European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2329

23.10.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2329

tal-21 ta’ Ottubru 2026

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-N-nitrożoammini fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem relatati mal-preżenza tal-N-nitrożoammini (N-NAs) fl-ikel (1). F’din l-opinjoni, l-Awtorità vvalutat l-għaxar N-nitrożammini karċinoġeniċi (TCNAs) magħrufa li jokkorru fl-ikel, jiġifieri N-nitrożodimetilammina (NDMA), N-nitrożometiletilammina (NMEA), N-nitrożodietilammina (NDEA), N-nitrożodipropilammina (NDPA), N-nitrożodibutilammina (NDBA), N-nitrożometilanilina (NMA), N-nitrożosarkożina (NSAR), N-nitrożomorfolina (NMOR), N-nitrożopiperidina (NPIP) u N-nitrożopirrolidina (NPYR). Ikkonkludiet li l-marġni ta’ esponiment (MOE) għat-TCNAs f’livelli ta’ esponiment ogħla jqajjem tħassib għas-saħħa.

(2)

L-Awtorità rrakkomandat li tinġabar aktar data dwar l-okkorrenza tal-preżenza tat-TCNAs fil-laħam ipproċessat u f’ikel ipproċessat ieħor u dwar il-prodotti msajra b’modi differenti, biż-żieda tal-addittivi tal-ikel, in-nitrati (E 251-252) u n-nitriti (E249-250), u mingħajrhom. Hija rrakkomandat ukoll li tinkiseb data dwar l-okkorrenza possibbli fl-ikel tal-N-NAs karċinoġeniċi għajr it-TCNAs. Barra minn hekk, hija rrakkomandat li ssir aktar ħidma biex jiġi standardizzat metodu analitiku sensittiv ħalli jiġu kkwantifikati l-N-NAs karċinoġeniċi, kemm volatili kif ukoll mhux volatili, fi prodotti tal-ikel differenti. Fl-aħħar nett, l-Awtorità rrakkomandat li tinġabar aktar informazzjoni dwar il-fatturi li jwasslu għal livelli relattivament għoljin tal-N-NAs f’ċertu ikel biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-miżuri li jevitaw jew inaqqsu l-preżenza tal-N-NAs f’dak l-ikel.

(3)

Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-N-nitrożammini għandhom ikunu affidabbli u komparabbli, u huwa ta’ importanza partikolari li l-metodu ta’ analiżi jkollu limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ) baxx. Għalhekk, jixraq li jsiru rakkomandazzjonijiet dwar il-kampjunar u l-metodi ta’ analiżi.

(4)

Għalhekk, jixraq li jiġi rrakkomandat il-monitoraġġ tal-N-NAs fl-ikel, l-identifikazzjoni tal-fatturi li jirriżultaw fil-livelli għoljin tagħhom, u li tinġabar aktar informazzjoni dwar il-miżuri rrakkomandati li għandhom jittieħdu biex tiġi evitata jew titnaqqas il-preżenza tal-N-NAs f’dawn l-oġġetti tal-ikel,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-operaturi tan-negozji tal-ikel, għandhom jimmonitorjaw l-okkorrenza tal-N-NAs, jew tal-inqas tat-TCNAs, fl-ikel, b’mod partikolari fil-prodotti tal-laħam ippreservat, fil-ħut ipproċessat, fix-xorb alkoħoliku, fil-ħxejjex ipproċessati, fiċ-ċereali pproċessati, fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib, u fl-ikel iffermentat, immarinat u mħawwar.

(2)

Huwa rrakkomandat li l-kampjunar għall-finijiet ta’ monitoraġġ isir f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2). Il-metodi ta’ analiżi għandhom ikunu bbażati fuq l-ispettrometrija tal-massa f’tandem (MS/MS) abbinata mal-kromatografija likwida (LC-MS/MS) jew mal-kromatografija b’fażi gassuża (GC-MS/MS). Meta d-detezzjoni permezz ta’ analizzatur tal-enerġija termali (TEA) jew metodi oħra ta’ analiżi jiġu applikati, għandha tkun disponibbli l-evidenza li turi li dawn jiġġeneraw riżultati affidabbli għall-N-NAs individwali.

(3)

Il-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ) għandu jkun inqas minn 1 μg/kg għad-determinazzjoni tal-preżenza ta’ kull waħda mit-TCNAs għajr l-NSAR, u mhux ogħla minn 5 μg/kg għal N-NAs oħra. Għall-NSAR, il-LOQ għandu jkun baxx kemm jista’ jkun.

(4)

L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-operaturi tan-negozji tal-ikel, għandhom iwettqu investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jwasslu għal livelli għoljin ta’ N-NAs fl-ikel, u għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi evitata jew titnaqqas il-preżenza tal-N-NAs fl-ikel ikkonċernat.

(5)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel jipprovdu d-data miġbura lill-Awtorità għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda skont ir-rekwiżiti tal-Gwida tal-Awtorità dwar id-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD) għall-Ikel u għall-Għalf u r-rekwiżiti tar-rapportar speċifiċi addizzjonali tal-Awtorità (3). Fil-każ ta’ laħam ipproċessat u ikel ipproċessat ieħor, għandhom jirrappurtaw jekk in-nitrati jew in-nitriti ntużawx bħala addittiv tal-ikel. Fil-każ tar-rapportar tas-somma ta’ TCNA, minbarra l-livelli tal-N-nitrożammini individwali, is-somma rrapportata għandha tkun is-somma tal-livell inferjuri tal-N-nitrożammini individwali.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar kontaminanti fil-katina tal-ikel), Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-N-nitrożoammini fl-ikel. EFSA Journal 2023; 21(3):7884, 278 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.7884.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/333/oj).

(3)   https://www.efsa.europa.eu/en/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2026/2329/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)