European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/316

18.2.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/316

tas-17 ta’ Frar 2025

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/982 u (UE) 2023/1332 fir-rigward tal-isem tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-addittivi tal-għalf

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Preparazzjoni ta’ 6-fitażi prodotta mit-Trichoderma reesei CBS 122001 u preparazzjoni ta’ endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta mit-Trichoderma reesei CBS 114044 ġew awtorizzati bħala addittivi tal-għalf (“addittivi tal-għalf ikkonċernati”) bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/982 (2) u (UE) 2023/1332 (3), rispettivament.

(2)

Id-detentur tal-awtorizzazzjonijiet għall-addittivi tal-għalf ikkonċernati, Roal Oy, ippreżenta applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 bil-proposta li isem id-detentur tal-awtorizzazzjonijiet għall-addittivi tal-għalf ikkonċernati jinbidel għal AB Enzymes Finland Oy.

(3)

Il-bidla proposta tat-termini tal-awtorizzazzjonijiet hija purament amministrattiva fin-natura tagħha u ma tirrikjedix valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi kkonċernati. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ġiet mgħarrfa bl-applikazzjoni.

(4)

Sabiex AB Enzymes Finland Oy ikun jista’ jisfrutta d-drittijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, huwa neċessarju li jinbidlu t-termini tal-awtorizzazzjonijiet ikkonċernati.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/982 u (UE) 2023/1332 jiġu emendati skont dan.

(6)

Billi r-raġunijiet tas-sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-emendi li għamel dan ir-Regolament, huwa xieraq li jingħata perjodu tranżitorju li matulu jkunu jistgħu jintużaw il-ħażniet eżistenti.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/982

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/982 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-titolu, l-isem “Roal Oy” huwa sostitwit bl-isem “AB Enzymes Finland Oy”;

(2)

fit-tieni kolonna tal-Anness, l-isem “Roal Oy” huwa sostitwit bl-isem “AB Enzymes Finland Oy”.

Artikolu 2

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1332

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1332 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-titolu, l-isem “Roal Oy” huwa sostitwit bl-isem “AB Enzymes Finland Oy”;

(2)

fit-tieni kolonna tal-Anness, l-isem “Roal Oy” huwa sostitwit bl-isem “AB Enzymes Finland Oy”.

Artikolu 3

Miżura tranżizzjonali

L-addittivi tal-għalf ikkonċernati, prodotti u ttikkettati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-regoli applikabbli qabel dik id-data, jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/982 tas-17 ta’ Ġunju 2021 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ 6-fitażi prodotta mit-Trichoderma reesei CBS 122001 bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer u t-tjur (detentur tal-awtorizzazzjoni: Roal Oy), u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 277/2010, (UE) Nru 891/2010 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 886/2011 (ĠU L 216, 18.6.2021, p. 139, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/982/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1332 tad-29 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ endo-1,4-beta-ksilanażi prodott mit-Trichoderma reesei CBS 114044 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għad-dundjani tas-simna, għad-dundjani mrobbija għat-tgħammir u għall-qżieqeż miftuma (detentur tal-awtorizzazzjoni: Roal Oy), u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 902/2009 (ĠU L 166, 30.6.2023, p. 102, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1332/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/316/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)