|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/385 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1798 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0102/2022), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2020 kien ta' EUR 41 700 000, li jirrappreżenta żieda ta' 7,05 % meta mqabbel mal-2019; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kważi esklużivament derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2020 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li għandha fil-pussess tagħha aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,11 % meta mqabbla mal-2019; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 58,07 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 5,54 % meta mqabbla mal-2019; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jisħaq fuq ir-rwol essenzjali li għandha l-Aġenzija fl-appoġġjar u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata transfruntiera; |
|
3. |
Jissottolinja ż-żieda kontinwa fl-għadd totali ta' każijiet appoġġjati mill-Aġenzija f'dawn l-aħħar ħames snin u jenfasizza x-xejra reċenti ta' każijiet riferuti lill-Aġenzija li qed isiru dejjem aktar kumplessi b'mod li jeħtieġu appoġġ fuq perjodi ta’ żmien itwal; |
|
4. |
Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija varat Grupp Fokus ta' Prosekuturi u Mħallfin Inkwirenti li Jiġġieldu l-Faċilitazzjoni ta' Immigrazzjoni Illegali, li jiġbor flimkien prattikanti speċjalizzati fil-qasam u l-atturi kollha fil-katina tas-sigurtà u l-ġustizzja kriminali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali; |
|
5. |
Jilqa' l-kooperazzjoni operazzjonali futura mal-Frontex; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar in-negozjati ta' ftehim operazzjonali li jirregola r-relazzjoni futura bejn il-Frontex u l-Aġenzija; |
|
6. |
Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-eu-LISA fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2019/816 (2); |
|
7. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u ttejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħan-numri ta' rapporti/analiżijiet li jappoġġjaw direttament il-każijiet, in-numru ta' riferimenti ta' każijiet mill-Istati Membri u l-adozzjoni ta' arranġamenti ta' ħidma xierqa mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) fi kwistjonijiet operattivi; jinnota li l-Aġenzija ddefiniet 50 KPI fil-pjan ta' ħidma annwali tagħha għall-2020, tnaqqis ta' 44 % meta mqabbel mal-pjan ta' ħidma annwali għall-2019; jinnota li, minbarra l-KPIs affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija kisbet il-miri għal 22 minn 30 KPI (73 % miksuba meta mqabbla ma' 71 % fl-2019); |
|
8. |
Jinnota li l-appoġġ tal-Aġenzija lill-Istati Membri, lin-Norveġja u lill-Iżlanda, f'kollaborazzjoni mal-Kunsill u man-Network Ġudizzjarju Ewropew, kellu rwol importanti fil-ġbir u fit-tixrid ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet prattiċi u legali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19; jinnota li f'April 2020, l-Aġenzija ppubblikat linji gwida dwar l-appoġġ operattiv matul il-pandemija tal-COVID-19, li fihom il-miżuri ta' kontinġenza tal-operat implimentati biex tiġi żgurata assistenza operattiva kontinwa lill-uffiċċji nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali; |
|
9. |
Jinnota li l-Aġenzija kompliet issaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva u ż-żieda fir-riferimenti ta' każijiet mill-prosekuturi ta' kollegament, li rriżultaw f'291 każ ġdid fl-2020 u li jirrappreżentaw żieda ta' 17 % meta mqabbla mal-2019; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija saħħet il-kooperazzjoni operattiva mas-sħab tagħha u mal-pajjiżi terzi bil-ħatra ta' prosekuturi ta' kollegament mis-Serbja, mill-Georgia u mill-Albanija, u permezz ta' żieda ta' 4 % fin-numru ta' każijiet komuni; jinnota b'mod pożittiv li n-network tal-punti ta' kuntatt tal-Aġenzija żdied għal 55 pajjiż bil-parteċipazzjoni tal-Użbekistan, tas-Sri Lanka, tal-Messiku u tal-Kosovo; jinnota bi pjaċir li l-Aġenzija żiedet il-kooperazzjoni tagħha dwar kwistjonijiet kriminali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar tagħha (l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina u t-Tuneżija) billi ospitat il-fażi l-ġdida tal-Programm tal-Ġustizzja tal-EUROMED; |
|
10. |
Jinnota li fl-2020, prosekuturi minn madwar l-Unjoni u lil hinn minnha rrikorrew għand l-Aġenzija għall-assistenza fi 8 799 investigazzjoni kriminali transfruntiera, żieda ta' 13 % meta mqabbla mal-2019, u li 4 200 kienu każijiet ġodda li nfetħu matul l-2020 li minnhom 164 kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija pprovdiet appoġġ legali, finanzjarju u operattiv lil 268 skwadra ta' investigazzjoni konġunta fl-2020 u ffaċilitat l-eżekuzzjoni ta' 1 284 Mandat ta' Arrest Ewropew; |
|
11. |
Jenfasizza l-fatt li l-Aġenzija pparteċipat b'mod attiv fil-laqgħat u l-attivitajiet relatati tal-Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna, u espandiet ir-riżultati tagħha f'oqsma prijoritarji tal-kriminalità; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tejbet il-kooperazzjoni strateġika tagħha mas-sħab fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja permezz ta' kollaborazzjoni b'saħħitha mal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI), billi ppresediet in-network tal-aġenziji tal-ĠAI u kompliet tesplora sinerġiji man-networks ġudizzjarji; |
|
12. |
Jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Unjoni u mas-sħab internazzjonali, inklużi l-Kummissjoni u l-OLAF u aġenziji oħra tal-ĠAI; jaċċentwa l-progress fil-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija u l-UPPE u jilqa' n-negozjar tal-ftehim ta' ħidma biex dan jirregola r-relazzjonijiet futuri tagħhom; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Aġenzija fil-Pjattaforma tal-UE għad-Drittijiet tal-Vittmi; |
Politika dwar il-persunal
|
13. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2020, kien ġie implimentat 99 % tat-tabella tal-persunal, u nħatru 204 aġenti temporanji mit-total ta' 207 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-208 postijiet tax-xogħol awtorizzati fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, 16,2-il aġent kuntrattwali (meta mqabbla mas-16-il post awtorizzati fl-2020) u 16,5 minn 21 espert nazzjonali sekondat ekwivalenti ta' ingaġġ full-time (FTE) ħadmu għall-Aġenzija fl-2020; |
|
14. |
Jenfasizza l-importanza li l-Aġenzija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani u ekonomiċi xierqa, mhux l-inqas fid-dawl taż-żieda fl-attivitajiet tagħha; |
|
15. |
Jilqa' l-bilanċ milħuq bejn il-ġeneri fi ħdan l-Aġenzija għall-2020 b'5 irġiel u 5 nisa fil-maniġment superjuri u medju, u jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri bi 17-il raġel (65,4 %) u 9 nisa (34,6 %) fil-bord eżekuttiv tal-Aġenzija, u li l-persunal b'mod ġenerali huwa magħmul minn 71 raġel (32 %) u 152 mara (68 %); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-persunal; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom għall-bord eżekuttiv tal-Aġenzija; |
|
16. |
Jinnota b'apprezzament il-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tipprevjeni l-fastidju; jilqa' l-fatt li fl-2020, l-Aġenzija offriet taħriġ ta' aġġornament dwar il-fastidju psikoloġiku u sesswali lill-persunal kollu u taħriġ addizzjonali dwar il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti ġie pprovdut lill-konsulenti u lill-maniġers kunfidenzjali; |
|
17. |
Jinnota li fl-2019 l-Aġenzija inizjalment irrapportat li kellha żewġ każijiet pendenti ta' allegat fastidju fl-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija kkoreġiet din iċ-ċifra, peress li wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet oriġina fl-2018, meta membru tal-persunal ippreżenta talba għal assistenza li allegat fastidju minn superjur ġerarkiku dirett tal-uffiċjal, li wasslet għal inkjesta amministrattiva li kkonkludiet li t-talba nstabet li ma kinitx issostanzjata u li l-investigazzjoni ngħalqet f'Marzu 2019; jinnota li l-membri tal-persunal involuti fil-każ tpoġġew f'entitajiet organizzattivi differenti u li ma ttieħdet l-ebda azzjoni ulterjuri, bid-deċiżjoni li l-inkjesta tiġi rrifjutata, u li l-każ jingħalaq f'Novembru 2020; jinnota li t-tieni każ ingħata bidu fl-2019 fir-rigward ta' maniġer ieħor, li l-każ ingħalaq f'Novembru 2020 mingħajr ebda azzjoni ulterjuri meħtieġa, u li ġie ppreżentat appell mill-ilmentatur fi Frar 2021 kontra d-deċiżjoni li jingħalaq il-każ; |
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija rreklutat 16-il aġent temporanju u kuntrattwali fl-2020 permezz ta' proċeduri ta' reklutaġġ esterni; jinnota li kien hemm ħatriet biex jikkumpensaw għall-effetti ta' xogħol part-time li bħala medja kien ta' 3,9 FTE matul is-sena, f'konformità mal-Artikolu 38(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715 (3); jilqa' l-użu ta' din il-possibbiltà mill-Aġenzija biex takkomoda xogħol part-time għall-persunal tagħha; |
Akkwist
|
19. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, instabu għadd ta' nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku awditjati tal-Aġenzija; jinnota li f'każ partikolari, li fih l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas ma' operatur ekonomiku wieħed, il-Qorti kkonkludiet li l-użu ta' dan it-tip ta' kuntratt qafas ma kienx xieraq għan-natura tas-servizzi meħtieġa (il-kiri ta' vetturi), peress li s-suq relatat huwa soġġett għal fluttwazzjoni frekwenti fil-prezz; jirrikonoxxi l-osservazzjoni tal-Qorti li l-Aġenzija għandha tuża kuntratt qafas bi ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni sabiex tiżgura li s-servizzi meħtieġa jkunu ġew akkwistati bl-aktar mod ekonomiku possibbli; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija għal din l-osservazzjoni u l-impenn tagħha li tħejji dokumentazzjoni ex ante aktar robusta bl-għan li tiċċara għaliex ġiet segwita ċerta proċedura ta' akkwist; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza dawn id-dgħufijiet fil-futur; |
|
20. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, f'każ ieħor, l-Aġenzija ffirmat kuntratt speċifiku li fih l-ipprezzar ddevjat mil-listi tal-prezzijiet mehmuża mal-kuntratt qafas oriġinali għall-forensika diġitali u r-rispons għall-inċidenti; jinnota li l-Aġenzija approvat il-fattura u għamlet il-ħlas lill-kuntrattur mingħajr ma nnotat id-diskrepanza fir-rata tal-ipprezzar fis-siegħa u li dan wera li ma sar l-ebda kontroll dwar jekk il-kuntratt speċifiku u l-ammont fatturat kinux jikkorrispondu mat-termini reali tal-ftehim dwar il-livell ta' servizz; jinnota li l-Qorti tqis l-ammont żejjed imħallas (EUR 3 600) bħala irregolari; jistieden lill-Aġenzija tevalwa din id-dgħufija fil-kontroll u teskludi li ma hemm l-ebda kwistjoni sistemika fil-proċeduri ta' pagament tagħha u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-azzjonijiet meħuda; |
|
21. |
Jinnota, fir-rigward tal-proċeduri tal-akkwist li, matul l-2020, ġew iffirmati 31 kuntratt għal valur totali ta' EUR 8 265 812; jinnota wkoll li l-Aġenzija għandha l-għan li tħaddan l-akkwist ekoloġiku fil-proċeduri tal-offerti kollha tagħha; |
|
22. |
Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija implimentat l-osservazzjoni tal-Qorti mill-2018 dwar l-użu, meqjus mhux iġġustifikat, ta' proċedura nnegozjata ta' akkwist pubbliku; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u trasparenza
|
23. |
Jagħraf il-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jinnota li l-Bord Eżekuttiv adotta d-Deċiżjoni 2020-07 tal-15 ta' Ġunju 2020 dwar l-istrateġija aġġornata ta' kontra l-frodi li tissottolinja l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli interni tal-Aġenzija dwar l-etika u, dwar il-kunflitti ta' interess; jinnota li l-linji gwida tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġew emendati mill-Kulleġġ tal-Aġenzija f'Jannar 2019 u li r-rieżami ta' dawk il-linji gwida għadu għaddej; jinnota li l-Kodiċi ta' Etika għall-membri tal-Kulleġġ u tal-Bord Eżekuttiv ġie adottat bid-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 2020-09 tal-15 ta' Diċembru 2020; |
|
24. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li s-CVs tal-maniġment superjuri, tal-esperti esterni u tal-esperti interni tal-Aġenzija mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tagħha; jistieden lill-Aġenzija tippubblika dawn is-CVs immedjatament; jinnota li l-Aġenzija adottat proċedura operattiva standard aġġornata dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess bid-Deċiżjoni AD 2020-44 tad-direttur amministrattiv u li ma ġie rrapportat l-ebda kunflitt ta' interess fl-2020; |
|
25. |
Jinnota li, f'konformità mal-Artikolu 16(3)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1727 (4), fil-15 ta' Ġunju 2020 il-Bord Eżekuttiv adotta strateġija kontra l-frodi li tinkludi pjan ta' azzjoni għall-2020, li jaġġorna l-pjan ta' azzjoni preċedenti tas-6 ta' Novembru 2018; jilqa' l-fatt li l-aġġornament tal-istrateġija kontra l-frodi ġie kkomunikat lil dawk kollha li kellhom ċerti karigi, u huwa aċċessibbli flimkien ma' materjali oħra kontra l-frodi permezz tal-portal kontra l-frodi fuq l-intranet tal-Aġenzija; |
|
26. |
Jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri biex tiżgura l-konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar it-trasparenza kif ukoll mad-drittijiet fundamentali u mal-istandards tal-protezzjoni tad-data; |
Kontroll intern
|
27. |
Jilqa' l-valutazzjoni tal-Aġenzija tas-sistema ta' kontroll intern tagħha, li kkonkludiet li l-prinċipji u l-komponenti kollha tal-kontroll intern huma implimentati u jaħdmu b'mod effettiv; jistieden lill-Aġenzija tirrifletti sew is-sejbiet tal-Qorti fil-valutazzjoni annwali tagħha, b'mod partikolari l-osservazzjoni relatata man-nuqqas ta' kontrolli ex ante fuq il-prezzijiet miftiehma fil-kuntratti u r-rati fatturati li potenzjalment jikkonċernaw kwistjoni sistemika; |
|
28. |
Jinnota li, fil-bidu tal-2020, l-Aġenzija kellha disa' rakkomandazzjonijiet miftuħa li jirriżultaw mill-inkarigu tal-awditjar mis-Servizz tal-Awditjar Intern, tnejn relatati mal-ġestjoni bbażata fuq l-attività li tirriżulta mill-awditu dwar il-monitoraġġ u r-rapportar/il-bini ta' elementi ta' aċċertament mwettqa fl-2016, u sebgħa li jirriżultaw mill-awditu tal-2019 dwar il-kooperazzjoni mal-Europol; jinnota li l-Aġenzija kisbet progress sinifikanti fl-2020 bl-implimentazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet pendenti mill-2016, flimkien ma' ħamsa mis-seba' rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-awditjar dwar il-kooperazzjoni mal-Europol; jistieden lill-Aġenzija tikkonkludi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha; |
|
29. |
Jinnota li r-rieżami limitat tal-implimentazzjoni tal-qafas legali l-ġdid tal-Eurojust kopra aspetti relatati mal-miżuri ta' ppjanar, governanza, ġestjoni tar-riskju u konformità ġenerali adottati mill-Aġenzija għar-Regolamenti (UE) 2018/1727 u (UE) 2017/1939 adottati reċentement (5); jinnota li l-istħarriġ preliminari sar permezz ta' laqgħat online f'Ġunju 2020, segwit minn ħidma fuq il-post f'Settembru 2020; jinnota li r-rapport tal-awditjar kien jinkludi żewġ rakkomandazzjonijiet; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ppreżentat il-pjan ta' azzjoni tagħha dwar iż-żewġ rakkomandazzjonijiet fi Frar 2021 u jħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta l-azzjonijiet miftiehma; |
|
30. |
Jinnota li r-rieżami limitat dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern il-ġdid fl-Aġenzija beda f'April 2020 u l-ħidma fuq il-post għar-rieżami limitat saret fi Frar 2021; jinnota li fl-2020 l-Aġenzija pprovdiet ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi interni u esterni ewlenin li jista' jkollhom impatt fuq il-ħidma tagħha; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
31. |
Jinnota li l-Aġenzija rrispondiet għall-pandemija tal-COVID-19 billi attivat il-pjan ta' kontinwità tal-operat tagħha, li ġie ffurmat tim ta' kontinwità tal-operat, u li, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tat-tim, id-direttur amministrattiv adotta miżuri biex jiġi miġġieled l-impatt potenzjali tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-persunal u l-proċessi operattivi tal-Aġenzija; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Aġenzija żammet kontinwità operattiva sħiħa matul il-kriżi tal-COVID-19; jaċċentwa r-rwol ta' koordinazzjoni li l-Aġenzija kellha fil-ġbir u fil-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet prattiċi u legali ewlenin li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, kif ukoll li tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri nazzjonali meħuda f'dan il-kuntest; jinnota li l-membri tal-persunal kienu mistennija li jaħdmu bit-telexogħol sakemm l-impjieg tagħhom ma kienx jirrikjedi preżenza fiżika fil-bini tal-Aġenzija u li l-Aġenzija ħeġġet approċċ flessibbli għall-organizzazzjoni tax-xogħol, filwaqt li qieset il-ħtiġijiet diverġenti tal-persunal; jinnota li l-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data ġew ikkunsidrati fil-valutazzjoni tal-għodod tal-IT u li ġie introdott software għat-telexogħol u vidjokonferenzi siguri; |
Kummenti oħra
|
32. |
Jitlob li l-binjiet jiġu mmodernizzati sabiex jissodisfaw l-istandards ta' emissjonijiet żero, b'mod partikolari billi jiġu installati pannelli solari fuq il-binjiet kollha li jappartjenu lill-Aġenzija; |
|
33. |
Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija stabbiliet tim iddedikat għall-monitoraġġ tar-reġistri tas-sigurtà u għar-rispons għal inċidenti potenzjali taċ-ċibersigurtà, u li l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tar-riskju għas-soluzzjonijiet ġodda kollha tal-ICT, kemm fuq il-post kif ukoll dawk ospitati esternament, u li saru testijiet ta' penetrazzjoni għas-sistemi l-ġodda kollha (fuq il-post) esposti għall-internet; jinnota li l-Aġenzija għandha sett ta' regoli speċifiċi, allinjati mad-Deċiżjoni 2013/488/UE (6) u għandha wkoll sensiela ta' politiki u proċeduri addizzjonali għall-protezzjoni ta' informazzjoni mhux ikklassifikata u ta' apparati li jipproċessaw tali informazzjoni; jilqa' l-azzjonijiet meħuda mill-Aġenzija fir-rigward taċ-ċibersigurtà tagħha, speċjalment fid-dawl tal-informazzjoni sensittiva pproċessata mill-Aġenzija, u jistieden lill-Aġenzija żżomm il-protezzjoni tagħha mit-theddid ċibernetiku f'livell xieraq, filwaqt li tqis ir-riskji identifikati; |
|
34. |
Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija qed tieħu sehem fil-programm ta' ġustizzja kriminali diġitali, u qed tfittex rwol ewlieni fil-programm għad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva ġudizzjarja fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni u fl-Istati Membri; |
|
35. |
Jinnota b'apprezzament li l-Aġenzija saħħet il-kapaċitajiet tagħha ta' komunikazzjoni esterna billi niedet websajt ġdida, billi kkonsolidat il-preżenza tagħha fuq il-pjattaformi vidjow tal-media soċjali u billi organizzat jum virtwali għall-pubbliku; |
|
36. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 179, 10.5.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta' Stati Membri fil-pussess ta' informazzjoni dwar kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(7) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.