SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
11 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Xoljiment ta’ kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal – Użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Dritt għal smigħ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Dmir ta’ premura – Responsabbiltà – Danni materjali u morali”
Fil-Kawża T‑368/24,
EO, irrappreżentat minn L. Levi u P. Baudoux, avukati,
rikorrent,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr, I. Lázaro Betancor u K. Zejdová, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u M. Stancu, Imħallfin,
Reġistratur: A. Marghelis, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, EO, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2023 li permezz tagħha l-Parlament Ewropew xolja l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament imġarrba minħabba dik id-deċiżjoni. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa ex membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), tal-grupp politiku tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Grupp S&D”). |
|
3 |
Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ konsulent politiku tal-Grupp S&D, huwa kien, inter alia, involut fit-tfassil tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal‑24 ta’ Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar (ĠU 2023, C 167, p. 99, iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022”). |
|
4 |
Fil-jiem ta’ wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022, assistent parlamentari akkreditat ta’ Membru tal-Grupp S&D offra lir-rikorrent li jattendi logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol fil-Qatar. Dan ir-rigal kien jikkonsisti f’żewġ biljetti sabiex jattendi l-logħba tal-kwarti tal-finali bejn it-tim tal-Arġentina u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u kien ikopri wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għal żewġ persuni. |
|
5 |
Mit‑8 sal‑11 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent mar il-Qatar mas-sieħba tiegħu. |
|
6 |
Fid‑9 ta’ Diċembru 2022, l-awtoritajiet Belġjani fetħu investigazzjoni dwar attivitajiet possibbli ta’ lobbying illegali min-naħa tal-Qatar. B’mod partikolari, huma wettqu tfittxijiet fl-uffiċċji tal-Parlament u wettqu l-arrest ta’ diversi persuni, fosthom l-assistent parlamentari akkreditat imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq. |
|
7 |
Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent informa lill-Kap ta’ Diviżjoni tiegħu dwar is-soġġorn tiegħu fil-Qatar. Flimkien, huma informaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp S&D. |
|
8 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2022, wara li semgħet lir-rikorrent, il-Presidenta tal-Grupp S&D, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) issospendietu mill-funzjonijiet tiegħu għal żmien indeterminat bi tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu skont l-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). |
|
9 |
Fl-istess jum, il-Bureau tal-Grupp S&D ippubblika stqarrija għall-istampa intitolata “Tolleranza żero għall-korruzzjoni” li fiha huwa indikat li huwa “jappoġġja bis-sħiħ is-sospensjoni ta’ membru [tal-]persunal [tiegħu] wara nuqqas serju marbut mal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti” (iktar ’il quddiem l-“istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ Diċembru 2022”). |
|
10 |
Fl‑4 ta’ Jannar 2023, l-ASTK informat lir-rikorrent bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva li tikkonċernah dwar nuqqas possibbli min-naħa tiegħu ta’ twettiq tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
11 |
Fit‑30 ta’ Jannar 2023, ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva ntbagħat lill-ASTK u lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp S&D flimkien mar-rakkomandazzjoni li r-rikorrent jiġi mistieden għal seduta skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
12 |
Fis‑6 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrent instema’ mill-ASTK konformement mal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Grupp S&D, ta’ membru tas-servizz legali tal-Parlament u tal-membri tal-persunal li fasslu r-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. |
|
13 |
Fil‑31 ta’ Mejju 2023, l-ASTK informat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tiegħu abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, filwaqt li ddispensatu mis-servizz matul il-perijodu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg tiegħu ta’ għaxar xhur, billi invokat it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejnu u l-Grupp S&D. Hija stednitu għal intervista prevista fis‑7 ta’ Ġunju ta’ wara sabiex jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Jekk huwa ma xtaqx jipparteċipa f’din l-intervista, ir-rikorrent kien mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub. |
|
14 |
Fit‑2 ta’ Ġunju 2023, l-avukata tar-rikorrent talbet il-posponiment ta’ din l-intervista minħabba li din ma kinitx disponibbli fid-data proposta. Hija talbet ukoll lill-ASTK tibgħatilha d-dokumenti kollha li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li jiġi xolt il-kuntratt tar-rikorrent. |
|
15 |
Fil‑15 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrent ġie mistieden għal intervista prevista fid‑29 ta’ Ġunju ta’ wara. L-għada, l-avukata tar-rikorrent wieġbet li hija ma kinitx disponibbli dakinhar. Hija talbet il-posponiment tal-intervista u tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni tal-ASTK li xxolji l-kuntratt tar-rikorrent. |
|
16 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2023, l-ASTK ippreċiżat l-elementi li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tar-rikorrent u stednitu għal intervista prevista fit‑18 ta’ Lulju ta’ wara. Jekk ma kienx disponibbli f’din id-data, huwa ntalab jippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Lulju ta’ wara. |
|
17 |
Fit‑13 ta’ Lulju 2023, l-avukata tar-rikorrent wieġbet li hija ma kinitx disponibbli fit‑18 ta’ Lulju ta’ wara. Filwaqt li indikat li r-rikorrent kien ser jibgħat l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Lulju ta’ wara, hija pproponiet li tipposponi l-intervista wara r-ritorn tagħha mil-leave u, mill-ġdid, tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni tal-ASTK li xxolji l-kuntratt tar-rikorrent. |
|
18 |
Fl‑20 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar l-intenzjoni tal-ASTK li xxolji l-kuntratt tiegħu. |
|
19 |
Fis‑7 ta’ Settembru 2023, l-ASTK neħħiet is-sospensjoni tar-rikorrent u informatu li deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal kienet għadha ma ttiħditx minħabba l-eżistenza ta’ investigazzjoni kriminali pendenti, il-kumplessità globali tas-sitwazzjoni u l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-fajl. |
|
20 |
Fil‑15 ta’ Settembru 2023, l-ASTK adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg minħabba t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejn il-Grupp S&D u r-rikorrent. |
|
21 |
Fit‑8 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
22 |
Fil‑15 ta’ Marzu 2024, f’ittra li kellha bħala suġġett is-“[s]egwitu tal-investigazzjoni amministrattiva u tas-seduta ta’ Marzu 2023” u l-“[i]ntenzjoni li tindirizza twissija abbażi tal-Artikolu 3(1)(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”, l-ASTK informat lir-rikorrent li hija kienet finalment iddeċidiet li tissospendi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u li deċiżjoni definittiva ser tittieħed biss wara li d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali adita tkun saret definittiva sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet fattwali li jaslu għalihom l-awtoritajiet Belġjani. |
|
23 |
Fl-assenza ta’ tweġiba għall-ilment tat‑8 ta’ Diċembru 2023 fit-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan inizjalment ġie miċħud impliċitament fit‑8 ta’ April 2024. Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April ta’ wara, il-Bureau tal-Grupp S&D, fit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ċaħad espliċitament dan l-ilment. |
It-talbiet tal-partijiet
|
24 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
25 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq it‑talbiet għal annullament
|
26 |
Peress li d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu, sa fejn din sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li dawn it-talbiet għal annullament huma intiżi biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tagħha ser tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tas‑6 ta’ Lulju 2022, MZ vs Il‑Kummissjoni, T‑631/20, EU:T:2022:426, punt 21). |
Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
|
27 |
Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata, peress li l-ASTK la spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet li xxolji l-kuntratt tiegħu f’dak il-mument u lanqas ir-raġunijiet li għalihom hija ma adottatx sanzjoni inqas severa. Hija lanqas ma ġġustifikat ir-rifjut li jingħata aċċess għad-dokumenti kollha użati sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata. |
|
28 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, meta t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja tkun tat lok għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, hija l-ASTK li għandha tippreċiża ċ-ċirkustanzi fattwali li jiżvelaw jew jiġġustifikaw din it-terminazzjoni sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tevalwa jekk ix-xoljiment tal-kuntratt tagħha huwiex fondat u hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ASTK xoljiet il-kuntratt tar-rikorrent b’avviż tat-temm ta’ impjieg wara li kkonstatat li r-rabta ta’ fiduċja bejn dan tal-aħħar u l-Grupp S&D fl-intier tagħha kienet ġiet irrimedjabbilment miksura. Għall-ASTK, dan il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja jirriżulta mill-aġir tar-rikorrent li aċċetta r-rigal imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq u mar il-Qatar, aġir li, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani dwar attivitajiet possibbli ta’ lobbying illegali min-naħa tal-Qatar, għamel ħsara għar-reputazzjoni ta’ dan il-grupp politiku. |
|
31 |
Fid-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment, il-Bureau tal-Grupp S&D żied li t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja kienet tirriżulta wkoll mill-fatt li r-rikorrent kien dam sabiex jinforma lis-superjuri tiegħu dwar il-vjaġġ tiegħu fil-Qatar, ħaġa li huwa għamel biss ġimgħa wara l-pubblikazzjoni tal-artikli fl-istampa dwar l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani u l-arrest tal-assistent parlamentari akkreditat li kien offrielu l-biljetti għal-logħba tal-futbol inkwistjoni u li kien ħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tiegħu. |
|
32 |
B’dan il-mod, l-ASTK ippreċiżat b’mod suffiċjenti fid-dritt iċ-ċirkustanzi fattwali li jiġġustifikaw it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja li tat lok għax-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti sabiex tippermetti lil dan tal-aħħar ikun jaf il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-ASTK dwar ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu f’dak il-mument u l-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżura inqas severa. |
|
33 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-allegazzjoni li l-ASTK ma ġġustifikatx ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokumenti li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. |
|
34 |
Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jeħtieġ sempliċement li l-ASTK tippreżenta r-raġunijiet li jiġġustifikaw dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 156), kif għamlet f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-ASTK ma ġġustifikatx ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha ma jaffettwax in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
35 |
Għaldaqstant, il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura
|
36 |
Ir-rikorrent isostni li l-ASTK kisret l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, wettqet użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jitlef l-effett utli tiegħu jekk l-amministrazzjoni tkun awtorizzata xxolji l-kuntratt tiegħu mingħajr ma ssegwi l-investigazzjoni amministrattiva miftuħa fil-konfront tiegħu kif ukoll is-seduta quddiem l-ASTK prevista minn dan l-artikolu. Fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-ASTK skont l-imsemmi artikolu, id-deċiżjoni kkontestata tixbah għalhekk sanzjoni dixxiplinari moħbija. |
|
37 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
38 |
F’dan il-każ, l-ASTK għażlet li xxolji l-kuntratt tar-rikorrent b’avviż tat-temm ta’ impjieg skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mhux li tapplika l-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jipprevedi li, wara t-twettiq tal-proċedura dixxiplinari prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-reklutaġġ jista’ jiġi xolt mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg għal raġuni dixxiplinari fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi li għalihom huwa marbut il-membru tal-persunal. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK ma kkritikatx lir-rikorrent talli naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
39 |
F’dan il-kuntest, l-argument invokat mir-rikorrent insostenn tal-ewwel motiv jista’ jintlaqa’ biss fil-każ li l-ASTK kienet obbligata tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma teżamina l-possibbiltà li xxolji l-kuntratt tiegħu skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. |
|
40 |
Issa, il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet repetutament li, anki fil-każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija għal raġuni dixxiplinari ta’ membru tal-persunal temporanju, xejn ma jobbliga lill-ASTK tibda proċedura dixxiplinari kontra l-persuna kkonċernata minflok ma tirrikorri għall-possibbiltà ta’ xoljiment unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, EU:T:2011:338, punt 100, u tat‑8 ta’ Mejju 2024, UF vs Il‑Kummissjoni, T‑24/23, EU:T:2024:293, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Huwa minnu li, wara li tirċievi r-rapport stabbilit wara investigazzjoni miftuħa skont l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ASTK hija obbligata tadotta waħda mit-tliet azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA, C‑587/21 P, EU:C:2024:1017, punt 40). F’dan il-każ, mill-ittri tal-ASTK tas‑7 ta’ Settembru 2023 u tal‑15 ta’ Marzu 2024, imsemmija fil-punti 19 u 22 iktar ’il fuq, jirriżulta li din għandha l-intenzjoni li ssegwi r-rapport ta’ investigazzjoni, konformement mal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-konstatazzjonijiet fattwali tal-awtoritajiet Belġjani jkunu saru definittivi. |
|
42 |
Madankollu, l-eżistenza ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxix lill-ASTK milli xxolji l-kuntratt għal żmien indeterminat tal-persuna kkonċernata b’avviż tat-temm ta’ impjieg, konformement mal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, meta hija tikkonstata li l-elementi miġjuba għall-attenzjoni tagħha juru terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja li jostakola t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi jistgħux ukoll juru l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-persuna kkonċernata tal-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
43 |
Għaldaqstant, il-fatt li ġie xolt il-kuntratt tar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
44 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent ammetta waqt is-seduta li l-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali ma jinkludix indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti ta’ natura li juru li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bl-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati, b’tali mod li l-ebda użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura ma jista’ jiġi kkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2023, NS vs Il‑Parlament, T‑805/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:22, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, din il-konklużjoni ma ċċaħħadx lill-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal minn effett utli. |
|
46 |
Fil-fatt, ix-xoljiment tal-kuntratt tal-persuna kkonċernata ma jipprekludix lill-ASTK milli tagħmel għażla bejn it-tliet għażliet previsti fl-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, għażla li hija għandha l-obbligu li tagħmel, l-iktar tard, meta l-konstatazzjonijiet fattwali tal-awtoritajiet Belġjani jkunu saru definittivi. |
|
47 |
L-iktar l-iktar, jekk l-ASTK tqis li l-fatti li bihom huwa akkużat ir-rikorrent huma suffiċjentement serji sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, b’konsultazzjoni mal-Bord Dixxiplinari jew mingħajrha, konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu qabel il-ftuħ possibbli ta’ proċedura dixxiplinari għandu biss il-konsegwenza li jirrestrinġi l-għażla tas-sanzjoni li l-ASTK tista’, jekk ikun il-każ, timponi fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, OU vs Il‑Kummissjoni, T‑569/16, EU:T:2017:285, punt 35). |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura, għandu jiġi miċħud. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża
|
49 |
L-argument tar-rikorrent jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet, li permezz tagħhom huwa jikkritika lill-Parlament, minn naħa, li kiser il-preżunzjoni ta’ innoċenza tiegħu u, min-naħa l-oħra, li ma semgħux qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
– Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza
|
50 |
Ir-rikorrent isostni li x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu, l-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ Diċembru 2022 u t-tneħħija tal-profil tiegħu mill-organigramma tal-Grupp S&D ippubblikat fuq l-internet jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza tiegħu. |
|
51 |
Il-Parlament jikkontesta dan l-argument. |
|
52 |
Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-illegalità li tivvizzja l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ Diċembru 2022 u t-tneħħija tal-profil tar-rikorrent mill-organigramma fuq is-sit internet tal-Grupp S&D, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-atti ma għandhomx l-għan li jippreparaw ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu u li għalhekk, bħala tali, ma għandhomx rabta mas-suġġett ta’ dan ir-rikors. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dawn l-atti huma vvizzjati b’illegalità, din ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
53 |
Għalhekk, dan l-argument huwa ineffettiv. |
|
54 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tiksirx il-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent, għandu jitfakkar li ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jista’ jirriżulta minn dikjarazzjonijiet jew minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jirriflettu s-sentiment li l-persuna hija ħatja, li jinkoraġġixxu lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tagħha jew li jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-fatti fil-livell kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, DI vs BĊE, T‑514/19, EU:T:2021:332, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif ifakkar ir-rikorrent fir-rikors, il-ġurisprudenza enfasizzat f’dan ir-rigward l-importanza tal-għażla tal-kliem użat mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens reali tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, u mhux il-forma letterali tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dawn ġew ifformulati (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2022, KN vs Il‑Parlament, T‑401/21, EU:T:2022:736, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
F’dan il-każ, ix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent jirriżulta minn fatti mhux ikkontestati li huwa stess ġab għall-attenzjoni tal-ASTK. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata sempliċement tikkonstata li r-rabta ta’ fiduċja indispensabbli għat-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol ma baqgħetx teżisti, mingħajr ma tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni distinta dwar jekk ir-rikorrent naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, dik id-deċiżjoni ma tippreġudikax l-eżitu ta’ eventwali proċedura dixxiplinari u ma tiksirx, fiha nnifisha, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. |
|
56 |
Għandu jiġi vverifikat ukoll li l-kliem użat mill-ASTK sabiex tiġġustifika x-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent ma jirriflettix l-impressjoni li huwa ħati, ma jħeġġiġx lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tiegħu u ma jippreġudikax l-evalwazzjoni tal-fatti fuq livell kriminali. |
|
57 |
Mistoqsi waqt is-seduta dwar il-kwistjoni ta’ liema kien il-kliem użat fid-deċiżjoni kkontestata li, fil-fehma tiegħu, kien jippreġudika l-preżunzjoni ta’ innoċenza tiegħu, ir-rikorrent illimita ruħu li jinvoka paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata li jsemmi l-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ Diċembru 2022 u li jirreferi għall-kliem użat f’din l-istqarrija għall-istampa li jgħid li membru ta’ dan il-grupp kien ġie sospiż “wara nuqqas serju marbut mal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti”. |
|
58 |
Issa, f’din is-silta tad-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK issemmi biss l-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ Diċembru 2022 meta tiġbor fil-qosor l-argumenti tar-rikorrent li dan tal-aħħar kien invoka fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu tal‑20 ta’ Lulju 2023 imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-ASTK ma inkludietx f’din l-istqarrija għall-istampa l-kliem użat mill-Bureau tal-Grupp S&D. |
|
59 |
Għaldaqstant, din is-silta tad-deċiżjoni kkontestata ma turi l-ebda ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent. |
|
60 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandha tiġi miċħuda. |
– Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ
|
61 |
Ir-rikorrent isostni li, l-ewwel nett, l-ASTK kisret id-dritt għal smigħ tiegħu billi rrifjutat li tikkomunikalu, minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, id-dokumenti rilevanti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, l-ASTK irrifjutatlu d-dritt għal smigħ matul intervista. It-tielet nett, huwa ma kellux terminu suffiċjenti sabiex jipprepara l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fid-dawl tal-fatt li huwa kellu aċċess għall-posta elettronika tiegħu biss bejn il‑11 u s‑17 ta’ Lulju 2023 u li huwa kellu problema sabiex jaċċedi għaliha matul il-jum kollu tal‑14 ta’ Lulju 2023. |
|
62 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
63 |
L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegat rifjut tal-ASTK li tikkomunikalu d-dokumenti kollha insostenn tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jintlaqa’. |
|
64 |
Fil-fatt, qabel kollox, fl-ittra tal‑31 ta’ Mejju 2023, l-ASTK żvelat lir-rikorrent li l-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt ta’ dan tal-aħħar kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li huwa stess kien bagħat lill-Grupp S&D fis‑16 ta’ Diċembru 2022. Sussegwentement, fl-ittra tal‑10 ta’ Lulju 2023, l-ASTK wieġbet għat-talba ta’ aċċess tar-rikorrent għad-dokumenti rilevanti kollha billi kkonfermatlu li l-intenzjoni tiegħu li tkeċċih kienet ibbażata fuq il-fatti li nġiebu għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Grupp S&D fis‑16 ta’ Diċembru 2022. Fl-aħħar nett, sabiex issostni l-eżistenza tad-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tal-Grupp S&D, l-ASTK annettiet ma’ din l-ittra artikli li dehru fl-istampa Taljana li jindikaw b’ismu lir-rikorrent bħala wieħed mill-persuni implikati fl-attivitajiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Belġjani. |
|
65 |
Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK ikkonfermat li x-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent kien dovut biss għall-impossibbiltà li tinżamm relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka, fid-dawl tal-fatti mhux ikkontestati minn dan tal-aħħar u tal-ħsara għar-reputazzjoni tal-Grupp S&D. |
|
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrent kellu l-elementi rilevanti kollha sabiex isostni b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-intenzjoni tal-ASTK li xxolji l-kuntratt tiegħu. |
|
67 |
It-tieni nett, il-fatt li r-rikorrent ma nstemax oralment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura li jikkaratterizza ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu. |
|
68 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-implimentazzjoni tad-dritt għal smigħ tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ skambju orali u/jew bil-miktub mibdi mill-ASTK u li l-prova tiegħu taqa’ fuq din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2023, MG vs BEI, C‑173/22 P, EU:C:2023:932, punt 32, u tat‑3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 54). |
|
69 |
F’dan il-każ, l-ASTK stiednet lir-rikorrent jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub fil-każ li ma jkunx jista’ jattendi intervista orali u, fl‑20 ta’ Lulju 2023, dan tal-aħħar ippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, huwa ma jistax jikkritika lill-ASTK talli adottat dik id-deċiżjoni mingħajr ma semgħetu minn qabel. |
|
70 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 19(2) tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta’ selezzjoni u l-gradi ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Parlament, li jirrikjedi li l-ASTK tistieden lill-persuna kkonċernata għal intervista qabel ma xxolji l-kuntratt tagħha. |
|
71 |
Fil-fatt, l-ASTK stiednet lir-rikorrent għal intervista qabel it-tkeċċija tiegħu, u dan tliet darbiet, fil‑31 ta’ Mejju, fil‑15 ta’ Ġunju u fl‑10 ta’ Lulju 2023, stediniet li huwa rrifjuta minħabba l-indisponibbiltà tal-avukata tiegħu. |
|
72 |
Għaldaqstant, l-assenza ta’ skambju orali għal raġunijiet li ma humiex imputabbli lill-amministrazzjoni ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
73 |
It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jsostni, ir-rikorrent kellu terminu suffiċjenti sabiex isostni b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
74 |
Fil-fatt, bejn il‑31 ta’ Mejju 2023, data li fiha l-ASTK ikkomunikatlu l-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tiegħu, u l‑15 ta’ Settembru 2023, data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent instema’ fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub mibdi mill-ASTK u, f’dan il-perijodu, kellu terminu suffiċjenti sabiex isostni l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija u sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. Dan it-terminu jidher iktar u iktar suffiċjenti peress li ċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għax-xoljiment tal-kuntratt huma kkostitwiti minn fatti li r-rikorrent kellu għarfien preċiż tagħhom, peress li huwa stess kien ġabhom għall-attenzjoni tas-superjuri tiegħu. |
|
75 |
Il-fatt li huwa kellu aċċess għall-posta elettronika tiegħu biss bejn il‑11 u s‑17 ta’ Lulju 2023, u anki l-fatt li ltaqa’ ma’ problemi ta’ konnessjoni matul il-jum kollu tal‑14 ta’ Lulju 2023, ma humiex ta’ natura li jinvalidaw din il-konstatazzjoni. |
|
76 |
Fil-fatt, il-perijodu ta’ sitt ijiem li matulu r-rikorrent seta’ jaċċedi għall-posta elettronika tiegħu ma jistax jiġi kklassifikat bħala qasir. Barra minn hekk, huwa ma jsostnix li huwa talab li l-aċċess tiegħu jiġi estiż għal perijodu itwal u li l-Parlament irrifjuta din it-talba. |
|
77 |
Fi kwalunkwe każ, kien ir-rikorrent li kellu jispjega liema kienu l-argumenti u l-elementi li huwa seta’ jsostni li kieku kellu terminu itwal u, kieku kien il-każ, li juri li dawn l-argumenti u elementi setgħu jwasslu għal riżultat differenti fil-każ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 269 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata), ħaġa li huwa ma għamilx. |
|
78 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, għandha tiġi miċħuda. Konsegwentement, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
|
79 |
Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motivi manifestament żbaljati. Qabel kollox, l-ASTK ikkunsidrat b’mod żbaljat li huwa aċċetta rigal minn sors estern għall-Parlament, peress li dan ir-rigal kien ġej mill-kollega tiegħu u li ma setax raġonevolment ikun jaf li dan tal-aħħar kien allegatament korrot. Għalhekk, il-fatt li wieħed ikun irċieva żewġ biljetti għal logħba tal-futbol ma jistax jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala li jikkostitwixxi kunflitt ta’ interessi jew nuqqas ta’ indipendenza. Sussegwentement, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li l-vjaġġ lejn il-Qatar offrut mill-kollega tiegħu kien intiż sabiex jippremja l-ħidma tiegħu fi ħdan il-Parlament, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li dan ma kellux is-setgħa li jinfluwenza l-proċess deċiżjonali. Għall-kuntrarju, meta fassal il-proposta għal riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Qatar fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol, huwa għamel diversi kritiki f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, hemm kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata, li, skont l-ASTK, hija bbażata fuq fatti stabbiliti li juru ksur tar-rabta ta’ fiduċja, u d-deċiżjoni li tiġi sospiża l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba li l-fatti għadhom ma humiex suffiċjentement stabbiliti. |
|
80 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
81 |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja ma hijiex ibbażata fuq elementi oġġettivi u ma taqax min-natura tagħha taħt l-istħarriġ ġudizzjarju, peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni. Madankollu, sa fejn istituzzjoni tkun obbligata tispjega r-raġunijiet li jkunu wasslu għat-telf tal-fiduċja permezz tar-riferiment għal fatti materjali preċiżi, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ li dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq fatti materjalment eżatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2022, KE vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, C‑539/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:840, punt 110, u tat‑8 ta’ Mejju 2024, UF vs Il‑Kummissjoni, T‑24/23, EU:T:2024:293, punt 58). |
|
82 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent ma jikkontestax li l-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma materjalment eżatti. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, ftit jiem wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrent aċċetta rigal min-naħa ta’ kollega li kien jikkonsisti f’żewġ biljetti sabiex jattendi logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol u li huwa mar mas-sieħba tiegħu fil-Qatar mit‑8 sal‑11 ta’ Diċembru 2022 sabiex jattendi din il-logħba tal-futbol. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tħallsu minn dan il-kollega. Bl-istess mod, huwa stabbilit li r-rikorrent informa lis-superjuri tiegħu b’dan il-vjaġġ biss fis‑16 ta’ Diċembru 2022, jiġifieri ġimgħa wara li l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani saret pubblika. |
|
84 |
Fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fi ħdan il-Grupp S&D, l-ASTK ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-aġir tiegħu seta’ joħloq il-perċezzjoni f’moħħ il-pubbliku ta’ nuqqas ta’ indipendenza fir-rigward tal-influwenza ta’ sorsi esterni għall-Grupp S&D u, għaldaqstant, seta’ jippreġudika r-reputazzjoni ta’ dan il-grupp politiku. Issa, f’tali ambjent politiku, it-telf ta’ fiduċja jista’ validament jirriżulta mill-ħsara għar-reputazzjoni tal-grupp politiku li fih il-persuna kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha. |
|
85 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll li ċerti artikli tal-istampa li jsemmu isem ir-rikorrent b’rabta mal-iskandlu tal-“Qatargate” ġew ippubblikati qabel is‑16 ta’ Diċembru 2022, jiġifieri qabel ma informa lis-superjuri tiegħu dwar is-soġġorn tiegħu fil-Qatar u dwar il-kundizzjonijiet li fihom huwa mar f’dan il-pajjiż, b’tali mod li l-uffiċċju tal-Grupp S&D lanqas ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rabta ta’ fiduċja kienet ġiet affettwata mill-fatt li r-rikorrent kien dam sabiex jinforma lis-superjuri tiegħu bil-fatti inkwistjoni. |
|
86 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma weriex li l-ASTK kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat il-ksur irrimedjabbli tar-rabta ta’ fiduċja. |
|
87 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-rikorrent. |
|
88 |
L-ewwel nett, il-fatt li r-rigal li r-rikorrent aċċetta ma joriġinax minn “persuna esterna” għall-Parlament ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li ma takkużax lir-rikorrent bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, anki jekk l-assistent parlamentari akkreditat li offra r-rigal inkwistjoni lir-rikorrent huwa membru tal-persunal tal-Parlament, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrent ma setax raġonevolment jikkunsidra li r-rigal li kien ġie offrut lilu kien ġej mill-istituzzjoni stess bħala persuna li timpjega. |
|
89 |
It-tieni nett, huwa wkoll irrilevanti l-fatt li r-rigal li huwa aċċetta ma kienx intiż sabiex jippremjah għax-xogħol tiegħu. Fil-fatt, l-ASTK lanqas ma bbażat ruħha fuq din il-kunsiderazzjoni sabiex tasal għall-konstatazzjoni tal-ksur tar-rabta ta’ fiduċja. |
|
90 |
It-tielet nett, peress li l-proċedura ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju b’avviż tat-temm ta’ impjieg ma għandhiex l-istess għan bħal proċedura dixxiplinari, ma huwiex kontradittorju li jiġi konkluż li l-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjentement stabbiliti sabiex tiġi kkonstatata t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, filwaqt li jitqies li hemm lok li tiġi sospiża l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-awtoritajiet Belġjani qabel ma jiddeċiedu x’segwitu għandu jingħata lill-investigazzjoni amministrattiva miftuħa skont l-Artikolu 2 ta’ dan l-anness. |
|
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
92 |
Ir-rikorrent isostni li x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu huwa miżura sproporzjonata fid-dawl tal-fatt li huwa aġixxa in bona fide billi informa malajr lis-superjuri tiegħu bil-fatti u billi kkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet Belġjani. |
|
93 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
94 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, meta l-eżami tal-aġir ta’ membru tal-persunal temporanju jwassal lill-ASTK tikkunsidra li r-rabta ta’ fiduċja indispensabbli għat-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol inkisret, din l-awtorità għandha d-dritt li xxolji l-kuntratt tiegħu konformement mal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punt 56, u tal‑21 ta’ Ġunju 2023, UG vs Il‑Kummissjoni, T‑571/17 RENV, EU:T:2023:351, punt 384 (mhux ippubblikata)). |
|
95 |
Peress li l-ASTK ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter meta qieset li r-rabta ta’ fiduċja kienet inkisret b’mod definittiv, hija setgħet ixxolji l-kuntratt tar-rikorrent mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
96 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi miċħud. |
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura
|
97 |
Ir-rikorrent isostni li l-ASTK ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt li d-deċiżjoni kkontestata kien ser ikollha fuq il-prospetti ta’ impjieg tiegħu, l-istat ta’ saħħa tiegħu, ir-reputazzjoni tiegħu kif ukoll fuq is-sitwazzjoni professjonali u finanzjarja tiegħu. |
|
98 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
99 |
F’dan il-każ, minkejja li l-interess ta’ membru tal-persunal li jinżamm fil-kariga ma jistax jipprekludi, fih innifsu, ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li d-dmir ta’ premura tal-ASTK fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jimponilha li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess personali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2014, EMA vs BU, T‑444/13 P, EU:T:2014:865, punti 35 u 36). |
|
100 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ASTK marret saħansitra lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mid-dmir ta’ premura tagħha peress li hija eżaminat il-proposta fformulata mir-rikorrent fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li tinstab soluzzjoni alternattiva għax-xoljiment tal-kuntratt tiegħu billi evalwat jekk assenjazzjoni mill-ġdid għal impjieg ieħor fi ħdan il-Grupp S&D setgħetx tistabbilixxi mill-ġdid ir-rabta ta’ fiduċja. |
|
101 |
Tali eżami huwa biżżejjed sabiex juri li l-ASTK ħadet inkunsiderazzjoni l-interess personali tar-rikorrent li jinżamm fil-kariga. B’dan il-mod, l-ASTK wettqet l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti li kien jimplika d-dmir ta’ premura tagħha fir-rigward tar-rikorrent. |
|
102 |
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, għandu għalhekk jiġi miċħud u, konsegwentement, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
Fuq it‑talbiet għal kumpens
|
103 |
Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-danni materjali u morali mġarrba minħabba d-deċiżjoni kkontestata. |
|
104 |
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
105 |
Peress li l-eżami tat-talbiet għal annullament ma żvela l-ebda illegalità mwettqa mill-ASTK meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Parlament, marbuta mal-illegalità tal-aġir li huwa akkużat bih, hija nieqsa. Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħhom (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) jew il-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Parlament dwar l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità allegata. |
|
106 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
107 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi bħala fiergħa jew vessatorji. |
|
108 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent tilef fit-talbiet tiegħu u ma ppreċiżax liema kien l-“aġir” tal-Parlament li ġiegħlu jippreżenta dan ir-rikors. Għalhekk huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Parlament. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Svenningsen Mac Eochaidh Stancu Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Ġunju 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.