19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/97/PESK

tas-16 ta’ Frar 2010

dwar l-adattament u l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 217 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2), minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE”, u b’mod partikulari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/148/KE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa kif speċifikat fl-anness ma’ dik id-Deċiżjoni.

(2)

Bid-Deċiżjoni 2009/144/KE (5) l-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE, li kienet estiża sal-20 ta’ Frar 2004 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/112/KE (6), sal-20 ta’ Frar 2005 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/157/KE (7), sal-20 ta’ Frar 2006 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/139/KE (8), sal-20 ta’ Frar 2007 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/114/KE (9), sal-20 ta’ Frar 2008 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/127/KE (10) u sal-20 ta’ Frar 2009 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/158/KE (11), kienet estiża għal perjodu ieħor ta’ 12-il xahar sal-20 ta’ Frar 2010.

(3)

Jeħtieġ li l-ħolqien ta’ Gvern inklużiv jiġi rikonoxxut bħala opportunità biex tiġi stabbilita mill-ġdid relazzjoni kostruttiva bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe u biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tal-programm tiegħu ta’ riformi.

(4)

Madankollu, meta wieħed iqis il-ġrajjiet ta’ dan l-aħħar fl-iżvilupp politiku taż-Żimbabwe, kif ukoll il-fatt li ċerti miżuri importanti li jikkonċernaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, li kienu integrati għal kollox fil-Ftehim Politiku Globali li qablu fuqu t-tliet partiti politiċi, għadhom ma ġewx implimentati b’mod adegwat, l-elementi essenzjali msemmijin fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE mhumiex rispettati, u l-kundizzjonijiet ta’ bħalissa fiż-Żimbabwe ma jiggarantixxux ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt.

(5)

Jeħtieġ għalhekk li l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri ikun estiż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri msemmijin fl-ittra annessa huma b’dan adottati bħala miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim tas-Sħubija AKP-KE.

Dawn il-miżuri għandhom japplikaw għal perjodu ta’ 12-il xahar mill-21 ta’ Frar 2010 sal-20 ta’ Frar 2011. Il-miżuri għandhom jiġu kostantement riveduti.

L-ittra fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-President taż-Żimbabwe, is-Sur Mugabe, u kopji tagħha għandhom jintbagħtu lill-Prim Ministru Tsvangirai u lid-Deputat Prim Ministru Mutambara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 26.

(3)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)   ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64.

(5)   ĠU L 49, 20.2.2009, p. 15.

(6)   ĠU L 46, 20.2.2003, p. 25.

(7)   ĠU L 50, 20.2.2004, p. 60.

(8)   ĠU L 48, 19.2.2005, p. 28.

(9)   ĠU L 48, 18.2.2006, p. 26.

(10)   ĠU L 53, 22.2.2007, p. 23.

(11)   ĠU L 51, 26.2.2008, p. 19.


ANNESS

ITTRA LILL-PRESIDENT TAŻ-ŻIMBABWE

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE. Bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-istituzzjonijiet demokratiċi u għall-istat tad-dritt jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Bl-ittra tad-19 ta’ Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-Deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u li tieħu miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 96(2)(c) ta’ dak il-Ftehim.

Bl-ittri tad-19 ta’ Frar 2003, tad-19 ta’ Frar 2004, tat-18 ta’ Frar 2005, tal-15 ta’ Frar 2006, tal-21 ta’ Frar 2007, tad-19 ta’ Frar 2008 u tal-20 ta’ Frar 2009 l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjonijiet tagħha li ma tirrevokax il-miżuri xierqa u li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni sal-20 ta’ Frar 2004, l-20 ta’ Frar 2005, l-20 ta’ Frar 2006, l-20 ta’ Frar 2007, l-20 ta’ Frar 2008, l-20 ta’ Frar 2009 u l-20 ta’ Frar 2010 rispettivament.

L-Unjoni Ewropea tilqa’ bi pjaċir il-formazzjoni tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali, imsejjes fuq il-Ftehim Politiku Globali (FPG), li nħoloq fit-13 ta’ Frar 2009. L-Unjoni Ewropea ttenni l-importanza kbira li tagħti lid-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, li nbeda uffiċjalment wara talba tal-Gvern taż-Żimbabwe waqt it-Trojka Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 fi Brussell u lill-ftehim milħuq dwar kif l-affarijiet għandhom jitmexxew ‘il quddiem. Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ pjani direzzjonali komuni b’impenji reċiproċi. Dawn huma maħsubin biex jirriflettu, fuq in-naħa taż-Żimbabwe, l-implimentazzjoni effettiva tal-FPG u, fuq in-naħa tal-Unjoni Ewropea, it-tneħħija bil-mod il-mod tar-restrizzjonijiet ta’ bħalissa u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe.

L-Unjoni Ewropea tappoġġa l-isforzi li attwalment qegħdin isiru mill-Gvern taż-Żimbabwe biex jimplimenta l-FPG, u tilqa’ bi pjaċir id-diplomazija reġjonali intensifikata mmexxija mill-Afrika ta’ Isfel b’appoġġ għar-riforma fiż-Żimbabwe. Madankollu, l-Unjoni Ewropea jiddispjaċiha tara n-nuqqas ta’ progress fil-qafas tad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE. L-Unjoni Ewropea temmen li l-kisba ta’ progress sinifikattiv fl-implimentazzjoni tal-FPG mhijiex biss essenzjali iżda hija wkoll possibbli u tista’ ssir, kif enfasizzat fl-iskambji ta’ fehmiet bejnek u s-SADC.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-Unjoni Ewropea waslet għall-konklużjoni li l-miżuri xierqa jistgħu jiġu kompletament revokati biss meta l-FPG jkun implimentat b’mod effettiv. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa disposti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE sal-20 ta’ Frar 2011 u li tadatta l-miżuri xierqa biex jirriflettu l-implimentazzjoni tal-FPG minn Frar 2009 ‘l hawn, b’mod partikulari fl-isfera ekonomika. F’dan il-punt l-ebda sostenn finanzjarju m’għandu jiġi kanalizzat permezz tal-baġit tal-Gvern. L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li taħdem biex titmexxa ‘l quddiem l-implimentazzjoni tal-FPA u li timmodifika l-inċiżi (b) u (c) kif ġej:

(b)

Is-sostenn finanzjarju għall-proġetti kollha huwa sospiż ħlief dawk immirati għas-sostenn tal-popolazzjoni, b’mod partikulari f’setturi soċjali u dawk immirati biex isostnu r-riformi msemmijin fil-FPG,

(c)

Il-finanzjament għandu jiġi orjentat mill-ġdid biex isostni lill-popolazzjoni, b’mod partikulari f’setturi soċjali u biex isostni l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni tal-pajjiż, b’mod partikulari rigward id-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

Il-miżuri l-oħrajn kollha elenkati fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE għandhom jibqgħu japplikaw mingħajr bidliet. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tista’ tiġi riveduta fi kwalunkwe mument qabel l-20 ta’ Frar 2011.

L-Unjoni Ewropea għalhekk se tkompli ssostni l-istabbilizzazzjoni tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali u l-programmi tiegħu ta’ riforma permezz tas-sostenn tranżizzjonali tagħha għall-biedja u s-sigurta tal-ikel, għas-setturi soċjali, inklużi s-saħħa u l-edukazzjoni, u għall-implimentazzjoni tal-FPG.

L-Unjoni Ewropea tixtieq terġa’ tisħaq fuq l-importanza li tagħti lill-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe fil-ġejjieni u tikkonferma r-rieda tagħha li terġa’ tqajjem u tmexxi ‘l quddiem id-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE. F’dak il-kuntest, nittamaw li fil-ġejjieni qrib isir biżżejjed progress min-naħa tal-Gvern taż-Żimbabwe fl-implimentazzjoni tal-FPG sabiex ikun possibbli li terġa tibda l-koperazzjoni sħiħa.

Għoddni tiegħek,

Ghall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Għall-Kunsill

E. SALGADO