3.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 174/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ġunju 2008

li temenda l-Anness I għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija

(2008/493/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005, u partikolarment l-Artikolu 3(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(3) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005 jipprovdi li l-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu mal-konvenzjonijiet u l-protokolli li ġew konklużi bejn l-Istati Membri, elenkati fl-Anness I tiegħu.

(2)

Fit-8 ta' Diċembru 2004, l-Istati Membri iffirmaw Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (1), mal-Konvenzjoni tat-23 ta' Lulju 1990 dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja in konnessjoni ma’ l-aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati (2) (minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ”).

(3)

Jixraq li jkun hemm provvediment għall-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Konvenzjoni ta' Arbitraġġ, kif emendata bil-Konvenzjoni tat-8 ta' Diċembru 2004. Għal dak il-għan, il-Konvenzjoni tat-8 ta' Diċembru 2004 għandha tiżdied ma' l-Anness I ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-inċiż li ġej għandu jiżdied mal-punt 2 ta' l-Anness I ta' l-Att ta' l-Adeżjoni

“—

Il-Konvenzjoni tat-8 ta' Diċembru 2004 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka mal-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja inkonnessjoni ma’ l-aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati (ĠU C 160, 30.6.2005, p. 1).”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal- pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)   ĠU C 160, 30.6.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 225, 20.8.1990, p. 10.