|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2541 |
18.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2541
tas-16 ta’ Diċembru 2025
dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427, li jkunu jikkonsistu, jew li jkunu magħmulin minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2025) 8558)
(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 23(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2281 (2) awtorizzat l-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427, li jkunu jikkonsistu minnu, jew li jkunu magħmulin minnu. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni jkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti, għajr l-ikel u l-għalf, li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 għall-istess użi bħal kull qamħirrum ieħor għajr għall-kultivazzjoni. |
|
(2) |
Fid-19 ta’ Marzu 2024, f’konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, Bayer Agriculture B.V., ibbażata fil-Belġju, ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’isem Bayer CropScience LP (“l-applikant”), ibbażata fl-Istati Uniti tal-Amerka, għat-tiġdid ta’ dik l-awtorizzazzjoni. |
|
(3) |
Fit-13 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika favorevoli dwar il-qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427 (3) f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Ikkonkludiet li l-applikazzjoni għat-tiġdid ma kienx fiha evidenza ta’ xi perikli, esponiment immodifikat jew inċertezzi xjentifiċi ġodda li jibdlu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju oriġinali dwar il-qamħirrum mmodifikat ġenetikament MON 87427, maħruġa mill-Awtorità fl-2015 (4). |
|
(4) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset il-mistoqsijiet u t-tħassib kollu mressqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif previst fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(5) |
L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, li jikkonsisti minn pjan ta’ sorveljanza ġenerali, u li l-applikant issottometta, jaqbel mal-użi maħsuba tal-prodotti. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dawk il-konklużjonijiet, jenħtieġ li tiġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427 u li jkunu jikkonsistu minnu, jew li jkunu prodotti minnu, u ta’ prodotti li jkun fihom il-qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427 jew li jkunu jikkonsistu minnu, għal użi għajr għall-ikel jew għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
|
(7) |
Ġie assenjat identifikatur uniku lill-fażola tal-qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 (5), fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni oriġinali tagħha bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2281. Dak l-identifikatur uniku jenħtieġ li jibqa’ jintuża. |
|
(8) |
Ma jidher li hu meħtieġ l-ebda rekwiżit speċifiku tat-tikkettar fir-rigward tal-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni, għajr dawk previsti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Madankollu, biex ikun żgurat li l-użu ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427, li jikkonsistu minnu, jew li huma magħmulin minnu jinżamm fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li t-tikketti ta’ tali prodotti, bl-eċċezzjoni tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, ikollhom indikazzjoni ċara li mhumiex maħsuba għall-kultivazzjoni. |
|
(9) |
Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jressaq rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u dwar ir-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Jenħtieġ li dawk ir-riżultati jiġu ppreżentati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE (7). |
|
(10) |
L-opinjoni tal-Awtorità ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq, għall-użu u l-immaniġġar, inklużi rekwiżiti ta’ sorveljanza ta’ wara t-tqegħid fis-suq rigward il-konsum tal-ikel u l-għalf li jkun fihom il-qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427, li jkunu jikkonsistu minnu, jew li jkunu magħmulin minnu, jew għall-ħarsien tal-ekosistemi/tal-ambjent jew żoni ġeografiċi partikolari, kif previst fl-Artikolu 6(5)(e) u l-Artikolu 18(5)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti koperta minn din id-Deċiżjoni, tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf immodifikati ġenetikament imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni trid tiġi nnotifikata permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(2)(c), tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(13) |
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Dan l-Att ta’ Implimentazzjoni tqies li kien meħtieġ u l-President ressqu quddiem il-kumitat tal-appell biex ikompli jiġi ddeliberat. Il-kumitat ta’ appell ma tax opinjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Organiżmu ġenetikament modifikat u identifikatur uniku
Il-qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) MON 87427, kif speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, ġie assenjat l-identifikatur uniku MON-87427-7, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 65/2004.
Artikolu 2
Tiġdid tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li ġejjin tiġġedded f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu MON-87427-7; |
|
(b) |
għalf li jkun fih il-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu MON-87427-7; |
|
(c) |
prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu MON-87427-7 għal użi għajr dawk previsti fil-punti (a) u (b), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
Artikolu 3
Tikkettjar
1. Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, “isem l-organiżmu” għandu jkun “qamħirrum”.
2. Il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni” għandu jidher fuq it-tikketta tal-prodotti, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti, li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum modifikat ġenetikament MON-87427-7, kif imsemmi fl-Artikolu 1, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (a).
Artikolu 4
Metodu għad-detezzjoni
Il-metodu stabbilit fil-punt (d) tal-Anness għandu japplika għad-detezzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-87427-7.
Artikolu 5
Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali
1. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif stabbilit fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.
2. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq ir-rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ, f’konformità mal-format stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/770/KE.
Artikolu 6
Reġistru Komunitarju
L-informazzjoni stabbilita fl-Anness għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati, kif imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
Artikolu 7
Detentur tal-awtorizzazzjoni
Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Bayer CropScience LP, l-Istati Uniti tal-Amerka, irrappreżentat fl-Unjoni minn Bayer Agriculture B.V., il-Belġju.
Artikolu 8
Validità
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 9
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Bayer CropScience LP, 800 N, Lindbergh Boulevard, St. Louis, Missouri 63167, l-Istati Uniti tal-Amerika, rappreżentata fl-Unjoni minn Bayer Agriculture BV, Scheldelaan 460, 2040 Antwerp, il-Belġju.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1829/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2281 tal-4 ta’ Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrum MON 87427 (MON-87427-7) ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2281/oj).
(3) EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2025. Valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (id-dossier GMFF-2023-21254). EFSA Journal 2025; 23 (5):9380. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9380.
(4) EFSA GMO Panel, 2015. Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni EFSA-GMO-BE-2012-110 għat-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427 tolleranti għall-erbiċidi selettivi għat-tessut biex jintużaw għall-ikel u l-għalf, għall-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, minn Monsanto. EFSA Journal, 13(6), 4130. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2015.4130.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/65/oj).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1830/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għal għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 275, 21.10.2009, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/770/oj).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1946/oj).
ANNESS
(a) Applikant u detentur tal-awtorizzazzjoni:
|
Isem |
: |
Bayer CropScience LP |
|
Indirizz |
: |
800 N. Lindbergh Boulevard, St. Louis, Missouri 63167, l-Istati Uniti tal-Amerka |
Irrappreżentata fl-Unjoni minn: Bayer Agriculture BV, Scheldelaan 460, 2040 Antwerp, il-Belġju.
(b) Isem u speċifikazzjoni tal-prodotti:
|
(1) |
ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu MON-87427-7; |
|
(2) |
għalf li jkun fih il-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu MON-87427-7; |
|
(3) |
prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu MON-87427-7 għal użi għajr dawk previsti fil-punti (1) u (2), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
Il-qamħirrum modifikat ġenetikament MON-87427-7 jesprimi l-ġene CP4 EPSPS, li jagħtih tolleranza għall-erbiċidi tal-glifosat. L-espressjoni CP4 EPSPS hija nieqsa jew limitata fit-tessuti riproduttivi maskili, li telimina jew tnaqqas il-ħtieġa li jitqaċċat il-berkun tal-qamħirrum meta l-MON-87427-7 jintuża bħala ġenitur femminili fil-produzzjoni taż-żrieragħ tal-qamħirrum ibridu.
(c) Tikkettar:
|
(1) |
Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, “isem l-organiżmu” għandu jkun “qamħirrum”. |
|
(2) |
Fuq it-tikketta u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-87427-7, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (b)(1), għandu jidher il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni”. |
(d) Metodu tad-detezzjoni:
|
(1) |
metodi kwantitattivi validati tal-PCR f’ħin reali u speċifiċi għall-eventi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-87427-7; |
|
(2) |
ivvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fuq https://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/method-validations |
|
(3) |
materjal ta’ referenza: AOCS 0512-A2 (għal MON-87427-7) u AOCS 0406-A (għall-kontroparti mhux ĠM tiegħu) huma aċċessibbli permezz tal-American Oil Chemists Society fis-sit web https://www.aocs.org/technical-products/certified-reference-materials-crms/. |
(e) Identifikatur uniku:
MON-87427-7
(f) Informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika:
[Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza, Numru tal-ID tar-Rekord: ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati meta jiġi nnotifikat].
(g) Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu jew għall-immaniġġar tal-prodotti:
Mhumiex meħtieġa.
(h) Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali:
Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
[Link: pjan ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati]
(i) Rekwiżiti tal-monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem
Mhumiex meħtieġa.
|
Nota: |
il-links għad-dokumenti relevanti jaf ikollhom bżonn jinbidlu minn żmien għall-ieħor. Dawk il-bidliet jiġu ppubblikati permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati. |
(1) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/18/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2541/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)