SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 52(2) – Azzjoni mressqa fl-interess tal-konsumaturi – Organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi – Locus standi in judicio sabiex jiġu difiżi l-interessi individwali tal-membri tagħhom – Telf ta’ locus standi fil-każ ta’ investimenti fi prodotti finanzjarji ta’ valur ekonomiku għoli – Eżenzjoni mill-ispejjeż legali u mill-obbligu li persuna tbati l-ispejjeż sostnuti mill-parti avversarja – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ effettività”
Fil-Kawża C‑346/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Banif SA,
vs
Asociación de Consumidores y Usuarios de Servicios Generales-Auge, f’isem il-membri tagħha Andrea u Alberto,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tat‑Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Banif SA, minn J. M. Blanco Saralegui, A. Capilla Casco u J. M. Martínez Gimeno, abogados, |
|
– |
għal Asociación de Consumidores y Usuarios de Servicios Generales-Auge, minn E. Avilés Alcarria, procuradora, u J. M. Davó Escrivá, abogado, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, G. Goddin, P. Němečková u P. Vanden Heede, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(2) tad- Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Banif SA, u l-Asociación de Consumidores y Usuarios de Servicios Generales – Auge (l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti ta’ Servizzi Ġenerali, iktar ’il quddiem “Auge”) dwar il-validità ta’ kuntratti ta’ xiri ta’ strumenti finanzjarji konklużi minn klijenti tax-xiri bl-imnut. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2004/39
|
3 |
Il-premessi 2, 5, 17 u 31 tad-Direttiva 2004/39 kienu jgħidu li:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
Skont l-punt 12 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva: “ Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
5 |
L-Artikolu 52 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi li: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull deċiżjoni meħuda skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva ikunu rraġunati kif jixraq u bla ħsara għad-dritt għall-applikazzjoni quddiem il-qrati [dritt ta’ rimedju ġudizzjarju]. Id-dritt ta’ l-applikazzjoni quddiem il-qrati għandu japplika wkoll meta, rigward applikazzjoni għal awtorizzzzjoni li tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi korp jew iktar minn dawn li ġejjin, kif stabbilit bil-liġijiet nazzjonali, jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u skond il-liġijiet nazzjonali, jieħdu azzjoni quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw illi jiġu applikati d-disposizzjoijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva:
|
Id‑Direttiva 2014/65/UE
|
6 |
L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116 u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201), jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull deċiżjoni meħuda skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 84, rettifiki fil-ĠU 2015, L 270, p. 4, fil-ĠU 2016, L 187, p. 30 u fil-ĠU 2017, L 278, p. 54),] jew skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva tkun irraġunata kif xieraq u tkun soġġetta għad-dritt ta’ appell quddiem tribunal. Id-dritt ta’ appell quddiem tribunal għandu japplika wkoll meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha. 2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu illi korp jew korpi minn dawn li ġejjin, kif determinati mid-dritt nazzjonali, ukoll ikunu jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u bi qbil mad-dritt nazzjonali, jieħdu azzjoni quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw illi jkunu qed jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 600/2014] u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva:
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 94 tad-Direttiva 2014/65, id-Direttiva 2004/39 tħassret b’effett mit‑3 ta’ Jannar 2017. |
Id‑Direttiva (UE) 2020/1828
|
8 |
Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2020, L 409, p. 1), tgħid, fil-premessi 13 u 14 tagħha, li.
|
Id‑dritt Spanjol
Id‑Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007
|
9 |
Ir-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 li Japprova t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u ta’ Liġijiet Komplementari Oħra), tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), jipprevedi, fl-Artikolu 8(1)(e) tiegħu, li: “Huma drittijiet fundamentali tal-konsumaturi, tal-utenti u tal-konsumaturi vulnerabbli: […]
|
Il‑Liġi 1/2000
|
10 |
Il-Ley de Enjuiciamiento Civil 1/2000 (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), tipprevedi, fl-Artikolu 11(1) tagħha, li: “Bla ħsara għall-locus standi individwali tal-partijiet leżi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti legalment ikkostitwiti għandhom locus standi in judicio sabiex jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħhom u dawk tal-assoċjazzjoni, kif ukoll l-interessi ġenerali tal-konsumaturi u tal-utenti.” |
Il‑Liġi 1/1996
|
11 |
It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 1/1996 de asistencia jurídica gratuita (il-Liġi 1/1996 dwar l-Għajnuna Legali), tal‑10 ta’ Jannar 1996 (BOE Nru 11, tat‑12 ta’ Jannar 1996, p. 793, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/1996”), tirrikonoxxi lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti d-dritt għall-għajnuna legali meta l-azzjonijiet imressqa “ikunu jirrigwardaw direttament prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa”. |
|
12 |
Skont l-Artikolu 36(2) ta’ din il-liġi, dan ir-rikonoxximent jimplika li, jekk l-assoċjazzjoni titlef il-kawża, la hija u lanqas il-membri individwali li hija tirrappreżenta ma għandhom ibatu l-ispejjeż tal-parti avversarja, irrispettivament mill-valur tal-kawża. |
Id‑Digriet Irjali 1507/2000
|
13 |
Ir-Real Decreto 1507/2000 por el que se actualizan los catálogos de productos y servicios de uso o consumo común, ordinario y generalizado y de bienes de naturaleza duradera, a efectos de lo dispuesto, respectivamente, en los artículos 2, apartado 2, y 11, apartados 2 y 5, de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y normas concordantes (id-Digriet Irjali 1507/2000 li Jaġġorna l-Katalgi ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għal Użu Komuni, Ordinarju u Mifrux u ta’ Beni ta’ Natura Sostenibbli, għall-Finijiet tad-Dispożizzjonijiet, Rispettivament, tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 11(2) u (5) tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Dispożizzjonijiet Rilevanti), tal‑1 ta’ Settembru 2000 (BOE Nru 219, tat‑12 ta’ Settembru 2000, p. 31349), jinkludi, fil-punt 13 tat-Taqsima C tal-Anness I tiegħu, is-servizzi bankarji u finanzjarji fost is-servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarju u mifrux. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
14 |
Bejn l‑4 ta’ Mejju 2007 u s‑7 ta’ Jannar 2010, is-Sinjura Andrea u s-Sur Alberto għamlu diversi ordnijiet ta’ xiri ta’ prodotti finanzjarji mingħand Banco Banif, għal somma totali ta’ EUR 900000. |
|
15 |
L-Auge, bħala rappreżentant tal-membri tagħha s-Sinjura Andrea u s-Sur Alberto, ippreżentat rikors kontra dan il-bank, intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratti ta’ xiri ta’ dawn il-prodotti finanzjarji minħabba kunsens ivvizzjat u sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ parti mis-somom imħallsa skont dawn il-kuntratti, flimkien ma’ kummissjonijiet, spejjeż u interessi. |
|
16 |
Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet parzjalment dan ir-rikors. L-appell minn din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Audiencia Provincial de Granada (il-Qorti Provinċjali ta’ Granada, Spanja), għar-raġuni li l-imsemmi bank ma ħax inkunsiderazzjoni l-profil ta’ investitur tal-klijenti u ma pprovdilhomx informazzjoni prekuntrattwali ċara u kompleta dwar ir-riskji marbuta mal-prodotti li huma ssottoskrivew għalihom. |
|
17 |
Banco Santander, aventi kawża ta’ Banco Banif, ippreżentat rikors straordinarju għal difett proċedurali u ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors u ta’ dan l-appell, hija ssostni, essenzjalment, li l-Auge ma għandhiex locus standi in judicio f’isem il-membri tagħha, peress li l-prodotti ssottoskritti minnhom huma prodotti finanzjarji spekulattivi ta’ valur ekonomiku għoli, u mhux prodotti ta’ użu komuni u mifrux, li jimplika li l-azzjoni mressqa ma taqax taħt il-protezzjoni tal-konsumaturi. |
|
18 |
Huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 dwar il-locus standi tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. |
|
19 |
Qabelxejn, l-imsemmija qorti tindika li hija aċċettat ġeneralment il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jiddefendu l-interessi individwali tal-membri tagħhom fil-kuntest ta’ azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, hija tenfasizza li ċaħdet din il-kwalità meta dawn kienu investimenti fi prodotti finanzjarji spekulattivi jew ta’ valur ekonomiku għoli, peress li dawn il-prodotti ma kinux ta’ użu komuni, ordinarju u mifrux. |
|
20 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi 1/2000, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom locus standi in judicio sabiex jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħhom biss meta dawn ikollhom rabta diretta ma’ oġġetti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarju u mifrux. Issa, minkejja li, skont il-punt 13 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Digriet Irjali 1507/2000, is-servizzi bankarji u finanzjarji jaqgħu, bħala prinċipju, taħt tali servizzi, jeżistu madankollu servizzi finanzjarji li, minħabba n-natura tagħhom u ċ-ċirkustanzi li fihom ġew issottoskritti, ma jistgħux jitqiesu li huma servizzi ta’ użu komuni, ordinarju u mifrux. |
|
21 |
Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tad-dritt Spanjol tevita, f’tilwim li fih “il-kwalità ta’ konsumatur hija dilwita fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-ammont tat-tilwima”, użu frawdolenti jew abbużiv tal-locus standi speċifiku tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi minn investituri li jkollhom kapaċità finanzjarja kbira, sabiex jibbenefikaw mid-dritt għall-għajnuna legali li l-Liġi 1/1996 tirrikonoxxi lil dawn l-assoċjazzjonijiet, billi teżentahom milli jħallsu l-ispejjeż legali marbuta mal-preżentata ta’ rikors u milli jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-parti avversarja fil-każ ta’ kundanna, mingħajr madankollu ma ċċaħħad lill-investituri kkonċernati mid-dritt awtonomu tagħhom li jressqu azzjoni ġudizzjarja. |
|
22 |
Sussegwentement, din il-qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx espressament dwar is-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom il-qrati nazzjonali fir-rigward tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti sabiex jeżerċitaw id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39. |
|
23 |
Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ April 2020, Reliantco Investments et Reliantco Investments Limassol Sucursala Bucureşti (C‑500/18, EU:C:2020:264), invokata mill-Auge, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tqis li fatturi bħall-valur tat-tranżazzjonijiet imwettqa, id-daqs tar-riskji ta’ telf finanzjarju marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratti mal-konsumaturi, il-konoxxenzi jew l-għarfien espert eventwali ta’ persuna fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji jew ukoll l-aġir attiv tagħha fil-kuntest ta’ tali tranżazzjonijiet, l-istess bħall-fatt li din il-persuna tkun wettqet numru kbir ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir, li hija investiet somom kbar f’dawn it-tranżazzjonijiet jew ukoll li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “klijent tax-xiri bl-imnut”, huma, bħala prinċipju, irrilevanti għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ konsumatur. |
|
24 |
F’dan il-każ, madankollu, ma hijiex kwistjoni li din il-kwalità tiġi miċħuda lil investituri li għandhom kapaċità ekonomika kbira li jakkwistaw prodotti finanzjarji kumplessi u b’riskju għoli, ħaġa li l-qorti tar-rinviju tippreċiża li qatt ma għamlet, iżda li jiġi ddeterminat jekk il-locus standi ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi f’isem wieħed minn dawn l-investituri-konsumaturi jistax jiġi limitat meta tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju ta’ frodi proċedurali li joħloq dannu mhux iġġustifikat kemm lill-parti avversarja kif ukoll lit-Teżor pubbliku. |
|
25 |
Din il-qorti żżid li l-punti 45 u 46 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101), kif ukoll il-punti 35 u 36 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko (C‑448/17, EU:C:2018:745), dwar id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), jidhru li jindikaw li l-istħarriġ tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jaqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. |
|
26 |
Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tenfasizza li, peress li r-rikorsi ppreżentati quddiemha jikkontestaw il-locus standi tal-Auge sabiex tirrappreżenta l-membri tagħha, ir-risposta għad-domanda preliminari li tinsab fil-punt segwenti ta’ din is-sentenza hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża li hija adita biha. Barra minn hekk, hija tqis li din ir-risposta ma tistax tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata minn din l-assoċjazzjoni. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Abbażi tal-fatt li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi huma intitolati jirrappreżentaw fi proċeduri legali investituri/konsumaturi li jinvokaw ksur tad-dmirijiet minn kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti finanzjarji kumplessi, dan l-intitolament jista’ jiġi limitat eċċezzjonalment mill-qrati nazzjonali meta, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali, f’każijiet li jinvolvu investituri ta’ kapaċità finanzjarja kbira, li jwettqu tranżazzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ użu ordinarju u ġeneralizzat u li jressqu azzjoni ġudizzjarja bl-appoġġ ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi bir-riżultat li jistgħu jibbenefikaw minn possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-ispejjeż legali fi proċeduri ġudizzjarji ta’ ammont għoli ħafna, filwaqt li jevitaw il-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti kif ukoll tal-ispejjeż tal-parti opposta fil-każ ta’ azzjonijiet infondati jew anki vessatorji?” |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
28 |
Banco Santander u l-Gvern Spanjol jeċċepixxu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Skont Banco Santander, minn dan jirriżulta wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. |
|
29 |
Banco Santander u l-Gvern Spanjol jaqblu, essenzjalment, fuq il-fatt li jqisu li, bħal strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur, id-Direttiva 2004/39 tipprevedi sempliċement obbligu, għall-Istati Membri, li jirrikonoxxu lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi l-locus standi quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma teżiġix li l-Istati Membri jirrikonoxxu lil dawn l-assoċjazzjonijiet il-locus standi quddiem dawn il-qrati sabiex jiddefendu l-interessi individwali tal-membri tagħhom u lanqas li jibbenefikaw minn għajnuna legali. Għaldaqstant, tali possibbiltà taqa’ biss taħt id-dritt Spanjol. |
|
30 |
Konsegwentement, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol, li jagħti lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi l-locus standi quddiem l-imsemmija qrati sabiex jiddefendu l-interessi individwali tal-membri tagħhom. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, u għalhekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19, EU:C:2022:396, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Madankollu, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda dwar dik tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali li hija adita biha. |
|
33 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
34 |
Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, LivaNova, C‑713/22, EU:C:2024:642, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Issa, f’dan il-każ, kif imsemmi b’mod partikolari fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod preċiż ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li r-risposta għad-domanda magħmula hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża li hija adita biha. Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mas-suġġett jew mar-realtà tal-kawża prinċipali, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
36 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tissuġġetta l-locus standi tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja sabiex jiddefendu l-interessi individwali tal-membri tagħhom u, konsegwentement, id-dritt, għal dawn l-organizzazzjonijiet, li jibbenefikaw minn għajnuna legali għal restrizzjonijiet relatati mal-kapaċità finanzjarja ta’ dawn il-membri, mal-valur ekonomiku u għat-tip ta’ prodotti finanzjarji li l-imsemmija membri jkunu investew fihom kif ukoll mal-kumplessità ta’ dawn il-prodotti. |
|
37 |
Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2004/39, li, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, din id-direttiva hija intiża b’mod partikolari li tipproteġi lill-“investituri”, jiġifieri l-klijenti tax-xiri bl-imnut, il-professjonisti u l-impriżi. |
|
38 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, jista’ jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” jekk ikun persuna fiżika li taġixxi barra minn kull attività kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 76). |
|
39 |
Barra minn hekk, kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istatus doppju tal-investitur-konsumatur huwa kkonfermat mid-Direttiva 2020/1828, li l-premessa 14 tagħha tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, indipendentement mill-fatt jekk dawn il-konsumaturi jissejħu “vjaġġaturi, utenti, klijenti, investituri bl-imnut, klijenti konsumaturi, suġġetti tad-data jew xi ħaġa oħra”. B’mod partikolari, mill-premessa 13 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tkopri, minbarra d-dritt ġenerali tal-konsum, oqsma bħal dak tas-servizzi finanzjarji. |
|
40 |
Għalkemm l-imsemmija direttiva ġiet adottata wara l-fatti fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li din tista’ tkun utli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-kuntest tad-Direttiva 2004/39, sa fejn hija tirreferi, fl-Anness I tagħha, għad-Direttiva 2014/65, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/39 u li l-Artikolu 74(2) tagħha, iddedikat għad-dritt għal azzjoni legali fl-interess tal-konsumaturi, jikkorrispondi għall-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39, peress li dawn iż-żewġ artikoli huma redatti f’termini kważi identiċi. |
|
41 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li organu wieħed jew iktar elenkati f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-organi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet professjonali li għandhom interess ġuridiku leġittimu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom, ikunu jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u konformement mad-dritt nazzjonali, iressqu azzjoni quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
42 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok qabelxejn li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija dispożizzjoni u li jiġi stabbilit jekk azzjoni mressqa minn organizzazzjoni tal-konsumaturi sabiex tiddefendi l-interessi individwali ta’ diversi konsumaturi taqax taħt l-istess dispożizzjoni. Għal dan l-għan, għandha tiġi interpretata l-espressjoni l-“interess tal-konsumaturi” li tinsab fiha. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, TOYA, C‑243/21, EU:C:2022:889, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39, għandu jiġi osservat li, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ħlief fil-verżjoni Olandiża, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“konsumaturi” fil-plural. L-użu tal-plural jindika, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-azzjoni mressqa minn organizzazzjoni tal-konsumaturi għandha tkopri l-interessi, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-investimenti, ta’ diversi konsumaturi. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk din id-dimensjoni kollettiva tal-azzjoni mressqa minn organizzazzjoni tal-konsumaturi teħtieġx li l-għan ta’ tali azzjoni jkun limitat għad-difiża tal-interess ġenerali tal-konsumaturi jew, għall-kuntrarju, li jkun jista’ jkopri wkoll l-interessi individwali ta’ diversi konsumaturi. Fil-fatt, l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 jillimita ruħu li jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri kemm għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-organi li jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet proċedurali li skonthom din ir-rappreżentanza għandha effettivament tiġi eżerċitata. |
|
46 |
Il-formulazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti għalhekk li jiġi dedott li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw l-organi li għandhom locus standi fl-interess tal-konsumaturi, in-natura individwali jew kollettiva tal-interessi li jistgħu jiġu difiżi minn dawn l-organu kif ukoll l-imsemmija modalitajiet proċedurali li skonthom l-imsemmija organi għandhom jaġixxu fid-difiża ta’ dawn l-interessi. |
|
47 |
Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Istati Membri jirrifletti l-istruttura u l-għan tad-Direttiva 2004/39, li hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2, 5 u 31 ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi qafas regolamentari globali f’ċerti oqsma tas-swieq finanzjarji, indispensabbli sabiex jintlaħaq il-livell ta’ armonizzazzjoni neċessarju, b’mod partikolari, sabiex l-investituri jiġu offruti livell għoli ta’ protezzjoni. |
|
48 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu mekkaniżmi proċedurali intiżi li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, iżda jippermettilhom, konformement mat-tradizzjonijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom, li jikkonfiguraw dawn il-mekkaniżmi proċedurali, b’mod partikolari billi jirrikonoxxu lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi l-locus standi sabiex jipproteġu l-interessi individwali tal-membri tagħhom. |
|
49 |
F’dan l-aħħar rigward, l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 jipprevedi dritt għal azzjoni legali fl-interess tal-konsumaturi-investituri kollha, mingħajr ma jiddistingwi, b’mod partikolari, skont il-kapaċità finanzjarja tagħhom u l-istrumenti finanzjarji li jkunu investew fihom, sa fejn dawn l-istrumenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
50 |
Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ta lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi locus standi sabiex jiddefendu l-interessi individwali ta’ pluralità tal-membri tagħhom, dan il-locus standi jista’ jiġi rriżervat għal ċerta kategorija ta’ konsumaturi identifikata abbażi ta’ tali kriterji. |
|
51 |
F’dan il-każ, mill-kuntest ġuridiku nazzjonali, kif ġie ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza li huwa għandu skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39, il-leġiżlatur Spanjol ta lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi l-locus standi sabiex jiddefendu l-interessi individwali tal-membri tagħhom. |
|
52 |
Din il-qorti tesponi, minn naħa, li, fil-ġurisprudenza tagħha, hija aċċettat il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jiddefendu l-interessi tal-membri tagħhom fil-kuntest ta’ rikorsi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39 u, min-naħa l-oħra, li ż-żewġ membri rrappreżentati mill-assoċjazzjoni tal-konsumaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom il-kwalità ta’ “konsumaturi”. |
|
53 |
Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ma għandhomx locus standi sabiex jiddefendu l-interessi individwali tal-konsumaturi, b’kapaċità finanzjarja kbira, li jwettqu investimenti fi prodotti finanzjarji spekulattivi ta’ valur ekonomiku għoli, li ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ użu komuni, ordinarju u mifrux. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza twassal għall-esklużjoni ta’ ċerti konsumaturi, minħabba l-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom kif ukoll il-valur ekonomiku, it-tip u l-kumplessità tal-investimenti tagħhom, mill-benefiċċju tar-rappreżentanza minn assoċjazzjoni li għandha interess leġittimu li tipproteġi lill-konsumaturi. |
|
55 |
Issa, l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li teskludi ċerti konsumaturi mid-dritt li jkunu rrappreżentati, fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja, minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi. |
|
56 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna legali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 sempliċement jipprevedi dritt għal azzjoni legali favur organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, mingħajr ma jimponi l-għoti ta’ tali għajnuna sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. |
|
57 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna legali lil organizzazzjonijiet tal-konsumaturi meta jressqu azzjoni fl-interessi tal-konsumaturi fil-kuntest tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, meta l-azzjonijiet imressqa minn dawn l-assoċjazzjonijiet ikollhom relazzjoni diretta ma’ prodotti jew ma’ servizzi ta’ użu jew ta’ konsum ta’ kuljum, ordinarju u mifrux, li taħthom jaqgħu s-servizzi bankarji u finanzjarji b’mod ġenerali, l-imsemmija assoċjazzjonijiet jibbenefikaw mid-dritt għall-għajnuna legali. Għaldaqstant, la huma obbligati li jħallsu l-ispejjeż legali relatati mal-preżentata ta’ rikors u lanqas li jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-parti avversarja meta ma jirbħux il-kawża. Dawn l-ispejjeż lanqas ma għandhom jitħallsu mill-membri individwali li huma jirrappreżentaw. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk strumenti finanzjarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt “prodotti u servizzi ta’ użu u ta’ konsum ta’ kuljum, ordinarju u mifrux” li jagħtu, favur dawn l-assoċjazzjonijiet, id-dritt għall-għajnuna legali. |
|
60 |
Madankollu, skont l-imsemmija qorti, f’tilwim li fih “il-kwalità ta’ konsumatur hija dilwita fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-ammont tat-tilwima”, frodi proċedurali jew abbuż ta’ proċedura jistgħu jirriżultaw mid-difiża, minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi, ta’ interessi individwali tal-konsumaturi, b’kapaċità finanzjarja kbira, li jwettqu investimenti fi prodotti finanzjarji spekulattivi ta’ valur ekonomiku għoli, li ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ użu komuni, ordinarju u mifrux. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tar-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. L-eventwali assenza ta’ għajnuna legali lanqas ma tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, bil-kundizzjoni li l-ispejjeż legali li assoċjazzjoni hija obbligata tħallas jekk hija ma tibbenefikax minn għajnuna legali ma jikkostitwixxux spejjeż insormontabbli ta’ natura li jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
62 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif sostna l-Gvern Spanjol waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kriterji li għalihom id-dritt Spanjol jissuġġetta l-possibbiltà, għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li jibbenefikaw mid-dritt għal għajnuna legali ma jippreġudikawx id-dritt tal-konsumaturi li jressqu azzjoni individwali u li jitolbu għajnuna legali jekk ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Spanjol. |
|
63 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 52(2) tad- Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.