|
7.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 174/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1225
tas-16 ta' Ġunju 2017
li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/288/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Portugall
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-2 ta' Diċembru 2009, wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 2010/288/UE (1), f'konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Portugall. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat għall-2009 kien ta' 5,9 % tal-PDG, u għalhekk iktar mill-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika (li kien 'il fuq mill-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 60 % tal-PDG sa mill-2005) kien imbassar li jilħaq 74,5 % tal-PDG fl-2009. |
|
(2) |
Fit-2 ta' Diċembru 2009, f'konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza Rakkomandazzjoni lill-Portugall bl-għan li tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2013. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll it-2 ta' Ġunju 2010 bħala d-data ta' skadenza sa meta għandha tittieħed azzjoni effettiva. |
|
(3) |
Wara t-talba mill-awtoritajiet Portugiżi għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Portugall (3). Il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kundizzjonalità ta' Politika Ekonomika Speċifika bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi ġie ffirmat fis-17 ta' Mejju 2011. Minn dakinhar, il-Kunsill indirizza żewġ Rakkomandazzjonijiet ġodda lill-Portugall fid-9 ta' Ottubru 2012 u fil-21 ta' Ġunju 2013 abbażi tal-Artikolu 126(7) tat-Trattat, li estendew l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għall-2014 u l-2015 rispettivament. Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill qies li l-Portugall kien ħa azzjoni effettiva, iżda li kienu ġraw avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi pubbliċi. F'konformità mal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) il-Portugall kien eżentat minn rekwiżit ta' rappurtar separat taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u rrapporta fil-qafas tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu (5). |
|
(4) |
Taħt l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda, fit-12 ta' Lulju 2016, li l-Portugall ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013. Fit-8 ta' Awwissu 2016, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat li tavża lill-Portugall biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusin bħala neċessarji biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, biex b'hekk stabbilixxa skadenza ġdida għall-korrezzjoni sal-2016. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll il-15 ta' Ottubru 2016 bħala d-data ta' skadenza sa meta għandha tittieħed azzjoni effettiva. |
|
(5) |
Fis-16 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Portugall kien ħa azzjoni effettiva f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 taħt l-Artikolu 126(9) tat-Trattat. |
|
(6) |
Taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta statistika għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dejta statistika dwar defiċit u dejn tal-gvern kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(7) |
Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-dejta statistika notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' tbassir (7). |
|
(8) |
Abbażi ta' dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika ta' April 2017 mill-Portugall, tal-Programm ta' Stabbiltà għall-perjodu 2017-2021 u t-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2017, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:
|
|
(9) |
F'konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat. |
|
(10) |
Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Portugall ġie kkoreġut, u jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2010/288/UE tiġi revokata. |
|
(11) |
Mill-2017, li hija s-sena sussegwenti għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Portugall huwa soġġett għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u għandu jimxi lejn l-objettiv baġitarju tiegħu fuq terminu l-medju b'pass xieraq, inkluż billi jirrispetta l-livell referenzjarju tal-infiq, u jikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni globali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Portugall ġiet ikkoreġuta.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2010/288/UE hija b'dan revokata.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SCICLUNA
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/288/UE tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Portugall (ĠU L 125, 21.5.2010, p. 44).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(3) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).
(4) Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).
(5) Id-dokumenti kollha relatati ma' proċeduri tad-defiċit eċċessiv jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview_mt
(6) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).
(7) F'konformità mal-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku u l-linji gwida dwar il-format u l-kontenut ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza”, adottati mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fil-5 ta' Lulju 2016, disponibbli fi: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/legal_texts/index_en.htm.