31997R0659



Official Journal L 100 , 17/04/1997 P. 0022 - 0038


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 659/97

tas-16 ta' April 1997

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 f'dak li għandu x'jaqsam ma' arranġamenti ta' intervent fis-settur tal-frott u l-ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex [1], u b' mod partikolari l-Artikolu 30 (6), 48 u 57 tiegħu,

Billi Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jistabbilixxi l-arranġamenti ta' intervent għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 (2) tiegħu; billi r-regoli dettaljati ta' l-applikazzjoni għandhom għalhekk jiġu stabbiliti;

Billi, fir-rigward ta' prodotti, l-espressjonijiet 'mhux għall-bejgħ' u 'rtirati mis-suq' għandhom jiġu trattati bħala ekwivalenti u għandhom jiġu inklużi f'definizzjoni waħda; billi għandu wkoll jiġi ċċarat illi d-disposizzjonijiet dwar il-ħtiġiet ta' l-imballaġġ ma japplikawx għall-prodotti rtirati mis-suq;

Billi s-snin ta' marketing għall-prodotti elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 2200/96 għandhom jiġu stabbiliti;

Billi, sabiex jiġu applikati l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, il-'kwantità mqiegħda fis-suq' ta' prodott partikolari mqiegħed fis-suq minn organizzazzjoni tal-produtturi għandha tiġi definita, b'kont meħud tal-produzzjoni li fil-fatt tiddisponi minnha l-organizzazzjoni tal-produttur in kwestjoni, il-produzzjoni minn organizzazzjonijiet oħrajn tal-produtturi u l-produzzjoni ta' produtturi mhux affiljati ma' xi organizzazzjoni tal-produtturi;

Billi l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jeħtieġ lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-prezzijiet reġistrati fi swieq tal-produtturi rappreżentattivi għal ċerti prodotti u għal ċerti perjodi; billi lista ta' dawk is-swieq u tal-prodotti in kwestjoni għandha għalhekk titfassal;

Billi l-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jistabbilixxi il-kumpens għall-irtirar tal-Komunità għall-prodotti elenkati fl-Anness II għal dak ir-Regolament; billi għandha tiġi introdotta sistema għall-ħlas ta' dan il-kumpens b'tali mod illi jiġi assigurat li l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jiġu mħarsa f'kull ħin;

Billi, sabiex jiġu pprevenuti irregolaritajiet fl-applikazzjoni ta' l-iskema u sabiex tiġi assigurata t-trasparenza tagħha, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza responsabbli bil-quddiem b'kull irtirar; billi, fl-assenza ta' din in-notifika, il-prodott jista' jiġi disponut biss wara l-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru; billi, barra minn hekk, sistema ta' komunikazzjoni għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-Istati Membri għandha tiġi stabbilita;

Billi, għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, il-limiti taż-żmien għandhom jiġu stabbiliti għall-ippreżentar tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jassiguraw prattika sana ambjentali fl-operazzjonijiet ta' l-irtirar;

Billi l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt (a) ta' l-Artikolu 30 (1) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jipprovdu illi l-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq skond l-Artikolu 23 (1) u li jibqgħu ma jinbigħux jistgħu jiġu mqassma b'xejn, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Komunità, bħala għajnuna umanitarja lil ċerti kategoriji tal-popolazzjoni fil-bżonn permezz ta' organizzazzjonijiet karitatevoli; billi l-organizzazzjonijiet karitatevoli għandhom jiġu approvati minn qabel;

Billi, fil-każ ta' tqassim b'xejn tal-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq, l-ispejjeż tat-trasport għandhom jiġu mħallsa mill-Komunità skond l-Artikolu 30 (6) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96; billi għandu jiġi stipulat illi dawk l-ispejjeż għandhom jitħallsu lill-kunsinnatur li jkun ħareġ l-ispiża tat-trasport; billi rati uniformi għandhom jiġu stabbiliti għat-tqassim ta' dawn l-ispejjeż;

Billi, fil-każ ta' tqassim b'xejn ta' tuffiegħ u frott taċ-ċitru rtirati mis-suq, l-ispejjeż ta' l-għażla u l-imballaġġ jistgħu jiġu mqassma mill-Komunità skond l-Artikolu 30 (6) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, sa limitu speċifiku; billi, sabiex jikkwalifikaw għal din il-miżura, l-organizzazzjonijiet karitatevoli u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jikkonkludu ftehim kontrattwali; billi disposizzjonijiet li jirregolaw dan il-ftehim għandhom jiġu stabbiliti;

Billi l-proċeduri għall-monitoraġġ fiżiku u dokumentarju ta' l-operazzjonijiet ta' intervent u distribuzzjoni b'xejn għandhom jiġu stabbiliti; billi, f'każijiet ta' ksur, penali deterrenti li huma skond is-serjetà ta' l-offiża għandhom jiġu stipulati; billi l-operazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom ikopru l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet karitatevoli involuti;

Billi, għas-sena tas-suq 1997 u bħala miżura transitorja, organizzazzjonijiet tal-produtturi li ssottomettew programm operazzjonali skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 411/97 [2] għandhom jitħallew jissupplimentaw il-kumpens ta' rtirar tal-Komunità;

Billi huwa neċessarju li jitħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3587/86 [3], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1363/95 [4], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 827/90 [5], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 771/95 [6], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2103/90 [7], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1363/95, ir-Regolament (KEE) Nru 2276/92 [8], kif emendat l-aħħar minn Regolament (KE) Nru 1363/95, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 113/97 [9], li d-disposizzjonijiet tagħhom saru bla użu jew għandhom jiġu ssostitwiti b'dan ir-Regolament;

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Amministrattiv għal Frott Frisku Ħaxix u tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Arranġamenti ta' intervent

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-arranġamenti ta' interventi previsti bit-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u japplika għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 (2) tiegħu.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, prodotti 'rtirati mis-suq' u 'mhux għall-bejgħ' ifissru prodotti li ma ġewx mibjugħa permezz ta' organizzazzjoni tal-produtturi, skond l-arranġamenti ta' intervent imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 2200/96.

2. Prodotti rtirati mis-suq għandhom jikkonformaw ma' l-istandards fis-seħħ jekk dawn l-istandards ġew adottati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96. Madankollu, f'dak il-każ, l-istandards dwar l-imballaġġ u l-inkartar m'għandhomx japplikaw.

Artikolu 3

1. Għal kull prodott il- 'kwantità mqiegħda fis-suq' ta' organizzazzjoni tal-produtturi, kif imsemmija fl-Artikolu 23 (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, għandha tkun is-somma ta':

(a) il-produzzjoni tal-membri fil-fatt mibjugħa permezz ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi jew ipproċessata minnha;

(b) il-produzzjoni tal-membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi mibjugħa direttament mill-membri tagħha kif previst fl-ewwel u r-raba' inċiżi ta' l-Artikolu 11 (1) (ċ) (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96;

(ċ) il-produzzjoni tal-membri ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi oħrajn imqiegħda fis-suq permezz ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata skond it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 11 (1) (ċ) (3) tiegħu.

Il-kwantità mqiegħda fis-suq imsemmija fl-ewwel subparagrafu m'għandhiex tinkludi l-produzzjoni mqiegħda fis-suq ta' membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi li huma awtorizzati jbiegħu skond it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 11 (1) (ċ) (3).

2. Il-produzzjoni mqiegħda fis-suq imsemmija fl-Artikolu 23 (4) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 għandha tkun ekwivalenti għall-kwantità mqiegħda fis-suq kif definita fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Is-snin ta' marketing għal prodotti li jikkwalifikaw għal kumpens ta' rtirar tal-Komunità skond l-Artikolu 23 (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 għandhom jiġu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Is-snin ta' tqegħid fis-suq għal prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 ta' xort' oħra minn dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jiddekorru mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 5

1. Għall-prodotti elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 2200/96, il-pagament ta' kumpens ta' l-irtirar tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament għandu jkun soġġet għal preżentazzjoni, lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru, ta' applikazzjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fl-Artikoli 11 u 13 tiegħu jew minn assoċjazzjonijiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet.

Meta l-Artikolu 13 (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jiġi applikat, l-organizzazzjoni tal-produtturi konċernata m'għandhiex tibbenefika aktar mid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament imsemmi.

2. L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri perjodu ta' mill-inqas xahar. Għandu jkollha magħha d-dokumenti ta' sostenn li jikkonfermaw il-kwantità ta' kull prodott imqiegħed fis-suq u l-kwantità ta' kull prodott mhux għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi, u tispeċifika:

(a) il-produzzjoni ta' membri fil-fatt mibjugħa permezz ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi jew ipproċessata minnha;

(b) il-produzzjoni ta' membri ta' organizzazzjonijiet oħrajn ta' produtturi mqiegħda fis-suq mill-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata skond it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 11 (1) (ċ) (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96;

(ċ) il-produzzjoni kkonsenjata minn kull wieħed li jkabbar li mhuwiex membru ta' ebda organizzazzjoni tal-produtturi skond l-Artikolu 24 ta' dak ir-Regolament.

3. Meta jikkunsidraw kull applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kwantità mhux għall-bejgħ mill-bidu tas-sena ta' marketing in kwistjoni tikkonforma mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96. Jekk dawn il-limiti jkunu ġew maqbuża, il-kumpens ta' l-irtirar tal-Komunità għandu jitħallas biss b'konsiderazzjoni dovuta għal dawn il-limiti u għall-kumpens diġà mħallas. Kwantitajiet żejda għandhom jiġu inklużi meta l-applikazzjoni li jmiss tiġi kkunsidrata.

Artikolu 6

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, għall-pagament ta' kumpens ta' rtirar għall-prodotti mhux elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u l-għoti ta' suppliment għall-kumpens ta' rtirar Komunitarju kif previst fil-punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 15 (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, ir-Regolament (KE) Nru 411/97 għandu japplika.

Artikolu 7

1. Is-swieq rappreżentattivi msemmija fl-Artikolu 28 (1) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni ta' kull ġimgħa permezz tal-posta elettronika għal kull ġurnata tas-suq bil-prezzijiet tal-produzzjoni rreġistrati fis-swieq rappreżentattivi għall-prodotti u matul il-perjodi elenkati fl-Anness III. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri.

Artikolu 8

1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom jinnotifikaw kull operazzjoni ta' rtirar mill-inqas 24 siegħa bil-quddiem lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u jelenkaw il-prodotti maħsuba għall-intervent flimkien mal-kwantità stmata għal kull prodott ikkonċernat.

Madankollu, jekk ma kienx possibbli li jingħata avviz minn qabel ta' operazzjoni ta' rtirar il-prodotti rtirati ma jistgħux jiġu disponuti sakemm l-Istat Membru jkun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiċċertifikaw, bil-miktub, li l-prodotti rtirati jikkonformaw ma' l-istandards fis-seħħ jekk dawn l-istandards ġew adottati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Għandhom jinnotifikaw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-miżuri meħuda sabiex jassiguraw illi l-operazzjonijiet ta' rtirar huma ambjentalment adattati.

2. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni li gejja lill-Istati Membri, li għandhom jikkomunikawha lill-Kummissjoni:

(a) il-ħażna ta' tuffiegħ u lanġas disponibbli fl-ewwel ġurnata ta' kull xahar;

(b) fil-bidu tas-sena tas-suq, id-dikjarazzjoni ta' arji kkultivati għal kull prodott u, meta applikabbli, għal kull varjetà.

Artikolu 9

1. Qabel l-10 jum ta' kull xahar, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika stima tal-prodotti mhux għal bejgħ fix-xahar preċedenti, imqassma skond il-prodott.

2. Fl-aħħar ta' kull sena ta' tqegħid fis-suq, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni għal kull prodott ikkonċernat id-dettalji stabbiliti fl-Anness IV. Dawn id-dettalji għandhom jintbgħatu:

(a) sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju wara kull sena ta' marketing fil-każ tat-tadam, il-brunġiel, il-pastard, il-berquq, il-ħawħ, l-għeneb, il-bettieħ, id-dulliegħ u prodotti mhux elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 2200/96;

(b) sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju wara kull sena ta' tqegħid fis-suq fil-każ tal-lumi, il-lanġas, it-tuffiegħ, is-satsumi, il-klementini u l-larinġ ħelu.

3. Jekk l-Istati Membri ma jgħaddux id-dettalji msemmija fil-paragrafu 2, jew jekk dawk id-dettalji mgħoddija jidhru ħżiena fid-dawl tal-fatti objettivi fil-pussess tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' tissospendi l-ħlas ta' pagamenti bil-quddiem fuq it-tqassim ta' spejjeż imsemmija fl-Artikolu 5 (2) (a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [10] fl-istennija li jintbgħatu d-dettalji rekwiżiti.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-15 ta' Settembru 1997 fl-aktar tard bil-qafas nazzjonali previst fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b' kull emenda għall-qafas imsemmi.

KAPITOLU II

Tqassim b' xejn

Artikolu 11

1. Skond l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 30 (1) (a) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, prodotti rtirati mis-suq matul sena partikolari ta' marketing jistgħu jsiru disponibbli għal organizzazzjonijiet ta' karità approvati mill-Istati Membri għat-tqassim b'xejn, fuq it-talba tagħhom.

2. Sabiex jikkwalifikaw għall-approvazzjoni, l-organizzazzjonijiet karitatevoli għandhom jimpenjaw ruħhom illi:

(a) jikkonformaw ma' dan ir-Regolament;

(b) iżommu kontijiet separati għall-operazzjonijiet in kwistjoni;

(ċ) jaċċetaw il-kontrolli previsti mid-disposizzjonijiet Komunitarji.

3. L-Istati Membri għandhom japprovaw organizzazzjonijiet karitatevoli f'mill-inqas waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a) Organizzazzjonijiet karitatevoli awtorizzati li jiddistribwixxu fit-territorju ta' l-Istat Membru prodotti li ġew irtirati hemmhekk;

(b) Organizzazzjonijiet karitatevoli awtorizzati li jqassmu fit-territorju Komunitarju;

(ċ) Organizzazzjonijiet karitatevoli awtorizzati li jqassmu prodotti Komunitarji f' pajjiżi terzi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw listi ta' organizzazzjonijiet karitatevoli approvati kif imsemmija fil-punti (b) u (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni, li għandha tippubblikahom fis-serje 'Ċ' tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 12

L-istituzzjonijiet imsemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 30 (1) (a) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 li huma nnominati mill-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet skond l-Artikolu 11 (2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti u l-operazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi konċernati u l-organizzazzjonijiet karitatevoli approvati skond l-Artikolu 11 (2).

Fl-aħħar ta' kull sena ta' marketing, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni speċifikata fl-Anness VI li tikkonċerna operazzjonijiet ta' tqassim b'xejn.

Artikolu 14

1. Tqassim b'xejn barra l-Komunità bħala parti minn għajnuna umanitarja għandu jitwettaq minn organizzazzjonijiet karitatevoli msemmija fl-Artikolu 11 (3) (ċ) skond il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2. Il-prodotti mibgħuta m'għandhomx ikunu eleġibbli għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Id-dokument doganali ta' l-esportazzjoni, id-dokument tat-transitu u kull dokument T5 maħruġ għandu jiġi immarkat 'mingħajr rifużjoni'.

3. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-pjanijiet għal kull operazzjoni tat-tqassim b'xejn u għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni kopja tan-notifika lis-Subkumitat Konsultattiv tal-FAO għar-Rimi taż-Żejjed, ma' l-awtorizzazzjoni ta' l-operazzjoni mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ jekk tawtorizzax dawn l-operazzjonijiet fid-dawl tal-garanziji ta' konklużjoni b'suċċess u s-sitwazzjoni tas-suq.

Mat-tmiem ta' kull operazzjoni, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni speċifikata fl-Anness VI.

Artikolu 15

1. L-ispejjeż tat-trasport marbuta mat-tqassim b'xejn tal-prodotti kollha rtirati mis-suq għandhom jinħarġu mis-Sezzjoni tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG) a bażi ta' l-ammonti ta' rata uniformi determinati skond id-distanza bejn il-punt ta' l-irtirar u l-post ta' kunsinna stabbiliti fl-Anness V.

Fil-każ tat-tqassim b'xejn barra l-Komunità, l-ammonti ta' rata uniformi stabbiliti fl-Anness V għandhom ikopru d-distanza bejn il-punt ta' rtirar u l-punt tal-ħruġ mill-Komunità.

2. L-ispejjeż tat-trasport għandhom jitħallsu lill-konsenjatur li jkun attwalment sofra l-ispiża finanzjarja ta' l-operazzjoni tat-trasport in kwistjoni.

Il-ħlas ta' l-ammonti msemmija għandhom isiru soġġetti għall-preżentazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn, li jiċċertifikaw b'mod partikolari:

- l-ismijiet tal-korpi benefiċjarji,

- il-kwantità tal-prodotti kkonċernati,

- l-aċċettazzjoni mill-organizzazzjoni karitatevoli,

- il-mezz ta' trasport użat.

Artikolu 16

1. Fil-każ ta' tuffiegħ u frott taċ-ċitru rtirat mis-suq, l-ispejjeż ta' l-għażla u l-imballaġġ marbuta mat-tqassim b'xejn għandhom jitħallsu mis-Sezzjoni tal-Garanziji tal-FAEGG, sa l-ammont stabbilit fil-paragrafu 2 ta' l-Anness V, meta t-tqassim b'xejn isir taħt ftehim kontrattwali bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijijet karitatevoli konċernati.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom, fil-bidu tas-sena ta' marketing, jidħlu fi ftehim kontrattwali ma ' organizzazzjonijiet karitatevoli approvati skond l-Artikolu 11 (2) u (3) u jinnotifikawhom lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hekk kif dawn jiġu konklużi. L-awtoritajiet in kwistjoni jistgħu jistabbilixxu data finali għall-konklużjoni ta' dawn il-ftehim.

3. Il-ftehim għandhom jiġu konklużi soġġett għall-fatt li jkun hemm prodotti rtirati mis-suq. Il-kwantitajiet stipulati fil-ftehim jistgħu jiżdiedu matul is-sena ta' marketing, jiddependi mis-sitwazzjoni tas-suq.

4. Il-ftehim għandhom jiġu konklużi għal sena ta' marketing waħda fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u għandhom jispeċifikaw:

- il-kwantità probabbli ta' kull prodott,

- il-mezz ta' trasport maħsub,

- ir-rata ppjanata tal-kunsinna,

- il-post miftiehem fejn il-prodott ser ikun magħmul disponibbli,

- l-obbligu fuq l-organizzazzjoni tal-produtturi li tagħmel disponibbli prodotti magħżula bil-lest f'pakketti ta' anqas minn 25 kg,

- stima ta' benefiċjarji skond l-unità amministrattiva.

5. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim, l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 4.

6. Il-pagament ta' l-ispejjeż ta' l-għażla u l-imballaġġ għandu jsir lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għamlu l-għażla u l-imballaġġ u għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn, li jiċċertifikaw, partikolarment:

- l-ismijiet tal-korpi benefiċjarji,

- il-kwantità tal-prodotti konċernati,

- l-ispejjeż attwali ta' l-għażla u l-ippakkjar,

- l-aċċettazzjoni mill-organizzazzjoni karitatevoli.

KAPITOLU III

Kontrolli u penali

Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jassiguraw li d-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jiġu mħarsa, u partikolarment dawk stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

2. L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli fiżiċi u dokumentarji fuq l-irtirar magħmul minn kull organizzazzjoni tal-produtturi mill-anqas darba matul is-sena ta' marketing. Għal kull prodott, dawn il-kontrolli għandhom jinvolvu mill-anqas 20 % tal-kwantità totali rtirata.

Huma għandhom, minbarra dan, jassiguraw illi l-prodotti mhux maħruġa għall-bejgħ jikkonformaw ma' l-istandards fis-seħħ jekk dawn l-istandards ġew adottati skond l-Artikolu 2 (2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Fil-każijiet meta l-Artikolu 30 (2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 japplika, l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw il-kwantitajiet kollha rtirati.

3. L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli dokumentarji fuq l-operazzjonijiet ta' intervent sabiex jassiguraw li l-kontijiet huma korretti u li hemm verifika effettiva ta' konformità mal-kondizzjonijiet għall-pagament tal-kumpens ta' l-irtirar tal-Komunità jew ta' l-iffinanzjar mill-fond operazzjonali msemmi fl-Artikolu 15 (1) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Il-kontrolli għandhom isiru fuq kull organizzazzjoni tal-produtturi mill-anqas darba kull sena ta' marketing u, għal kull prodott, għandhom jinvolvu mill-anqas 10 % ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas.

4. Meta l-kontrolli jikxfu irregolaritajiet sinifikanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli addizzjonali matul is-sena ta' marketing fi progress u għandhom iżidu l-frekwenza tal-kontrolli fis-sena ta' marketing ta' wara.

Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw illi l-miżuri tat-tqassim b'xejn kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità jikkonformaw mad-disposizzjonijiet fis-seħħ.

Huma għandhom, b'mod partikolari:

(a) jassiguraw illi l-operazzjonijiet in kwistjoni jitwettqu sewwa;

(b) jivverifikaw l-użu finali magħmul mill-prodotti mill-organizzazzjoni karitatevoli, b'mod partikolari billi jitolbu minn għandhom ċertifikat ta' l-aċċettazjoni li jiċċertifika l-użu tal-prodotti;

(ċ) jikkontrollaw id-destinazzjoni finali tal-prodotti.

2. Il-kontrolli għandhom ikunu kemm dokumentarji kif ukoll fiziċi u għandhom jikkonċernaw kemm l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll l-organizzazzjonijiet karitatevoli konċernati. Dawn jistgħu ikunu saltwarji fin-natura u kull sena għandha tkopri mill-anqas10 % tal-kwantitajiet imqassma.

3. Fir-rigward tad-distribuzzjoni ġewwa l-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jsir it-tqassim b' xejn għandhom iwettqu kontrolli fuq l-użu tal-prodotti u d-destinazzjoni finali tagħhom.

4. Fuq it-talba ta' l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tassistih fil-monitoraġġ tat-tqassim b' xejn barra l-Komunità.

Artikolu 19

1. Il-benefiċjarju tal-kumpens ta' l-irtirar tal-Komunità jew tal-finanzjament mill-fond operazzjonali għandu jkun taħt l-obbligu li jħallas lura d-doppju ta' l-ammonti mħallsa mhux dovuti, bl-interessi kkalkolati b'referenza għaż-żmien li jkun għadda bejn il-pagament u r-rimbors mill-benefiċjarju meta l-kontrolli mwettqa skond l-Artikolu 17 juru illi:

(a) il-prodotti mhux maħruġa għall-bejgħ ma jikkonformawx mad-disposizzjonijiet fuq l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96;

(b) il-prodotti mhux għall-bejgħ ma sarx disponiment minnhom kif previst fl-Artikolu 30 ta' dak ir-Regolament;

(ċ) id-disponiment tal-prodotti mhux għall-bejgħ jikkawża dannu ambjentali sostanzjali.

Madankollu, il-penali msemmi fl-ewwel subparagrafu m'għandhiex tiġi applikata meta l-benefiċjarju jġib prova għas-soddisfazzjon ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti li l-irregolaritajiet ma kinux intenzjonati da parti tiegħu jew li ma kinux riżultat ta' negliġenza kbira. F' dawn il-każijiet, il-benefiċjarju għandu jerġa' jħallas lura biss l-ammont imħallas mhux dovut, bl-interessi.

Ir-rata ta' l-interessi għandha tkun dik applikata mill-Istitut Monetarju Ewropew għal operazzjonijiet f'ecu ippubblikati fis-serje 'Ċ' fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fis-seħħ fid-data li fiha l-pagament mhux dovut isir, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali.

2. Is-Somom irkuprati, bl-interessi miżjuda, għandhom jitħallsu lill-aġenzija li tħallas responsabbli u jitnaqqsu mill-infiq finanzjat mill-FAEGG.

3. Fil-każ ta' dikjarazzjoni falza magħmula deliberatament jew b'negliġenza serja, l-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata għandha tkun projbita milli tirċievi kumpens ta' l-irtirar tal-Komunità għas-sena ta' marketing ta' wara dik li fiha ġiet skoperta d-dikjarazzjoni falza.

Artikolu 20

1. Meta irregolaritajiet attribwibbli għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew għal korpi jew istituzzjonijiet karitatevoli approvati kif imsemmija fl-Artikoli 11 u 12 jinstabu waqt it-tqassim b'xejn skond kontrolli mwettqa skond l-Artikolu 18, il-paragrafi 2 sa 7 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw.

2. L-approvazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 11 (2) għandha tiġi rtirata minn organizzazzjonijiet karitatevoli. Dan għandu jsir b'effett immedjat u għandu jkompli mill-inqas għal sena ta' marketing waħda, u jista' jiġi estiz skond is-serjetà ta' l-irregolarità.

3. Istituzzjonijet kif imsemmija fl-Artikolu 12 m'għandhomx ikunu eleġibbli li jkunu l-benefiċjarji tax-xogħolijiet tat-tqassim b' xejn fis-sena ta' marketing ta' wara.

4. L-organizzazzjoni jew istituzzjoni karitatevoli li rċeviet il-prodott irtirat mis-suq għandha tkun obbligata li tħallas lura l-valur tal-prodotti li hija rċeviet bl-interessi kkalkolati b' referenza għaż-żmien li jkun għadda bejn il-wasla tal-prodott u l-pagament lura mill-benefiċjarju.

5. L-Artikolu 19 (3) għandu japplika għall-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.

Barra minn hekk, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tkun obbligata li tirrimborsa d-doppju ta' l-ammonti riċevuti fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-għażla u l-imballaġġ, bl-interessi kkalkolati b' referenza għaż-żmien li għadda bejn il-pagament u r-rimbors mill-benefiċjarju.

Il-konsenjatur li rċieva l-ispejjeż tat-trasport kif imsemmi fl-Artikolu 15 għandu jkun obbligat jirrimborsa d-doppju ta' l-ammonti rċevuti għat-trasport bl-interessi kkalkulati b'referenza għaż-żmien li għadda bejn il-pagament u r-rimbors mill-benefiċjarju.

6. Ir-rata ta' l-interessi għandha tkun dik applikata mill-Istitut Monetarju Ewropew għall-operazzjonijiet tiegħu f'ecu ippubblikati fis-serje 'Ċ' tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fis-seħħ fid-data tal-pagament mhux dovut, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali.

7. L-ammonti rkuprati, bl-interessi fuqhom, għandhom jitħallsu lill-aġenzija kompetenti tal-ħlas u jitnaqqsu mill-infiq iffinanzjat mill-FAEGG.

Artikolu 21

L-Artikoli 19 u 20 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal penali oħrajn li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

KAPITOLU IV

Disposizzjonijiet transitorji u finali

Artikolu 22

Għall-1997, organizzazzjonijiet tal-produtturi li ssottomettew abbozz ta' programm tax-xogħolijiet għall-approvazzjoni skond l-Artikoli 3 jew 15 tar-Regolament (KE) Nru 411/97 huma hawnhekk awtorizzati sabiex jagħtu, għar-riskju tagħhom, supplimenti għall-kumpens ta' l-irtirar tal-Komunità, skond l-Artikolu 15 (3) (b) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Artikolu 23

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3587/86, (KEE) Nru 827/90, (KEE) Nru 2103/90, (KEE) Nru 2276/92 u (KE) Nru 113/97 huma hawnhekk imħassra.

Artikolu 24

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Madankollu għal kull prodott elenkat fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2200/96, huwa għandu japplika mill-bidu tas-sena ta' marketing 1997/98.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, is-16 ta' April 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU Nru L 297, tal-21.11.1996, pġ. 1.

[2] ĠU Nru L 62, ta’ l-4.3.1997, pġ. 9.

[3] ĠU Nru L 334, tas-27.11.1986, pġ. 1.

[4] ĠU Nru L 132, tas-16.6.1995, pġ. 8.

[5] ĠU Nru L 86, tal-31.3.1990, pġ. 13.

[6] ĠU Nru L 77, tas-6.4.1995, pġ. 9.

[7] ĠU Nru L 191, ta’ l-24.7.1990, pġ. 19.

[8] ĠU Nru L 220, tal-5.8.1992, pġ. 22.

[9] ĠU Nru L 20, tat-23.1.1997, pġ. 26.

[10] ĠU Nru L 94, tat-28.4.1970, pġ. 13.

--------------------------------------------------

ANNESS I

SNIN TA' MARKETING GĦALL-PRODOTTI ELENKATI FL-ANNESS II GĦAR-REGOLAMENT (KE) Nru 2200/96

Prodott | Data |

Tadam | Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru |

Brunġiel | Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru |

Bettieħ | Mill-1 ta' April sal-31 ta' Marzu |

Dulliegħ | Mill-1 ta' April sal-31 ta' Marzu |

Pastard | Mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Berquq | Mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Nettarini | Mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Ħawħ | Mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Għeneb tal-mejda | Mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Lumi | Mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Mejju |

Lanġas | Mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Mejju |

Tuffiegħ | Mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju |

Satsumi | Mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

Mandarini | Mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

Klementini | Mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

Lumi-larinġ | Mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

--------------------------------------------------

ANNESS II

LISTA TA' SWIEQ RAPPREŻENTATTIVI

Berquq

Il-Greċja | Franza | L-Italja | Spanja | Il-Portugall |

Argos | Châteaurenard | Salerno | Murci | Alenquer |

Korinthos | Perpignan | Forli | Valencia | Algarve |

Moudania | Valence | | Zaragoza | |

Il-Brunġiel

Il-Greċja | Franza | L-Italja | L-Olanda | Spanja | Il-Portugall |

Skala (Lakonias) | Châteaurenard | Latina | Coóperatie V,T,N, Den Bosch | Almeria | Algarve |

Thessaloniki | | Catanzaro | Coóperatieve Veiling ZON Grubbenvorst | Valencia | |

Il-Pastard

Il-Belġju/Il-Lussemurgu | L-Olanda | Il-Ġermanja | Il-Greċja | Franza | l-Irlanda |

Sint-Katelinje Waver | Cooperatie V,T,N, Den Bosch | Hamburg | Athina | Châteaurenard | Dublin |

| Cooperatieve Veiling ZON,Grubbenvorst | Kitzingen | Chalkida | Saint-Malo | |

| | Maxdorf | Thessaloniki | Saint-Omer | |

| | Reichenau | | Saint-Pol-de-Léon | |

| | Straelen | | | |

| | Erfurt | | | |

L-Italja | L-Awstrija | Ir-Renju Unit | Spanja | Il-Portugall | Id-Danimarka |

Ascoli Piceno | Vienna | Birmingham | Barcelona | Oeste | Odense |

Pesaro | | Liverpool | La Rioja | | |

Taranto | | London | Granada | | |

| | Bristol | Murcia | | |

| | | Navarre | | |

| | | Seville | | |

| | | Valencia | | |

Il-Fillandja | L-Isvezja |

Ħelsinki | Ħelsingborg |

Lumi

Il-Greċja | L-Italja | Spanja | Il-Portugall |

Egio | Catania | Alicante | Algarve |

Xylokastro | Palermo | Málaga | Oeste |

| Siracusa | Murcia | |

| Messina | | |

Klementini

Il-Greċja | Franza | L-Italja | Spanja | Il-Portugall |

Argos | Corsica | Cosenza | Castellón | Alcácer do Sal |

| | Taranto | Valencia | Algarve |

Il-Frawli

L-Italja | Il-Portugall | Spanja |

Salerno | Algarve | Barcelona |

| | Huelva |

Bologna | Oeste | Valencia |

Mandarini

Il-Greċja | L-Italja | Spanja | Il-Portugall |

Argos | Catania | Alicante | Algarve |

Chios | Siracusa | Castellón | |

| Taranto | Valencia | |

Bettieħ

L-Italja | Spanja | Greċja | Il-Portugall |

Salerno | Almería | Kyparissia | Ribatejo |

Ferrara | Badajoz | Amaliada | |

Bologna | Ciudad Real | Patra | |

| Murcia | Larissa | |

| | Trikala | |

Lumi larinġ

Il-Greċja | L-Italja | Spanja | Il-Portugall |

Argos | Catania | Alicante | Algarve |

Arta | Siracusa | Castellón | Santiago do Cacém |

Sparti | Catanzaro | Sevilla | |

| | Valencia | |

Dulliegħ

L-Italja | Spanja | Il-Greċja | Il-Portugall |

Latina | Almería | Kyparissia | Ribatejo |

Bologna | Murcia | Amaliada | |

Ferrara | Valencia | Patra | |

| | Larissa | |

| | Trikala | |

Ħawħ u nettarini

Il-Greċja | Franza | Spanja | L-Italja (Ħawħ) | L-Italja (Nettarini) | Il-Portugall |

Skydra | Montauban | Huesca | Bologna | Salerno | Cova da Beira |

Veria | Nîmes | La Rioja | Ferrara | Ravenna | Montargil |

| Perpignan | Lérida | Ravenna | Forli | Ribatejo |

| Valence | Murcia | Forli | Verona | Oeste |

| | Sevilla | Salerno | Ferrara | |

| | Valencia | | | |

| | Zaragoza | | | |

Tuffiegħ

Il-Belġju/il-Lussemburgu | Id-Danimarka | Il-Ġermanja | Il-Greċja | Franza | L-Irlanda |

Sint-Truiden | Odense | Bonn-Roidorf | Naoussa | Angers | Dublin |

| | Hamburg | Skydra | Montauban | |

| | Bodenseemarkt | Tripolis | Nîmes | |

| | Stade | Volos | | |

L-Italja | L-Olanda | Ir-Renju Unit | Spanja | Il-Portugall |

Bolzano | Cooperatie V,T,N, Den Bosch | Birmingham | Gerona | Oeste |

Ferrara | Geldermarsen & Omstreken | London | Huesca | Cova da Beira |

Ravenna | | | La Rioja | Guarda |

Verona | | | Lérida | Viseu |

| | | Zaragoza | |

Il-Finlandja | L-Isvezja | L-Awstrija |

Ħelsinki | Ħelsingborg | Wollsdorf |

Lanġas

Il-Belġju u l-Lussemburgu | Id-Danimarka | Il-Ġermanja | Il-Greċja | L-Irlanda | L-Italja |

Sint-Truiden | Odense | Bonn-Roidorf | Veria | Dublin | Ravenna |

| | Ingelheim | Volos | | Bolzano |

| | Stade | | | Verona |

| | | | | Ferrara |

| | | | | Rovigo |

Franza | L-Olanda | Ir-Renju Unit | Spanja | Il-Portugall |

Angers | Cooperatie V,T, N, Den Bosch | Birmingham | Badajoz | Oeste |

Avignon | Geldermalsen & Omstreken | London | Huesca | Cova da Beira |

Valence | | | La Rioja | |

| | | Lérida | |

| | | Zaragoza | |

Għeneb tal-mejda

Il-Greċja | L-Italja | Franza | Spanja | Il-Portugall |

Iraklio | Ascoli Picenco | Avignon | Alicante | Alenquer |

Kavala | Bari | Nîmes | Almería | Moura |

Korinthos | Chieti | | Valencia | Ferreira do Alentejo |

| Agrigento | | Murcia | Algarve |

It-Tadam

Il-Belġju u l-Lussemburgu | L-Olanda | Il-Ġermanja | Il-Greċja | Spanja | L-Italja |

Sint-Katelijne-Waver | Cooperatie V,T,N, Den Bosch | Heidelberg | Ierapetra | Alicante | Ascoli Piceno |

| Cooperatieve Veiling ZON | Kitzingen | Pyrgos | Almería | Bari |

| | Maxdorf | | Barcelona | Ragusa |

| | Reichenau | | Las Palmas | Pescara |

| | Straelen | | Málaga | |

| | Erfurt | | Murcia | |

| | | | Valencia | |

Id-Danimarka | Ir-Renju Unit | Franza | L-Irlanda | Il-Portugall |

Odense | Birmingham | Châteaurenard | Dublin | Algarve |

| Glasgow | Marmande | | Oeste |

| Liverpool | Perpignan | | |

| London | | | |

Il-Fillandja | L-Isvezja | L-Awstrija |

Ħelsinki | Ħelsingborg | Wollsdorf |

| | Vienna |

Satsumi

Il-Greċja | Spanja | Il-Portugall |

Argos | Castellón | Algarve |

| Valencia | |

--------------------------------------------------

ANNESS III

Kif previst fl-Artikolu 6 (2) ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ta' kuljum il-prezzijiet tal-produtturi rreġistrati għall-prodotti u l-perjodi li ġejjin:

Prodotti | Preżentazzjoni u tip | Perjodu |

Tadam | Tat-tip "tond" u "immewweġ", klassijiet ta' kwalità I u II, daqs 57/77 mm ippakkjat | l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru |

Brunġiel | – tat-tip elongat, klassi ta' kwalità I, daqs iktar minn 40 mm – tat-tip globus, klassi ta' kwalità I, daqs iktar minn 70 mm | l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru |

Bettieħ | tal-varjetajiet Glob Galia, Piel de Sapo, Jaune et lise, Supermarket, Charentais, Honeydew, Tamaris, Cantaloupu Tendral, klassijiet ta' kwalità I u II | l-1 ta' April sal-31 ta' Marzu |

Dulliegħ | – varjetajiet biż-żerriegħa – varjetajiet mingħajr æerriegħa klassi ta' kwalità | l-1 ta' April sal-31 ta' Marzu |

Pastard | "Imqartas", klassi ta' kwalità I, ippakkjat | l-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Berquq | Klassi ta' kwalità I, daqs iktar minn 40 mm | l-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Nettarini | Tal-varjetajiet Armking, Crimsongold, Early sun grand, Fairlane, Fantasia, Independence, May Fire Brite, May Fire, Flavor Geant, Early Grand, Flavor Nectared, Snow Queen, Queen Rubi, Caldesi, Venus, Sweet Red, Nettaros, Sweet Lady, Autumn Free, Caldesi, Tasty Free, Albaredu Stark red gold, klassi ta' kwalità I, daqs 56/73 mm | l-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Ħawħ | Tal-varjetajiet Amsden, Cardinal, Dixired, Merryl, Germfree, Catherine Maria Serena, Federica, Vesubio, Baby Gold, Red Globe, Carson, Andros, San Lorenzo, Sudanel, Miraflores, Campiel, Calanda, Rojo rito, Rojo Gallur, Jeronimo, Flavorcrest, Iris rosso, Maria bianca, Rosa del west, Maria Delizia, K2, Duchessa D' Este, Merril Gemfree, Michelimi, Red Haven, Springcrestu Springtime, klassi ta' kwalità I, daqs 56/73 mm | l-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Għeneb tal-mejda | Tal-varjetajiet Regina dei Vignetti, Sultanine, Regina (Mennavacca bianca, Rosaki, Dattier de Beyrouth), Italja, Aledo, Ohanes (Almeria), D. Maria, Napoleon, Dominga, Alfonso Lavallée, Cardinal, Italja, Moscatel Romano, Apirena u Aledo, klassi ta' kwalità I | l-1 ta' Mejju sat-30 ta' April |

Lumi | Klassi ta' kwalità I, daqs 53/65 mm | l-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Mejju |

Lanġas | Tal-varjetajiet Beurré, Hardy, Coscia (Ercolini), Crystallis (Beurré Napoléon, Ercolini, Blanquilla, Tsakonika), Dr Jules Guyot (Limonera)u Rocham klassi ta' kwalità I, daqs 55 mm jew iktar Tal-varjetajiet Limonera, Conférence, Bon Chrétien, Williams, Buena Luisa, Max Red Bartlett, klassi ta' kwalità I, daqs 60 mm jew iktar Tal-varjetajiet Empereur Alexandre (Kaiser Alexandre Bosc), Abate Fetel, Decana del Cimmizio, Passacrassana, klassi ta' kwalità I, daqs 70 mm jew iktar | l-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju |

Tuffiegħ | Tal-varjetajiet Reine des Reinettesu Verde Doncella, klassi ta' kwalità I, daqs 65 mm jew iktar Tal-varjetajiet Delicious Pilafa, Golden Delicious, Jonagold, Jonagored, Elstar, Gloster, Boskoop, Cox Orange, Iraded, Golden Supreme, James Grieve, Red Chief, Top Redy, Red Delicious, Reinette grise du Canada, Starking Delicious, Granny Smith, belleza de Roma, Summered, Royal Galau Orzak Gold, klassi ta' kwalità I, daqs 70 mm jew iktar | l-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju |

Satsumi | Klassi ta' kwalità I, daqs 54/69 mm | l-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

Mandarini | Klassi ta' kwalità I, daqs 54/69 mm | l-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

Klementini | Klassi ta' kwalità I, daqs 43/60 mm | l-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

Lumi larinġ | Tal-varjetajiet riċenti Moro, Navel, Navellina, Navellate, Tarocco Salustiana, Sanguinellou Valencia, klassi ta' kwalità I, daqs 67/80 mm | l- 1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

I.A I.B Prodotti oħrajn:

Prodotti | Preżentazzjoni u tip | Perjodu |

Frawli | Klassi ta' kwalità I, ippakkjati | l-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru |

--------------------------------------------------

ANNESS IV

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS V

1. Spejjeż tat-trasport taħt arranġamenti tat-tqassim b' xejn (l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 30 (1) (a) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96)

(ECU għal kull 100 kg) |

Distanza ta' inqas minn 25 km | 1,20 |

Distanza ta' 25 km jew iktar imma inqas minn 200 km | 2,50 |

Distanza ta' 200 km jew iktar imma inqas minn 350 km | 3,50 |

Distanza ta' 350 km jew iktar imma inqas minn 500 km | 5,00 |

Distanza ta' 500 km jew iktar | 6,50 |

Spejjeż addizzjonali tat-trasport għal kull vagun jew vettura oħra mkessħa | 0,60 |

2. L-ispejjeż ta' l-għażla u ta' l-ippakjar għat-tuffiegħ u l-frott taċ-ċitru għandhom jitħallsu mill-Komunità sa massimu ta' 11-il ECU għal kull 100 kg netta.

--------------------------------------------------

ANNESS VI

Dettalji li jikkonċernaw l-operazzjonijiet tat-tqassim b' xejn:

(a) f' dak li għandu x' jaqsam mat-tqassim b'xejn fil-Komunità:

- prodott imqassam (varjetà, kategorija kummerċjali),

- kwantità mqassma,

- isem u kwartieri ġenerali ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi li tagħmel l-irtirar,

- isem u l-kwartieri ġenerali ta' l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni karitatevoli approvati maħtura mill-Istat Membru li jirċievi l-prodott,

- l-użu aħħari tal-prodott,

- it-tip ta' ippakkjar użat, li jispeċifika jekk hux riċiklat jew le,

- il-mezz ta' trasport użat u l-isem tat-trasportatur,

- id-data tal-konsenja u d-data ta' l-irċevuta,

- numru stmat ta' benefiċjari, skond l-unità amministrattiva,

- id-data ta' meta l-ftehim bejn l-organizzazzjoni tal-produtturi u l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni karitatevoli approvata ġiet konkluża;

(b) fir-rigward ta' tqassim b'xejn barra l-Komunità:

- prodott imqassam (varjetà, kategorija kummerċjali),

- kwantità mqassma,

- l-isem u l-kwartieri ġenerali ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi li tagħmel l-irtirar,

- l-isem u l-kwartieri ġenerali ta' l-organizzazzjoni karitatevoli approvata li qed twettaq it-tqassim,

- l-isem u l-indirizz ta' l-organizzazzjoni karitatevoli approvata li qed tirċievi l-prodott,

- il-pajjiż u l-post tad-destinazzjoni finali,

- id-deskrizzjoni ta' l-użu aħħari tal-prodott (il-grupp tal-popolazzjoni li għalihom huwa maħsub),

- il-mezz ta' trasport użat u l-isem tat-trasportatur,

- id-data tal-konsenja u d-data tal-wasla,

- in-numru stmat ta' benefiċjari, skond l-unità amministrattiva,

- id-data ta' meta l-ftehim bejn l-organizzazzjoni tal-produtturi u l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni karitatevoli approvata ġie konkluż.

--------------------------------------------------