SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 4(1) u l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) – Proċeduri ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Estensjoni mill-awtorità determinanti tat-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur – Numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati simultanjament – Kunċett – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi oħra”

Fil-Kawża C‑662/23 [Zimir] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

X,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal X, minn M. F. Wijngaarden, advocaat, u S. Rafi, experte,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, B. Dourthe, O. Duprat-Mazaré u B. Fodda, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azema, A. Baeckelmans, F. Blanc u S. Van den Bogaert, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) u X, ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar l-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjoni minnu, fit-terminu legali ta’ sitt xhur, dwar l-applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3 u 18 tad-Direttiva 2013/32 jgħidu li:

“(3)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, qabel li jaħdem sabiex tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra Dwar l-Istatus ta’ Rifuġjati tat‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967 (‘Konvenzjoni ta’ Ġinevra’), u b’hekk ikun affermat il-prinċipju ta’ non-refoulement u jkun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura għall-persekuzzjoni.

[…]

(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.”

4

Skont l-Artikolu 1, intitolat “Għan”, ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)].”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Awtoritajiet responsabbli”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 31 tal-istess direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:

[…]

(b)

għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;

[…]

Permezz ta’ eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi ġustifikati kif xieraq, jaqbżu l-limiti taż-żmien stabbiliti li jinsabu f’dan il-paragrafu b’massimu ta’ tliet xhur meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat eżami adegwat u sħiħ tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

[…]

5.   Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-proċedura ta’ eżami f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 21 xahar minn meta ssir l-applikazzjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ma tistax tittieħed deċiżjoni fi żmien sitt xhur, l-applikant konċernat għandu:

(a)

jiġi informat bid-dewmien; u

(b)

jirċievi, fuq talba tiegħu/tagħha, informazzjoni dwar ir-raġunijiet għad-dewmien u l- medda ta’ żmien li fih tkun mistennija li tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

[…]”

Id‑dritt Olandiż

7

L-Artikolu 42 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), jipprevedi li:

“1.   Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja msemmi fl-Artikolu 28 jew għal permess ta’ residenza għal żmien indeterminat imsemmi fl-Artikolu 33 għandha tiġi adottata fi żmien sitt xhur minn meta tasal l-applikazzjoni.

[…]

4.   It-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż b’terminu massimu ta’ disa’ xhur fejn:

[…]

b.

il-fatt li għadd kbir ta’ barranin jippreżentaw applikazzjoni fl-istess żmien, fatt li jagħmilha diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur; jew

[…]”

8

Fil‑21 ta’ Settembru 2022, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà adotta, abbażi tal-Artikolu 42(4)(b) tal-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000, li jittrasponi l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 fid-dritt Olandiż, il-Besluit houdende wijziging van de Vreemdelingencirculaire 2000 (id-Digriet li Jemenda ċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin, iktar ’il quddiem il-“WBV 2022/22”), li daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Settembru 2022. Permezz tal-WBV 2022/22, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà estenda b’disa’ xhur it-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil. Din id-deċiżjoni tapplika għall-applikazzjonijiet kollha ppreżentati qabel l‑1 ta’ Jannar 2023 u li t-terminu ta’ eżami tagħhom ma kienx skada fis‑27 ta’ Settembru 2022.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

X, ċittadin Tork, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi fl‑10 ta’ April 2022.

10

Fil‑21 ta’ Settembru 2022, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà adotta l-WBV 2022/22 li estenda b’disa’ xhur it-terminu legali ta’ sitt xhur ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil.

11

Fit‑13 ta’ Ottubru 2022, X bagħat intimazzjoni lis-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà minħabba l-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjoni fit-terminu ta’ sitt xhur.

12

Peress li s-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà baqa’ sieket matul il-ġimagħtejn wara din l-intimazzjoni, X ippreżenta rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi).

13

Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2023, din il-qorti ddikjarat ir-rikors ta’ X fondat u qieset li, permezz tal-WBV 2022/22, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà ma kienx estenda legalment it-terminu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil. Permezz ta’ din is-sentenza, din il-qorti ordnat ukoll lil din l-awtorità tipproċedi, fit-tmien ġimgħat wara d-data tas-sentenza, għall-ewwel smigħ u tieħu, fit-tmien ġimgħat wara dan l-ewwel smigħ, deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ X u dan taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 100 għal kull jum ta’ dewmien.

14

Is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà appella minn dik is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li huwa l-qorti tar-rinviju.

15

Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa sostna li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42(4)(b) tal-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000 u tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, ma huwiex meħtieġ li l-awtorità nazzjonali tkun ikkonfrontata b’żieda rapida jew bil-konstatazzjoni ta’ “żieda qawwija f’daqqa” fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati simultanjament. Din l-awtorità tista’ wkoll testendi t-terminu ta’ eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet fil-każ ta’ żieda progressiva f’dan in-numru, flimkien ma’ ċirkustanzi oħra, meta tali estensjoni tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat eżami xieraq u eżawrjenti tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kif jeżiġi l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32. Is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà jsostni, barra minn hekk, li, meta huwa jkollu l-intenzjoni li jestendi t-terminu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, huwa għandu d-dritt jieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ fajls li għad iridu jiġu pproċessati, għaliex dan tal-aħħar jimponi restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tiegħu li jipproċessa dawn l-applikazzjonijiet u jikkontribwixxi għall-fatt li huwa diffiċli ħafna, fil-prattika, li l-proċedura tiġi konkluża bir-reqqa fis-sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħhom.

16

Fl‑14 ta’ April 2023, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà ħareġ lil X permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil u ħallaslu s-somma dovuta bħala pagamenti ta’ penalità.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà għad għandu madankollu interess fl-appell tiegħu, peress li dan l-appell huwa intiż li jikkontesta s-sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2023, li fiha r-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li, permezz tal-WBV 2022/22, din l-awtorità ma kinitx estendiet legalment it-terminu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil imsemmija f’dan l-att.

18

Din il-qorti tosserva li l-kelma “simultanjament” li tinsab fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, jekk tiġi interpretata b’mod wiesa’, tfisser “fi żmien qasir”, peress li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, fil-fatt, rarament jiġu ppreżentati letteralment fl-istess mument. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, jibqa’ neċessarju li ssir delimitazzjoni taż-żmien li matulu sseħħ żieda fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet li tista’ tikkaratterizza żieda qawwija f’daqqa fin-numru tagħhom. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li dawn iż-żidiet ma humiex perċepibbli b’mod immedjat, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ sseħħ b’mod utli biss wara li jkun għadda ċertu żmien.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2013/32, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni iktar wiesgħa, tippermettix l-estensjoni tat-terminu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali meta n-numru tagħhom jiżdied biss progressivament minkejja li, f’dan il-każ, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà jkollu żmien twil u l-possibbiltà sabiex jżid il-kapaċità tiegħu li jipproċessa dawn l-applikazzjonijiet. Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi aċċettata, għaliex tikkorrispondi mal-għan tad-Direttiva 2013/32, li hija intiża sabiex l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-iqsar żmien possibbli, għalkemm b’mod diliġenti.

20

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32 għandu wkoll rwol fl-interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tagħha, peress li jipprevedi li l-proċedura ta’ eżami għandha tiġi konkluża fl-iqsar żmien possibbli, bla ħsara għal eżami xieraq u eżawrjenti. Il-korrelazzjoni bejn dawn iż-żewġ rekwiżiti hija għalhekk importanti, iżda mhux ċara.

21

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-espressjoni “għadd kbir”, assoċjata maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hija wkoll nieqsa minn ċarezza. Hija tistaqsi jekk dan in-numru għandux jiġi ddeterminat f’termini assoluti jew jekk huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni data f’ċifri dwar il-flussi ta’ dawn l-applikazzjonijiet fi Stat Membru partikolari.

22

Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk id-diffikultà li tiġi konkluża, fil-prattika, il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit-terminu ta’ sitt xhur, imsemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, tistax toriġina minn ċirkustanzi oħra għajr in-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet ippreżentati simultanjament.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Fil-każ ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjoni li huma introdotti simultanjament fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva [2013/32], l-awtorità determinanti tista’ tagħmel użu mis-setgħa tagħha li testendi t-terminu ta’ deċiżjoni ta’ sitt xhur jekk iż-żieda tan-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sseħħ progressivament fuq ċertu perijodu u bħala konsegwenza huwa diffiċli ħafna, fil-prattika, li l-proċedura tiġi konkluża fit-terminu ta’ sitt xhur? F’dan ir-rigward, kif għandu jiġi interpretat it-terminu ‘simultanjament’?

b)

Fuq il-bażi ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk din hijiex kwistjoni ta’ ‘għadd kbir’ ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kif imsemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva [2013/32]?

2)

Limitazzjoni ratione temporis tal-perijodu li matulu żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandha tirriżulta tapplika sabiex ikunu jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32? Fl-affermattiv, kemm jista’ jdum dan il-perijodu?

3)

Sabiex jiġi evalwat jekk fil-prattika huwiex diffiċli ħafna li l-proċedura tiġi konkluża f’terminu ta’ sitt xhur, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva [2013/32], jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – fid-dawl tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva – ċirkustanzi li ma joriġinawx miż-żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, bħaċ-ċirkustanza li l-awtorità determinanti għandha xogħol lura li kien diġà jeżisti qabel iż-żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew minħabba assenza ta’ kapaċità fil-persunal?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż qajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi sostna, essenzjalment, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għadx għandha skop, peress li X kien diġà ngħata permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil.

25

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika ex officio t-tkomplija tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín,C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24).

28

F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2023 li permezz tagħha r-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddikjarat ir-rikors ta’ X fondat u ordnat lis-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà jipproċedi bis-smigħ tal-partijiet u jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ X, fit-termini li huwa jkun stabbilixxa, hija kkontestata fl-appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ħruġ lil X, minn din l-awtorità, ta’ permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil, fl‑14 ta’ April 2023, ma temmx din it-tilwima, li, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kienet għadha pendenti, u li l-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija awtorità għad għandha interess fl-appell tagħha, peress li s-sentenza li hija s-suġġett ta’ dan l-appell qieset li hija ma kinitx estendiet legalment it-terminu ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-ażil.

29

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija obbligata tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din l-estensjoni, u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula hija neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur previst għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jistax jiġi estiż b’perijodu ta’ disa’ xhur mill-awtorità determinanti fil-każ ta’ żieda progressiva fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet fuq perijodu estiż jew jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-perijodu li matulu għandha sseħħ żieda f’dan in-numru huwiex limitat ratione temporis.

32

Il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jestendu t-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali meta, minħabba l-fatt li numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi jkunu applikaw simultanjament għal protezzjoni internazzjonali, ikun diffiċli ħafna, fil-prattika, li tiġi konkluża l-proċedura f’dan it-terminu.

33

Għalhekk, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jestendu t-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, skont din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-fatt li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet marbuta mill-qrib ma’ xulxin u kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, li applikazzjonijiet għal tali protezzjoni jiġu ppreżentati “simultanjament”, it-tieni nett, li dawn l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati minn “numru kbir” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi u, it-tielet nett, li jkun għalhekk “diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur”. Dawn il-kundizzjonijiet, li huma interdipendenti, għandhom jiġu interpretati flimkien.

34

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati simultanjament, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 ma tiddefinixxi s-sens u l-portata tat-terminu “simultanjament”. Dan għandu għalhekk jiġi interpretat konformement mat-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Delitt partikolarment serju),C‑402/22, EU:C:2023:543, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Skont it-tifsira abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, din il-kelma hija sinonima mal-espressjoni “b’mod konkomitanti”, li timplika, bħala prinċipju, li n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jsir riferiment għalih fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi introdott fl-istess mument.

36

Madankollu, peress li, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-prattika l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali rarament jiġu ppreżentati eżattament fl-istess mument, sabiex din id-dispożizzjoni ma tkunx imċaħħda minn kull effett utli, il-kelma “simultanjament” għandha tinftiehem bħala li tfisser “fi żmien qasir”, li donnu jindika li l-imsemmija dispożizzjoni ma tkoprix il-każ ta’ żieda progressiva fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet fuq perijodu estiż.

37

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati minn numru “kbir” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi, skont it-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, it-terminu “kbir” jirreferi għal numru “għoli” ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

38

Peress li d-Direttiva 2013/32 ma tinkludix kriterji li jippermettu li jiġi kkwantifikat, anki b’mod relattiv, tali numru, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 46 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “numru kbir” ta’ dawn l-applikanti għandha ssir fid-dawl tal-fluss abitwali u prevedibbli tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat, abbażi tat-tendenzi statistiċi attwali u storiċi. Sabiex dawn ikunu “numru kbir” ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati “simultanjament”, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, l-awtorità determinanti għandha għalhekk tistabbilixxi, abbażi ta’ analiżi komparattiva ta’ ċifri, l-eżistenza ta’ żieda sinjifikattiva, fi żmien qasir, fin-numru tal-imsemmija applikazzjonijiet meta mqabbel mat-tendenza abitwali u prevedibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

39

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet prattiċi sabiex jiġi konkluż, fit-terminu ta’ sitt xhur, l-ipproċessar ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati simultanjament, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha ssir fid-dawl b’mod partikolari tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/32.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri, minn naħa, għandhom jaħtru, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti responsabbli sabiex twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali konformement ma’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, għandhom jiżguraw li din l-awtorità jkollha l-mezzi xierqa, inkluż numru suffiċjenti ta’ persunal kompetenti, sabiex twettaq il-kompiti tagħha konformement mal-imsemmija direttiva.

41

Issa, peress li l-awtorità determinanti għandu jkollha l-mezzi neċessarji sabiex tkun f’pożizzjoni li tipproċessa l-fluss abitwali u prevedibbli tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit-terminu ta’ sitt xhur, huwa biss fil-każ ta’ żieda sinjifikattiva, fi żmien qasir, ta’ tali applikazzjonijiet meta mqabbla mat-tendenza abitwali u prevedibbli f’dan l-Istat Membru, li l-imsemmija awtorità tista’ taffaċċja problema ta’ kapaċità ta’ pproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet b’mod xieraq u eżawrjenti f’dan it-terminu.

42

Min-naħa l-oħra, jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiżdied progressivament fuq perijodu estiż, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu miżuri, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/32, sabiex jadatta l-kapaċità tiegħu li jipproċessa dawn l-applikazzjonijiet. Għalhekk, it-tul tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jistax jeċċedi ż-żmien neċessarju għal Stat Membru sabiex iżid il-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità determinanti u sabiex ikollu mill-ġdid kapaċità suffiċjenti sabiex jipproċessa dawn l-applikazzjonijiet konformement ma’ din id-direttiva.

43

Fir-raba’ lok, mill-premessi 3 u 18 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li tistabbilixxi sistema Ewropea komuni tal-ażil, li fiha l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun, bla ħsara għat-twettiq ta’ eżami xieraq u eżawrjenti.

44

Ċertament, il-possibbiltajiet ta’ estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur stabbiliti fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 ġew stabbiliti sabiex jirrispondu għal sitwazzjonijiet partikolari li jiġġustifikaw terminu ta’ eżami itwal, sabiex ikun jista’ jiġi ggarantit eżami xieraq u eżawrjenti tagħhom.

45

Issa, kif jirriżulta mill-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, huwa biss jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkun żdied b’mod sinjifikattiv u fi żmien qasir li l-awtorità determinanti tista’ taffaċċja problema ta’ kapaċità ta’ pproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet matul is-sitt xhur tal-perijodu ta’ eżami, li tiġġustifika estensjoni ta’ dan it-terminu skont il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32.

46

Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 li tippermetti lil Stat Membru jestendi t-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-każ ta’ żieda progressiva fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet fuq perijodu estiż tikkomprometti l-għan imfittex minn din id-direttiva.

47

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 huwa applikabbli fil-każ ta’ żieda sinjifikattiva, fi żmien qasir, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali meta mqabbel mat-tendenza abitwali u prevedibbli fl-Istat Membru kkonċernat u li, konsegwentement, dan ma jkoprix każ ta’ żieda progressiva fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet fuq perijodu estiż.

48

Għalhekk, teżisti limitazzjoni tal-perijodu li matulu żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandha sseħħ sabiex tkun tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, li t-tul tiegħu ma jistax jaqbeż iż-żmien neċessarju għal Stat Membru sabiex iżid il-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità determinanti u jkollu mill-ġdid kapaċità suffiċjenti sabiex jipproċessa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali rċevuti fit-terminu ta’ sitt xhur previst f’din id-dispożizzjoni, konformement mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Dan iż-żmien neċessarju għandu jiġi evalwat fid-dawl taż-żmien meħtieġ għar-reklutaġġ u għat-taħriġ tal-persunal kompetenti sabiex iwettaq l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali rċevuti b’mod xieraq u eżawrjenti.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur previst għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi estiż b’disa’ xhur mill-awtorità determinanti fil-każ li jkun hemm żieda sinjifikattiva, fi żmien qasir, fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet meta mqabbel mat-tendenza abitwali u prevedibbli fl-Istat Membru kkonċernat, li jeskludi s-sitwazzjoni kkaratterizzata minn żieda progressiva fin-numru tal-imsemmija applikazzjonijiet fuq perijodu twil.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-diffikultà, fil-prattika, li tiġi konkluża l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit-terminu ta’ sitt xhur tista’ toriġina minn ċirkustanzi oħra għajr in-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet ippreżentati simultanjament, bħall-eżistenza minn qabel ta’ volum sinjifikattiv ta’ applikazzjonijiet mhux ipproċessati jew l-insuffiċjenza ta’ persunal tal-awtorità determinanti.

51

Mill-formulazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li d-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġi osservat it-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li jiġġustifikaw l-estensjoni ta’ dan it-terminu skont din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu dovuti għan-numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jkunu applikaw simultanjament għal protezzjoni internazzjonali.

52

Li jiġu aċċettati ċirkustanzi oħra għajr in-numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati simultanjament sabiex tiġi ġġustifikata estensjoni tat-terminu ta’ eżami skont l-imsemmija dispożizzjoni jikkomprometti l-obbligi li l-Istati Membri għandhom josservaw skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, kif stabbiliti fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

53

Sa fejn din id-dispożizzjoni timplika li l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura ruħu li l-awtorità determinanti tkun f’pożizzjoni li taffaċċja l-varjazzjonijiet fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, meta n-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet ikun jikkorrispondi għal tendenza abitwali u prevedibbli, dan l-Istat Membru huwa meqjus li jkun ippreveda mezzi li jagħtu lil din l-awtorità kapaċità ta’ pproċessar xierqa. Min-naħa l-oħra, meta jseħħu ċirkustanzi imprevedibbli, bħal żieda qawwija fin-numru tal-imsemmija applikazzjonijiet imressqa simultanjament, ma jistax jiġi mistenni minn Stat Membru li jissodisfa l-obbligi tiegħu fit-terminu meħtieġ ta’ sitt xhur meta l-mezzi inizjalment previsti jistgħu ma jkunux suffiċjenti u meta dan l-Istat Membru ma jkunx neċessarjament f’pożizzjoni li jissodisfa immedjatament il-bżonnijiet addizzjonali, b’mod partikolari dawk effettivi, meħtieġa minn din iż-żieda.

54

Fil-fatt, minkejja li l-Istati Membri għandhom jiżguraw tisħiħ tar-riżorsi umani tal-awtorità determinanti fil-każ ta’ żieda fin-numru tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, ma jistax jiġi mistenni minnhom li jkunu immedjatament f’pożizzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet addizzjonali ta’ persunal li jirriżultaw minn żieda sinjifikattiva, fi żmien qasir, fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet meta mqabbel mat-tendenza abitwali u prevedibbli fl-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, huma għandu jkollhom iż-żmien neċessarju sabiex iżidu l-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità determinanti u għandu jkollhom mill-ġdid kapaċità suffiċjenti sabiex jipproċessaw dawn l-applikazzjonijiet konformement ma’ din id-direttiva. Huwa għalhekk li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi l-possibbiltà li t-terminu ta’ eżami tal-imsemmija applikazzjonijiet jiġi estiż b’perijodu li ma jistax jaqbeż disa’ xhur addizzjonali.

55

Minn dan isegwi li n-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li għad iridu jiġu pproċessati fil-mument li sseħħ iż-żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet ippreżentati simultanjament ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu ċirkustanza li tiġġustifika estensjoni skont il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32. Meta n-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet jibqa’ dejjem għoli għal perijodu twil, huwa l-Istat Membru li għandu jipprevedi favur l-awtorità determinanti mezzi xierqa sabiex jiżguralha kapaċità ta’ pproċessar suffiċjenti, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-diffikultà, fil-prattika, li tiġi konkluża l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit-terminu ta’ sitt xhur ma tistax toriġina minn ċirkustanzi oħra għajr in-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet ippreżentati simultanjament, bħall-eżistenza minn qabel ta’ volum sinjifikattiv ta’ applikazzjonijiet mhux ipproċessati jew l-insuffiċjenza ta’ persunal tal-awtorità determinanti.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-terminu ta’ sitt xhur previst għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi estiż b’disa’ xhur mill-awtorità determinanti fil-każ li jkun hemm żieda sinjifikattiva, fi żmien qasir, fin-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet meta mqabbel mat-tendenza abitwali u prevedibbli fl-Istat Membru kkonċernat, li jeskludi s-sitwazzjoni kkaratterizzata minn żieda progressiva fin-numru tal-imsemmija applikazzjonijiet fuq perijodu twil.

 

2)

Il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-diffikultà, fil-prattika, li tiġi konkluża l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit-terminu ta’ sitt xhur ma tistax toriġina minn ċirkustanzi oħra għajr in-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet ippreżentati simultanjament, bħall-eżistenza minn qabel ta’ volum sinjifikattiv ta’ applikazzjonijiet mhux ipproċessati jew l-insuffiċjenza ta’ persunal tal-awtorità determinanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.