KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2025 ( 1 )
Kawża C‑234/24
Brose Prievidza spol. s r. o.
vs
Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven Administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Rimbors tat-taxxa tal-input lill-persuni taxxabbli stabbiliti barra mill-pajjiż skont id-Direttiva 2008/9/KE – Dak li jissejjaħ ‘tooling’ – Kunsinna taxxabbli jew eżentata ta’ għodda li tibqa’ fuq il-post – Tranżazzjoni indipendenti jew provvista anċillari għall-kunsinna intra‑Komunitarja eżentata tal-komponenti hekk immanifatturati – Tranżazzjonijiet indipendenti jew provvista intra-Komunitarja kumplessa unika – Diviżjoni artifiċjali tat-tranżazzjonijiet – Kunsinna intra-Komunitarja unika mingħajr trasport tal-għodda?”
I. Introduzzjoni
|
1. |
F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza l-evalwazzjoni f’termini tal-VAT ta’ dak li jissejjaħ “tooling”. Din hija prattika komuni, b’mod partikolari għas-sottokuntratturi tas-settur awtomobilistiku. Fil-kuntest ta’ din il-prattika, sottokuntrattur ikun responsabbli għall-manifattura ta’ ċerti komponenti. Dawn il-komponenti jkunu jistgħu jiġu prodotti biss bl-użu ta’ għodda speċjali (u xi drabi biss f’ċerti faċilitajiet ta’ produzzjoni). Din l-għodda tiġi ordnata mis-sottokuntrattur, iżda tibqa’ l-proprjetà tal-kuntrattur u tintuża biss fuq il-post (f’dan il-każ fil-Bulgarija) mis-sottokuntrattur għall-manifattura tal-komponenti. |
|
2. |
Jekk il-komponenti mmanifatturati b’dan il-mod jiġu kkunsinnati lill-persuna li tikkummissjona x-xogħol fi Stat Membru ieħor, ikun hemm f’dan ir-rigward kunsinni intra-Komunitarji eżentati. Madankollu, jekk l-għodda sussegwentement tinbiegħ lil terz barra mill-pajjiż (jiġifieri tiġi ttrasferita lil terz) mingħajr ma jinbidel il-post fejn tinsab (f’dan il-każ, il-Bulgarija), tqum il-kwistjoni tal-issuġġettar għat-taxxa tal-bejgħ ta’ din l-għodda. Hemm lok li jkun hemm kunsinna taxxabbli jew il-kunsinna tal-għodda hija l-istess bħal dik tal-komponenti hekk immanifatturati u kkunsinnati b’eżenzjoni (intra-Komunitarja)? |
|
3. |
Dan huwa rilevanti għax-xerrej tal-għodda, stabbilit barra mill-pajjiż, li jixtieq jikseb mingħand il-Bulgarija r-rimbors tal-VAT Bulgara li huwa ħallas lill-bejjiegħ bħala taxxa tal-input li tista’ titnaqqas. L-amministrazzjoni fiskali Bulgara tixtieq tirrifjuta li tagħmel dan, peress li l-kunsinna tal-għodda hija wkoll kunsinna intra-Komunitarja eżentata. Għaldaqstant, ma jeżistix dritt għal tnaqqis għal tranżazzjonijiet eżentati. |
|
4. |
F’dan ir-rigward, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-provvista prinċipali u anċillari jew ta’ kunsinna kumplessa unika fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja eżentata. Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma rrispondiet dwar dawn il-kwistjonijiet, li jidher li għandhom importanza kunsiderevoli fil-prattika. |
A. Id-dritt tal-Unjoni
– Id-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”)
|
5. |
It-tassazzjoni tal-moviment intra-Komunitarju ta’ merkanzija (provvisti) fid-dritt tal-VAT issir f’żewġ stadji. Din it-tassazzjoni ssir, minn naħa, permezz ta’ eżenzjoni tal-provvista fil-pajjiż ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ tassazzjoni tal-akkwist intra-Komunitarju fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. |
|
6. |
Il-fatt li jagħti lok għal kunsinna huwa previst fl-Artikolu 14(1): “‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.” |
|
7. |
L-akkwist intra-Komunitarju huwa rregolat mill-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-VAT. Skont l-ewwel paragrafu tiegħu: “‘Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ għandha tfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.” |
|
8. |
L-eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja tinsab b’mod partikolari fl-Artikolu 138(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Skont din id-dispożizzjoni: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mit-territorju tagħhom iżda li tkun fil-Komunità, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew mill-persuna li takkwista l-merkanzija, meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
|
9. |
L-Artikolu 171(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jikkonċerna l-proċedura ta’ rimbors għall-persuni taxxabbli stabbiliti barra mill-pajjiż li ma jwettqux tranżazzjonijiet fit-territorju tal-pajjiż: “Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva 2008/9/KE.” |
– Id-Direttiva 2008/9 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-rimbors”).
|
10. |
Il-proċedura ta’ rimbors hija speċifikata fid-Direttiva dwar ir-rimbors. Madankollu, għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, l-Artikolu 4 jeskludi espressament ir-rimbors tal-VAT f’ċerti każijiet: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fir-rigward ta’:
|
B. Id-dritt Bulgaru
|
11. |
Id-Direttiva dwar il-VAT ġiet trasposta permezz taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”), fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2007. |
|
12. |
Id-Direttiva dwar ir-rimbors ġiet trasposta permezz tan-Naredba Nru N‑9 tas‑16 ta’ Diċembru 2009 dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rimbors iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru N‑9”). |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
13. |
Brose Prievidza spol. s r. o. (iktar ’il quddiem “Brose SK”) hija kumpannija inkorporata fis-Slovakkja, fejn hija rreġistrata u stabbilita għall-finijiet tal-VAT. Hija timmanifattura kontrolli ta’ twieqi, moduli tal-bibien u apparat għall-irfigħ tal-karozzi. Hija tixtri għall-attività tagħha mingħand “Integrated Micro-Electronics Bulgaria” EOOD (iktar ’il quddiem “IME Bulgaria”), kumpannija stabbilita f’Botevgrad (il-Bulgarija), komponenti li huma s-suġġett ta’ kunsinni intra-Komunitarji. |
|
14. |
Brose Coburg, kumpannija rreġistrata fil-Ġermanja, hija marbuta ma’ Brose SK fi ħdan grupp ta’ kumpanniji fir-rigward tad-dritt tal-kumpanniji u hija rreġistrata għall-finijiet tal-VAT kemm fil-Ġermanja kif ukoll fil-Bulgarija. Brose Coburg (iktar ’il quddiem “Brose DE”) inkarigat lil IME Bulgaria sabiex timmanifattura għodda speċjali għall-manifattura tal-komponenti li għandhom jiġu pprovduti lil Brose SK. |
|
15. |
Wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, IME Bulgaria, fl‑14 ta’ Mejju 2020, ħarġet lil Brose DE l-fattura Nru 4921038649 fl-ammont nett ta’ EUR 62000, miżjuda bil-VAT Bulgara, filwaqt li indikat in-numru tal-VAT Bulgaru tad-destinatarju (Brose DE). L-għodda speċjali saru l-proprjetà ta’ Brose DE, filwaqt li baqgħu għand il-fornitur, IME Bulgaria, li tużahom biss sabiex timmanifattura prodotti għal Brose SK. |
|
16. |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, Brose DE ttrasferixxiet l-għodda speċjali lil Brose SK u ħarġet, f’dan ir-rigward, il-fattura kontenzjuża Nru 703047, dwar il-bejgħ tat-tagħmir “Spindel set imsemmi fl-Anness S‑T 08‑Р‑9965 - Portaġġ unitarju awtomatiku fis-sistema ta’ wweldjar”, għall-ammont nett ta’ EUR 62000, flimkien mal-VAT Bulgara. |
|
17. |
Fl‑10 ta’ Marzu 2022, Brose SK ressqet talba għar-rimbors tal-VAT Bulgara indikata u mħallsa fuq il-fattura għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2021. It-talba ta’ Brose SK ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni għar-raġuni li l-kunsinna tal-għodda speċjali u dik tal-komponenti kienu jikkostitwixxu kunsinna ekonomikament inseparabbli, li fil-kuntest tagħha l-għodda speċjali tilfet l-importanza ekonomika tagħha wara l-manifattura tal-komponenti. Peress li Brose SK irċeviet il-komponenti mmanifatturati minn IME Bulgaria bħala kunsinna intra-Komunitarja, il-kunsinna tal-għodda speċjali kellha wkoll titqies bħala tali. F’dan ir-rigward, Brose DE tqieset li la kienet id-destinatarja u lanqas l-utent effettiv tal-għodda speċjali mmanifatturata. Brose DE tqieset li kienet biss il-proprjetarja formali, filwaqt li IME Bulgaria kienet tuża l-għodda speċjali għall-manifattura tal-prodotti lesti u kienet teżerċita l-awtorità u l-kontroll fuq din l-għoddda. |
|
18. |
Brose SK ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni mingħajr suċċess. Il-qorti tal-ewwel istanza mmotivat iċ-ċaħda tar-rikors bil-fatt li, għalkemm ir-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-VAT iddikjarata skont id-Direttiva 2008/9 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru N-9, dawn ir-regoli ma japplikawx għall-ammonti tal-VAT indikati b’mod irregolari. Jekk il-kunsinna tal-komponenti kienet kunsinna intra-Komunitarja, l-istess kien japplika għall-kunsinna tal-għodda speċjali ffatturata. Konsegwentement, ebda VAT ma kellha tissemma fuq il-fattura relatata mal-kunsinna tal-għodda speċjali. B’hekk, Brose SK ma kellhiex dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa. |
|
19. |
Brose SK appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tal-ewwel istanza, li skonthom kien hemm diviżjoni artifiċjali tal-kunsinni tal-komponenti tal-attività ta’ Brose SK minn dawk tal-kunsinna tal-għodda speċjali, huma korretti. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, la ġie allegat u lanqas muri li l-uniku għan tad-diviżjoni tal-kunsinni kien li jinkiseb vantaġġ fiskali favur Brose SK u lanqas, jekk ikun il-każ, fiex jikkonsisti dan il-vantaġġ. |
III. Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari
|
20. |
Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-destinatarju jista’ jinvoka, taħt id-Direttiva [2008/9], dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa fir-rigward ta’ kunsinna ta’ tagħmir (għodda), f’sitwazzjoni fejn is-suġġett tal-kunsinna ma jkunx ħareġ mit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur u fejn ikun biss b’mod artifiċjali li l-provvista tal-għodda ġiet mifruda mill-kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti ffabbrikati permezz ta’ dan it-tagħmir u indirizzati lill-istess destinatarju?” |
|
21. |
Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra Brose SK u l-amministrazzjoni fiskali Bulgara, il-Kummissjoni Ewropea biss ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
IV. Analiżi ġuridika
A. Fuq ir-raġunament segwit
|
22. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari turi għal darba oħra li, minkejja sistema armonizzata tal-VAT, kull amministrazzjoni fiskali tinterpreta b’mod kompletament differenti kemm id-Direttiva kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u li, għalhekk, hemm riskju li sitwazzjonijiet identiċi jiġu ttrattati b’mod differenti fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tad-dritt tal-VAT. |
|
23. |
Fil-kawża Wilo Salmson France ( 4 ), li kienet tikkonċerna każ simili ta’ “tooling” fir-Rumanija, ma kienx ikkontestat, kif ġustament jenfasizzaw il-Kummissjoni u Brose SK, li l-kunsinna tal-għodda użata fir-Rumanija għall-manifattura tal-komponenti, u li kienet baqgħet hemmhekk, kienet kunsinna interna normali (fir-Rumanija). It-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa kien problematiku biss minħabba n-nuqqas ta’ fattura. Min-naħa l-oħra, fil-Bulgarija, it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa qiegħed jiġi rrifjutat minħabba l-fatt li l-kunsinna tal-għodda ma hijiex kunsinna “normali”, iżda hija wkoll kunsinna intra-Komunitarja eżentata. |
|
24. |
Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda prinċipalment ir-relazzjoni bejn il-provvista prinċipali u l-provvista anċillari jew l-eżistenza ta’ provvista kumplessa unika marbuta ma’ kunsinni intra-Komunitarji eżentati. Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser niċċara l-ewwel nett jekk jistax ikun hemm kunsinna intra-Komunitarja tal-għodda speċjali meta din qatt ma tkun telqet mill-Bulgarija (ara taħt C.). Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk jistax ikun hemm provvista anċillari mhux indipendenti (kunsinna tal-għodda speċjali) li tirċievi l-istess trattament bħall-provvista prinċipali (kunsinna ta’ komponenti) meta l-provvista “anċillari” u l-provvista “prinċipali” jitwettqu minn żewġ persuni differenti (ara taħt D.). Sa fejn dan ikun possibbli u l-kunsinna tal-għodda speċjali hija provvista anċillari, għandu jiġi eżaminat jekk din tistax tirċievi l-istess trattament bħall-kunsinna intra-Komunitarja eżentata (f’dan il-każ, il-kunsinna tal-komponenti) mingħajr ma tissodisfa hija stess il-kundizzjoni prinċipali (trasport lejn Stat Membru ieħor) (ara taħt E.). |
|
25. |
Qabel dan, madankollu, ser nindirizza l-kuntest tad-domanda preliminari, peress li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li hemm struttura artifiċjali wara l-bejgħ tal-għodda speċjali minn Brose DE lil Brose SK, mingħajr madankollu ma tista’ tidentifika vantaġġ fiskali (ara taħt B.). |
B. Il-kuntest tad-domanda preliminari: l-ipoteżi ta’ diviżjoni artifiċjali ta’ tranżazzjoni
|
26. |
Ma huwiex ċar jekk fil-Bulgarija huwiex ikkunsidrat li l-għodda speċjali ġiet ikkunsinnata minn Brose DE lil Brose SK b’eżenzjoni mit-taxxa jew jekk kienx hemm kunsinna eżentata tal-għodda speċjali minn IME Bulgaria lil Brose SK. Dan jidher li huwa dovut għall-fatt li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li kien hemm diviżjoni artifiċjali tat-tranżazzjonijiet (kunsinni tal-komponenti u tal-għodda). |
|
27. |
Fil-fehma tiegħi, konformement mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u Brose SK, din l-ipoteżi ma hijiex konvinċenti. Fi kwalunkwe każ, kunsinna minn Brose DE lil Brose SK ma hijiex eskluża mill-fatt li l-għodda speċjali kienet kontinwament użata fil-Bulgarija minn IME Bulgaria għall-manifattura tal-komponenti. Għall-kuntrarju, it-trasferiment tal-proprjetà ta’ oġġett, bħal f’dan il-każ bejn Brose DE u Brose SK, huwa preċiżament il-każ klassiku ta’ provvista fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT ( 5 ). |
|
28. |
Ċertament, kunsinna tinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ proprjetà tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra sabiex tiddisponi minn din il-proprjetà bħallikieku kienet il-proprjetarja tagħha ( 6 ). Għaldaqstant, l-assenza ta’ trasferiment ta’ proprjetà fid-dritt ċivili ma tipprekludix kunsinna ( 7 ). Jekk il-benefiċjarju ta’ kunsinna ma jkunx jista’ jiddisponi mill-oġġett “bħala proprjetarju”, dan ma jeskludix kunsinna jekk huwa jkun jista’ tal-inqas jaġixxi “bħala proprjetarju” tal-oġġett ( 8 ). Dan jidher b’mod ċar, fi kwalunkwe każ, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva dwar il-VAT ( 9 ). |
|
29. |
Dak li huwa determinanti huwa li s-setgħa li wieħed jiddisponi mill-oġġett tkun ġiet ittrasferita. Is-setgħa li wieħed jiddisponi minn oġġett hija marbuta ma’ dak li jista’ (b’mod pożittiv) ikollu s-sustanza tal-oġġett u li jsostni (b’mod negattiv) ukoll ir-riskju tat-telf aċċidentali ta’ dan l-oġġett. Dan kien manifestament il-każ f’din il-kawża, peress li Brose DE kienet, sa fejn wieħed jista’ jara, l-unika waħda li setgħet tibbenefika mis-sustanza ekonomika tal-għodda speċjali permezz ta’ bejgħ segwit minn trasferiment ta’ proprjetà. Mill-proċess ma jirriżultax li IME Bulgaria kellha tbati r-riskju ta’ telf aċċidentali tal-għodda, pereżempju minħabba għargħar tas-sit tal-operat tagħha. Minn dan isegwi li t-trasferiment bi ħlas tal-għodda speċjali minn Brose DE lil Brose SK jikkostitwixxi wkoll kunsinna bejn dawn tal-aħħar. |
|
30. |
Lanqas ma hemm indikazzjoni li xi ħadd ieħor (b’mod partikolari mhux IME Bulgaria) kiseb is-setgħa li jiddisponi mill-għodda. Is-sempliċi għoti ta’ pussess u l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dawn l-oġġetti għall-manifattura ta’ komponenti ma humiex biżżejjed għal dan l-għan. Dan jidher b’mod ċar mill-eżempju ta’ kerrej. Dan ma jiksibx is-setgħa li jiddisponi mir-residenza mikrija. Għall-kuntrarju, hija tibqa’ tal-proprjetarju li “jibbenefika” mis-sustanza preċiżament permezz tal-kiri. |
|
31. |
Jidher ukoll li t-trasferiment ta’ proprjetà minn Brose DE lil Brose SK fil-fatt seħħ. Ma jidhirx li hemm indizji ta’ struttura artifiċjali. Sa fejn il-qorti tar-rinviju u l-amministrazzjoni fiskali Bulgara jirreferu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Part Service ( 10 ) għal din l-ipoteżi, dan ir-riferiment huwa bbażat fuq nuqqas manifest ta’ ftehim. Dik il-kawża kienet tirrigwarda diviżjoni ta’ tranżazzjoni waħda (taxxabbli) f’kiri dejjem taxxabbli u fi provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni eżentati minn żewġ kumpanniji tal-grupp fir-rigward ta’ destinatarju ta’ provvista wieħed. Madankollu, il-każ inkwistjoni ma huwiex paragunabbli ma’ dik il-kawża ( 11 ). |
|
32. |
F’dan il-każ, id-destinatarju taż-żewġ provvisti huwa Brose SK. F’dan ir-rigward, minn naħa, ma jeżistux relazzjonijiet rregolati mil-liġi tal-kumpanniji bejn iż-żewġ fornituri (Brose DE u IME Bulgaria). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ma hemmx parti mill-provvista li għandha tiġi eżentata artifiċjalment, iżda, għall-kuntrarju, Brose DE pprovdiet l-għodda speċjali taxxabbli (u, apparentement, il-VAT Bulgara tħallset korrettament). F’dan il-każ ma hija rilevanti l-ebda waħda mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, lill-qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk kienx hemm żewġ tranżazzjonijiet imwettqa minn żewġ kumpanniji tal-grupp jew jekk kienx hemm tranżazzjoni waħda biss imwettqa minn kumpannija tal-grupp. Ir-raġuni għaliex il-bejgħ ta’ għodda speċjali minn kumpannija tal-grupp lil kumpannija oħra tal-grupp għandu jkun “ekonomikament illoġiku” minħabba s-sempliċi fatt li l-għodda speċjali tibqa’ għand il-fornitur tal-komponenti fil-Bulgarija, kif tindika espressament il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju, ma tistax tinftiehem f’dan ir-rigward. |
|
33. |
Jekk nifhem b’mod korrett is-sens u l-għan ta’ dak li jissejjaħ “tooling”, dan huwa l-ewwel u qabel kollox li, fil-każ ta’ insolvenza tas-sottokuntrattur inizjalment ingaġġat, ikun jista’ jinstab sottokuntrattur ieħor li jkun jista’ jkompli, f’qasir żmien u taħt kundizzjonijiet komparabbli, il-produzzjoni tal-komponenti permezz tal-għodda speċjali, sabiex jiġu evitati interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista (pereżempju dawk globali). Il-proprjetà tal-entità kontraenti (jew ta’ kumpannija oħra tal-entità kontraenti) tipprevjeni l-eżekuzzjoni tal-kredituri tas-sottokuntrattur insolventi fuq l-għodda speċjali. Jidhirli li dawn huma raġunijiet ekonomiċi validi. |
|
34. |
F’liema rendikont ta’ liema kumpannija tal-grupp jissemmew l-għodda speċjali, jidhirli pjuttost li hija kwistjoni interna għall-grupp li l-loġika ekonomika tagħha ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti tal-każ. Lanqas ma hija rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-VAT, sa fejn is-setgħa ta’ dispożizzjoni ta’ Brose DE ġiet effettivament ittrasferita lil Brose SK. Madankollu, anki fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda dubju evidenti f’dan ir-rigward. |
C. Kunsinna intra‑Komunitarja eżentata mingħajr ma l-għodda speċjali tkun telqet mill-Istat Membru (il-Bulgarija)?
|
35. |
Għalhekk, l-ewwel nett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ tal-għodda speċjali jikkostitwixxix kunsinna intra-Komunitarja eżentata. Il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ kunsinna intra-Komunitarja eżentata jirriżultaw mill-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
36. |
Madankollu, din l-eżenzjoni tapplika biss jekk l-oġġett ikkunsinnat (f’dan il-każ, l-għodda speċjali) ikun “mibgħut jew ittrasportat” mill-bejjiegħ (f’dan il-każ, Brose DE), mix-xerrej (f’dan il-każ, Brose SK) jew minn terz f’isimhom (ġeneralment trasportatur). Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni tal-kunsinna ta’ oġġett, fis-sens ta’ dan l-artikolu, issir applikabbli biss meta, wara din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, l-oġġett ikun fiżikament telaq mit-territorju tal-Istat Membru tal-kunsinna ( 12 ). Issa, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-għodda speċjali għadha tinsab fil-Bulgarija. F’dan ir-rigward, huwa stramb li wieħed jitkellem dwar kunsinna intra-Komunitarja. |
|
37. |
Din l-impressjoni tissaħħaħ jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sens u l-għan tal-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, l-eżenzjoni prevista fih deliberatament ma ġietx inkluża fil-Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu IX tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, hawnhekk ma hijiex kwistjoni li jingħata vantaġġ lid-destinatarju tal-provvista, bħalma huwa l-każ, pereżempju, tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT. Din l-eżenzjoni lanqas ma hija vantaġġ għall-fornitur. |
|
38. |
Għall-kuntrarju, din l-eżenzjoni sservi biss sabiex timplimenta l-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni fil-każ ta’ kunsinni bejn persuni taxxabbli ġewwa l-Unjoni, fejn il-kunsinna hija eżentata fil-pajjiż ta’ oriġini (fejn jibda t-trasport) (tranżazzjoni eżentata tal-fornitur), iżda hija ntaxxata f’dan ir-rigward fil-pajjiż ta’ destinazzjoni (tranżazzjoni taxxabbli tax-xerrej). Fil-fatt, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jippreċiża li l-akkwist intra-Komunitarju huwa wkoll tranżazzjoni taxxabbli. L-akkwist intra-Komunitarju huwa rregolat mill-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-VAT u jimponi l-ħlas tat-taxxa fuq il-persuna li takkwista l-merkanzija fil-kuntest ta’ kunsinna mwettqa fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. |
|
39. |
Fl-aħħar mill-aħħar, din hija biss teknika oħra ta’ tassazzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, tittrasferixxi l-post tal-kunsinna mill-pajjiż ta’ oriġini lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni u hija akkumpanjata minn trasferiment tad-dejn fiskali lix-xerrej fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. |
|
40. |
Anki jekk, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-akkwist intra-Komunitarju jeħtieġ li l-merkanzija “tintbagħat jew tiġi ttrasportata” lejn l-akkwirent (f’dan il-każ Brose SK), ma hemmx lok, f’dan il-każ, li jiġi konkluż li teżisti kunsinna intra-Komunitarja. Minn dan isegwi li ma hija applikabbli ebda eżenzjoni skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
D. Fuq l-eżistenza ta’ provvista anċillari jew ta’ provvista kumplessa unika meta żewġ persuni taxxabbli jkunu involuti bħala fornituri
1. Fuq l-evalwazzjoni uniformi taż‑żewġ kunsinni
|
41. |
L-iktar l-iktar, jista’ jiġi previst riżultat differenti jekk il-kunsinna tal-komponenti minn IME Bulgaria u l-kunsinna tal-għodda speċjali kollha kemm hi minn Brose DE jkunu jistgħu jitqiesu bħala kunsinna intra-Komunitarja unika mwettqa lil Brose SK. Madankollu, dan l-approċċ huwa wkoll pjuttost remot. |
|
42. |
Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra f’ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-VAT, kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala tranżazzjoni distinta u indipendenti ( 13 ). Dan jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll mill-Artikolu 2 tagħha ( 14 ). Dan japplika wkoll jekk tkun teżisti ċerta rabta bejn diversi tranżazzjonijiet peress li dawn ikunu jissodisfaw għan ekonomiku uniku ( 15 ). |
|
43. |
F’dan il-każ, l-għan ekonomiku uniku huwa diġà nieqes. Fil-fatt, dan l-għan ma huwiex identifikabbli għall-kunsinni ta’ żewġ fornituri differenti (IME Bulgaria u Brose DE) fir-rigward ta’ żewġ oġġetti distinti (il-komponenti mmanifatturati fil-Bulgarija u l-għodda speċjali li tibqa’ hemmhekk), li barra minn hekk saru b’mod indipendenti minn xulxin. |
|
44. |
Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ indipendenza ta’ kull tranżazzjoni mfakkar iktar ’il fuq jinkiser biss fil-każ ta’ provvista anċillari mhux indipendenti jew fil-każ ta’ provvista kumplessa unika ( 16 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja fixklet xi ftit dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet f’deċiżjoni reċenti ( 17 ), xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma żewġ sitwazzjonijiet differenti, li ma jeżistux f’dan il-każ. |
|
45. |
Provvista għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista mhux indipendenti u anċillari għal provvista prinċipali jekk din ma tikkostitwixxix, għall-klijent, għan fih innifsu, iżda l-mezz sabiex il-provvista prinċipali titgawda taħt l-aħjar kundizzjonijiet ( 18 ). Peress li Brose DE u IME Bulgaria huma persuni taxxabbli indipendenti minn xulxin, ma tantx huwa possibbli li tiġi ddeterminata hawnhekk provvista prinċipali. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Bulgarija fl-osservazzjonijiet tagħha, kull waħda mill-kunsinni msemmija iktar ’il fuq għandha natura unika u oriġinali u l-ebda waħda mill-kunsinni ma hija suġġetta għall-oħra fir-rigward tal-għan tagħhom. L-ebda waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet ma hija provvista anċillari mhux indipendenti meta mqabbla mal-oħra. |
|
46. |
Lanqas ma hemm provvista kumplessa unika. F’dan il-każ, diversi elementi tal-provvista jikkostitwixxu benefiċċju sui generis. Dan huwa l-każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-provvista minn persuna taxxabbli tkun tikkonsisti f’żewġ elementi jew atti, jew iktar, li tant ikunu relatati mill-viċin ma’ xulxin li oġġettivament jiffurmaw provvista ekonomika waħda inseparabbli, li l-analiżi separata tagħhom tkun artifiċjali ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ billi tiddetermina l-karatteristiċi essenzjali ( 20 ) u, għaldaqstant, in-natura tat-tranżazzjoni ( 21 ) mill-“perspettiva tal-konsumatur tipiku jew medju” ( 22 ) ( 23 ). |
|
47. |
Hawnhekk lanqas ma tista’ tiġi identifikata n-natura inseparabbli tal-elementi tal-provvista. Mill-perspettiva ta’ konsumatur medju, it-trattament separat tal-kunsinna minn persuna taxxabbli tal-komponenti mmanifatturati u tal-kunsinna tal-għodda speċjali minn persuna taxxabbli oħra ma huwiex artifiċjali. Għall-kuntrarju, trattament separat huwa evidenti peress li ż-żewġ provvisti jsiru minn persuni taxxabbli differenti. |
2. Provvista waħda b’diversi fornituri (differenti)?
|
48. |
Meta żewġ provvisti jkollhom ċerta konnessjoni mill-qrib fuq il-mertu, iżda jiġu pprovduti minn żewġ persuni taxxabbli differenti, huwa biss b’mod kompletament eċċezzjonali li dawn il-provvisti jkunu jistgħu jitqiesu bħala tranżazzjoni unika, jiġifieri meta d-diviżjoni ta’ tranżazzjoni f’żewġ partijiet distinti kienet artifiċjali ( 24 ). |
|
49. |
Minn dan isegwi li kemm l-ipoteżi ta’ provvista anċillari mhux indipendenti, kif ukoll dik ta’ provvista kumplessa unika huma bħala prinċipju esklużi meta jkunu involuti diversi fornituri. L-iktar l-iktar, jista’ jitqies li huwa differenti fil-każ ta’ diviżjoni artifiċjali ta’ tranżazzjoni mill-fornitur ta’ servizzi nnifsu bejn żewġ persuni taxxabbli li huwa jikkontrolla. Kif spjegajt fil-punti 26 et seq. iktar ’il fuq, dan huwa eskluż f’dan il-każ. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem iddikjarat li l-persuna taxxabbli (jiġifieri, waħda) tipprovdi diversi provvisti ( 25 ), li għandhom jiġu ttrattati jew separatament jew flimkien. |
|
50. |
Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali timmilita wkoll favur din il-konklużjoni. Huwa diffiċli li l-kalkolu tal-prezz mill-persuna taxxabbli, involuta obbligatorjament fl-irkupru tat-taxxa ( 26 ), jinqered a posteriori u unilateralment minn terz. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ impriża żgħira li tibbenefika minn eżenzjoni għat-tranżazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT għal raġunijiet ta’ tħaffif tal-proċedura ( 27 ). Din l-impriża titlef din l-eżenzjoni, mingħajr ma jkollha ebda effett f’dan ir-rigward, minħabba s-sempliċi fatt li l-provvisti tagħha jkollhom rabta materjali mal-provvisti ta’ persuna taxxabbli oħra li d-destinatarju jkun irċieva wkoll. |
|
51. |
Sa fejn, fil-kawża Horizon College ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja finalment estendiet eżenzjoni (li issa tinsab fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva dwar il-VAT) għal terz (sottokuntrattur), dan kien jikkonċerna biss il-“provvisti ta’ servizzi u ta’ oġġetti relatati mill-qrib” ma’ tranżazzjoni eżentata. Madankollu, dan huwa każ differenti minn dak tal-provvista prinċipali u anċillari jew tal-provvista kumplessa unika ( 29 ). L-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jitkellimx preċiżament dwar provvisti ta’ servizzi u kunsinni li huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. |
3. Konklużjoni intermedja
|
52. |
Peress li, f’dan il-każ, il-fornitur tal-kunsinna tal-għodda speċjali (Brose DE) u l-fornitur tal-kunsinni intra-Komunitarji tal-komponenti prodotti (IME Bulgaria) huma żewġ persuni taxxabbli indipendenti minn xulxin, ma huwiex possibbli li l-evalwazzjoni ta’ kunsinna fir-rigward tal-VAT tiġi influwenzata mill-kunsinna l-oħra. Provvista anċillari mhux indipendenti hija eskluża, bl-istess mod bħalma hija eskluża provvista kumplessa unika. Madankollu, kull tranżazzjoni għandha tiġi kkunsidrata waħedha. Il-kunsinna tal-għodda speċjali tibqa’ għalhekk kunsinna “normali” li seħħet fil-Bulgarija skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar il-VAT u li għaliha ma teżisti ebda eżenzjoni. |
E. Sussidjarjament: kunsinna li tikkompleta kunsinna intra-Komunitarja, iżda li ma titlaqx mill-Istat Membru
|
53. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu li għandha tikkunsidra li l-kunsinna tal-għodda speċjali tikkostitwixxi provvista anċillari mhux indipendenti meta mqabbla mal-kunsinni tal-komponenti hekk immanifatturati, iqumu kwistjonijiet oħrajn, mhux inqas interessanti. |
|
54. |
Kif ġie espost iktar ’il fuq (punti 37 et seq.), l-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja sservi prinċipalment sabiex timplimenta l-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni u hija marbuta mill-qrib mat-tassazzjoni tax-xerrej li għandu jħallas it-taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju bħala tranżazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa evidenti li kunsinna waħda intiża sabiex tikkostitwixxi provvista anċillari mhux indipendenti minn kunsinna intra-Komunitarja għandu jkollha mill-inqas bl-istess mod titlaq mill-pajjiż ta’ oriġini u tasal fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. |
|
55. |
Kunsinna intra-Komunitarja mingħajr akkwist intra-Komunitarju fir-realtà ma tistax teżisti sistematikament. Dawn huma żewġ uċuħ tal-istess munita ( 30 ). Brose SK għandha effettivament tħallas it-taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ għodda speċjali fis-Slovakkja, minkejja li din għadha tinsab fil-Bulgarija? Jekk l-għodda speċjali sussegwentement tinbiegħ lill-fornitur Bulgaru (IME Bulgaria), dan jikkostitwixxi kunsinna intra-Komunitarja għaliex il-merkanzija ġiet intaxxata fis-Slovakkja bħala akkwist intra-Komunitarju? Il-bejgħ lil persuna taxxabbli Slovakka, li lilha mbagħad tiġi ttrasportata l-għodda speċjali, ikun kunsinna purament interna (fis-Slovakkja), minkejja li l-merkanzija tiġi ttrasportata mill-Bulgarija għas-Slovakkja? |
|
56. |
Dawn il-mistoqsijiet huma diġà ta’ natura li joħolqu konfużjoni u dan japplika a fortiori għat-tweġibiet possibbli. Madankollu, is-sens u l-għan tal-eżenzjoni ma japplikawx meta l-“provvista anċillari” tkun għadha fil-pajjiż ta’ oriġini. Din hija r-raġuni għaliex inqis li, sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-kundizzjoni prinċipali (trasport lejn Stat Membru ieħor) għandha tiġi ssodisfatta wkoll fir-rigward tal-provvistsa anċillari mhux indipendenti (anki jekk din tikkostitwixxi kunsinna) sabiex twassal għal trasferiment tat-tassazzjoni fl-Istat ta’ destinazzjoni u għal dejn fiskali tax-xerrej f’dan il-pajjiż. |
|
57. |
Peress li (kif indikat fil-punti 35 et seq. iktar ’il fuq) l-għodda speċjali baqgħet fil-Bulgarija u peress li kunsinna intra-Komunitarja eżentata hija eskluża minħabba nuqqas ta’ trasport jew ta’ spedizzjoni, ma hijiex possibbli eżenzjoni anki jekk f’dan il-każ tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ provvista anċillari mhux indipendenti. Il-kunsinna ta’ oġġett marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja tista’ tikkompleta jew tissupplimenta din it-tranżazzjoni eżentata biss jekk l-oġġett ikkonċernat jiġi ttrasportat ukoll lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-provvista prinċipali. |
V. Konklużjoni
|
58. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) għandha tkun kif ġej: Meta d-destinatarju ta’ komponenti kkunsinnati fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja eżentata u mmanifatturati minn sottokuntrattur permezz ta’ għodda speċjali li tinsab fil-Bulgarija jakkwista din l-għodda speċjali mingħand il-proprjetarju (terz stabbilit barra mill-pajjiż) u jkompli jużaha sabiex jimmanifattura dawn il-komponenti fil-Bulgarija, ikun hemm kunsinna taxxabbli fil-Bulgarija. L-akkwist tas-setgħa li wieħed jiddisponi mill-għodda speċjali ma jikkostitwixxix huwa stess kunsinna intra-Komunitarja eżentata u lanqas ma għandu jitqies bħala provvista anċillari mhux indipendenti għall-kunsinna intra-Komunitarja eżentata tal-komponenti mmanifatturati mis-sottokuntrattur jew bħala parti minn kunsinna intra-Komunitarja kumplessa eżentata unika. Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/9 ma jeskludix id-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), fil-verżjoni tagħha applikabbli fis-sena 2021; f’dan ir-rigward, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/2020 tas‑7 ta’ Diċembru 2020 (ĠU 2020, L 419, p. 1), u bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/1159 tat‑13 ta’ Lulju 2021 (ĠU 2021, L 250, p. 1).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 23), emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/66/UE tal‑14 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 275, p. 1).
( 4 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021 (C‑80/20, EU:C:2021:870, punti 34 et seq.).
( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ (C‑414/17, EU:C:2018:1027, punt 78).
( 6 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions (C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 21); tat‑2 ta’ Lulju 2015, NLB Leasing (C‑209/14, EU:C:2015:440, punt 29); tat‑18 ta’ Lulju 2013, Evita K (C‑78/12, EU:C:2013:486, punt 33); tat‑3 ta’ Ġunju 2010, De Fruytier (C‑237/09, EU:C:2010:316, punt 24); tal‑14 ta’ Lulju 2005, British American Tobacco u Newman Shipping (C‑435/03, EU:C:2005:464, punt 35); u tat‑8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe (C‑320/88, EU:C:1990:61, punt 7).
( 7 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions (C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe (C‑320/88, EU:C:1990:61, punt 9).
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Herst (C‑401/18, EU:C:2019:834, punt 34).
( 9 ) B’hekk fil-verżjoni Ġermaniża (“wie ein Eigentümer”), fil-verżjoni Franċiża (“comme un propriétaire”); iżda possibbilment b’mod ieħor fil-verżjoni Ingliża (“as owner”). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Herst imsemmija iktar ’il fuq (C‑401/18, EU:C:2019:834, punt 34 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16).
( 10 ) Sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008 (C‑425/06, EU:C:2008:108, punti 56 u 57).
( 11 ) Dan jispjega wkoll għaliex il-qorti tar-rinviju ma setgħetx issib vantaġġ fiskali permezz tal-“istruttura artifiċjali”.
( 12 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Toridas (C‑386/16, EU:C:2017:599, punt 30), u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Euro Tyre Holding (C‑430/09, EU:C:2010:786, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions (C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 47); tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK) (C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 23); tat‑18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 22); u tal‑10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, EU:C:2011:135, punt 53).
( 14 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2020:855, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2020:855, punt 18); ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning (C‑71/18, EU:C:2019:660, punt 44), u ara wkoll f’dan ir-rigward is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing (C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 42).
( 16 ) F’dan ir-rigward, huma rilevanti s-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions (C‑60/23, EU:C:2024:896, punti 47 u 48), u tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649, punti 21 u 22).
( 17 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Finanzamt X (Il-kiri ta’ tagħmir u makkinarju installat b’mod permanenti) (C‑516/21, EU:C:2023:372, punt 39 – “meta dan il-kiri jikkostitwixxi provvista anċillari għal provvista prinċipali ta’ kiri ta’ bini, […] u [(enfasi miżjud minni)] meta dawn is-servizzi jiffurmaw provvista ekonomika waħda”).
Meta wieħed iħares iktar mill-qrib, dan id-dispożittiv għandu jintuża b’mod limitat bħala tweġiba. Il-fatt li tranżazzjoni tikkostitwixxi kemm provvista unika kif ukoll provvista anċillari għal provvista prinċipali kien u loġikament huwa eskluż fid-dritt tal-VAT (u, fir-realtà, anki preċedentement fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions (C‑60/23, EU:C:2024:896, punti 47 u 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649, punti 21 u 22)). Probabbilment, il-Qorti tal-Ġustizzja minflok “u” riedet tikkunsidra l-kelma “jew”.
( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2020:855, punt 34), kif ukoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 23); tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová (C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 71); tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 52); tal-15 ta’ Mejju 2001, Primback (C‑34/99, EU:C:2001:271, punt 45); u tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 30).
( 19 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK) (C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 23); tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Mailat (C‑17/18, EU:C:2018:1038, punt 33); tat‑18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 22); tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová (C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 70); u tad‑29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C‑111/05, EU:C:2007:195, punt 23).
( 20 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C‑111/05, EU:C:2007:195, punt 22), u tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 20).
( 21 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 30); tas‑27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse (C‑392/11, EU:C:2012:597, punt 18); u tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 29). Min-naħa l-oħra, is-sentenzi dejjem jużaw l-istess terminu fl-oriġinal (jiġifieri fil-verżjoni Franċiża): “éléments caractéristiques”.
( 22 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 21); tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere (C‑276/09, EU:C:2010:730, punt 26); u tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 29).
( 23 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2020:855, punt 22).
( 24 ) Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108, punti 56 u 57)..
( 25 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse (C‑392/11, EU:C:2012:597, punt 16); tal‑11 ta’ Ġunju 2009, RLRE Tellmer Property (C‑572/07, EU:C:2009:365, punt 19); u tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 20).
( 26 ) F’ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem dwar kollettur tat-taxxa f’isem l-Istat: sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2021, ELVOSPOL (C‑398/20, EU:C:2021:911, punt 31); tal‑15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli tal-VAT) (C‑335/19, EU:C:2020:829, punt 31); tat‑8 ta’ Mejju 2019, A‑PACK CZ (C‑127/18, EU:C:2019:377, punt 22); tat‑23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 23); tat‑13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C‑437/06, EU:C:2008:166, punt 25); u tal-1 ta’ April 2004, Bockemühl (C‑90/02, EU:C:2004:206, punt 39).
( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża UP CAFFE (C‑171/23, EU:C:2024:417, punti 52 et seq.).
( 28 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007 (C‑434/05, EU:C:2007:343, punt 46).
( 29 ) Għal iktar dettalji, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2020:855, punti 44 et seq.).
( 30 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Toridas (C‑386/16, EU:C:2017:599, punti 31 et seq.).