SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 73 – Bażi tat-taxxa – Kontroparti – Sussidji marbuta direttament mal-prezz ta’ tranżazzjoni taxxabbli – Servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv – Kumpens imħallas minn awtorità lokali lill-fornitur ta’ servizzi sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti – Rabta diretta bejn il-kumpens u s-servizzi pprovduti”

Fil-Kawża C‑615/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura

Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej

vs

P. S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin (Relatur), I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn B. Rogowska-Rajda, T. Tratkiewicz u T. Wojciechowski,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Glinicka u M. Herold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Informazzjoni Fiskali Nazzjonali, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) u l-kumpannija P. S.A. dwar il-bażi tat-taxxa għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv li P. għandha l-intenzjoni li tipprovdi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

Id‑dritt Pollakk

4

L-Artikolu 29a(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi), tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2004, Nru 54, pożizzjoni 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 5, għall-Artikoli 30a sa 30c, għall-Artikolu 32, għall-Artikolu 119 kif ukoll għall-Artikolu 120(4) u (5), il-bażi tat-taxxa għandha tinkludi kulma jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur jew mill-persuna li tipprovdi servizz fir-rigward ta’ bejgħ, min-naħa tal-akkwirent, mill-konsumatur jew minn terz, inklużi l-allokazzjonijiet, is-sussidji u finanzjamenti oħra tal-istess natura rċevuti mill-fornitur jew mill-persuna li tipprovdi servizz, li jkollu impatt dirett fuq il-prezz tal-oġġetti kkunsinnati jew fuq is-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli.”

5

Skont l-Artikolu 50(1) tal-ustawa o publicznym transporcie zbiorowym (il-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku Kollettiv), tas‑16 ta’ Diċembru 2010 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trasport Pubbliku Kollettiv”):

“Il-finanzjament tat-trasport ta’ interess pubbliku jista’, b’mod partikolari, jieħu l-forma ta’:

[…]

(2)

kumpens imħallas lill-operatur għal:

[…]

(c)

l-ispejjeż li jġarrab sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

P. hija attiva fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri. Hija għandha l-intenzjoni li tikkonkludi, bħala operatur, kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv, kif previsti mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), kif ukoll mil-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku Kollettiv. Il-parti l-oħra fil-kuntratt, jiġifieri awtorità lokali, għandha l-kwalità ta’ organizzatur tat-trasport pubbliku kollettiv, fis-sens ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem l-“organizzatur”).

7

Fil-kuntest tal-attività ppjanata, P. hija rremunerata, b’mod partikolari, mill-bejgħ ta’ biljetti tat-trasport li l-prezz tagħhom huwa ddeterminat mill-organizzatur. Peress li dan il-metodu ta’ finanzjament ma huwiex biżżejjed sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ din l-attività, P. tikseb kumpens mingħand l-organizzatur, fis-sens tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku Kollettiv.

8

Il-kuntratt konkluż mal-organizzatur jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ ħlas tal-kumpens, li l-bażi tiegħu hija kkostitwita mir-riżultat finanzjarju negattiv li jirriżulta mill-imsemmija attività, u jispeċifika l-ammont massimu tal-kumpens għal perijodu partikolari.

9

Huwa f’dan il-kuntest li P. talbet lill-awtorità tat-taxxa għal deċiżjoni fiskali dwar jekk il-kumpens għat-telf li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv jikkostitwixxix dħul mill-bejgħ suġġett għall-VAT, fis-sens tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali.

10

Skont P., il-kumpens ma jżidx il-bażi tat-taxxa, peress li ma għandux effett dirett fuq il-prezz tas-servizzi pprovduti iżda jikkostitwixxi kontribuzzjoni għall-ispejjeż kollha tal-attività prevista.

11

F’deċiżjoni fiskali tal‑14 ta’ Mejju 2019, l-awtorità tat-taxxa esprimiet opinjoni kuntrarja għal din l-opinjoni.

12

P. ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni fiskali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gdańsk, il-Polonja), li annullatha, permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2019.

13

Sussegwentement, l-awtorità tat-taxxa ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju.

14

Dik il-qorti tistaqsi dwar jekk il-kumpens imħallas minn awtorità lokali lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti minn din l-impriża jikkostitwixxix korrispettiv għal din il-provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’tali mod li dan ikun suġġett għall-VAT.

15

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2001, Office des produits wallons (C‑184/00, EU:C:2001:629), u tal‑15 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑463/02, EU:C:2004:455), il-ġurisprudenza nazzjonali tqis li tali kumpens ma jagħmilx parti mill-bażi tat-taxxa. Fil-fatt, sabiex l-ammont ta’ finanzjament miksub minn persuna taxxabbli jitqies bħala element tal-bażi tat-taxxa ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, huwa importanti li dan l-ammont ikun allokat b’mod ċar għal tranżazzjoni speċifika. Issa, il-kumpens inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha ma għandux effett dirett fuq il-prezz tas-servizzi pprovduti minn P., jiġifieri l-prezz tal-biljetti tat-trasport, peress li l-għan tiegħu huwa qabel kollox li jkopri t-telf sostnut matul perijodu partikolari.

16

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or (C‑151/13, EU:C:2014:185), il-qorti tar-rinviju madankollu tesprimi dubji dwar din il-ġurisprudenza nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kumpens jagħmilx parti mill-bażi tat-taxxa għall-VAT, huwiex neċessarju li teżisti rabta diretta bejn il-prezz tal-biljetti ta’ trasport u dan il-kumpens, mifhum bħala finanzjament dirett tal-biljetti tat-trasport li jnaqqas proporzjonalment il-prezz tagħhom, jew jekk huwiex biżżejjed, sabiex tiġi stabbilita din ir-rabta diretta, li jiġi kkonstatat li, mingħajr l-imsemmi kumpens, il-prezz ta’ dawn il-biljetti għandu jkun ogħla. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi dwar jekk l-eżistenza ta’ tali rabta diretta tistax tiġi dedotta mill-fatt li s-servizzi pprovduti mill-fornitur huma kkaratterizzati mill-kontinwità tagħhom u mid-disponibbiltà permanenti ta’ dan il-fornitur li jipprovdihom.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm ma hemm l-ebda dubju li, fil-kawża li tressqet quddiemha, il-kumpens previst ma jirrigwardax servizz ippersonalizzat intiż għall-benefiċjarji ta’ dan is-servizz, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kumpens inaqqas il-prezz li għandu jitħallas minn tali benefiċjarji, peress li, mingħajru, il-prezz tal-biljetti kkummerċjalizzati mill-operatur tas-servizz ta’ trasport pubbliku għandu jiġi ffissat f’livell ħafna ogħla. Barra minn hekk, l-imsemmi kumpens ma huwiex servizz finanzjarju intiż għall-attivitajiet kollha ta’ dan l-operatur, iżda huwa marbut biss mal-attività ta’ trasport pubbliku tiegħu.

18

Għall-kuntrarju, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-kumpens previst huwa ffissat b’rata fissa u fuq bażi annwali ma jidhirx li huwa ta’ importanza deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-kumpens jagħmilx parti mill-bażi tat-taxxa għall-VAT. Dan huwa wkoll il-każ taċ-ċirkustanza fejn il-prezz tal-biljetti tat-trasport u l-ammont ta’ tariffi possibbilment imnaqqsa huma ddeterminati mill-organizzatur, u mhux mill-imsemmi operatur, peress li dawn l-elementi huma wkoll iddefiniti fil-kuntratt konkluż bejniethom u peress li dawn għandhom effett fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 73 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens, bħal dak deskritt fit-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, mogħti lil entità distinta (operatur) minn awtorità lokali għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku, huwa inkluż fl-ammont taxxabbli previst f’din id-dispożizzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens b’rata fissa mħallas minn awtorità lokali lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv u intiż sabiex ikopri t-telf imġarrab fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi huwa inkluż fil-bażi tat-taxxa ta’ din l-impriża.

21

Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-bażi tat-taxxa għall-kunsinna ta’ oġġett jew għall-provvista ta’ servizz “għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista”.

22

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-awtorità tat-taxxa, il-benefiċjarji diretti tas-servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv li l-operatur ta’ dawn is-servizzi għandu l-intenzjoni li jipprovdi huma l-utenti tal-imsemmija servizzi, li jixtru biljett bħala korrispettiv għal dawn l-istess servizzi, filwaqt li l-organizzatur li jħallas il-kumpens lil dan l-operatur ma jitqiesx li jirċievi dan is-servizz. Għalhekk, f’dan il-każ, dan l-organizzatur għandu l-kwalità ta’ “terz”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 73.

23

Fir-rigward tal-punt dwar jekk dan il-kumpens jikkostitwixxix sussidju marbut direttament mal-prezz tat-tranżazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi jipprevedi li l-bażi tat-taxxa għall-VAT jinkludi, fil-każijiet li huwa jiddetermina, ċerti sussidji mħallsa lill-persuni taxxabbli, dan l-Artikolu 73 huwa intiż li jissuġġetta għall-VAT il-valur kollu tal-oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi u, għalhekk, li jiġi evitat li l-ħlas ta’ sussidju jwassal għal dħul inqas mit-taxxa (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, C u C (VAT u sussidji agrikoli), C‑573/18 u C‑574/18, EU:C:2019:847, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Konformement mal-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tapplika meta s-sussidju jkun marbut direttament mal-prezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Sabiex dan ikun il-każ, is-sussidju għandu jingħata speċifikament lill-operatur issussidjat sabiex dan jikkunsinna oġġett jew jipprovdi servizz partikolari. Huwa biss f’dan il-każ li s-sussidju jista’ jitqies bħala korrispettiv għall-kunsinna ta’ oġġett jew għall-provvista ta’ servizz u li, għaldaqstant, ikun taxxabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, C u C (VAT u sussidji agrikoli), C‑573/18 u C‑574/18, EU:C:2019:847, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat li x-xerrejja tal-oġġett jew id-destinatarji tas-servizz jibbenefikaw mis-sussidju mogħti lill-benefiċjarju tiegħu. Fil-fatt, huwa meħtieġ li l-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej jew mid-destinatarju jiġi stabbilit b’tali mod li jonqos proporzjonalment mas-sussidju mogħti lill-bejjiegħ tal-oġġett jew lill-fornitur tas-servizz, liema sussidju għalhekk jikkostitwixxi fattur li jiddetermina l-prezz mitlub minn dan tal-aħħar. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, oġġettivament, il-fatt li ngħata sussidju lill-bejjiegħ jew lill-fornitur jippermettilhomx li jbiegħu l-oġġett jew li jipprovdu s-servizz bi prezz irħas minn dak li kien ikollhom jitolbu fl-assenza ta’ sussidju (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, C u C (VAT u sussidji agrikoli), C‑573/18 u C‑574/18, EU:C:2019:847, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, il-korrispettiv irrappreżentat mis-sussidju għandu, tal-inqas, ikun jista’ jiġi ddeterminat (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, C u C (VAT u sussidji agrikoli), C‑573/18 u C‑574/18, EU:C:2019:847, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għalhekk, il-kunċett ta’ “sussidji marbuta direttament mal-prezz”, fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, jinkludi biss is-sussidji li jikkostitwixxu l-korrispettiv totali jew parzjali ta’ tranżazzjoni partikolari ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi u li jitħallsu minn terz lill-bejjiegħ jew lill-fornitur (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, C u C (VAT u sussidji agrikoli), C‑573/18 u C‑574/18, EU:C:2019:847, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn awtorità lokali, li taġixxi bħala organizzatur, li tiffissa l-prezz tal-biljetti tat-trasport, u P., li taġixxi bħala operatur. Peress li d-dħul iġġenerat, b’mod partikolari, mill-bejgħ tal-biljetti tat-trasport huwa insuffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi, l-awtorità lokali tħallas lil P. kumpens b’rata fissa li l-ammont tiegħu ma jistax jeċċedi dak li jikkorrispondi għar-riżultat finanzjarju negattiv li jirriżulta mill-imsemmija servizzi u, fi kwalunkwe każ, ammont massimu ffissat għal perijodu partikolari.

29

Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, tali kumpens ma għandux effett dirett fuq il-prezz tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti, stabbilit mill-organizzatur ta’ dawn is-servizzi, peress li l-għan ta’ dan il-kumpens huwa qabel kollox li jkopri t-telf marbut ma’ din l-attività.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitħallasx speċifikament lill-operatur sabiex iwettaq servizz ta’ trasport lil destinatarju partikolari ta’ dan is-servizz u ma għandux influwenza fuq il-prezz li għandu jitħallas minn dan id-destinatarju, peress li dan il-prezz ma huwiex iffissat b’tali mod li jonqos proporzjonalment mal-kumpens imħallas lill-fornitur ta’ dan is-servizz. Għall-kuntrarju, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmi kumpens jingħata a posteriori u huwa indipendenti mill-użu konkret tas-servizzi ta’ trasport, iżda jiddependi min-numru ta’ kilometri misjuqa minn vetturi proposti. Tali kumpens għalhekk ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “sussidji marbuta direttament mal-prezz”, fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT.

31

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, mingħajr tali kumpens, li jippermetti li l-prezz tas-servizz ipprovdut jitnaqqas b’mod sinjifikattiv, il-prezz tal-biljetti għandu jkun ogħla għall-benefiċjarji ta’ dan is-servizz.

32

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu fil-fatt jitqies li, neċessarjament, kull sussidju jista’ jipproduċi effetti fuq il-kalkolu tal-prezzijiet, kemm jekk dan isir mill-benefiċjarju tas-sussidju jew, bħal f’dan il-każ, mill-organizzatur li jħallas l-imsemmi sussidju. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li finanzjament jista’ jkollu influwenza fuq il-prezz tal-oġġetti kkunsinnati jew tas-servizzi pprovduti mill-organu li jirċievi dan il-finanzjament ma huwiex biżżejjed sabiex dan jiġi ntaxxat bħala sussidju direttament marbut mal-prezz, fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2001, Office des produits wallons, C‑184/00, EU:C:2001:629, punt 12).

33

Madankollu, is-sussidji direttament marbuta mal-prezz ta’ tranżazzjoni taxxabbli jikkostitwixxu biss sitwazzjoni fost oħrajn imsemmija fl-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li l-bażi tat-taxxa ta’ provvista ta’ servizzi huwa, fi kwalunkwe każ, ikkostitwit minn dak kollu li huwa rċevut bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-kuntest, filwaqt li tirreferi għal din l-aħħar sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jitqies li huwa korrispettiv miksub minn terz, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 73.

35

Il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda n-natura taxxabbli ta’ “allowance għal kura” li fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard kien iħallas lil stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni għal persuni anzjani dipendenti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura medika u paramedika lir-residenti tagħhom u li l-kalkolu tagħha kien jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-numru ta’ residenti milqugħa f’kull stabbiliment u l-livell ta’ dipendenza tagħhom. Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet teżisti rabta diretta bejn il-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn tali stabbiliment lir-residenti tiegħu u l-korrispettiv irċevut, jiġifieri dan l-“allowance għal kura”, b’tali mod li tali ħlas ta’ allowance kien jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizzi ta’ kura mwettqa bi ħlas minn dan l-istabbiliment favur ir-residenti tiegħu u kien jaqa’, għal dan l-għan, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-benefiċjarju dirett tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni ma huwiex il-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard li jħallas l-allowance, iżda l-assigurat tagħha, ma huwiex ta’ natura li jikser ir-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv irċevut (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 35).

37

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni tkun ikkaratterizzata, b’mod partikolari, mid-disponibbiltà permanenti tal-fornitur ta’ servizzi li jipprovdi, fil-mument meħtieġ, is-servizzi ta’ kura li huma mitluba mir-residenti, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-imsemmija provvista u l-korrispettiv miksub, li jiġi stabbilit li l-ħlas huwa marbut ma’ provvista ta’ kura ppersonalizzata u fil-ħin imwettqa fuq talba ta’ resident (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 36).

38

Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dik li wasslet għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or (C‑151/13, EU:C:2014:185), ma humiex paragunabbli.

39

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 52 u 56 tal-konklużjonijiet tagħha, f’din il-kawża kienet teżisti rabta diretta bejn il-provvisti ta’ kura lill-pensjonanti tal-istabbiliment ta’ akkomodazzjoni għal persuni anzjani dipendenti u l-korrispettiv finanzjarju mħallas lil dan l-istabbiliment, iddeterminat skont il-kura rċevuta u n-numru ta’ residenti kkonċernati. Issa, f’dan il-każ, is-servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv ma jibbenefikawx lil persuni li jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar, iżda lill-passiġġieri potenzjali kollha. Barra minn hekk, il-kumpens għandu jiġi kkalkolat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-identità u n-numru ta’ utenti tas-servizz ipprovdut.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens b’rata fissa mħallas minn awtorità lokali lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv u intiż sabiex ikopri t-telf imġarrab fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi ma huwiex inkluż fil-bażi tat-taxxa ta’ din l-impriża.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kumpens b’rata fissa mħallas minn awtorità lokali lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku kollettiv u intiż sabiex ikopri t-telf imġarrab fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi ma huwiex inkluż fil-bażi tat-taxxa ta’ din l-impriża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.