|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/509 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1681 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0108/2021), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta ECSEL dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita fis-6 ta' Mejju 2014 skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar "Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea" ("ECSEL"), għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024; |
|
B. |
billi l-Impriża Konġunta ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 561/2014 (1) f'Mejju 2014, li daħal fis-seħħ fis-27 ta' Ġunju 2014, biex tissostitwixxi u tieħu post l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC; |
|
C. |
billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, l-Istati Membri u, fuq bażi volontarja, il-Pajjiżi Assoċjati (Stati Parteċipanti), u l-assoċjazzjonijiet ta' membri privati (Membri Privati) li jirrappreżentaw il-kumpaniji kostitwenti tagħhom u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-kamp tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Unjoni; |
|
D. |
billi l-kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta għall-perjodu kollu ta' Orizzont 2020 jammontaw għal mhux aktar minn EUR 1 184 874 000 mill-fondi tal-Unjoni (inklużi l-approprjazzjonijiet tal-EFTA) għal spejjeż amministrattivi u operattivi, mill-anqas EUR 1 170 000 000 mill-Istati Parteċipanti għall-ispejjeż operattivi u proporzjonati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u mill-anqas EUR 1 657 500 000 mill-Membri Privati; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti") isib li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2019 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, skont it-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni; jinnota li t-tranżazzjonijiet ta' bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
2. |
Jinnota li l-baġit totali disponibbli tal-Impriża Konġunta (li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid fis-snin preċedenti, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena sussegwenti) għas-sena finanzjarja 2019 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 203 966 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 232 545 000; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 100 % u 80 % rispettivament; |
|
3. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-aħħar tal-2019, l-Unjoni kkontribwiet EUR 637 600 000 mill-fond tas-Seba' Programm Kwadru għall-kofinanzjament tal-attivitajiet tas-Seba' Programm Kwadru, u EUR 17 931 000 oħra għall-kofinanzjament tal-ispejjeż amministrattivi relatati, u li l-impenn akkumulat għal dawk l-attivitajiet li ħadet l-Impriża Konġunta f'Ġunju 2014 ammonta għal EUR 447 342 072 (ARTEMIS EUR 101 425 148 u ENIAC EUR 345 916 924); jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-aħħar tal-2019, l-Impriża Konġunta kienet diżimpenjat madwar EUR 21 800 000 (madwar, ARTEMIS EUR 10 700 000 u ENIAC EUR 11 100 000) u ħallset EUR 372 480 443 (ARTEMIS EUR 78 362 170 u ENIAC EUR 294 118 273); |
|
4. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli għall-2019 tal-Impriża Konġunta ta' EUR 44 805 000 għall-kofinanzjament tal-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru kienet ta' 45,3 % u li din ir-rata baxxa kienet prinċipalment dovuta għad-dewmien tal-awtoritajiet nazzjonali ta' finanzjament (NFAs) biex jipprovdu ċertifikati ta' tmiem il-proġett għall-attivitajiet li għadhom għaddejjin tas-Seba' Programm Kwadru; jinnota, barra minn hekk, li peress li l-programm ingħalaq fl-aħħar tal-2017, dak id-dewmien iżid ir-riskju li l-fondi tas-Seba' Programm Kwadru li diġà ġew allokati lill-Impriża Konġunta jistgħu ma jintużawx b'mod sħiħ; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza f'dak ir-rigward; |
|
5. |
Jinnota li t-30 Stat Parteċipanti huma meħtieġa jikkontribwixxu mill-anqas EUR 1 170 000 000 għall-attivitajiet operattivi ta' Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta matul il-perjodu previst fir-Regolament (UE) Nru 561/2014, u li fl-aħħar tal-2019, l-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fis-sejħiet għall-proposti mill-2014 sal-2018, daħlu għal impenji li jammontaw għal madwar EUR 763 530 000 u għamlu pagamenti ta' madwar EUR 341 600 000 (29,2 % tal-kontribuzzjonijiet totali meħtieġa); jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell baxx tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti jirriżulta minn xi Stati Parteċipanti li jirrikonoxxu u jirrappurtaw l-ispejjeż tagħhom lill-Impriża Konġunta sa wara li jitlestew l-proġetti ta' Orizzont 2020 li huma jappoġġaw; |
|
6. |
Jinnota li mill-EUR 1 657 500 000 tal-kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mill-anqas minn membri privati (tal-industrija) għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta matul il-perjodu previst għall-programm fir-regolament, fl-aħħar tal-2019, l-Impriża Konġunta stmat (jiġifieri rrapportat mhux ivvalidat) li l-membri kienu għamlu kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 705 410 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus tal-Unjoni fi tmiem l-2019 ta' EUR 681 483 000 (sa EUR 1 184 874 000 skont ir-Regolament (UE) Nru 561/2014) u l-kontribuzzjoni in natura vvalidata tal-industrija ta' EUR 102 559 000; jinnota barra minn hekk li l-kontribuzzjonijiet fi flus tal-membri tal-industrija kienu ta' EUR 14 922 000; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta tista' tikkalkula l-ammont attwali tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tal-industrija biss wara li tkun ivvalidat il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti fi tmiem il-programm u li dan il-fatt jispjega l-ammont għoli ta' kontribuzzjonijiet in natura irrappurtati iżda li għadhom ma ġewx ivvalidati tal-industrija; jistieden lill-Istati Parteċipanti jonoraw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 561/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-rapportar dwarhom; |
|
7. |
Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-impriżi konġunti li jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarja mill-membri privati tagħhom; jitlob l-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura fost l-impriżi konġunti; jissuġġerixxi li l-proċedura komuni jmissha tipprevedi metodi ta' evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tipprevedi l-iskrutinju tal-awditi li jkunu għamlu l-awdituri indipendenti esterni; jitlob ukoll qafas ġuridiku xieraq li jiżgura li l-ammont meħtieġ tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja se jintlaħaq sa tmiem il-programm; jinnota li l-qafas ġuridiku jista' jinkludi r-rekwiżiti għal kontribuzzjoni privata li titħallas qabel jew fl-istess mument bħall-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni; |
|
8. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit disponibbli għall-2019 għall-proġetti ta' Orizzont 2020 kienu 100 % għall-impenji u 89 % għall-approprjazzjonijiet ta' pagament, u li l-pagamenti ta' prefinanzjament għall-proġetti ta' Orizzont 2020 magħżula taħt is-sejħiet għall-proposti tal-2018 u l-2019 kienu jikkonsistu f'67 % tal-valur tal-pagamenti operazzjonali li saru matul is-sena; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta allokat mill-ġdid EUR 19 000 000 ta' approprjazzjonijiet ta' pagament mhux użati tas-snin preċedenti għall-baġit operazzjonali tal-2019, filwaqt li żiedet il-baġit inizjali għall-pagamenti ta' għotja ta' Orizzont 2020 minn EUR 163 080 000 għal EUR 182 147 000 u li l-Impriża Konġunta ġġustifikat ir-riallokazzjoni minħabba ż-żieda prevista tat-talbiet dwar l-ispejjeż fl-2019, b'rabta mas-sejħiet tal-2014 u l-2015 ta' Orizzont 2020, u li fl-aħħar tal-2019, 59 % tal-baġit riallokat kien ġie implimentat; |
Prestazzjoni
|
9. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tkejjel il-prestazzjoni operazzjonali u tal-programm, u KPIs komuni speċifiċi skont Orizzont 2020, filwaqt li timmonitorja wkoll il-kwistjonijiet trasversali permezz ta' indikaturi; |
|
10. |
Jitlob li l-Impriża Konġunta teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha. |
|
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jadottaw metodu approfondit li jsegwi l-prestazzjoni, bil-għan li jiġi evalwat il-valur miżjud tal-Impriża Konġunta u li jinkludi l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi kif ukoll l-impatt fuq is-suq; huwa tal-fehma li r-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-futur jew għal tqassim mill-ġdid tal-finanzjament tal-Unjoni; |
|
12. |
Jinnota l-ingranaġġ totali miksub fl-2019 għall-programm tal-Impriża Konġunta (jiġifieri, l-ispiża ta' Orizzont 2020 li minnha jitnaqqas il-finanzjament tal-Unjoni diviż bil-finanzjament tal-Unjoni) huwa ta' 3; barra minn hekk, jinnota li EUR 1 tal-finanzjament ta' Orizzont 2020 isaħħaħ ukoll EUR 0,93 tal-finanzjament nazzjonali jew tal-fondi strutturali u ta' investiment tal-Unjoni; |
|
13. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta nediet tliet sejħiet għal proposti fl-2019 (azzjoni ta' riċerka u innovazzjoni, azzjoni ta' innovazzjoni u azzjoni ta' koordinazzjoni u appoġġ), li rriżultaw fl-għażla ta' 15-il proġett kollaborattiv minn 40: tmien azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni u sitt azzjonijiet ta' innovazzjoni, kif ukoll azzjoni waħda ta' koordinazzjoni u appoġġ; jinnota, barra minn hekk, li ġew iffirmati ftehimiet ta' għotjiet għat-13-il proposta magħżula mis-sejħiet tal-2018 u li l-proġetti kollha bdew l-attivitajiet tagħhom fl-2019; jinnota, barra minn hekk, it-tliet inizjattivi fanal - Mobility.E, Industry4.E u Health.E - li jippermettu lill-komunità tal-Impriża Konġunta tkompli tilħaq lil komunitajiet oħra (pereżempju, billi tipprovdi għajnuna fl-avvanz tal-attività konġunta mal-IMI JU rigward il-proġett Trials@Home, b'talba speċjali fil-pjan ta' ħidma tal-2020 biex dan jiġi approvat); jinnota l-ilħuq tal-objettivi operattivi kollha tal-Impriża Konġunta għall-2019; |
|
14. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 kienet ta' 71 % fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta; |
|
15. |
Jinnota l-istudju tal-impatt indipendenti "Study on the impact of ECSEL funded actions" (Studju dwar l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-ECSEL) ippubblikat f'Lulju 2020, li kkonkluda li l-Impriża Konġunta diġà wasslet għal kisbiet sinifikanti kemm fil-livell ekonomiku kif ukoll f'dak tas-soċjetà, billi tipprovdi qafas pożittiv għall-bini tal-fiduċja u t-teħid ta' riskju u billi tikkontribwixxi b'mod ċar għall-istabbiliment tal-kundizzjoni jew l-ambjent it-tajba għall-innovazzjoni biex din isseħħ kemm fil-livell tal-proġett kif ukoll f'dak tal-programm; jinnota, barra minn hekk, li l-istudju kkonkluda li l-Impriża Konġunta tista' trawwem ir-riċerka u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet li huma ta' benefiċċju dirett għaċ-ċittadini tal-Unjoni u li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà; |
|
16. |
Jinnota li jeħtieġ tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat maħsub tal-prestazzjoni; ifakkar li d-DPI għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet tal-kreaturi individwali iżda joffru wkoll dettalji dwar il-mod kif id-drittijiet ikunu se jintużaw fil-futur; jinnota li billi l-attività hija ffinanzjata wkoll minn finanzjament pubbliku, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli għall-pubbliku u soġġetti għal rekwiżiti speċjali, bħall-interoperabbiltà, jekk meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ġuridiku fir-rigward tad-DPI u tal-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inklużi rekwiżiti speċjali u tqassim tal-profitti; |
|
17. |
Jinnota l-informazzjoni li tinsab fir-Rapport Annwali tal-Attività 2019 tal-Impriża Konġunta dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-komponenti u s-sistemi elettroniċi għall-proġetti ta' tmexxija Ewropea, li tindika li l-għadd totali ta' nisa involuti f'dawk il-proġetti li kienu għaddejjin fl-2019 u l-proġetti rrappurtati dik is-sena (li kienu għaddejjin fl-2014, l-2015 u l-2016, l-2017 u l-2018) kien jammonta għal 20 % li minnhom 13 % kienu relatati ma' attivitajiet ta' riċerka u 7 % ma' attivitajiet mhux ta' riċerka; |
|
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programmi ta' attivitajiet tal-Impriża Konġunta fil-futur se jirrispettaw ir-rekwiżiti u l-objettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-diġitalizzazzjoni u li se jsegwu l-istrateġiji fil-qasam elaborat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija; |
Kontrolli interni
|
19. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi, u li fl-aħħar tal-2019, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma bdietx il-proċess ta' implimentazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern (QKI) il-ġdid tal-Kummissjoni, ibbażat fuq 17-il prinċipju ta' kontroll intern, li hija obbligata timplimenta; jinnota mir-risposta tal-Impriża Konġunta li bdiet it-tranżizzjoni lejn il-QKI l-ġdid matul l-2020 bi pjan ta' azzjoni, u li qed tiddefinixxi l-kriterji ta' monitoraġġ tal-kontroll intern qabel il-validazzjoni mill-maniġment, u barra minn hekk li qabel ma titlesta t-tranżizzjoni tagħha għall-QKI l-ġdid, hija tkompli tapplika u timmonitorja s-sett komprensiv tagħha ta' standards ta' kontroll intern eżistenti; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar aġġornament f'dak ir-rigward; |
|
20. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta ħadet passi biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-awditi ex post mill-NFAs u kisbet dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-NFAs li jiddikjaraw li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi aċċertament raġonevoli fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet u li, madankollu, il-varjazzjoni sinifikanti fil-metodoloġiji u l-proċeduri użati mill-NFAs ma tippermettix lill-Impriża Konġunta tikkalkula rata unika affidabbli ta' żbalji ipponderata jew rata ta' żball residwu għall-pagamenti tas-Seba' Programm Kwadru; jinnota mir-rapport tal-Qorti, barra minn hekk, li għall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru, il-pagamenti li saru mill-Impriża Konġunta fl-2019 ammontaw għal EUR 20 305 796 (meta mqabbla ma' EUR 41 247 048 fl-2018), li rrappreżentaw 11,2 % (meta mqabbla ma' 22 % fl-2018) tal-pagamenti operazzjonali totali li saru mill-Impriża Konġunta fl-2019, u għal dawk il-pagamenti, il-Qorti applikat ir-rata ta' żball residwu stabbilita mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għas-Seba' Programm Kwadru kollu, li kienet ta' 3,52 % fl-aħħar tal-2019; |
|
21. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li għall-pagamenti ta' Orizzont 2020, is-servizz tal-awditjar komuni tal-Kummissjoni (CAS) huwa responsabbli għall-awditi ex post u li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta' żball rappreżentattiva ta' 3 % u rata ta' żball residwu ta' 1,48 % għall-proġetti ta' Orizzont 2020 (ikklirjar u pagamenti finali); jinnota, barra minn hekk, mill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar Orizzont 2020, li għall-infiq fir-riċerka taħt Orizzont 2020, riskju ta' żball, fuq bażi annwali, f'medda ta' bejn 2 % u 5 % huwa objettiv realistiku (b'kunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-kontrolli, il-miżuri ta' simplifikazzjoni proposti biex titnaqqas il-kumplessità tar-regoli u r-riskju inerenti relatat assoċjat mar-rimborż tal-ispejjeż tal-proġett ta' riċerka), u li l-għan aħħari għal-livell ta' żball residwu fl-għeluq tal-programmi (wara li jitqies l-impatt finanzjarju tal-awditi, il-miżuri ta' korrezzjoni u rkupru kollha) huwa li jinkiseb livell qrib kemm jista' jkun għal 2 %; |
|
22. |
Jinnota li l-Qorti awditjat, bħala parti mill-kontrolli tal-pagamenti operazzjonali, b'mod aleatorju, kampjun ta' pagamenti li saru fl-2019 taħt Orizzont 2020 fil-livell tal-benefiċjarji finali biex tikkorrobora r-rati ta' żball li ħarġu mill-awditjar ex post; jinnota li dawn l-awditi ddettaljati tal-Qorti żvelaw żbalji sistemiċi relatati mal-ispejjeż iddikjarati tal-persunal, bis-sorsi ewlenin ta' żbalji jkunu l-kalkolu żbaljat tar-rata fis-siegħa għal sid il-kumpanija u l-użu ta' rati fis-siegħa annwali mhux ibbażati fuq sena finanzjarja kompluta; jistieden lill-Impriża Konġunta ttejjeb is-sistema għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal tagħha u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dak ir-rigward; |
|
23. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat pjan ta' azzjoni f'April 2018 u li xi attivitajiet diġà tlestew, bil-maġġoranza tal-attivitajiet kellhom jiġu implimentati fl-2019, filwaqt li xi wħud tqiesu li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Impriża Konġunta; |
|
24. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-2019, l-Impriża Konġunta qablet dwar skeda ta' ħlas biex tirregolarizza s-sitwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet fi flus għall-ispejjeż amministrattivi li jammontaw għal aktar minn EUR 1 000 000 li ma ġewx fatturati lill-membru industrijali AENEAS, li tqajmet fil-awditu tal-Qorti rigward il-kwittanza tal-2018, u li ħarġet l-ewwel ordni ta' rkupru lill-AENEAS li tammonta għal EUR 549 500, u li skont l-iskeda ta' ħlas, l-ammont li jifdal ta' EUR 550 023 kellu jinġabar fl-2020; |
Awditu intern
|
25. |
Jinnota li fl-aħħar trimestru tal-2019 is-servizz tal-awditjar intern (IAS) wettaq segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar bil-għan li jiġi vvalutat il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet miftuħa li rriżultaw minn awditjar preċedenti tal-IAS, u li kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet kollha li tqajmu matul l-awditu fuq iċ-ċentru ta' implimentazzjoni komuni ta' issa ġew implimentati b'mod effettiv, jinnota li fir-rigward tal-awditu dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, rakkomandazzjoni (dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-għodod ta' monitoraġġ) ġiet implimentata b'mod effettiv, filwaqt li l-oħra (dwar il-qafas tal-prestazzjoni) tibqa' miftuħa peress li ġiet implimentata parzjalment; jinnota li f'Lulju 2019, l-IAS ħareġ il-pjan strateġiku tal-awditjar intern tal-IAS għall-perjodu bejn l-2019 u l-2021 li huwa bbażat fuq ir-riżultati ta' valutazzjoni tar-riskju fil-fond imwettqa mill-IAS f'Novembru 2018; jinnota, barra minn hekk, li wara l-pjan ta' awditjar, l-awditu dwar l-implimentazzjoni u l-għeluq tal-ftehim ta' għotja ta' Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta, li jivvaluta l-adegwatezza tad-disinn u l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kontrolli interni fis-seħħ, tnieda matul l-2019 u għadu għaddej; |
|
26. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta għandha ttejjeb il-proċess ta' komunikazzjoni interna biex tidentifika l-benefiċjarji li jinsabu f'riskju ta' falliment u biex tirrapporta, fil-ħin, dwar il-prefinanzjament f'riskju ta' nuqqas ta' rkupru, u li b'konsegwenza ta' dan, l-assi ta' prefinanzjament żvelati fil-kontijiet annwali jistgħu jkunu esaġerati; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar żviluppi f'dan ir-rigward; |
Ġestjoni tar-riżorsi umani
|
27. |
Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019, l-Impriża Konġunta impjegat 30 membru tal-persunal minn 31 peress li pożizzjoni waħda tat-tieni espert nazzjonali ġiet awtorizzata iżda kienet għadha vakanti; jinnota x-xogħol sostanzjali tal-Impriża Konġunta ddedikat għat-tħejjija tal-aġġornament tar-regoli ta' implimentazzjoni tar-regolamenti tal-persunal. |