European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2217

5.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2217

tas-17 ta’ Frar 2026

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, li jemenda u jissupplimenta l-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk filwaqt li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), stabbilixxiet is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA, Partnership for Research and Innovation in the Mediterranean Area) fl-ambitu tal-Orizzont 2020 - Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2028.

(2)

Ir-Renju tal-Marokk (“il-Marokk”) huwa wieħed mid-19-il Stat Parteċipanti ta’ PRIMA, wara li kkonkluda ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tiegħu fis-sħubija (“il-Ftehim dwar PRIMA”) (3). L-għan tal-Ftehim dwar PRIMA huwa li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fi PRIMA. Il-Ftehim dwar PRIMA għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tkun fis-seħħ.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) estendiet id-durata ġenerali ta’ PRIMA fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa -il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“Orizzont Ewropa”), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), sal-31 ta’ Diċembru 2031. Tipprevedi wkoll li l-Marokk ikompli jipparteċipa fi PRIMA fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemenda u jissupplimenta l-Ftehim dwar PRIMA.

(4)

Peress li l-Marokk esprima l-interess tiegħu li jkompli jipparteċipa fi PRIMA fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, jenħtieġ li jaċċetta formalment it-termini u l-kundizzjonijiet aġġornati għal tali parteċipazzjoni.

(5)

Għal dak il-għan, fid-9 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2023/2621 (6), li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemenda u jissupplimenta l-Ftehim dwar PRIMA u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fi PRIMA fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa (il-“Ftehim”).

(6)

In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fit-8 ta’ Settembru 2025.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim, jiġi ffirmat.

(8)

Sabiex il-Marokk jitħalla jkompli l-parteċipazzjoni tiegħu fi PRIMA skont Orizzont Ewropa l-aktar fis possibbli, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja sakemm jidħol fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim, fil-forma ta’ Skambju ta’ iItri, bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jemenda u jissupplimenta l-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk filwaqt li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (7) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim.

Artikolu 2

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KERAVNOS


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1; ELI: (http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1324/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1291/oj).

(3)  Il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), (ĠU L 106, 26.4.2018, p. 3; ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2018/639/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (“PRIMA”) taħt Orizzont Ewropa (ĠU L, 2024/1167, 19.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1167/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2621 tad-9 ta’ Novembru 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehimiet, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemendaw u jissupplimentaw il-ftehimiet għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Repubblika Libaniża u r-Renju tal-Marokk, rispettivament, li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b’mod konġunt minn diversi Stati Membri (ĠU L, 2023/2621, 21.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2621/oj).

(7)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat f’ĠU L, 2026/2218, 5.10.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2218/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2217/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)