ jiskoraġġihom milli jinvolvu ruħhom fi skambji bħal dawn. Madankollu, tħassib bħal dan dwar l-impatt tal-iskemi ta’ kumpens fuq l-iskambju transfruntier bejn l-Istati Membri jidher li huwa ffukat fuq pajjiżi partikolari, u jaf jiġi kkawżat mit-tfassil u mill-applikazzjoni prattika ta’ skemi ta’ kumpens u mill-inċertezza possibbli li dan jaf jikkawża. F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-iskemi ta’ kumpens għandhom japplikaw biss għall-użi minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jipprevedi skema bħal din, u ma għandhomx jirrikjedu pagamenti mingħand entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta’ Marrakexx.

Konsegwenzi mhux intenzjonati possibbli — impatt potenzjali fuq is-suq kummerċjali

Il-kwistjoni dwar jekk il-qafas ta’ Marrakexx jistax ikollu konsegwenzi fuq is-suq kummerċjali wasslet għad-dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva ta’ Marrakexx. Skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jwissi lill-Kummissjoni jekk ikollu raġunijiet validi biex iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva kellha impatt negattiv sinifikanti fuq id-disponibbiltà kummerċjali ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor b’formati aċċessibbli għal persuni benefiċjarji, filwaqt li jipprovdi l-evidenza rilevanti kollha. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tqis din l-evidenza meta tfassal ir-rapport ta’ evalwazzjoni.

Fiż-żmien tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, l-ebda Stat Membru ma ppreżenta evidenza lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva ta’ Marrakexx.

Id-data miġbura fil-proċess tat-tħejjija ta’ din l-evalwazzjoni lanqas ma pprovdiet evidenza bħal din. L-istudju nnota li hemm nuqqas ta’ data komprensiva dwar is-suq tal-pubblikazzjoni aċċessibbli ( 40 ).

Matul il-konsultazzjoni mmirata, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati ma identifikawx xi impatt negattiv tar-regoli ta’ Marrakexx fuq l-inċentivi għall-produzzjoni kummerċjali. Parti kkonċernata waħda indikat impatt indirett pożittiv tal-qafas ta’ Marrakexx fuq is-suq tal-pubblikazzjoni, peress li jidhrilha li dan wassal għal aktar koordinazzjoni u skambju bejn il-pubblikaturi u l-entitajiet awtorizzati ( 41 ).

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma jistax jiġi konkluż li l-qafas ta’ Marrakexx għandu impatt negattiv sinifikanti fuq id-disponibbiltà kummerċjali ta’ xogħlijiet b’format aċċessibbli. Għalhekk, id-data kurrenti ma tiġġustifikax reviżjoni tal-approċċ kurrenti dwar il-verifika tad-disponibbiltà kummerċjali tax-xogħlijiet b’format aċċessibbli.

Impatt potenzjali fuq għanijiet soċjali usa’

Diversi partijiet ikkonċernati indikaw l-impatti pożittivi tal-qafas ta’ Marrakexx fuq oqsma bħall-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza b’mod ġenerali ( 42 ), l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment għat-tfal u għall-adulti ( 43 ), u x-xogħol, il-kultura u l-parteċipazzjoni tal-komunità ( 44 ). Madankollu, huwa diffċili li jiġi ddeterminat abbażi tad-data disponibbli għal din l-evalwazzjoni sa liema punt il-qafas ta’ Marrakexx jaf kellu impatt fuq dawn l-għanijiet soċjali usa’. Il-partijiet ikkonċernati semmew ukoll id-diffikultajiet persistenti, li jmorru lil hinn mill-qafas ta’ Marrakexx u li jaf jaffettwaw dawn l-għanijiet, bħad-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ kotba tal-iskola b’formati aċċessibbli, l-aċċessibbiltà insuffiċjenti ta’ pjattaformi tal-apprendiment diġitali, il-ħtieġa ta’ taħriġ adegwat tal-għalliema u tal-librara ( 45 ).

L-iskambju transfruntier iffaċilitat mill-qafas ta’ Marrakexx jagħmilha possibbli li x-xogħlijiet b’formati aċċessibbli jintbagħtu lill-emigranti fi Stati Membri oħra jew li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet ta’ minoranza jew tar-refuġjati billi jiġu importati x-xogħlijiet minn pajjiżi li għandhom l-istess lingwa ta’ dawn il-kategoriji. Il-qafas jista’ jitqies ukoll li kkontribwixxa għall-għarfien, b’mod partikolari fost il-pubblikaturi, dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà ( 46 ).

IV.EFFIĊJENZA

L-analiżi tal-effiċjenza fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni ppreżentat limitazzjonijiet importanti, peress li ma kienx hemm biżżejjed data disponibbli biex jiġi kkwantifikat l-impatt mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ Marrakexx. Ħafna mid-data kwantitattiva miġbura kien fiha dettalji limitati dwar il-baġit tal-entitajiet awtorizzati u l-allokazzjonijiet tagħhom jew kienet tappartjeni biss għal entità awtorizzata speċifika. Għalhekk, il-valutazzjoni tiddependi l-aktar fuq il-kunsiderazzjoni ta’ data kwalitattiva.

Anke qabel l-adozzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx, id-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva InfoSoc, kien jipprovdi lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà. L-Istati Membri użaw din l-għażla biex jimplimentaw l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, madankollu l-varjazzjonijiet f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni fil-livell nazzjonali ħolqu piżijiet għall-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli ( 47 ). Il-qafas ta’ Marrakexx naqqas dawn id-differenzi u żied iċ-ċertezza legali billi ċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji koperti, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti rilevanti dwar id-drittijiet tal-awtur li jistgħu jitwettqu. Kif spjegat fit-taqsima ta’ hawn fuq, dan wassal għal żieda fl-għadd ta’ benefiċjarji koperti, u ffaċilita l-iskambji transfruntiera. Għalhekk, il-persuni b’diżabbiltà jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għal kopji b’format aċċessibbli, u l-entitajiet awtorizzati aktarx jipprovdu servizzi lil bażi akbar ta’ utenti u jipparteċipaw f’aktar skambji transfruntiera.

Filwaqt li l-entitajiet awtorizzati jvaraw ir-riżorsi biex jipproduċu kopji b’format aċċessibbli, dawn il-kostijiet ma humiex imposti fuqhom mill-qafas ta’ Marrakexx, li għandu l-għan li jiffaċilita l-attività tagħhom li jipproduċu u jiskambjaw kopji b’format aċċessibbli permezz ta’ ċertezza legali akbar. Il-biċċa l-kbira tal-entitajiet awtorizzati intervistati mill-istudju rrapportaw li ma kienx hemm bidliet kbar fil-kostijiet tal-produzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ Marrakexx.

Fl-istess ħin, l-armonizzazzjoni introdotta mill-qafas ta’ Marrakexx ħolqot iffrankar għall-entitajiet awtorizzati, peress li l-kopji b’format aċċessibbli setgħu jinkisbu aktar faċilment permezz ta’ skambju transfruntier, li jgħin biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attività. Entità awtorizzata waħda indikat pereżempju li l-iskambji transfruntiera, fi ħdan l-UE u barra minnha, wasslu biex jiġu ffrankati madwar EUR 133 000 fuq medda ta’ 3 snin u nofs. L-armonizzazzjoni tar-regoli tal-UE naqqset ukoll il-ħtieġa li jiġu vverifikati r-regoli nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur li japplikaw fil-pajjiżi tad-destinazzjoni.

L-entitajiet awtorizzati li jiddistribwixxu, jikkomunikaw lill-pubbliku jew jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kopji b’format aċċessibbli huma soġġetti għal ċerti regoli skont il-qafas. Dawn huma limitati għall-prevenzjoni tad-distribuzzjoni mhux awtorizzata ta’ kopji b’format aċċessibbli, u għall-għoti tal-awtorizzazzjoni lill-benefiċjarji, lid-detenturi tad-drittijiet u lil entitajiet awtorizzati oħra biex ikunu jistgħu jirċievu informazzjoni rilevanti. Il-prattiki tal-entitajiet awtorizzati f’dan ir-rigward huma varjati ( 48 ), madankollu ma hemm l-ebda data preċiża biex jiġu kkwantifikati r-riżorsi użati għal dan l-għan. Fl-istess ħin, il-qafas ma jimponix obbligi fuq l-entitajiet awtorizzati li jistgħu jxekklu l-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli u li jistgħu jitqiesu bħala piż. Pereżempju, il-qafas jipprevjeni l-obbligu li l-entitajiet awtorizzati jiżguraw verifika minn qabel tad-disponibbiltà kummerċjali ta’ xogħlijiet b’formati aċċessibbli. Barra minn hekk, il-qafas ma jipprovdix proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika, li tiċċara f’dan ir-rigward li r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ rikonoxximent relatati, pereżempju, mal-forniment ta’ servizzi ta’ natura ġenerali lill-benefiċjarji ma għandhomx jipprevjenu lill-entitajiet awtorizzati milli jwettqu l-attivitajiet permessi skont l-istrumenti ta’ Marrakexx.

Il-qafas ma jidħolx fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-finanzjament ta’ entitajiet awtorizzati. F’livelli differenti, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-baġits tal-entitajiet awtorizzati huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi. F’ċerti każijiet, il-benefiċjarji jaf jikkontribwixxu wkoll għall-fondi ta’ entitajiet awtorizzati permezz ta’ donazzjonijiet. L-awtoritajiet nazzjonali jġarrbu l-kostijiet marbuta b’mod ġenerali mal-infurzar tar-regoli, minkejja li fil-qafas ma huwa stabbilit l-ebda obbligu speċifiku ta’ monitoraġġ.

Filwaqt li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet sodi bbażati fuq id-data kwantitattiva, l-evalwazzjoni ma żvelat l-ebda piż mhux neċessarju introdott mill-qafas u ma jidhirx li hemm bżonn ta’ simplifikazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni. Id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx ma jimponux proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika fuq l-entitajiet awtorizzati, ma jipprevjenux il-kontrolli minn qabel tad-disponibbiltà kummerċjali, u ma jinkludux obbligi ta’ rapportar mandatorji għall-entitajiet awtorizzati lill-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri jeħtieġ biss li jirrapportaw lill-Kummissjoni informazzjoni trażmessa b’mod volontarju lilhom dwar id-dettalji ta’ kuntatt tal-entitajiet awtorizzati involuti fl-iskambju transfruntier. Ir-rekwiżiti amministrattivi huma limitati għal dak li huwa neċessarju biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli, jiġu evitati l-użi mhux awtorizzati u tiġi ffaċilitata t-trasparenza. L-intervent, li jtejjeb id-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli għall-benefiċjarji filwaqt li jwassal għall-iffrankar permezz ta’ ċertezza legali akbar, jilħaq l-għanijiet tiegħu b’mod effiċjenti.

Impatt fuq l-effiċjenza tal-iskemi ta’ kumpens

Fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet, ir-regoli kienu mistennija li jkollhom impatt limitat fuq id-drittijiet tal-awtur tagħhom bħala dritt ta’ proprjetà (rikonoxxut mill-Artikolu 17 tal-Karta), peress li d-Direttiva ta’ Marrakexx hija limitata għall-armonizzazzjoni bis-sħiħ tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet diverġenti għad-dritt tal-awtur li diġà jeżistu fil-livell nazzjonali qabel l-adozzjoni tad-Direttiva ta’ Marrakexx, u għall-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ formati aċċessibbli ( 49 ). Xi varjazzjonijiet fl-impatti meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel id-Direttiva ta’ Marrakexx jaf irriżultaw mit-titjib tad-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli, inkluża ż-żieda fin-numru ta’ benefiċjarji (kif spjegat fid-dettall fit-taqsima dwar l-effettività). Id-Direttiva ta’ Marrakexx tirrikonoxxi l-possibbiltà li jinżammu jew jiġu introdotti skemi ta’ kumpens filwaqt li tiċċara wkoll li meta jiġi ddeterminat il-livell ta’ kumpens, għandha titqies kif xieraq in-natura mingħajr skop ta’ qligħ tal-attivitajiet tal-entitajiet awtorizzati, tal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti minn din id-Direttiva, tal-interessi tal-benefiċjarji tal-eċċezzjoni, tal-ħsara possibbli lid-detenturi tad-drittijiet u tal-ħtieġa li jiġi żgurat it-tixrid transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli. Iridu jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ kopja b’format aċċessibbli partikolari. Meta l-ħsara lid-detentur tad-dritt tkun minima, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu għal pagament ta’ kumpens. Fl-Istati Membri li għandhom fis-seħħ skemi ta’ kumpens, il-kostijiet jiġġarrbu mill-entitajiet awtorizzati marbuta mal-pagament tal-kumpens, inklużi l-kalkolu u d-distribuzzjoni tat-tariffi mill-entitajiet awtorizzati. Peress li xi wħud mill-iskemi nazzjonali ta’ kumpens kienu wkoll fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-qafas ta’ Marrakexx, jew issostitwew obbligi oħra, il-kostijiet relatati ġeneralment ma humiex ġodda.

Skont l-informazzjoni miġbura mill-istudju, il-kumpens kumplessiv imħallas jista’ jvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri, billi l-kost ivarja minn EUR 27 000 fil-Ġermanja, EUR 159 000 fil-Finlandja u EUR 1 miljun fl-Iżvezja sa EUR 1,7 miljun fid-Danimarka. L-impatt assoċjat mill-partijiet ikkonċernati ma’ skemi ta’ kumpens jidher li jvarja skont il-mudell ta’ tfassil u ta’ finanzjament tal-iskemi ta’ kumpens nazzjonali. Kif spjegat fit-taqsima dwar l-effettività, anke jekk il-kumpens kumplessiv imħallas kull sena jista’ jkun baxx, l-impatt jista’ jiġi perċepit bħala importanti mill-partijiet ikkonċernati jekk il-baġit tal-entitajiet awtorizzati ma jitqiesx għoli biżżejjed (speċjalment jekk l-entitajiet awtorizzati jiddependu fuq donazzjonijiet għall-finanzjament tagħhom).

Minbarra l-finanzjament disponibbli għall-entitajiet awtorizzati, il-kostijiet amministrattivi marbuta pereżempju mal-kalkolu u mal-pagament ta’ skemi ta’ kumpens jidhru li jvarjaw skont id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data, iżda ma hemm l-ebda data preċiża disponibbli biex jiġu ddeterminati dawn il-kostijiet.

Fatturi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effiċjenti tad-Direttiva ta’ Marrakexx

Skont il-kuntest partikolari istituzzjonali u tas-suq fl-Istati Membri, ċerti fatturi jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effiċjenti tad-Direttiva ta’ Marrakexx.

B’mod partikolari, iċ-ċentralizzazzjoni jew iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-entitajiet awtorizzati jistgħu jiffaċilitaw kemm l-ekonomiji ta’ skala kif ukoll l-aċċess għall-benefiċjarji. Minbarra l-inizjattiva ABC tad-WIPO, ġew żviluppati aktar inizjattivi ta’ kooperazzjoni fil-livell nazzjonali li jgħaqqdu lill-entitajiet awtorizzati li jaħdmu f’dak it-territorju, jew entitajiet awtorizzati preżenti fiż-żona bl-istess lingwa (eż. bejn l-entitajiet awtorizzati fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fl-Iżvizzera) jew li jgħaqqdu lill-entitajiet awtorizzati għal proġetti speċifiċi (eż. kooperazzjoni bejn entitajiet awtorizzati fil-pajjiżi Nordiċi biex jikkoordinaw il-produzzjoni u jaqsmu l-kostijiet biex jipprovdu kopji fil-lingwa ta’ minoranza etnika).

Barra minn hekk, il-forom ta’ kooperazzjoni bejn l-entitajiet awtorizzati u l-pubblikaturi bħal fil-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli jew il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u ta’ titli jistgħu jkunu kosteffiċjenti u jipprevjenu d-duplikazzjoni.

L-aċċess tal-benefiċjarji għat-titli disponibbli qed jiġi ffaċilitat minn ċerti entitajiet awtorizzati permezz ta’ katalgi online. Fl-istess ħin, mhux il-benefiċjarji kollha għandhom l-għarfien prattiku jew l-aċċess għat-teknoloġija biex ikunu jistgħu jaċċessawha permezz ta’ katalgu online. Diversi prattiki li jaqdu l-ħtiġijiet diversi tal-benefiċjarji u joffrulhom l-appoġġ neċessarju (eż. kollaborazzjoni ma’ networks ta’ libreriji, il-provvista ta’ mezzi alternattivi ta’ kuntatt, taħriġ) jidhru rilevanti wkoll biex jitjieb l-aċċess.

Il-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-entitajiet awtorizzati u l-interoperabbiltà tal-formati li jużaw jistgħu jgħinu biex jiġu mminimizzati l-kostijiet amministrattivi u operazzjonali u biex jiġu ffaċilitati aktar l-iskambji transfruntiera u jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi marbuta max-xogħol ta’ konverżjoni (speċjalment bi skambju ma’ pajjiżi terzi).

Għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ l-obbligu impost fuq l-entitajiet awtorizzati fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva biex jieħdu passi xierqa ħalli jiskoraġġixxu r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma joħloqx ostakli għall-aċċess għall-benefiċjarji. Filwaqt li ma hemm l-ebda informazzjoni preċiża disponibbli biex jiġi vvalutat l-impatt tal-metodi użati mill-entitajiet awtorizzati biex jipprevjenu t-tixrid mhux awtorizzat ta’ kopji b’format aċċessibbli, l-intervisti mal-partijiet ikkonċernati jissuġġerixxu li l-protezzjoni b’password u l-awtentikazzjoni b’żewġ fatturi jnaqqsu l-aċċessibbiltà għall-benefiċjarji u jiġu evitati mill-entitajiet awtorizzati. Min-naħa l-oħra, jidher li l-marka tal-ilma tipprovdi proporzjon kostijiet-benefiċċji tajjeb biex tipprevjeni t-tixrid mhux awtorizzat ta’ kopji li jistgħu jitniżżlu b’formati mhux speċjalizzati. B’mod aktar ġenerali, il-miżuri stabbiliti għall-prevenzjoni ta’ użi mhux awtorizzati jġorru saħansitra aktar piż meta l-kopji pprovduti mill-entitajiet awtorizzati jkunu ta’ kwalità għolja u b’formati (kotba elettroniċi, kotba awdjo) li fit-teorija jistgħu jitgawdew mill-pubbliku ġenerali.

V.KOERENZA

Id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx jikkontribwixxu biex jittejjeb l-aċċess għal xogħlijiet kulturali, għal materjal edukattiv u għal informazzjoni għal persuni b’diżabbiltà, f’konformità mal-objettiv tal-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (Convention on the Rights of Persons with Disabilities, CRPD). L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx fid-dritt tal-UE ġiet irrakkomandata fl-osservazzjonijiet tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ( 50 ).

Id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx huma wkoll koerenti mal-objettivi u mal-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tat-Trattat ta’ Marrakexx.

Fil-livell tal-UE, id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx huma koerenti mal-istrumenti l-oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari mad-Direttiva 2001/29 li tippermetti lill-Istati Membri jkollhom eċċezzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għal diżabbiltajiet jew għal tipi ta’ xogħlijiet oħra minbarra dawk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ Marrakexx ( 51 ).

L-istrumenti ta’ Marrakexx huma koerenti wkoll mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tipprojbixxi l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluż għal raġunijiet ta’ diżabbiltà, u tipprevedi li d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità jiġi rrikonoxxut u rrispettat mill-UE.

L-istrumenti ta’ Marrakexx huma koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE li tindirizza d-diżabbiltà fl-ambjent diġitali, bħad-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web ( 52 ), id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva ( 53 ) u l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà ( 54 ) (EAA). L-ewwel tnejn jikkonċernaw setturi differenti mix-xogħlijiet bil-miktub koperti mill-qafas ta’ Marrakexx (jiġifieri siti web tas-settur pubbliku u tas-servizzi tal-media awdjoviżiva rispettivament) u jindirizzaw l-aċċessibbiltà ta’ dawn is-servizzi b’għodod legali oħra għajr il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur.

L-EAA għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u għal servizzi aċċessibbli, billi jintroduċi regoli komuni dwar l-aċċessibbiltà u b’hekk ineħħi l-ostakli maħluqa minn regoli diverġenti fl-Istati Membri. L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jintroduċu fis-suq biss prodotti, u jipprovdu biss servizzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti minn dan l-att. Dan ikopri, fost l-oħrajn, kotba elettroniċi u software apposta kif ukoll qarrejja elettroniċi. Il-miżuri, li japplikaw mit-28 ta’ Ġunju 2025, ma jbiddlux ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur tad-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx. Iż-żewġ miżuri japplikaw b’mod parallel, u l-EAA jiżgura d-disponibbiltà akbar ta’ kotba elettroniċi aċċessibbli, filwaqt li l-istrumenti ta’ Marrakexx ikomplu jippermettu lill-benefiċjarji u lill-entitajiet awtorizzati jadattaw xogħlijiet bil-miktub ippubblikati f’kopji aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà fil-vista u fil-qari jew b’diffikultà relatata mal-qari ta’ materjal stampat. Kemm ir-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-entitajiet awtorizzati enfasizzaw l-importanza ta’ sinerġiji u ta’ kooperazzjoni fl-implimentazzjoni bla xkiel tal-EAA u fl-iżgurar tal-komplementarjetà bejn dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni.

Skont ir-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet, l-implimentazzjoni tal-EAA tagħmel aktar rilevanti l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli ta’ Marrakexx ma jfixklux l-isfruttament normali tax-xogħol.

Madankollu, kif spjegat fil-premessa 14, obbligu espliċitu biex tiġi vverifikata d-disponibbiltà kummerċjali jista’ jkollu impatt fuq iċ-ċertezza legali għall-entitajiet awtorizzati. Barra minn hekk, kotba elettroniċi aċċessibbli prodotti mis-suq skont l-EAA mhux neċessarjament jirrispondu għal diversi ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarji koperti mid-Direttiva ta’ Marrakexx. Huwa probabbli ( 55 ) li l-entitajiet awtorizzati se jadattaw għall-prattikalitajiet tal-kuntest il-ġdid u jmexxu r-riżorsi tagħhom biex jaqdu l-ħtiġijiet mhux issodisfati mis-suq ( 56 ).

L-istrumenti ta’ Marrakexx wkoll jidhru koerenti internament, b’dispożizzjonijiet allinjati mal-għan ewlieni tagħha li tiżdied id-disponibbiltà ta’ xogħlijiet f’kopji b’formati aċċessibbli, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat ukoll il-bilanċ tad-drittijiet u tal-interessi bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti.

Sabiex jiġu protetti l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet, kif diskuss ukoll fit-taqsimiet preċedenti, huma stabbiliti ċerti obbligi fuq l-entitajiet awtorizzati biex jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat. Id-detenturi tad-drittijiet jiffavorixxu skrutinju aktar mill-qrib mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kif l-obbligi jitwettqu minn entitajiet awtorizzati, b’mod partikolari biex jiġi evitat tixrid mhux awtorizzat. Ċerti detenturi tad-drittijiet jargumentaw ukoll li informazzjoni komprensiva dwar l-entitajiet awtorizzati li jiffunzjonaw fi Stat Membru tista’ tiffaċilita aktar il-kooperazzjoni (pereżempju l-kondiviżjoni ta’ fajls mid-detenturi tad-drittijiet). Fl-istess ħin, il-benefiċjarji wissew li r-rekwiżiti f’ċerti Stati Membri biex entitajiet awtorizzati jiġu inklużi f’lista approvata jmorru kontra t-Trattat ta’ Marrakexx ( 57 ).

Kif spjegat fid-dettall fit-taqsima introduttorja, id-Direttiva tipprevjeni l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet għall-bidu ta’ attivitajiet skont il-qafas, filwaqt li tipprevedi madankollu li dawn l-attivitajiet jistgħu jitwettqu mhux biss mill-benefiċjarji, iżda wkoll minn entitajiet awtorizzati li huma ristretti għal kategoriji speċifiċi (kif definiti fl-Artikolu 2(4)). Id-Direttiva tiċċara l-fatt li l-proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ rikonoxximent applikabbli, pereżempju, għall-forniment ta’ servizzi ta’ natura ġenerali lil persuni benefiċjarji ma għandhomx jipprevjenu lill-entitajiet awtorizzati milli jwettqu attivitajiet skont il-qafas. L-evalwazzjoni sabet li s-sistemi fis-seħħ fil-livell nazzjonali jvarjaw, billi ċerti Stati Membri jirrikjedu xi forma ta’ notifika, li normalment tinnotifika lill-awtorità kompetenti bl-isem, bl-istatus legali, bid-dettalji ta’ kuntatt, u bl-informazzjoni tal-attivitajiet rilevanti tal-entità awtorizzata. Madankollu, ma kienx hemm data disponibbli għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-qafas iħeġġeġ in-notifika volontarja lill-awtoritajiet nazzjonali tad-dettalji ta’ kuntatt tal-entitajiet awtorizzati involuti fi skambju transfruntier, li tista’ tgħin biex tittejjeb it-trasparenza.

B’mod kumplessiv, l-istrumenti ta’ Marrakexx jagħtu effett lill-obbligi internazzjonali tal-UE skont it-Trattat ta’ Marrakexx u huma koerenti mal-acquis tal-UE (b’mod partikolari mal-qafas tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u l-politiki tal-UE dwar id-diżabbiltà ) — u internament, f’termini tal-għanijiet u tad-dispożizzjonijiet ewlenin tiegħu. Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE spjegata f’dettall hawn fuq, l-istrumenti ta’ Marrakexx jikkostitwixxu waħda mill-għodod biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-materjal stampat. Fl-aħħar mill-aħħar, l-aċċess għall-informazzjoni, għall-edukazzjoni u għall-kultura għall-persuni b’diżabbiltà huwa influwenzat mill-effett kombinat tal-istrumenti leġiżlattivi kollha tal-UE fuq l-aċċessibbiltà.

VI.VALUR MIŻJUD TAL-UE

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) ikkonkludiet li l-UE kellha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx, u għalhekk l-introduzzjoni ta’ regoli fil-livell tal-UE kienet meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi internazzjonali tal-UE li jirriżultaw mill-adozzjoni tat-Trattat.

Qabel il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx, għalkemm l-Istati Membri kollha kienu implimentaw eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista, kien hemm differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ( 58 ), li min-naħa tagħhom affettwaw l-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli ( 59 ). In-nuqqas ta’ intervent tal-UE biex jiġu adottati d-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx kien ifisser li jinżamm dak l-istatus quo.

L-adozzjoni tad-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx, minbarra li hija meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi internazzjonali tal-UE, armonizzat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt tal-awtur u ffaċilitat l-iskambji transfruntiera kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi li huma parti għat-Trattat ta’ Marrakexx. Min-naħa l-oħra, il-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier wasslet għal ekonomiji ta’ skala ( 60 ).

L-effett transfruntier ma setax jinkiseb b’mod daqstant effiċjenti permezz ta’ miżuri fil-livell nazzjonali. L-intervent tal-UE għen b’mod speċjali lill-benefiċjarji u lill-entitajiet awtorizzati billi żgura ċertezza legali akbar, li wasslet biex tiġi limitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, tiżdied l-effiċjenza kumplessiva u titjieb id-disponibbiltà ta’ kopji b’formati aċċessibbli.

VII.RILEVANZA

Ir-rilevanza tal-istrumenti ta’ Marrakexx ġiet ivvalutata billi tqiesu l-iżviluppi tas-suq, tal-politika u tat-teknoloġija.

Fil-perjodu ta’ referenza, l-offerta kummerċjali ta’ xogħlijiet aċċessibbli mill-bidu baqgħet mhux żviluppata biżżejjed. Fl-istess ħin, kien hemm żieda fil-formati diġitali bħal kotba elettroniċi u kotba awdjo indirizzati lill-pubbliku ġenerali, li indirettament jistgħu jaqdu wkoll ċerti ħtiġijiet tal-benefiċjarji. Madankollu, il-benefiċjarji jindikaw li formati bħal dawn mhux dejjem ikunu aċċessibbli biżżejjed, pereżempju minħabba nuqqas ta’ navigazzjoni aċċessibbli permezz tal-kontenut tagħhom, jew nuqqas ta’ aċċessibbiltà minn pjattaformi kummerċjali għax-xogħol innifsu, jew huma aktar probabbli li jkunu aċċessibbli għal xi kategoriji ta’ benefiċjarji (eż. persuni b’vista parzjali) aktar milli għal oħrajn (eż. utenti għomja).

L-EAA huwa mistenni li jkollu impatt importanti biex jagħmel il-kotba elettroniċi b’format aċċessibbli disponibbli. Il-kotba elettroniċi pprovduti fis-suq minn Ġunju 2025 se jkunu aċċessibbli f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-EAA biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal persuni b’diżabbiltà. Huwa importanti li jiġi nnotat li l-mikrointrapriżi li jipprovdu servizzi huma eżentati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu linji gwida u għodod lill-mikrointrapriżi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-EAA. Barra minn hekk, l-EAA fih xi salvagwardji, li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi japplikaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà sal-punt li ma jimponux piż sproporzjonat jew jirrikjedu bidla sinifikanti fi prodott jew f’servizz li tirriżulta fit-tibdil fundamentali tan-natura bażika tagħha.

Kif indikat ukoll fl-istudju ( 61 ), l-EAA ma jiddubitax mir-rilevanza tal-eċċezzjoni għad-dritt tal-awtur prevista fid-Direttiva ta’ Marrakexx. Il-formati, għajr il-kotba elettroniċi — li huma koperti mill-EAA — jaf ikunu aktar adattati għal diżabbiltajiet differenti (pereżempju, ċerti persuni jaf ma jkollhomx il-ħiliet jew il-hardware biex jużaw kotba elettroniċi u jistgħu jkunu aktar komdi jużaw il-braille jew formati b’tipa kbira). Anke għal persuni li jużaw kotba elettroniċi, il-format partikolari ta’ kotba elettroniċi aċċessibbli disponibbli fis-suq jaf ma jkunx adattat għad-diffikultajiet kollha relatati mal-qari ta’ materjal stampat. Barra minn hekk, l-obbligi fl-EAA jistgħu ma jwasslux għal disponibbiltà sħiħa tat-titli kollha b’format aċċessibbli mill-bidu, u b’mod partikolari meta l-pubblikaturi jikkwalifikaw bħala mikrointrapriżi, u b’hekk l-offerta ta’ kotba aċċessibbli mill-bidu ma tkunx kompletament komprensiva. Id-detenturi tad-drittijiet intervistati għall-istudju argumentaw li l-komiks jaf jirrikjedu bidla fundamentali biex ikunu aċċessibbli. B’mod aktar ġenerali, huma argumentaw li l-kostijiet għoljin biex ix-xogħol isir aċċessibbli (jekk ikun fih numru kbir ta’ grafika jew ta’ ċarts, pereżempju), flimkien ma’ livelli ta’ bejgħ li mistenni jkunu baxxi, jistgħu jkunu ġustifikazzjoni biex jiġi ddikjarat li dan iwassal għal piżijiet sproporzjonati ( 62 ).

Huwa żvilupp pożittiv ħafna l-fatt li bħala riżultat tal-EAA aktar kotba elettroniċi aċċessibbli se jiġu pprovduti direttament mis-suq. Madankollu, dan mhux se jeżawrixxi l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà għal xogħlijiet koperti mill-istrumenti ta’ Marrakexx b’formati aċċessibbli. Min-naħa l-oħra, dan jaf jgħin biex jiġu lliberati r-riżorsi għall-entitajiet awtorizzati biex jiffokaw fuq produzzjoni aktar speċjalizzata ta’ kopji b’format aċċessibbli ( 63 ).

Fl-aħħar nett, wara l-adozzjoni tal-istrumenti ta’ Marrakexx, it-teknoloġiji u s-software saru disponibbli b’mod aktar wiesa’ biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà għal xogħlijiet stampati u disponibbiltà usa’ ta’ formati aċċessibbli, u dan jimmarka bidla minn formati analogi għal dawk diġitali u minn distribuzzjoni fiżika għal aċċess online ( 64 ). It-teknoloġija tista’ tiffaċilita u tagħmel aktar effiċjenti l-produzzjoni ta’ xogħlijiet aċċessibbli mill-bidu, inklużi kotba elettroniċi u kopji b’format aċċessibbli u tipprovdi għodod aħjar għall-benefiċjarji biex jaċċessaw xogħlijiet relatati ma’ materjal stampat.

Għad hemm xi sfidi fir-rigward tal-użu ta’ dawn it-teknoloġiji, minn ostakli li jikkonċernaw l-aċċess għat-teknoloġija (eż. il-kost, l-interoperabbiltà, l-għarfien prattiku) sal-limiti tat-teknoloġija nnifisha (kumplessità biex jiġu adattati xogħlijiet li fihom stampi jew formuli matematiċi jew grafiki, kwalità insuffiċjenti ta’ adattament tat-test għat-taħdit) ( 65 ).

B’mod kumplessiv, minkejja l-limitazzjonijiet, l-iżvilupp teknoloġiku jiffaċilita u jagħmel aktar effiċjenti l-produzzjoni ta’ xogħlijiet aċċessibbli mill-pubblikaturi u mill-entitajiet awtorizzati. Jipprovdi wkoll għodod addizzjonali lill-benefiċjarji biex jaċċessaw xogħlijiet stampati. Madankollu, it-teknoloġiji l-ġodda ma jagħmlux l-istrumenti ta’ Marrakexx obsoleti: kif indikat mill-istudju, dawn għadhom prerekwiżit biex jittieħed vantaġġ mill-iżvilupp teknoloġiku ( 66 ).

VIII.KONKLUŻJONIJIET U TAGĦLIMIET MEĦUDA

L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx għandhom valur miżjud tal-UE. L-adozzjoni tagħhom kienet essenzjali biex jiġu ssodisfati l-obbligi internazzjonali tal-UE bħala firmatarja tat-Trattat ta’ Marrakexx u biex tiġi armonizzata l-eċċezzjoni għad-dritt tal-awtur għal persuni b’diffikultà relatata mal-qari ta’ materjal stampat sabiex jiġu indirizzati d-differenzi eżistenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet nazzjonali u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli. Ma setax jinkiseb l-istess effett mill-Istati Membri fin-nuqqas ta’ intervent tal-UE. Il-qafas żied il-valur speċjalment għall-benefiċjarji u għall-entitajiet awtorizzati, billi żgura ċertezza legali akbar, b’mod partikolari għall-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format aċċessibbli.

B’mod kumplessiv, id-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx kienu effettivi biex itejbu d-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli, kif indikat mid-data kwalitattiva miġbura għall-evalwazzjoni, kif ukoll mid-data tal-kampjun li turi li n-numru ta’ kopji bħal dawn żdied u li aktar benefiċjarji kienu saru utenti tas-servizzi tal-entitajiet awtorizzati fil-perjodu ta’ referenza. L-introduzzjoni tar-regoli ta’ Marrakexx kellha rwol pożittiv fil-ftuħ tal-possibbiltà ta’ skambju fl-UE u ma’ pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta’ Marrakexx.

Minħabba l-limitazzjonijiet fid-data, ma kienx possibbli li jinħarġu konklużjonijiet dwar l-impatti kwantitattivi possibbli tal-iskemi ta’ kumpens permessi skont id-Direttiva u stabbiliti f’ċerti Stati Membri dwar il-produzzjoni jew l-iskambju ta’ kopji b’format aċċessibbli. Abbażi tad-data kwalitattiva, jidher li l-impatt perċepit tal-iskemi ta’ kumpens fuq id-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli jvarja fost l-Istati Membri fejn huma fis-seħħ skemi bħal dawn, skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema u s-sorsi ta’ finanzjament (eż. sa liema punt id-donazzjonijiet jikkontribwixxu għall-baġit tal-entità awtorizzata).

L-evalwazzjoni ma kixfitx effetti mhux intenzjonati possibbli tal-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ Marrakexx, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt fuq id-disponibbiltà kummerċjali ta’ xogħlijiet b’format aċċessibbli.

Filwaqt li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet sodi bbażati fuq id-data kwantitattiva, l-evalwazzjoni ma żvelat l-ebda piż mhux neċessarju introdott mill-qafas u ma jidhirx li hemm bżonn ta’ simplifikazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni. Fl-isfond tal-eċċezzjonijiet eżistenti għad-dritt tal-awtur, iż-żieda fiċ-ċertezza legali miksuba permezz tal-armonizzazzjoni tal-UE ffaċilitat l-iskambju transfruntier, u għenet biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attività fil-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli, u dan wassal għall-iffrankar għall-entitajiet awtorizzati. Il-qafas ma jimponix obbligi fuq l-entitajiet awtorizzati li jistgħu jxekklu l-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli u li jistgħu jitqiesu bħala piż. B’mod kumplessiv, ir-regoli jidhru li tejbu b’mod effiċjenti l-aċċess tal-benefiċjarji għal kopji b’format aċċessibbli.

Fl-Istati Membri fejn hemm fis-seħħ skemi ta’ kumpens, l-impatt tagħhom fuq l-effiċjenza jidher li jiddependi fuq il-finanzjament disponibbli għall-entitajiet awtorizzati (u b’mod partikolari jekk il-benefiċjarji jikkontribwux permezz ta’ donazzjonijiet għall-fondi kumplessivi tal-entitajiet awtorizzati), kif ukoll fuq il-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-entitajiet awtorizzati.

Ċerti fatturi li jmorru lil hinn mill-qafas ta’ Marrakexx jistgħu jikkontribwixxu għall-effiċjenza tiegħu. Dawn jistgħu jinkludu inizjattivi differenti li jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-entitajiet awtorizzati, kif ukoll bejn l-entitajiet awtorizzati u l-pubblikaturi, il-livell ta’ diġitalizzazzjoni fost l-entitajiet awtorizzati, u l-għoti ta’ appoġġ imfassal apposta lill-benefiċjarji fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet disponibbli.

L-evalwazzjoni sabet li d-dispożizzjonijiet ta’ Marrakexx huma koerenti internament, peress li huma adattati biex jindirizzaw l-għan ewlieni li tiżdied id-disponibbiltà tax-xogħlijiet f’kopji b’formati aċċessibbli filwaqt li jissalvagwardjaw ukoll bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u tal-utenti. L-istrumenti ta’ Marrakexx huma wkoll koerenti mal-acquis internazzjonali u tal-UE. B’mod partikolari, huma komplementari għall-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li jirrikjedi li firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi li jintużaw ta’ kuljum, inklużi kotba elettroniċi, ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

L-approċċ meħud mir-regoli ta’ Marrakexx biex jiġu evitati obbligi eċċessivi fuq l-entitajiet awtorizzati (bħall-verifika tad-disponibbiltà kummerċjali ta’ formati aċċessibbli ta’ xogħlijiet li beħsiebhom jadattaw) għadu objettiv validu wkoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-EAA, sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq id-disponibbiltà ta’ kopji b’format aċċessibbli għall-benefiċjarji. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-kooperazzjoni volontarja bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-entitajiet awtorizzati għandha tiffaċilita l-interazzjoni mal-EAA, biex jiġi żgurat li l-entitajiet awtorizzati jallokaw ir-riżorsi tagħhom biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet mhux issodisfati.

L-evalwazzjoni sabet li l-istrumenti ta’ Marrakexx għadhom rilevanti fid-dawl tal-iżviluppi tal-politika, tas-suq u dawk teknoloġiċi. B’mod partikolari, l-EAA huwa mistenni jżid is-suq kummerċjali għall-kotba elettroniċi aċċessibbli, madankollu, ma jeżawrix il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà koperti mid-Direttiva ta’ Marrakexx għal kotba u materjal stampati aċċessibbli. Hemm tama li l-EAA jwassal biex jiġu lliberati r-riżorsi tal-entitajiet awtorizzati għall-produzzjoni aktar speċjalizzata ta’ kopji b’format aċċessibbli.

Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjoni, l-ebda emenda ma titqies ġustifikata f’dan l-istadju.

Tagħlimiet meħuda

B’mod kumplessiv, id-Direttiva u tar-Regolament ta’ Marrakexx marret kif kien mistenni: fl-isfond ta’ eċċezzjonijiet nazzjonali eżistenti iżda varjati għad-dritt tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà, l-istrumenti tal-UE tejbu ċ-ċertezza legali billi ċċaraw l-użi u l-benefiċjarji koperti mir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan għen biex jittejjeb l-aċċess għal kopji b’format aċċessibbli, filwaqt li ġie ssalvagwardjat il-bilanċ tad-drittijiet u tal-interessi. Fl-istess ħin, l-impatt tal-miżuri implimentati fl-Istati Membri jista’ jvarja minħabba fatturi differenti, b’mod partikolari l-finanzjament jew ir-riżorsi, kif ukoll l-aċċess għat-teknoloġija, l-għarfien u l-livelli ta’ kooperazzjoni. Filwaqt li ma hemm l-ebda data komprensiva disponibbli biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ dawn il-fatturi, it-tagħlimiet ewlenin meħuda li jirriżultaw mill-evalwazzjoni huma dawn li ġejjin:

–Il-finanzjament insuffiċjenti jew riżorsi insuffiċjenti oħra (riżorsi umani, għarfien prattiku, teknoloġija) għall-entitajiet awtorizzati huma perċepiti bħala ostakli ewlenin biex jiġu pprovduti aktar kopji b’format aċċessibbli. L-iżgurar ta’ livell stabbli u suffiċjenti ta’ finanzjament għall-entitajiet awtorizzati fil-livell nazzjonali jidher rilevanti għall-effettività u għall-effiċjenza tal-miżuri, inkluż f’każijiet fejn hemm fis-seħħ skemi ta’ kumpens.

–Il-livell ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ tħejjija teknoloġika fost l-entitajiet awtorizzati jista’ jagħmel il-ħolqien, l-iskambju u l-aċċess għal kopji b’format aċċessibbli aktar effiċjenti.

–Il-prattiki biex jiġi żgurat għarfien akbar dwar is-servizzi offruti mill-entitajiet awtorizzati u l-appoġġ imfassal apposta għall-benefiċjarji biex isibu u jaċċessaw it-titli offruti aktarx ikunu ta’ benefiċċju ulterjuri għall-effettività tal-qafas.

–Il-miżuri stabbiliti mill-entitajiet awtorizzati biex jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat huma importanti biex tiġi evitata l-ħsara lid-detenturi tad-drittijiet, aktar u aktar meta l-kopji pprovduti mill-entitajiet awtorizzati jkunu b’formati (kotba elettroniċi, kotba awdjo) li jistgħu jitgawdew mill-pubbliku ġenerali. Jistgħu jiġu applikati diversi metodi biex jiġi evitat l-użu mhux awtorizzat, fosthom il-marka tal-ilma.

–Is-sistemi ta’ monitoraġġ ivarjaw fost l-Istati Membri, madankollu mhux l-awtoritajiet nazzjonali kollha jidhru li għandhom sistemi bħal dawn fis-seħħ jew (f’każ wieħed), li huma konxji tal-entitajiet awtorizzati f’dak il-pajjiż. L-entitajiet awtorizzati skont id-Direttiva huma ristretti għall-kategoriji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(4). Barra minn hekk, in-notifika volontarja mill-entitajiet awtorizzati lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, imħeġġa mid-Direttiva għal dawk l-entitajiet li jwettqu skambji transfruntiera, tista’ tikkontribwixxi għal trasparenza akbar għall-partijiet rilevanti kollha u għandha tiġi applikata b’mod aktar mifrux.

–Jidher li l-inizjattivi li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet awtorizzati huma importanti biex itaffu d-duplikazzjoni tal-isforzi bejn l-organizzazzjonijiet u biex itejbu t-trasparenza kif ukoll l-aċċess għall-benefiċjarji.

–Fl-aħħar nett, il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet awtorizzati u l-pubblikaturi tista’ tkun utli biex jiżdiedu s-sinerġiji. Forom ta’ kooperazzjoni bħal dawn, li diġà huma fis-seħħ, (eż. id-disponibbiltà ta’ pjattaformi jew ta’ inċentivi għall-pubblikaturi biex jipprovdu lill-entitajiet awtorizzati kopja b’format diġitali, ħalli jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ duplikazzjoni tax-xogħol, u l-kondiviżjoni tal-kostijiet tal-produzzjoni ta’ ċerti formati biex tittejjeb l-effiċjenza u jiġi pprovdut aċċess permezz ta’ diversi kanali), aktarx isiru saħansitra aktar rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-EAA u għandhom ikomplu jitħeġġu.

(1) ()    It-Trattat ta’ “Marrakexx” biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat, li daħal fis-seħħ f’Settembru 2016.
(2) ()     https://www.wipo.int/treaties/en/ip/marrakesh/summary_marrakesh.html .
(3) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat).
(4) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/254 tal-15 ta’ Frar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista, jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat). Ir-ratifika saret f’Ottubru 2018.
(5) ()    Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32017L1564 .
(6) ()    Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat – https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32017R1563 .
(7) ()    Kien hemm dewmien fil-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport minħabba ż-żmien meħtieġ għall-abbozzar tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal b’mod parallel ma’ attivitajiet oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur.
(8) ()    Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi – https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32019L0882 ; l-EAA, fost l-oħrajn, għandha l-għan li tarmonizza r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-kotba elettroniċi introdotti fis-suq tal-UE wara t-28 ta’ Ġunju 2025.
(9) ()    L-Artikolu 5(3)b tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoniĠU L 167, 22.6.2001, p. 10-19.
(10) ()    Il-Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, 2016/0278 (COD); COM(2016) 596 final, 14.9.2016, p. 6.
(11) ()    Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni – Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-Soċjetà tal-Informazzjoni Brussell, 97/0359 (COD), COM(97) 628 final, 10.12.1997, p. 32.
(12) ()    Study on the application of Directive 2001/29/EC on copyright and related rights in the information society (the “InfoSoc Directive”), 2013, p 428, disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/9ebb5084-ea89-4b3e-bda2-33816f11425b .
(13) ()    Idem, p. 437.
(14) ()    Ħarsa ġenerali lejn l-Istati Membri li għandhom skemi ta’ kumpens hija disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal u fl-istudju, p. 43.
(15) ()    L-istudju, p. 43.
(16) ()    Ara l-premessa 14, l-ewwel sentenza.
(17) ()    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, p. 14.
(18) ()    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, p. 15.
(19) ()    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, p. 15.
(20) ()    L-informazzjoni dwar dan l-aspett mill-attivitajiet ta’ konsultazzjoni ma kinitx disponibbli għall-Istati Membri kollha.
(21) ()    Il-lista hija disponibbli fuq https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/news/authorised-entities-context-directive-eu-2017156 .
(22) ()    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, p. 16.
(23) ()    Il-konsultazzjoni mmirata saret bejn it-22 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Awwissu 2023 https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/consultations/targeted-stakeholder-consultation-application-marrakesh-directive-and-regulation.
(24) ()     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13615-Il-ligi-tal-UE-dwar-id-drittijiet-tal-awtur-g%C4%A7all-persuni-g%C4%A7omja-u-bdizabbilta-fil-vista-evalwazzjoni-tad-Direttiva-u-r-Regolament-ta-Marrakexx_mt
(25) ()     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13615-Il-ligi-tal-UE-dwar-id-drittijiet-tal-awtur-g%C4%A7all-persuni-g%C4%A7omja-u-bdizabbilta-fil-vista-evalwazzjoni-tad-Direttiva-u-r-Regolament-ta-Marrakexx_mt .
(26) ()    Ferri, D. The Marrakesh Treaty to Facilitate Access to Published Works for Persons Who Are Blind, Visually Impaired or Otherwise Print Disabled in the European Union: Reflecting on Its Implementation and Gauging Its Impact from a Disability Perspective, IIC 55, 89-109 (2024), disponibbli fuq https://doi.org/10.1007/s40319-023-01410-y
(27) ()    Report on the responses to the Public Consultation on the review of the EU copyright rules, disponibbli fuq https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/modernisation-eu-copyright-rules-useful-documents .
(28) ()    Katalgu online li jippermetti lill-entitajiet awtorizzati mill-istati li jirratifikaw, jiskambjaw il-kotba b’formati aċċessibbli mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet; ara https://www.accessiblebooksconsortium.org/ .
(29) ()    L-istudju, p. 76.
(30) ()    L-istudju, p. 208.
(31) ()    Permezz tal-pjattaforma ABC, l-entità awtorizzata esportat 13 981 titlu mill-2014, bi 63 % minnhom lejn pajjiżi terzi (l-aktar il-Kanada).
(32) ()    ONCE fi Spanja esportat 421 kopja lejn l-Arġentina u l-Perù fl-2023, u 568 kopja lejn il-Gwatemala, il-Messiku u l-Arġentina (l-istudju, p. 212). Entità awtorizzata Franċiża semmiet li hija esportat kopji lejn pajjiżi Afrikani direttament lill-benefiċjarji fil-pajjiżi Afrikani, minħabba nuqqas ta’ infrastruttura diġitali u fiżika tal-entitajiet awtorizzati fil-pajjiżi importaturi — ara l-istudju, p. 67.
(33) ()    L-istudju, p. 31.
(34) ()    Ferri, Delia and Rossello, Giulia (2023) The Role of the Marrakesh Treaty in Supporting Access to Printed Material for People Who Are Blind or Visually Impaired: A Critical Discussion of the Results of an Empirical study Conducted in Six European Countries, Disabilities, 3 (2), p. 162.
(35) ()    Ferri, Delia and Rossello, Giulia (2023) The Role of the Marrakesh Treaty in Supporting Access to Printed Material for People Who Are Blind or Visually Impaired: A Critical Discussion of the Results of an Empirical study Conducted in Six European Countries, Disabilities, 3 (2), p. 162.
(36) ()    69 021titlu fil-Finlandja u 84 000 fid-Danimarka; 7 727 fil-Kroazja u 15 433 fil-Litwanja (ara l-istudju, p. 215).
(37) ()    Ara t-tweġibiet għas-sejħa għal evidenza eż. mill-Kunsill Ewropew tal-Kittieba, mill-FEP (Fédération des Editeurs européens), u mill-ALIS (Administration of Literary Rights in Sweden), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13615-Il-ligi-tal-UE-dwar-id-drittijiet-tal-awtur-g%C4%A7all-persuni-g%C4%A7omja-u-bdizabbilta-fil-vista-evalwazzjoni-tad-Direttiva-u-r-Regolament-ta-Marrakexx_mt .
(38) ()    Ara t-tweġibiet għas-sejħa għal evidenza, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13615-Il-ligi-tal-UE-dwar-id-drittijiet-tal-awtur-g%C4%A7all-persuni-g%C4%A7omja-u-bdizabbilta-fil-vista-evalwazzjoni-tad-Direttiva-u-r-Regolament-ta-Marrakexx_mt .
(39) ()    L-istudju, p. 76.
(40) ()    L-istudju, p. 67.
(41) ()    It-tweġiba għas-sejħa għal evidenza mill-Kunsill Ewropew tal-Kittieba, disponibbli fuq Il-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għall-persuni għomja u b’diżabbiltà fil-vista – evalwazzjoni tad-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx (europa.eu) .
(42) ()    It-tweġibiet għas-sejħa għal evidenza minn ċittadin tal-UE u Nota, 2023, disponibbli fuq: Il-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għall-persuni għomja u b’diżabbiltà fil-vista – evalwazzjoni tad-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx (europa.eu) .
(43) ()    It-tweġiba għas-sejħa għal evidenza minn Nota, 2023; disponibbli fuq Il-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għall-persuni għomja u b’diżabbiltà fil-vista – evalwazzjoni tad-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx (europa.eu) ; l-intervisti mit-tim ta’ studju mal-Unjoni Ewropea tal-Għomja (EBU, European Blind Union) u ma’ Eureka Leuven, 2023.
(44) ()    It-tweġiba għas-sejħa għal evidenza minn Nota, 2023, disponibbli fuq Il-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għall-persuni għomja u b’diżabbiltà fil-vista – evalwazzjoni tad-Direttiva u r-Regolament ta’ Marrakexx (europa.eu) .
(45) ()    L-intervista mit-tim ta’ studju mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà (EDF, European Disability Forum), mal-Kunsill Ewropew tal-Kittieba, mal-Federazzjoni Ġermaniża tal-Persuni Għomja u b’Vista Parzjali, mal-Librerija tal-Aċċessibbiltà Celia u ma’ Eureka Leuven.
(46) ()    L-intervisti mwettqa mit-tim ta’ studju maċ-Ċentru Ġermaniż għall-Qari Aċċessibbli, l-Unjoni Ewropea tal-Għomja, il-Kunsill Ewropew tal-Kittieba, u Luisterpuntbibliotheek, 2023.
(47) ()    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi, Francquen, A., Dusollier, S., Triaille, J. et al., Study on the application of Directive 2001/29/EC on copyright and related rights in the information society (the “Infosoc Directive”), il-Kummissjoni Ewropea, 2013, https://data.europa.eu/doi/10.2780/90141, p. 420-437.
(48) ()    L-Anness IV tal-istudju.
(49) ()    Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, COM(2016) 596 final, 2016/0278 (COD), p. 6;Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, COM(2016) 595 final, 2016/0279 (COD), p. 5.
(50) ()     https://digitallibrary.un.org/record/812354?ln=en&v=pdf .
(51) ()    L-Artikolu 8 tad-Direttiva ta’ Marrakexx jemenda l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva InfoSoc biex jipprovdi li din tal-aħħar hija “mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.
(52) ()    Id-Direttiva (UE) 2016/2102 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.
(53) ()    Id-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (Verżjoni kodifikata) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(54) ()    Id-Direttiva (UE) 2019/882 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.
(55) ()    Pereżempju, entità awtorizzata waħda rrapportat li l-enfasi tagħha aktarx jimxi għal fuq persuni b’diffikultà biex jaqraw materjal stampat li għandhom problemi konjittivi (ara l-istudju, p. 96).
(56) ()    Għal aktar diskussjoni dwar l-impatt tal-EAA, ara wkoll it-Taqsima VII (rilevanza).
(57) ()    Ara l-kontribut għas-sejħa għal evidenza mill-EDF u mill-EBU, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13615-Il-ligi-tal-UE-dwar-id-drittijiet-tal-awtur-g%C4%A7all-persuni-g%C4%A7omja-u-bdizabbilta-fil-vista-evalwazzjoni-tad-Direttiva-u-r-Regolament-ta-Marrakexx/F3414879_mt .
(58) ()    Study on the application of Directive 2001/29/EC on copyright and related rights in the information society (the “InfoSoc Directive”), 2013, p 428, disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/9ebb5084-ea89-4b3e-bda2-33816f11425b .
(59) ()    Idem, p. 437.
(60) ()    Ara l-analiżi fit-Taqsima IV dwar l-Effiċjenza.
(61) ()    L-istudju, p. 56.
(62) ()    Jekk dan ikun il-każ, dawn ikollhom japplikaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà sal-punt li ma jipprovdux piż sproporzjonat jew bidla fundamentali.
(63) ()    Ara t-tweġiba għas-sejħa għal evidenza mill-Konsorzju Daisy disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13615-Il-ligi-tal-UE-dwar-id-drittijiet-tal-awtur-g%C4%A7all-persuni-g%C4%A7omja-u-bdizabbilta-fil-vista-evalwazzjoni-tad-Direttiva-u-r-Regolament-ta-Marrakexx/feedback_mt?p_id=16887 .
(64) ()    L-istudju, p. 57 u 59.
(65) ()    L-istudju, p. 59.
(66) ()    L-istudju, p. 60.