|
13.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 155/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta’ Novembru 2007
dwar l-iskema tal-Karti ta’ l-Istampar u tal-Kitba WRAP notifikata mir-Renju Unit, (irreġistrata taħt in-numru tad-dokument C 45/05)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5421)
(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/440/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62.1(a) tiegħu,
Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (1), u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
B'ittra tat-22 ta’ Lulju 2005, irreġistrata fil-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2005 bin-numru A/6948, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni skema għaż-żieda tal-kapaċità tal-manifattura tal-karti ta’ l-istampar u tal-kitba (minn hawn 'il quddiem “P&W”) mill-fibra rriċiklata taħt il-Programm ta’ Azzjoni dwar l-Iskart u r-Riżorsi (WRAP). In-notifika ġiet irreġistrata taħt in-numru N 364/05. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni b'ittra datata d-9 ta’ Settembru 2005, irreġistrata bin-numru D/56952. Ir-Renju Unit irrisponda b'ittra datata t-28 ta’ Ottubru 2005, u rreġistrata fis-7 ta’ Novembru 2005 bin-numru A/38954. |
|
(2) |
Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE. Fl-24 ta’ Jannar 2006, ir-Renju Unit bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu b'risposta għad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti fl-10 u l-14 ta’ Frar 2006 minn M-Real, manifattur tal-karta rriċiklata P&W b'siti ta’ produzzjoni fir-Renju Unit u mill-Confederation of Paper Industry (minn hawn 'il quddiem “CPI”), l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit li tirrappreżenta l-industrija tal-karta. Ir-Renju Unit irrisponda għall-kummenti mit-terzi fit-3 ta’ Mejju 2006. Fid-19 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit għal aktar informazzjoni. Ir-Renju Unit irrisponda fil-11 ta’ Mejju 2007. Fl-14 ta’ Lulju 2007, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni fil-21 ta’ Awwissu 2007, u fl-10 u l-14 ta’ Settembru 2007. |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
L-Awtorità li qed tagħmel l-għotja
|
(3) |
WRAP hija kumpanija stabbilita mill-Gvern tar-Renju Unit bi sħab ma’ azzjonisti oħra sabiex tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli ta’ l-iskart, u aktar speċifikament tippromwovi swieq effiċjenti għal materjali u prodotti riċiklati. L-għan ċentrali tagħha huwa li tippermetti lis-swieq tal-prodotti rriċiklati sabiex jiffunzjonaw b'mod aktar effettiv billi tistimola d-domanda għal materjali u prodotti rriċiklati, u b'dan ittejjeb l-ekonomija tal-ġbir. Minkejja li WRAP tiffunzjona bħala anness tal-Gvern u timplimenta l-politika tal-gvern, hija għandha l-forma ta’ kumpanija privata. L-azzjonisti ta’ WRAP jinkludu diversi rappreżentanti ta’ l-industriji li għandhom xi interess fil-ġestjoni ta’ l-iskart, fosthom il-Confederation of Paper Industries u ċ-Chartered Institute of Waste Managment, karitajiet bħal Wastewatch, u rappreżentanti tal-gvernijiet devoluti u dak Brittaniku. |
L-għanijiet
|
(4) |
L-għan ta’ l-iskema nnotifikata huwa li jiżdiedu l-ġbir u r-reċiklaġġ tal-karti ta’ l-istampar u tal-kitba (P&W) mill-uffiċċji u l-impriżi billi tiżdied il-kapaċità tar-reċiklaġġ taħt l-obbligu li jinġabar aktar skart tal-karti. Ir-Renju Unit jistenna li l-kapaċità miżjuda tar-reċiklaġġ, marbuta ma’ l-obbligu legali tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna li juża ġbir ġdid addizzjonali, se twassal għal żieda netta fi ġbir addizzjonali ta’ skart tal-karti P&W. Id-definizzjoni tal-karti ta’ l-istampar u l-kitba kif użata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit tinkludi t-tipi li ġejjin ta’ karti mingħajr injam: karti għal pubblikazzjonijiet stampati, karti tal-copiers/printers u karti tar-rivisti. Ir-Renju Unit eskluda tipi oħra ta’ karti mingħajr injam bħall-karti tat-tissues u kull tip ta’ karti li fihom l-injam minn din is-sejħa għall-offerti. Attwalment, il-biċċa l-kbira tal-karti prodotti mill-impriżi u l-uffiċċji ma jinġabrux u ma jiġux imqassma għar-riċiklaġġ, partikolarment minħabba diffikultajiet tekniċi, l-ispejjeż baxxi tal-landfills, u l-volatilità tal-prezz. L-istatistika ta’ l-2006 mill-Confederation of Paper Industries wriet li l-ġbir tal-karti P&W fir-Renju Unit huwa ta’ madwar 10 % (2). |
Is-sejħa għall-offerti
|
(5) |
WRAP bi ħsiebha tindirizza l-għanijiet billi toffri għotjiet lil manifatturi tal-karti sabiex iżidu l-kapaċità tar-riproċessar tal-karti P&W li tutilizza l-aktar skart tal-karti minn uffiċċji u impriżi bħala l-input tagħha ta’ materja prima. Il-baġit għal din il-miżura huwa ta’ bejn GBP 6 miljun u GBP 20 miljun. (madwar EUR 8,6 miljun u EUR 28,6 miljun). Il-baġit se jkopri l-perjodu sal-31 ta’ Marzu 2011. Bejn żewġ u għaxar produtturi tal-karti huma mistennija li jibbenefikaw mill-għajnuna. L-għajnuna hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tad-Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali (DEFRA). |
|
(6) |
L-għajnuna nnotifikata għandha tingħata wara proċess kompetittiv ta’ offerti, fuq il-linji tal-proċeduri ta’ l-akkwisti pubbliċi tal-KE. Il-kundizzjonijiet li ġejjin huma partikolarment relevanti. |
Akkwist ta’ l-iskart tal-karti
|
(7) |
L-offerta li tirbaħ trid tkun waħda li l-ġbir tagħha jkun predominantement minn uffiċċji u impriżi u ta’ skart tal-karti P&W. Għaldaqstant, id-dokument tas-sejħa għall-offerti se jiddikjara li “s-sors ta’ materja prima jrid ikun, bħala minimu, u f'din l-ordni ta’ prijorità:
Minbarra dan, mill-inqas 50 % ta’ l-iskart tal-karti jrid jiġi minn uffiċċji u impriżi u, bl-istess mod, mill-inqas 50 % ta’ l-iskart tal-karti jrid jiġi minn ġbir ġdid ta’ materja prima mhux diġà miġbura għar-riċiklaġġ. |
|
(8) |
Billi jiġi pprijoritizzat il-ġbir minn uffiċċji u impriżi fuq il-bqija tas-sorsi fis-sejħa, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jistennew li se jkun probabbli ħafna li offerta li tinkludi proporzjoni għoli ta’ skart tal-karti mid-djar jew ġbir eżistenti, minflok skart tal-karti mingħajr injam P&W minn uffiċċji u/jew impriżi, ma tirnexxix. |
Intensità ta’ l-għajnuna u spejjeż eliġibbli
|
(9) |
Filwaqt li l-intensità finali ta’ l-għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju se tirriżulta mis-sejħa, l-intensitajiet massimi għal impriżi kbar u għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju huma ta’ 30 % u 40 % rispettivament. Dawn l-intensitajiet jistgħu jiġu miżjuda b'5 % jekk il-benefiċjarju jkun ibbażat f'reġjun megħjun skond l-Artikolu 87(3)(ċ) jew b'10 % jekk il-benefiċjarju jkun ibbażat f'reġjun megħjun skond l-Artikolu 87(3)(a). |
|
(10) |
F'każijiet fejn l-investiment sħiħ ma jkunx se jsir mingħajr l-għajnuna, u parti minn dak l-investiment jew l-investiment kollu jmur lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija, ir-Renju Unit juża komparatur xieraq. L-ispejjeż eliġibbli se jkunu kalkulati netti mill-benefiċċji illi joħorġu minn żjieda fil-kapaċità, l-iffrankar fl-ispejjeż illi jkunu saru fl-ewwel ħames snin tal-ħajja ta’ l-investiment u l-produzzjoni anċillari addizzjonali matul dak il-perjodu ta’ ħames snin. |
|
(11) |
Fil-każ li l-għajnuna tirrigwarda, pereżempju investiment f'impjant ta’ produzzjoni P&W ġdid skond il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali, minn hawn 'il quddiem “il-linji gwida ambjentali” (3), l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż ta’ l-investiment ta’ impjant ġdid, bl-ispejjeż ta’ impjant konvenzjonali komparabbli P&W mnaqqsa minnhom. Jekk, minflok, il-proġett jirrigwarda biss unità addizzjonali għat-tneħħija tal-linka ma’ unitajiet eżistenti għat-tneħħija tal-linka, jew maħsuba għall-bini ta’ kapaċità ta’ produzzjoni ġdida iżda jaqbel li jżid unità addizzjonali għat-tneħħija tal-linka sabiex jikkonforma mal-kriterji ta’ l-iskema, f'dak il-każ l-ispejjeż addizzjonali ta’ l-investiment meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet ambjentali jkunu sempliċiment l-ispejjeż ta’ dawn l-unitajiet addizzjonali għat-tneħħija tal-linka. |
|
(12) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkommettew ruħhom li jibagħtu rapport kull sena lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport se jkun fih deskrizzjoni, għal kull benefiċjarju, tal-komparatur użat sabiex jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli l-investiment ta’ referenza teknikament komparabbli li ma jipprovdix l-istess grad ta’ ħarsien ambjentali, f'konformità mal-prinċipju msemmi fil-punt 37 tal-linji gwida ambjentali. |
L-investiment għandu jmur “lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija”
|
(13) |
Ir-Renju Unit se jissussidja biss investimenti għall-produzzjoni ta’ karti P&W minn skart tal-karti P&W mingħajr injam meta l-investiment imur lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija. Dan ifisser li l-proġetti għandhom jinvolvu teknoloġija ġdida fil-faċilitajiet u l-proċessi tagħhom, li l-ittestjar jew id-dimostrazzjoni tagħhom tkun ta’ għajnuna biex jiġi solvut l-impediment tekniku ewlieni għar-riċiklaġġ tal-karti P&W, jiġifieri t-tneħħija tal-linka minn skart tal-karti mingħajr injam. Proċess effettiv ħafna ta’ tneħħija tal-linka huwa kruċjali, għaliex il-konsumaturi tal-karti P&W jridu karta ċara, nadifa u bajda sabiex jistampaw fuqha. Ir-Renju Unit issottometta li l-karti ta’ l-uffiċċji huma stampati b'dawn il-proċessi ta’ stampar li ġejjin: Proċessi ta’ stampar għall-karti ta’ l-uffiċċju (*1)
|
|
(14) |
Hemm, madankollu, volum sinifikanti ħafna (u li qed jiżdied malajr) ta’ dawn il-proċessi ta’ stampar, li bħalissa ma tistax titneħħielhom il-linka b'mod effiċjenti u li jirrispetta l-ambjent (4). Il-linka involuta tinkludi b'mod partikolari linka bbażata fuq l-ilma, inkluża l-linka kollha ta’ l-ink jets, bosta mil-linka solid toner u l-ewwel ġenerazzjoni kollha tal-liquid toner inks. Minbarra dan, linka li tikkonsisti minn partikuli ta’ daqs bejn 10μm u 100μm tista', fit-teorija titneħħa, iżda l-effiċjenza ta’ dan il-proċess tiddeterjora b'mod sinifikanti lejn in-naħat ta’ fuq u ta’ isfel ta’ dan l-ispettru (5). Riċerka reċenti wriet li l-preżenza ta’ mqar 10 % linka sewda ta’ l-inkjet ibbażata fuq il-pigmenti f'taħlita ta’ karti rkuprati tneħħi l-abilità li l-linka titneħħa mit-taħlita sħiħa b'tali mod li ma tibqax adattata sabiex tiġi prodotta l-karta P&W (6). |
|
(15) |
Produtturi eżistenti tal-karti minn skart tal-karti P&W, bħal M-Real, jiddependu fuq sorsi speċjalizzati ta’ skart tal-karti P&W, bħal stampaturi kummerċjali, li jipprovdu materjal ta’ kwalità affidabbli u konsistenti, u jużaw linka li fil-biċċa l-kbira titneħħa relattivament faċilment. L-iskart imħallat mill-uffiċċji li huwa l-mira tas-sejħa, se jkun fih proporzjon għoli ta’ linka ta’ l-inkjet u toner li t-tneħħija tagħha tippreżenta problemi teknoloġiċi li għadhom ma ġewx solvuti (7). |
|
(16) |
Minbarra l-aspetti purament tekniċi, kull min tintlaqa' l-offerta tiegħu jkollu juri li biħsiebu juża teknoloġija u/jew proċessi li jmorru lilhinn mit-teknoloġija li diġà ġiet żviluppata u li qed tintuża llum, jiġifieri li hija “ekonomikament profitabbli u għaldaqstant prattika normali”. |
Notifika ta’ ammonti individwali kbar ta’ għajnuna
|
(17) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit impenjaw ruħhom, f'konformità mal-paragrafu 76 tal-linji gwida ambjentali, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull każ individwali ta’ għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Iskema fejn l-ispejjeż eliġibbli jaqbżu l-Eur 25 miljun u fejn l-għajnuna taqbeż l-ekwivalenti f'għotja grossa ta’ Eur 5 miljuni, u li ma jagħtux din l-għajnuna qabel ma tkun awtorizzatha l-Kummissjoni. |
Miżuri xierqa
|
(18) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit impenjaw ruħhom li jadattaw l-iskema għal-linji gwida ambjentali ġodda meta dawn jidħlu fis-seħħ u li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri xierqa meħuda sabiex tiġi adattata l-iskema. |
3. RAĠUNIJIET SABIEX TIĠI INIZJATA L-PROĊEDURA TA’ L-ARTIKOLU 88(2)
|
(19) |
Fid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji li ġejjin fir-rigward tal-kompatibilità ta’ l-iskema. |
|
(20) |
Il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-ġustifikazzjoni wżata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-utilizzazzjoni baxxa kurrenti tal-kontenut riċiklat fil-produzzjoni tal-karti P&W fil-Komunità kienet biżżejjed sabiex jiġi ddikjarat li l-manifattura ta’ karti P&W bl-użu tal-fibra riċiklabbli tmur lilhinn mill-“istat kurrenti tat-teknoloġija” fil-Komunità. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni kellha dubji li żieda fil-kapaċità tal-manifattura tal-karti fir-Renju Unit kienet meħtieġa sabiex tiżdied id-domanda għall-ġbir ta’ l-iskart tal-karti. |
|
(22) |
Il-Kummissjoni kellha dubji li l-miżura kienet immirata sabiex timmassimizza l-benefiċċji ambjentali, ladarba l-iskart tal-karti P&W jista’ jintuża fil-manifattura ta’ bosta prodotti oħra. |
|
(23) |
Il-Kummissjoni kellha dubji fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż eliġibbli proposti mir-Renju Unit. Il-metodu inizjalment propost mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kien ibbażat fuq il-premessa li fejn is-suq ma jwassalx għall-investiment ikkonċernat, l-ispejjeż eliġibbli relevanti jkunu l-ispejjeż kollha ta’ l-investimenti. Għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ investiment ta’ referenza li joħloq l-istess kapaċità, iżda li ma jipprovdix l-istess benefiċċji ambjentali, ma jitnaqqasx. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li mingħajr ma jitqies dan l-investiment ta’ referenza, il-kalkolu ta’ l-ispejjeż ikun sproporzjonat u mhux konsistenti mal-punt 37 tal-linji gwida ambjentali. |
|
(24) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha dubji jekk il-miżura proposta mir-Renju Unit kenitx l-istrument li jikkawża l-anqas tfixkil tas-suq sabiex tiġi indirizzata l-problema kkonċernata. |
4. KUMMENTI MINN TERZI
|
(25) |
Sew M-Real u CPI kienu tal-fehma li l-iskema proposta mir-Renju Unit kienet tmur lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija, mingħajr madankollu, ma speċifikaw dan fid-dettall. Is-CPI esprimiet ruħha wkoll favur il-benefiċċji ambjentali tal-miżura u saħqet li l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni ma seta' jirriżulta mill-iskema. |
5. KUMMENTI MIR-RENJU UNIT
|
(26) |
Wara l-ftuħ tal-proċedura, ir-Renju Unit ta impenji ulterjuri dwar l-implimentazzjoni ta’ l-iskema nnotifikata (ara t-taqsima 2) u pprovda aktar informazzjoni u argumenti sabiex jindirizza d-dubji li kienet identifikat oriġinarjament il-Kummissjoni. Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni xjentifika u statistika dwar l-istat tat-teknoloġija fir-riċiklaġġ tal-karti P&W. |
|
(27) |
Fir-rigward tal-benefiċċji ambjentali, ir-Renju Unit kien tal-fehma li l-użu ta’ l-iskart tal-karti P&W għal karti P&W ġodda huwa aktar effiċjenti mill-użu ta’ dan l-iskart għal karti tat-tissues jew għall-produzzjoni ta’ l-enerġija. Minbarra dan, l-infrastruttura kurrenti u l-użi eżistenti ta’ l-iskart tal-karti P&W ma jkunux biżżejjed sabiex jassorbu l-kwantitajiet ta’ skart tal-karti P&W li qed jiġu prodotti. Huwa mistenni li din il-problema se tiżdied fil-futur hekk kif il-konsum ta’ l-iskart tal-karti P&W jiżdied, u konsegwentement l-ammont ta’ skart tal-karti P&W jiżdied ukoll. Għaldaqstant, ir-Renju Unit jemmen li bil-ħolqien ta’ użi ġodda għall-iskart tal-karti P&W, huwa se jnaqqas l-ammont ta’ skart tal-karti P&W li jmur f'landfills jew għal użi anqas effiċjenti ta’ l-iskart, bħall-karburanti. |
|
(28) |
Ir-Renju Unit sostna li r-raġunijiet għan-nuqqas fundamentali fis-suq jinsabu fin-nuqqas ta’ użi sostenibbli għall-ammont żejjed li dejjem qed jikber ta’ skart tal-karti P&W u li din hija r-raġuni ewlenija għaliex qed tiġi proposta din l-iskema. Li jiġi inkoraġġit ir-reċiklaġġ huwa, għalhekk, l-aħjar mod sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas fis-suq u jinkisbu benefiċċji ambjentali. |
6. EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA
6.1. Eżistenza ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE
|
(29) |
Taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, “kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”. |
|
(30) |
F'dan il-każ, il-miżura se tkun iffinanzjata minn riżorsi mogħtija mill-Istat taħt il-programm WRAP. L-għajnuna se tingħata lil benefiċjarji individwali. Il-proċeduri kompetittivi ta’ l-għażla jistgħu jassiguraw li l-ammont tas-sussidju jiġi limitat għall-minimu, iżda ma jneħħux il-karattru ta’ għajnuna tal-miżura. Il-miżura tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni, għaliex tista’ tkopri parti sinifikanti mill-ispejjeż ta’ l-investiment, li jippermetti lill-benefiċjarju sabiex iżomm prezz aktar baxx għall-karti P&W li jipproduċi. Il-miżura se taffettwa s-suq għall-karti ġodda, iżda wkoll dak għall-iskart tal-karti, li huwa riżorsa ta’ valur b'domanda mill-industrija tal-karti. Huwa probabbli li l-miżura taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ladarba sew il-karti ġodda u kif ukoll l-iskart tal-karti huma nnegozjati internazzjonalment. Ammont kbir mill-konsum tal-karti fir-Renju Unit huwa importat l-aktar minn Stati Membri oħra u r-Renju Unit huwa fost l-akbar esportaturi ta’ l-iskart tal-karti (8). |
|
(31) |
Għaldaqstant, l-iskema tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. |
|
(32) |
Billi nnotifika l-iskema kurrenti lill-Kummissjoni, ir-Renju Unit wettaq l-obbligu ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. |
6.2. Il-kompatibilità ta’ l-għajnuna għall-investiment għaż-żieda tar-rata tar-riċiklaġġ tal-karti taħt il-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali
|
(33) |
Minkejja li l-għajnuna qed tingħata bil-għan tal-ħarsien ambjentali, hija ma taqax fl-ambitu tal-linji gwida ambjentali. Il-punt 29 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali ma japplikax għall-għajnuna għall-investimenti fil-kapaċità tar-reċiklaġġ tal-karti wkoll jekk din iżżid ir-rata tar-reċiklaġġ tal-karti P&W. Dan il-punt japplika għall-għajnuna li tinkoraġġixxi lill-benefiċjarju sabiex inaqqas it-tniġġis tiegħu. Huwa ma japplikax għall-għajnuna li tinkoraġġixxi lill-benefiċjarju sabiex inaqqas it-tniġġis iġġenerat mill-attivitajiet ta’ impriżi oħra. Il-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali huma bbażati fuq il-prinċipju ġenerali li “min iniġġes iħallas”, u kull interpretazzjoni tal-linji gwida għandha tikkonforma b'mod strett ma’ dan il-prinċipju bażiku. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 18(b) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali li jgħid li l-għajnuna “tista' taġixxi ta’ inċentiva għall-impriżi sabiex itejbu l-istandards jew jagħmlu aktar investiment maħsub sabiex inaqqas it-tniġġis mill-impjanti tagħhom” u hija ġiet applikata b'dan il-mod mill-Kummissjoni f'każijiet oħra ta’ investimenti li jżidu l-kapaċità tar-reċiklaġġ tal-karti. |
|
(34) |
L-iskema tista’ żżid il-kapaċità tal-produzzjoni tal-karti P&W, li jwassal għal żieda fil-kwantitajiet ta’ skart tal-karti li jiġi reċiklat biss parzjalment. Fi kwalunkwe każ, parti biss mill-iskart tal-karti użat għall-manifattura tal-karti P&W se tikkonsisti f'karti mibjugħa minn kull benefiċjarju nnifsu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa improbabbli li ż-żieda fir-rata tar-reċiklaġġ tal-karti twassal għal tnaqqis fit-tniġġis tal-benefiċjarju stess. Huwa aktar probabbli li l-benefiċċji ambjentali jistgħu jirriżultaw minn effetti indiretti fuq il-provvista u d-domanda għall-iskart tal-karti li jaffettwa lill-utenti u l-fornituri ta’ l-iskart tal-karti kkonċernat, u mhux biss lill-benefiċjarju. |
|
(35) |
Interpretazzjonijiet oħra tal-linji gwida jista’ jkollhom l-effett li l-Istati Membri jissussidjaw investimenti kbar, b'intensitajiet kbar, f'dawk is-setturi kollha fejn prodotti użati jistgħu jiġu użati bħala materjali għall-produzzjoni jew fejn dan l-użu jkun il-prattika ġenerali f'dak is-settur. Minbarra dan, wara interpretazzjoni bħal din, ir-regoli jkunu jistgħu jiġu evitati billi tingħata għajnuna mhux lil min iniġġes, li taħt il-liġi tal-Komunità ma jkunx obbligat li jieħu ħsieb tat-tinġis tal-kumpanija l-oħra, iżda lill-kumpaniji li jkunu qed jieħdu ħsieb tat-tniġġis. |
|
(36) |
Madankollu, kif spjegat aktar 'il fuq, huwa possibbli li parti(jiet) mill-proġetti magħżula ta’ investiment ikunu eliġibbli għal għajnuna ambjentali għal raġunijiet oħra. |
6.3. Il-kompatibilità ta’ l-għajnuna għall-investiment maż-żieda tar-rata tar-riċiklaġġ tal-karti taħt il-linji gwida reġjonali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat
|
(37) |
Ir-Renju Unit ma pprovdiex informazzjoni li tista’ tippermetti li l-iskema tiġi approvata taħt il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007-2013 (9). |
|
(38) |
Minkejja li kienet ikkumplimentata maż-żidiet ta’ l-intensità reġjonali tal-linji gwida ambjentali, l-iskema ġiet notifikata esklussivament bħala għajnuna ambjentali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tieħu f'kunsiderazzjoni ż-żidiet ta’ l-intensità reġjonali ta’ l-iskema, iżda ma tistax tikkunsidra li l-iskema hija kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali. Madankollu, fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali tkun possibbli analiżi differenti meta l-Kummissjoni tevalwa n-notifiki individwali u tirċievi informazzjoni dwar il-benefiċjarji. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li regoli oħra bbażati fuq l-Artikolu 87(3)(ċ) mhumiex applikabbli, u li eżenzjonijiet oħra stabbiliti fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat tal-KE mhumiex applikabbli għall-iskema. |
6.4. Il-kompatibilità ta’ l-għajnuna direttament fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ)
|
(40) |
Ladarba l-linji gwida ambjentali mhumiex applikabbli, il-każ irid jiġi evalwat direttament fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 97(3)(ċ). Fil-fatt, il-Kummissjoni għamlet dan fil-passat, partikolarment f'żewġ okkażjonijiet għal skema ta’ riċiklaġġ amministrata minn WRAP (10) u żewġ każijiet oħra fl-industrija tal-karti (11). |
|
(41) |
Għall-għajnuna dwar l-investiment fejn il-benefiċjarji jnaqqsu l-iskart iġġenerat minn impriżi oħra (b'mod partikolari l-ġestjoni ta’ l-iskart u r-reċiklaġġ), il-Kummissjoni konsistentement applikat il-kriterji li ġejjin, li huma addizzjonali għall-kundizzjonijiet għall-għajnuna dwar l-investiment stabbiliti fil-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali:
|
a) L-investiment ma jkollux l-effett li indirettament inaqqas piż taħt il-liġi ta’ l-UE minn fuq dawk li jniġġsu
|
(42) |
Minkejja li hemm objettivi Komunitarji fir-rigward tar-reċiklaġġ ta’ l-iskart tal-karti impost mid-Direttiva tal-Kunsill 99/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar il-landfills (12) ta’ l-iskart, m'hemm l-ebda obbligu taħt il-liġi ta’ l-UE sabiex il-fabbriki tal-karti jiġbru jew jirreċiklaw il-karti li jkunu biegħu. Minbarra dan, m'hemm l-ebda obbligu taħt il-liġi ta’ l-UE fuq uffiċċji u utenti oħra tas-settur privat sabiex dawn jassiguraw il-ġbir u r-reċiklaġġ tal-karti li jużaw. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-iskema proposta mir-Renju Unit ma teħlisx lill-benefiċjarji jew lill-fornituri ta’ l-iskart tal-karti minn xi piż taħt il-liġi ta’ l-UE. |
b) l-investiment għandu jmur lilhinn mill-“istat kurrenti tat-teknoloġija” jew għandu juża teknoloġiji konvenzjonali b'mod innovattiv li hu favorevoli għall-ambjent
|
(43) |
Fil-prattika reċenti tal-Kummissjoni, “l-istat kurrenti tat-teknoloġija” ġie interpretat bħala proċess li fih l-użu ta’ prodott ta’ skart sabiex jiġi mmanifatturat prodott finali huwa prattika normali u ekonomikament profitabbli. Fejn xieraq, il-kunċett ta’ “l-istat kurrenti tat-teknoloġija” għandu jkun interpetat minn perspettiva Ewropea teknoloġika u tas-suq komuni. |
|
(44) |
B'mod ġenerali, l-użu ta’ l-iskart tal-karti għall-manifattura tal-karti hija attività profitabbli u li qed tikber (13). F'każijiet fil-passat, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għal ċerti tipi ta’ karti, l-użu ta’ l-iskart tal-karti m'għandux jitqies li jmur lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija fil-Komunità (14). |
|
(45) |
Madankollu, l-iskema ppreżentata mir-Renju Unit hija limitata għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-karti P&W mill-iskart tal-karti P&W. L-istatistika kkummentata mir-Renju Unit turi li r-rata tar-reċiklaġġ ta’ l-iskart tal-karti P&W fl-UE hija eċċezzjonalment baxxa f'relazzjoni mal-gradi l-oħra tal-karti. Aktar importanti minn dan, hemm ostakli teknoloġiċi li jimpedixxu l-manifattura tal-karti P&W mill-iskart tal-karti P&W, b'mod partikolari d-diffikultà sabiex jitneħħew xi tipi ta’ linka użata għall-istampar tal-karti P&W. Minbarra dan, kif se jiġi assigurat mir-Renju Unit, l-għajnuna mhix se tingħata f'relazzjoni mat-teknoloġija li diġà ġiet żviluppata u li diġà qed tintuża, jiġifieri t-teknoloġija li hija ekonomikament profitabbli u għalhekk prattika normali. |
|
(46) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni taċċetta li l-investiment eliġibbli taħt l-iskema kif deskritta aktar 'il fuq, għat-tneħħija tal-linka mill-iskart tal-karti P&W, tmur lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija fil-Komunità. Madankollu, il-Kummissjoni se jkollha tevalwa l-konformità ma’ dan il-kriterju f'aktar dettall jekk ir-Renju Unit jinnotifika għotjiet individwali kbar taħt l-iskema skond l-impenn tiegħu msemmi fil-punt 17 aktar 'il fuq. |
ċ) Altrimenti il-materjal trattat jitneħħa, jew jiġi ttrattat b'mod li jirrispetta anqas l-ambjent, u d) l-investiment ma jkollux biss l-effett li jżid id-domanda għall-materjal li għandu jiġi riċiklat mingħajr ma jżid il-ġbir ta’ dak il-materjal
|
(47) |
Ladarba r-Renju Unit qed jimponi kundizzjonijiet xierqa fir-rigward tal-proporzjon minimu ta’ l-iskart tal-karti li altrimenti ma jinġabarx u jiġi mormi f'landfill, il-Kummissjoni hija assigurata li l-iskema se ġġib benefiċċju ambjentali sostanzjali u reali. Effetti sekondarji mill-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u ż-żieda fid-domanda għall-iskart tal-karta P&W jistgħu jkomplu jżidu l-benefiċċji ambjentali ta’ l-iskema. |
|
(48) |
Fi kwalunkwe każ, l-għajnuna ma tinfluwenzax biss min juża l-karti, iżda effettivament iżżid il-ġbir tal-karti. |
|
(49) |
Il-kundizzjoni ta’ minimu ta’ 50 % tal-feedstock mhux preċedentement miġbura għar-reċiklaġġ hija importanti għat-tnaqqis tat-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-kompetituri li wkoll jużaw l-iskart tal-karti P&W, bħall-manifatturi tal-karta tat-tissues u l-bejjiegħa tal-polpa reċiklata. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni se jkollha tħares f'aktar dettall lejn it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni u l-benefiċċji ambjentali tal-każijiet individwali li jistgħu jiġu nnotifikati mir-Renju Unit skond l-impenn tiegħu deskritt fil-punt (17), sabiex tivvaluta l-livell ta’ ġbir mill-uffiċċji u l-impriżi, il-livell ta’ ġbir ġdid addizzjonali u l-ġbir mill-SMEs. |
L-intensitajiet ta’ l-għajnuna
|
(51) |
L-intensitajiet notifikati ta’ l-għajnuna huma konformi mal-punti 34 u 35 tal-linji gwida ambjentali. |
Spejjeż Eliġibbli
|
(52) |
F'każijiet fil-passat li kienu jirrigwardaw iż-żieda tal-kapaċità tar-reċiklaġġ tal-karti, il-Kummissjoni għamlet parallel mal-linji gwida ambjentali (15). Il-punt 37 tal-linji gwida ambjentali jistabbilixxi li l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati strettament għall-ispejjeż addizzjonali ta’ investiment neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali. Kif deskritt fil-punti minn 9 sa 11 aktar 'il fuq, ir-Renju Unit impenja ruħu li jirrispetta dan il-punt. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna tista’ tirrigwarda sitwazzjonijiet differenti ħafna minn xulxin bħal investimenti f'kapaċità ġdida ta’ produzzjoni tal-karti sew jekk jiġu sostitwiti l-istallazzjonijiet u kif ukoll jekk le, investimenti fil-konverżjoni jew bidliet oħra fil-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni tal-karti P&W, investimenti f'istallazzjonijiet ġodda ta’ l-ippulpjar, investimenti fil-konverżjoni jew bidliet oħra f'istallazzjonijiet eżistenti ta’ l-ippulpjar, investimenti f'istallazzjonijiet ġodda tat-tneħħija tal-linka, investimenti fil-konverżjoni ta’ istallazzjonijiet eżistenti tat-tneħħija tal-linka u f'bidliet għalihom u investimenti oħra. F'dan ir-rigward, ir-Renju Unit impenja ruħu li jikkalkula fil-każijiet kollha l-ispejjeż eliġibbli billi jnaqqas mill-ispejjeż ta’ l-investiment kull komparatur xieraq (16). Il-Kummissjoni hija konxja li l-identifikazzjoni tal-komparatur xieraq jista’ jinvolvi valutazzjoni teknikament kumplessa. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit impenjaw ruħhom li jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni li jkun fih deskrizzjoni, għal kull benefiċjarju, tal-komparatur xieraq użat f'kull każ. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-impenji espressi mir-Renju Unit jillimitaw l-ispejjeż eliġibbli strettament għall-ispejjeż addizzjonali ta’ investiment neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ambjentali u jieħdu f'kunsiderazzjoni fil-każijiet kollha investiment komparabbli ta’ kapaċità simili li ma jipprovdix l-istess grad ta’ protezzjoni ambjentali. Ir-Renju Unit impenja ruħu li jirrispetta l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 76 tal-linji gwida ambjentali li jistipulaw l-obbligu li tiġi nnotifikata individwalment kull għajnuna li taqbeż il-Eur 25 miljun u fejn l-għajnuna taqbeż l-ekwivalenti ta’ l-għotja grossa ta’ Eur 5 miljuni. B'riżultat ta’ dan l-impenn, il-Kummissjoni se tkun tista’ tivverifika l-kalkolu ta’ l-ispejjeż eliġibbli għan-notifiki individwali ta’ ammonti kbar ta’ għajnuna. |
7. KONKLUŻJONI
|
(53) |
Il-miżura notifikata taqa' fid-definizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) u r-Renju Unit wettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-għajnuna skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. |
|
(54) |
L-għajnuna nnotifikata għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis iġġenerat mill-impriżi l-oħra iżda ma teħlisx indirettament lil dawn minn piż taħt il-liġi ta’ l-UE. L-għajnuna tirrigwarda investimenti li jmorru lilhinn mill-istat kurrenti tat-teknoloġija u hija mistennija li ġġib benefiċċji ambjentali reali għaliex tirrigwarda materjali li altrimenti kienu jintremew f'landfill jew jiġu trattati b'mod anqas favorevoli għall-ambjent. L-investiment ma jkollux biss l-effett li jżid id-domanda għall-materjal li għandu jiġi riċiklat mingħajr ma jżid l-ġbir ta’ dak il-materjal. |
|
(55) |
L-ispejjeż eliġibbli ta’ l-iskema se jiġu kkalkulati skond il-paragrafu 37 tal-linji gwida ambjentali. |
|
(56) |
F'konformità mal-paragrafu 76 tal-linji gwida ambjentali, ir-Renju Unit se jinnotifika lill-Kummissjoni dwar każijiet individwali ta’ għajnuna għall-investiment mogħti taħt l-Iskema fejn l-ispejjeż eliġibbli jkunu jaqbżu l-Eur 25 miljun u fejn l-għajnuna tkun taqbeż l-ekwivalenti ta’ għotja grossa ta’ Eur 5 miljuni. |
|
(57) |
Għaldaqstant, qed jiġi konkluż li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE. |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat innotifikata WRAP Printing and Writing Paper Scheme, li r-Renju Unit qed jippjana li joħroġ sejħa għall-offerti għaliha, b'baġit massimu ta’ GBP 20 miljun (madwar EUR 28,6 miljun) u li hi valida sal-31 ta’ Marzu 2011 hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE.
L-implimentazzjoni tal-miżura hija għalhekk awtorizzata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit.
Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(2) http://www.paper.org.uk/info/reports/fact2006colour0707.pdf
(*1) Carré B. & Magin. Is-7 Forum tar-Riċerka dwar ir-Riċiklaġġ, 2004.
(4) Valutazzjoni tas-suq dinamiku ta’ l-istampar u l-konsegwenzi potenzjali għas-settur tat-tneħħija tal-linka. Pira International. http://www.piranet.com/
(5) Digital Prints: a survey of the various deinkability behaviours. B- Carré, L. Magnin & C Ayala. Centre Technique du Papier Grenoble.
(6) Round Table Ewropea “Deinking of Digital Prints”. Munich. 31.1.2007. Axel Fischer. INGEDE
(7) Ara, pereżempju dokumenti mfassla mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ l-Industrija tat-Tneħħija tal-Inka (INGEDE). Bosta minnhom jistgħu jinstabu hawn: http://www.ingede.com/ingindxe/publications.html
(8) CEPI, Special Recycling 2004 Statistics. Paġna 5, jinstab hawn: http://www.cepi.org/files/Sp%20Rec%202005-135002A.pdf
(10) ĠU L 102, 7.4.2004, p. 59 u N 412/05.
(11) ĠU L 314, 28.11.2003, p. 26 u ĠU L 53, 26.2.2005, p. 66 rispettivament. Hemm ukoll kummenti dwar il-kriterji użati f'dawn il-każijiet fir-rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni ta’ l-2004.
(12) ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.
(13) CEPI, Special Recycling 2004 Statistics. Paġna 5, disponibbli fuq http://www.cepi.org/files/Sp%20Rec%202005-135002A.pdf. Ara wkoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f'Hamburger AG (C 72/01), 9 ta’ April 2002, ĠU L 296, 20.10.2002, p. 50, u Kartogroup (N184/2000), 18 ta’ Lulju 2001, ĠU C 5, 8.1.2002, p. 2.
(14) C 73/2003 – Stora Enso LangerBrugge, ĠU L 53, 26.2.2005, p. 66. F'dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li impjant li jimmanifattura l-karta tal-gazzetti minn rata ta’ 100 % ta’ skart tal-karti tal-gazzetti kien parti mill-istat kurrenti tat-teknoloġija fl-UE.
(15) C 73/2003 – Stora Enso LangerBrugge, ĠU L 53, 26.2.2005, p. 66.
(16) Meta ma jkun jeżisti l-ebda standard, l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż ta’ l-investiment meħtieġa sabiex jintlaħaq livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent ogħla minn dak illi l-azjenda jew l-azjendi kkonċernati jiksbu fin-nuqqas ta’ kull għajnuna għall-ambjent.