DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
5 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament Ewropew – Privileġġi u immunitajiet – Rifjut tal-Parlament li jilqa’ talba intiża għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet – Flagrante delicto – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑248/24,
EC, irrappreżentata minn C. Marchand, S. Mary u G. Boye, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u A.-M. Dumbrăvan, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, G. Hesse u B. Ricziová (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
|
– |
it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2024, |
|
– |
l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Settembru 2024. |
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, EC, titlob l-annullament tal-att tas-7 ta’ Marzu 2024 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, ikkomunikat mill-Presidenta tal-Parlament Ewropew waqt is-seduta plenarja tal-11 ta’ Marzu 2024, li jiċħad it-talba tagħha intiża biex il-Parlament jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tagħha (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti kienet Membru tal-Parlament matul it-tmien (2014–2019) u d-disa’ (2019–2024) leġiżlatura. Fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024, hija ma ġietx eletta mill-ġdid u l-mandat tagħha ntemm fis-16 ta’ Lulju 2024 bil-ftuħ tas-sessjoni kostituttiva tal-għaxar leġiżlatura. |
|
3 |
Fid-9 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrenti ġiet arrestata fil-Belġju, fejn hija tqiegħdet għal ħames xhur f’detenzjoni preventiva, li minnhom erba’ xhur kienu fil-ħabs, sar tiftix fid-domiċilju tagħha u ttieħdu miżuri kawtelatorji fil-konfront tagħha mingħajr ma tneħħiet l-immunità tagħha. |
|
4 |
Fl-1 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrenti ressqet talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħha quddiem il-Presidenta tal-Parlament. Din it-talba kienet tirreferi b’mod partikolari, minn naħa, għall-Artikolu 5(2) u għall-Artikoli 7, 8 u 9 tar-Regolament Intern tal-Parlament applikabbli għad-disa’ leġiżlatura (2019–2024) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Intern”) u, min-naħa l-oħra, għall-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”). |
|
5 |
Fit-talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħha, ir-rikorrenti allegat il-ksur tal-immunità tagħha minħabba, b’mod partikolari, l-arrest tagħha fid-9 ta’ Diċembru 2022 “taħt il-pretest falz tar-reat in flagrante delicto”, id-detenzjoni tagħha u l-issuġġettar sussegwenti tagħha għal arrest domiċiljari, kif ukoll minħabba “investigazzjonijiet illegali minn tal-inqas minn Lulju 2022”. |
|
6 |
It-talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tar-rikorrenti tħabbret f’seduta plenarja fit-12 ta’ Ġunju 2023 mill-Presidenta tal-Parlament u ntbagħtet lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Intern. |
|
7 |
Fil-11 ta’ Marzu 2024, il-Presidenta tal-Parlament ħabbret f’seduta plenarja li “[f]is-7 ta’ Marzu 2024, il-Kumitat [għall-Affarijiet Legali kien] ikkonkluda li t-talba għad-difiża [tal-privileġġi u tal-immunitajiet tar-rikorrenti kienet] inammissibbli b’applikazzjoni diretta tal-[Protokoll Nru 7,] li jipprevedi li l-immunità ma tistax tiġi invokata fil-każ ta’ flagrante delicto” u li “[i]l-proċedura dwar din it-talba [kienet] għalhekk issa magħluqa”. |
Talbiet tal‑partijiet
|
8 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
9 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
10 |
Skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta, permezz ta’ att separat, il-konvenut jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà tar-rikors jew dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, din għandha tiddeċiedi dwar it-talba fl-iqsar żmien possibbli. |
|
11 |
Il-Parlament jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwaru peress li r-rikorrenti ma għadhiex Membru tal-Parlament Ewropew mis-16 ta’ Lulju 2024 u għalhekk ma għadx għandha interess li tikseb l-annullament tal-att ikkontestat. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li l-att ikkontestat ma jipproduċi ebda effett legali u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. |
|
12 |
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandha qabel kollox tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament. |
|
13 |
Skont il-Parlament, għalkemm it-tneħħija tal-immunità ta’ Membru Parlamentari Ewropew hija espressament prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, il-bażi legali tad-difiża tal-immunità parlamentari tinsab biss fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Intern, li jippreżenta r-regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament u ma jistax jagħti lil dan tal-aħħar kompetenzi li ma humiex espressament irrikonoxxuti mid-dritt primarju, bħall-Protokoll Nru 7, jew minn att leġiżlattiv. Għaldaqstant, il-Parlament iqis li huwa ma jistax, abbażi tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 jew tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li ma jagħtuhx il-kompetenza esklużiva li jistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom humiex issodisfatti jew le, jadotta deċiżjonijiet li jiddefendu l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li, konsegwentement, l-att ikkontestat ma jistax jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. |
|
14 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Parlament li ma jħarisx l-immunità tagħha skont l-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Intern, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, hija att li jipproduċi effetti legali vinkolanti. Hija ssostni b’mod partikolari li l-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tfisser li l-Parlament ma għandux biss id-dritt li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu, iżda li għandu wkoll id-dritt li jiddefendi din l-immunità, jiġifieri li jiddeċiedi jekk il-proċeduri mibdija kontra Membru tal-Parlament Ewropew jiksrux l-immunitajiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, b’tali mod li tali deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. |
|
15 |
Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li jitqiesu bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE il-miżuri kollha, irrispettivament mill-forma tagħhom, li jkollhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni,60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51). Għall-kuntrarju, kull att tal-Unjoni li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
16 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandha tiġi studjata s-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, filwaqt li jittieħed kont, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni li tkun adottatu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47). |
|
17 |
Barra minn hekk, meta deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni tkun ta’ natura negattiva, din id-deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont in-natura tat-talba li għaliha hija tikkostitwixxi tweġiba (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1972, Nordgetreide vs Il-Kummissjoni, 42/71, EU:C:1972:16, punt 5; tal-24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il-Kummissjoni, C‑15/91 u C‑108/91, EU:C:1992:454, punt 22, u tad‑9 ta’ Ottubru 2018, Multiconnect vs Il-Kummissjoni, T‑884/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:665, punt 45). B’mod partikolari, rifjut huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att li l-istituzzjoni tal-Unjoni tirrifjuta li tieħu seta’ ġie kkontestat skont din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li ċ-ċaħda, minn istituzzjoni, ta’ talba indirizzata lilha ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament meta din it-talba ma tkunx intiża għall-adozzjoni, minn din l-istituzzjoni, ta’ miżura li tipproduċi effetti legali vinkolanti (digrieti tal-5 ta’ Settembru 2012, Farage vs Il-Parlament u Buzek, T‑564/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:403, punt 27, u tal-1 ta’ Frar 2018, Collins vs Il-Parlament, T‑919/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:58, punt 19). |
|
18 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat, li jirrifjuta li jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti, huwiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-miżura mitluba setgħetx tipproduċi effetti legali. |
|
19 |
Qabel kollox, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) TUE u l-Artikolu 13(2) TUE, il-Parlament jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-trattati. |
|
20 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi li “[m]embri tal-Parlament […] m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom”. |
|
21 |
L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi, min-naħa tiegħu, dan li ġej: “Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament […] il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament […]. L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt [in flagrante delicto] ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament […] milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.” |
|
22 |
L-immunità parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew, kif prevista fl-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7, tinkludi għalhekk iż-żewġ forom ta’ protezzjoni normalment irrikonoxxuti lill-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, jiġifieri l-immunità minħabba opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari kif ukoll l-invjolabbiltà parlamentari, li tinkludi, bħala prinċipju, protezzjoni kontra l-proċeduri ġudizzjarji (sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 24, u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 18). |
|
23 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti, eletta fi Stat Membru differenti mill-Belġju, ġiet arrestata, miżmuma u mħarrka fil-Belġju. Hija ma tallegax li din il-proċedura ġudizzjarja hija marbuta ma’ opinjonijiet jew ma’ voti mogħtija minnha fil-qadi ta’ dmirijietha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija għandha għalhekk titqies li tinvoka biss l-immunità, jew invjolabbiltà, prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ma talbux it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti, iżda qiesu li kien hemm każ ta’ flagrante delicto. |
|
24 |
Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-eżami ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità u l-eżami ta’ talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet jaqgħu taħt żewġ eżerċizzji distinti. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, it-tneħħija tal-immunità hija espressament prevista mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li jipprovdi li “[l]-immunità […] ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli […] jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu”. B’hekk, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Parlament id-dritt esklużiv li jneħħi l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll, jiġifieri d-dritt li jċaħħad lil Membru tal-Parlament Ewropew mill-protezzjoni li jibbenefika minnha bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Tali deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, EU:T:2008:440, punt 31). |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, id-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ta’ Membru tal-Parlament Ewropew mill-Parlament ma hijiex espressament prevista mill-Protokoll Nru 7, iżda biss mill-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Intern. |
|
27 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, li diġà ġie deċiż li d-deċiżjoni tal-Parlament li jiddefendi tali immunità kienet tikkostitwixxi avviż li ma jipproduċix effetti vinkolanti fir-rigward tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 39, u tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 39). Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod partikolari li l-Protokoll Nru 7 ma kienx jipprevedi l-kompetenza tal-Parlament sabiex jivverifika, fil-każ ta’ proċeduri legali kontra Membru tal-Parlament Ewropew minħabba opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnu, jekk il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-imsemmi protokoll kinux issodisfatti u li tali kompetenza ma setgħetx tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Intern, li kien att ta’ organizzazzjoni interna li ma setax jistabbilixxi favur il-Parlament kompetenzi li ma kinux espressament irrikonoxxuti minn att leġiżlattiv, f’dan il-każ mill-Protokoll Nru 7 (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punti 32 u 38). |
|
28 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. |
|
29 |
Minn naħa, il-kompetenza tal-Parlament li jiddefendi l-immunità tista’, jekk ikun il-każ, tirriżulta mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sa fejn din id-dispożizzjoni timplika li l-firxa u l-portata tal-immunità li jgawdu minnha l-Membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju nazzjonali tagħhom, fi kliem ieħor, il-kontenut sostantiv ta’ din l-immunità, huma ddeterminati mid-diversi drittijiet nazzjonali li din tirreferi għalihom. Dan ir-riferiment għad-dritt nazzjonali jimplika li, fil-każ fejn id-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura għad-difiża tal-immunità tal-membri tal-parlament nazzjonali, li tippermettilu jintervjeni quddiem awtoritajiet ġudizzjarji jew il-pulizija, b’mod partikolari billi jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri li wieħed mill-membri tiegħu huwa s-suġġett tagħhom, l-istess setgħat jingħataw lill-Parlament fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punti 105 u 115). |
|
30 |
Min-naħa l-oħra u bil-kontra, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma jirreferix għad-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, ma jistax, permezz ta’ dan l-intervent, jistabbilixxi l-kompetenza tal-Parlament li jiddefendi l-immunità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. |
|
31 |
Barra minn hekk, ma jistax jitqies li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jikkostitwixxi, waħdu, il-bażi tal-kompetenza tal-Parlament li jiddefendi l-immunità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li d-dritt esklużiv li titneħħa l-immunità prevista minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li jattribwixxi lill-Parlament il-kompetenza esklużiva li jiddeċiedi, b’effett vinkolanti, jekk Membru tal-Parlament Ewropew kienx jibbenefika jew le mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 abbażi tal-fatti li huwa akkużat bihom (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2023, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il-Parlament, T‑115/20, taħt appell, EU:T:2023:372, punt 65). |
|
32 |
Fil-fatt, il-formulazzjoni negattiva tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) jipprevedi biss żewġ limiti għall-immunità, jew għall-invjolabbiltà, prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll. Minn naħa, meta jitwettaq reat in flagrante delicto, din l-immunità ma tistax tiġi invokata. Dan jimplika neċessarjament li l-imsemmija immunità tista’ inqas u inqas tiġi difiża f’każ ta’ reat in flagrante delicto. Min-naħa l-oħra, l-istess immunità ma tistax tostakola d-dritt tal-Parlament li jneħħiha. |
|
33 |
Madankollu, ir-rikorrenti tinvoka l-effett utli tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tinżamm l-effettività tagħha ma tistax twassal għal ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mwettaq mit-Trattati. Issa, dan ikun il-każ jekk mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jiġi dedott li l-Parlament għandu l-kompetenza esklużiva li jiddetermina, b’effett vinkolanti, jekk il-proċedura ġudizzjarja mibdija fir-rigward ta’ Membru tal-Parlament Ewropew tikkontestax jew le l-immunità tiegħu, filwaqt li din il-kompetenza taqa’, bħala regola ġenerali, primarjament taħt l-awtoritajiet li jmexxu proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2023, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il-Parlament, T‑115/20, taħt appell, EU:T:2023:372, punti 66 u 68). L-istess japplika a fortiori meta għandu jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għal reat in flagrante delicto humiex issodisfatti jew le, peress li din il-kompetenza speċifika tappartjeni biss lill-awtoritajiet li jmexxu proċeduri ġudizzjarji. |
|
35 |
Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, b’mod ġenerali, jekk l-awtoritajiet li jmexxu proċeduri ġudizzjarji jikkonstataw li l-fatti li bihom huwa akkużat Membru tal-Parlament Ewropew huma koperti mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, huma obbligati, jekk jixtiequ jkomplu l-imsemmija proċeduri, li jitolbu t-tneħħija ta’ din l-immunità lill-Parlament. Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jirregola wkoll sitwazzjoni speċifika marbuta ma’ reat in flagrante delicto, li fiha l-imsemmija awtoritajiet ma humiex obbligati jitolbu t-tneħħija tal-immunità mingħand il-Parlament, peress li, f’tali każ, l-immunità lanqas ma tista’ tiġi invokata. L-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi konkluża sitwazzjoni ta’ in flagrante delicto jaqa’ għalhekk taħt il-kompetenza esklużiva tal-imsemmija awtoritajiet u għalhekk ma jiddependix mill-opinjoni tal-Parlament. |
|
36 |
L-interpretazzjoni kuntrarja difiża mir-rikorrenti timplika li l-Parlament għandu l-kompetenza li jiddeċiedi jekk il-proċedura ġudizzjarja mibdija fir-rigward ta’ Membru tal-Parlament Ewropew tpoġġix indiskussjoni jew le l-immunità tiegħu fil-każijiet kollha ta’ reati mwettqa minn Membri tal-Parlament Ewropew mingħajr eċċezzjoni, inkluż fil-każ ta’ flagrante delicto, bil-konsegwenza li l-ewwel parti tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 titlef l-effett utli tagħha. |
|
37 |
Konsegwentement, għandu jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, anki flimkien ma’ dawk tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, ma jagħtu ebda kompetenza lill-Parlament sabiex jadotta deċiżjoni ta’ difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet, b’tali mod li, f’tali każ u b’mod partikolari fil-każ ta’ flagrante delicto, deċiżjoni ta’ difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet adottata abbażi tar-Regolament Intern ma tistax tipproduċi effetti vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-att ikkontestat, li jirrifjuta li jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti, lanqas ma jikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali vinkolanti. |
|
38 |
Minn dan jirriżulta li l-att ikkontestat ma jistax jiġi kkontestat permezz tar-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament għandha tintlaqa’ u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għadx għandha interess li tikseb l-annullament tal-att ikkontestat. |
Fuq l-ispejjeż
|
39 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
40 |
Peress li r-rikorrenti tilfu, dawn għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla) tordna: |
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Mejju 2025. Ir-reġistratur V. Di Bucci Il-Presidenta K. Kowalik-Bańczyk |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.