SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolamenti (UE) Nru 952/2013 – Determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – Subintestatura 730441 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija – Tubi, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa, mingħajr ġonot, tal-ħadid (minbarra ħadid fondut) jew azzar. – Validità tar-regoli tal-oriġini applikabbli għall-pajpijiet tal-azzar – Tubijiet itterminati bis-sħana, li sussegwentement jiġu ridotti bil-kesħa”

Fil-Kawża C‑86/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava - sezzjoni ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

CS STEEL a.s.

vs

Generální ředitelství cel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal CS STEEL a.s., minn D. Urbanec, advokát,

–

għal Generální ředitelství cel, minn P. Polák,

–

għall-Gvern Ċek, minn L. Březinová, L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta u P. Pérez Zapico, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u J. Hradil, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-validità tar-regola primarja applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 (iktar ’il quddiem ir-“regola primarja”) tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, (iktar ’il quddiem is-“SA”), prevista fl-Anness 22-01 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41, u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija Ċeka, CS STEEL a.s. u l-Generální ředitelství cel (id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali tad-dwana”), dwar aġġustament tad-dazji doganali impost fuq din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-noti ta’ spjega tas-SA saru fi ħdan il-WCO skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

4

In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7304 tas-SA tippreċiża:

“It-tubi, il-pajpijiet u l-profili vojta ta’ din l-intestatura jistgħu jinkisbu permezz ta’ diversi proċessi:

[…]

(B) It-tidwir bis-sħana permezz tal-estrużjoni fi pressa, jew taħt il-ħġieġ (proċess UgineSéjournet), jew taħt lubrifikant ieħor, ta’ ċirku. Dan il-proċess jinkludi, fil-fatt, it-tranżazzjonijiet li ġejjin: it-tħaffir, l-espansjoni jew le u t-tidwir.

L-operazzjonijiet iddefiniti hawn fuq għandhom jiġu segwiti b’operazzjonijiet ta’ rfinar:

–

jew bis-sħana: f’dan il-każ it-tubu mhux maħdum, wara li jissaħħan mill-ġdid, jgħaddi minn sizer-reducer, shooter jew le, imbagħad ġo straightener;

–

jew bil-kesħa fuq mandrin permezz ta’ tiġbid fuq bank jew bl-irromblar pilgrim step (proċessi Mannesmann jew Megaval). Dawn il-proċessi jippermettu li jinkisbu minn tubi rromblati jew imdawra bis-sħana, użati bħala tubi fi stadju ta’ manifattura, tubi tad-dijametru u ħxuna iżgħar minn dawk bil-proċessi tas-sħana (għandu jiġi nnotat li l-proċess Transval jippermetti li jinkisbu direttament tubi ta’ inqas ħxuna), kif ukoll tubi ta’ tolleranzi mnaqqsa fuq id-dijametru u l-ħxuna. L-operazzjonijiet bil-kesħa jippermettu wkoll li jinkisbu gradi differenti ta’ finitura tal-wiċċ, b’mod partikolari l-wiċċ igglejżjat (tubi bi grad baxx ta’ ħruxija) meħtieġ, pereżempju, għaċ-ċilindri tat-tajers u għaċ-ċilindri idroliċi.

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

5

L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, Vol. 287, p. 90u fil-ĠU 2016, Vol. 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), intitolat “L-akkwiżizzjoni tal-oriġini” jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

6

L-Artikolu 62 tal-istess kodiċi, intitolat “Id-delega tas-setgħa”, jistipula:

“Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 284, li jistabbilixxu r-regoli li abbażi tagħhom il-merkanzija, li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tagħha hi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni [Ewropea] msemmija fl-Artikolu 59, tkun ikkunsidrata bħala ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew f’territorju wieħed jew li għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, tagħha, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew territorju, skont l-Artikolu 60.”

7

L-Artikolu 284 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “L-eżerċizzju tad-delega”, jippreċiża l-modalitajiet ta’ dan l-eżerċizzju.

Ir-Regolament Delegat 2015/2446

8

Fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat 2015/2446.

9

L-Anness 22-01 tal-istess regolament delegat huwa intitolat “Noti introduttorji u lista ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali li jagħtu oriġini mhux preferenzjali”. Dan l-anness jinkludi parti intitolata “Noti Introduttorji” li l-punti 2 u 3 tagħha huma fformulati kif ġej:

“(2) Applikazzjoni tar-regoli f’dan l-Anness

2.1.

Ir-regoli previsti f’dan l-Anness għandhom jiġu applikati għall-oġġetti abbażi tal-klassifikazzjoni tagħhom fis-[SA], kif ukoll abbażi ta’ kriterji ulterjuri li jistgħu jiġu previsti flimkien mal-intestaturi jew is-sottointestaturi tas-[SA], maħluqa speċifikament għall-finijiet ta’ dan l-Anness. ‘Intestatura’ jew ‘Sottointestatura’ tas-[SA] li hija suddiviża ulterjorment bl-użu ta’ tali kriterji hija msemmija f’dan l-Anness bħala ‘intestatura maqsuma’ jew ‘sottointestatura maqsuma’. […]

Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fi ħdan l-intestaturi u s-sottointestaturi tas-[SA] hija regolata bir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-[SA] u kwalunkwe nota relattiva dwar it-Taqsima, il-Kapitolu u s-Sottointestatura għal dik is-Sistema. Dawk ir-regoli u n-noti jiffurmaw parti minn Nomenklatura Magħquda, li hija stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 [tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382]. Għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ intestatura maqsuma korretta jew sottointestatura maqsuma korretta għal ċerti oġġetti f’dan l-Anness, ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-[SA] u kwalunkwe noti relattivi tat-Taqsima, tal-Kapitolu u tas-Sottointestatura ta’ dik is-Sistema, għandhom japplikaw mutatis mutandis, sakemm l-Anness ma jirrikjedix mod ieħor.

[…]

(3) Glossarju

Ir-regoli primarji fuq livell tas-sottodiviżjoni, meta jkunu bbażati fuq bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja, jistgħu jiġu espressi bl-użu tal-abbrevjazzjonijiet li ġejjin.

[…]

CTH: bidla fl-intestatura inkwistjoni minn kwalunkwe intestatura oħra

[…]”

10

Dan il-Kapitolu 73 jinkludi tabella li tindika r-regoli primarji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat il-pajjiż jew it-territorju tal-oriġini tal-merkanzija msemmija fih u identifikata skont l-intestatura jew subintestatura tagħhom fis-SA, b’mod partikolari r-regola primarja applikabbli għall-pajpijiet u tubi miġbuda jew irromblati bil-kesħa, tal-azzar li ma jissaddadx mingħajr saldatura, ta’ sezzjoni ċirkolari li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-SA. L-imsemmija tabella taqra kif ġej:

“Kodiċi SA 2012

Deskrizzjoni tal-materjali

Regoli primarji

[…]

 

 

7304

Tubi, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa, mingħajr ġonot, tal-ħadid (minbarra ħadid fondut) jew azzar.

Kif speċifikat għas-sottointestaturi

 

– Pajp tal-linja ta’ tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass

 

7304 11

– – Tal-azzar inossidabbli

CTH:

[…]

 

 

 

– Oħrajn, b’sezzjoni trasversali tonda, tal-azzar inossidabbli:

 

7304 41

– Miġbudin bil-kesħa jew irrumblati bil-kesħa (imċekknin bil-kesħa)

CTH, jew bidla minn profili vojta tas-sottointestatura 7304 49

7304 49

– – oħrajn

CTH”

Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11

Maxim Tubes Company Pvt. Ltd, kumpannija stabbilita fl-Indja (iktar ’il quddiem “Maxim Tubes”), importat f’dan il-pajjiż pajpijiet tal-azzar lesti bis-sħana li joriġinaw miċ-Ċina, li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 u konformi mal-istandard ASTM A312. Dawn il-pajpijiet sussegwentement tnaqqsu fil-kiesaħ fl-Indja, peress li ġew irrumblati, imqaxxra, maqtugħin, ippassivati u maqtugħin, u dan kellu l-effett li jbiddel id-dimensjonijiet tagħhom. Il-pajpijiet ipproċessati b’dan il-mod u li għadhom jissodisfaw l-istandard ASTM A312 ġew esportati lejn l-Unjoni lil CS STEEL.

12

Matul il-perijodu bejn Jannar 2016 u Diċembru 2017, iċ-Celní úřad pro Olomoucký kraj (l-Amministrazzjoni Doganali għar-Reġjun ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka) aċċettat sitt dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati minn CS STEEL, għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ pajpijiet tal-azzar li ma jissaddadx mingħajr saldaturi ta’ sezzjoni ċirkulari, li jaqgħu taħt is-subintestatura tariffarja 730441 tas-SA, li ġew iddikjarati ta’ oriġini mhux preferenzjali Indjana.

13

Wara kontroll, l-awtorità nazzjonali tad-dwana kkonkludiet li dawn il-pajpijiet kienu ta’ oriġini Ċiniża u, konsegwentement, wettqet aġġustament tad-dazji doganali dovuti, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/330 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 63, p. 15).

14

Din l-awtorità qieset li l-bidla tal-oriġini tal-imsemmija pajpijiet kienet tkun possibbli biss li kieku l-pajpijiet kienu ġew immanifatturati minn merkanzija li taqa’ taħt intestaturi oħra tas-SA bħal skart u fdal tal-azzar, li jaqgħu taħt l-intestatura 7204, jew profili vojta, li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449.

15

Adita b’rikors ta’ CS STEEL kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-awtorità nazzjonali tad-dwana dwar dan l-aġġustament, il-Krajský soud v Ostravě — pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava — fergħa ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi dwar il-validità tar-regola primarja dwar id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-SA, stabbilita fl-Anness 22–01 tar-Regolament Delegat 2015/2446, sa fejn, skont din ir-regola, tali merkanzija li tirriżulta minn tnaqqis fil-kesħa ta’ prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA tingħata n-natura ta’ merkanzija li toriġina mill-pajjiż fejn seħħew dawn l-operazzjonijiet, filwaqt li tali pproċessar ta’ prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA ma jagħtix lil din il-merkanzija tali oriġini.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li mir-regola primarja dwar id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija kklassifikata taħt is-subintestatura 730441 tas-SA, moqrija fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland (C‑210/22, EU:C:2023:693), jirriżulta ċar li bidla fl-oriġini sseħħ, essenzjalment, jew permezz ta’ bidla fl-intestatura tariffarja jew permezz tat-tnaqqis kiesaħ ta’ prodott li jaqa’ taħt is-subintestatura 730449 tas-SA. Skont dik il-qorti, peress li l-unika differenza rilevanti bejn is-subintestatura 730449 u s-subintestatura 730411 hija apparentement id-destinazzjoni tal-pajpijiet, din ir-regola primarja x’aktarx tistabbilixxi distinzjoni diskriminatorja fir-rigward ta’ prodotti pproċessati li, qabel l-ipproċessar, kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, sezzjoni ta’ Olomouc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola primarja għad-determinazzjoni tal-oriġini stabbilita fis-subintestatura 730441 tas-[SA], kif stabbilita fl-Anness 22 01 tar-Regolament Delegat [2015/2446], hija valida, sa fejn teskludi l-fatt li l-ipproċessar bil-kesħa (riduzzjoni bil-kesħa) huwa suffiċjenti sabiex tinbidel l-oriġini ta’ tubijiet itterminati bis-sħana taħt is-subintestatura 730411, konformi ma’ ASTM A312?”

18

Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar, b’mod partikolari, l-effett tat-trasformazzjoni bil-kesħa subita mill-pajpijiet ikkonċernati, il-qorti tar-rinviju rrilevat, minn naħa, li d-dimensjonijiet, l-istruttura u l-karatteristiċi tal-materjal ta’ dawn il-pajpijiet kienu ġew ittrasformati b’mod sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx taf jekk l-imsemmija pajpijiet kellhomx karatteristiċi li kienu jagħmluhom utilizabbli bħala pajpijiet għal żejt jew gass.

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regola primarja hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, sa fejn din ma tipprevedix li pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA miksuba bil-kesħa minn pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA jistgħu jitqiesu li joriġinaw mill-pajjiż jew mit-territorju fejn ikunu għaddew mill-aħħar ipproċessar jew xogħol tagħhom.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, skont il-kliem tar-regola primarja, it-tubi u l-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA jitqiesu li joriġinaw fil-pajjiż fejn ġew ipproċessati jew minn prodotti li jaqgħu taħt intestatura oħra tas-SA jew permezz ta’ tnaqqis fil-kesħa ta’ “profili vojta li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449” tas-SA. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland (C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 66), li din ir-regola ma hijiex valida safejn teskludi l-possibbiltà li l-bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja li tirriżulta mit-trasformazzjoni ta’ tubi u pajpijiet tas-subintestatura SA 730449 f’tubi, pajpijiet u profili vojta mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar, imnaqqsa bil-kesħa jew irrumblati bil-kesħa (imnaqqsa bil-kesħa) tas-subintestatura SA 730441 tagħti lil dawn tal-aħħar l-istatus ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż fejn seħħet dik il-bidla.

21

Għaldaqstant, jidher li, kif tirrileva, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju, ir-regola primarja, moqrija fid-dawl ta’ din is-sentenza, tistabbilixxi differenza fit-trattament, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-oriġini, bejn trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA u trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA.

22

Għandu jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li, skont l-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu r-regoli li skonthom il-merkanzija titqies li għaddiet mill-aħħar trasformazzjoni jew xogħol sostanzjali, ekonomikament iġġustifikat, imwettaq f’impriża mgħammra għal dan l-għan u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jikkorrispondi għal stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew territorju partikolari, skont l-Artikolu 60 ta’ dan il-kodiċi. Dawn l-atti għandhom l-għan li jippreċiżaw il-mod kif il-kriterji astratti stipulati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandhom jiġu interpretati u applikati f’sitwazzjonijiet konkreti (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland,C‑210/20, EU:C:2023:693, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa tal-Kummissjoni huwa suġġett, hekk kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti. L-għanijiet imfittxija minn regolament delegat għandhom ikunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-adozzjoni tiegħu, dan ir-regolament delegat għandu jissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost fuq tali att u l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tal-prodotti li għalihom japplika l-imsemmi regolament ma għandhomx ikunu vvizzjati bi żball ta’ liġi jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland,C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Din l-oriġini għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi ddeterminata skont il-kriterju determinanti li jikkostitwixxi l-“aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali,” tal-merkanzija kkonċernata. Din l-espressjoni għandha hija stess tinftiehem bħala li tirreferi għall-istadju tal-proċess ta’ produzzjoni li matulu din il-merkanzija tikseb id-destinazzjoni tagħha kif ukoll proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi, li ma kellhiex qabel u li, sussegwentement, ma tkunx mitluba ssostni bidla kwalitattiva sinjifikattiva (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland,C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

L-eżami ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ dispożizzjoni ta’ att bħall-Anness 22-01 tar-Regolament Delegat 2015/2446 huwa intiż li jirrigwarda l-punt dwar jekk, indipendentement minn kull żball ta’ liġi, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta wettqet din l-implimentazzjoni tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta kkonċernata (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland,C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament bejn trasformazzjonijiet simili, bħal dik irrilevata fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, għandha tkun oġġettivament iġġustifikata mill-Kummissjoni sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li din ma wettqitx tali żball (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1983, Cousin et., 162/82, EU:C:1983:93, punt 21), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland,C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 56).

27

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-konformità mal-istandard ASTM A312 tat-tubi u tal-pajpijiet li joriġinaw miċ-Ċina, importati fl-Indja u li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA turi li dawn il-prodotti kienu diġà prodotti lesti, li ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ trasformazzjoni sostanzjali ekonomikament iġġustifikata li twassal għal bidla fl-oriġini.

28

Din l-istituzzjoni ssostni wkoll, essenzjalment, li t-trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA, li għandha l-effett li tbiddilhom b’tali mod li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA, ma twassalx sabiex tingħatalhom skop u kompożizzjoni li huma ma kellhomx qabel, sa fejn huma sofrew l-aħħar bidliet kwalitattivi tagħhom waqt it-trasformazzjoni bis-sħana tagħhom li wasslet għall-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-ewwel subintestatura. Fil-fatt, tali trasformazzjoni bil-kesħa ta’ dawn it-tubi ċertament twassal għal modifiki irriversibbli ta’ dawn il-prodotti, prinċipalment billi tnaqqas id-daqs tagħhom mingħajr madankollu ma tipprekludi l-użu tagħhom bħala pajpijiet tal-gass jew ta’ idrokarburi u milli tosserva l-istandard ASTM A312, kif jaqblu l-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-imsemmija trasformazzjoni bil-kesħa hija distinta mit-trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet, li huma prodotti nofshom lesti, koperti mis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland (C-210/22, EU:C:2023:693), u li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-merkanzija li tinsab fis-subintestaturi 730411 u 730441 tas-SA hija indikata bħala li hija, għall-ewwel waħda minn dawn is-subintestaturi, pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tipi użati għal pipelines tal-azzar li ma jsaddadx (azzar inossidabbli) u, għat-tieni waħda minn dawn is-subintestaturi, pajpijiet u tubi oħra mingħajr saldaturi, ta’ sezzjoni ċirkolari, tal-azzar li ma jsaddadx u miġbuda jew irrumblati bil-kesħa (imnaqqsa bil-kesħa).

30

Għaldaqstant, it-tubi u l-pajpijiet ma jibqgħux jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA u jsiru jistgħu jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA minħabba telf tal-proprjetajiet tipiċi għat-tubi u l-pajpijiet użati għal pipelines, li ma jwassalx neċessarjament għal telf tal-proprjetajiet li jagħmluhom utilizzabbli għal dan l-għan.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA, li għandha l-effett li timmodifikahom b’tali mod li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA, minkejja li tista’ twassal għal tibdil sinjifikattiv tal-proprjetajiet tagħhom, ma twassalx, minħabba dan il-fatt biss, għal bidla fid-destinazzjoni u fil-kompożizzjoni inizjali ta’ dawn it-tubi u pajpijiet.

32

Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li trasformazzjoni bil-kesħa tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq id-dimensjonijiet, l-istruttura u l-karatteristiċi ta’ dawn il-pajpijiet. Fil-fatt, minn din ir-risposta ma jirriżultax, la li t-trasformazzjoni bil-kesħa tal-pajpijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ta’ tali portata li dawn il-pajpijiet ma baqgħux jintużaw għat-trasport taż-żejt u tal-gass, u lanqas li l-kompożizzjoni tagħhom inbidlet. Għall-kuntrarju, tali evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, wara din it-trasformazzjoni, l-imsemmija pajpijiet huma dejjem konformi mal-istandard ASTM A312. Kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mill-persuni kkonċernati l-oħra, din il-konformità tikkonferma l-użu tal-istess pajpijiet bħala mezz għat-trasport taż-żejt u tal-gass.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-differenza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-oriġini, stabbilita mir-regola primarja, bejn trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730411 tas-SA u trasformazzjoni bil-kesħa tat-tubi u tal-pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA, hija oġġettivament iġġustifikata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat din ir-regola.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-regola primarja.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-regola primarja applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, prevista fl-Anness 22-01 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.