European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/152

30.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/152

tad-29 ta’ Jannar 2025

dwar l-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. u tat-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet ta’ annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Is-sustanzi tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill u tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. ġew awtorizzati mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE, bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Sussegwentement, dawk is-sustanzi ddaħħlu fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodotti eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. u tat-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, li talbet li l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Sussegwentement, l-applikant irtira l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. fir-rigward tal-użu għall-ispeċijiet kollha tal-annimali ħlief għaż-żwiemel, il-klieb, il-qtates, il-pollam, u għall-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. fir-rigward tal-użu għall-ispeċijiet kollha tal-annimali ħlief għaż-żwiemel, il-qtates u l-klieb.

(5)

L-applikant talab li s-sustanzi kkonċernati jiġu awtorizzati wkoll għall-użu fl-ilma għax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni ta’ “komposti tat-togħma” għall-użu fl-ilma għax-xorb. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu ta’ dawn l-addittivi fl-ilma għax-xorb ma jiġix permess.

(6)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-12 ta’ Marzu 2024 (3) u tat-13 ta’ Marzu 2024 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità) kkonkludiet li t-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. hija sikura għaż-żwiemel, il-klieb, il-qtates, il-pollam u l-konsumaturi f’ċerti konċentrazzjonijiet massimi speċifikati aktar għal kull speċi u li t-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. hija sikura għaż-żwiemel, il-klieb, il-qtates u l-konsumaturi fil-livell tal-użu propost fl-għalf. Sabet ukoll li l-użu tat-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill u tat-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. fl-għalf tal-annimali mhux meqjus li jippreżenta riskju għall-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet li t-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. u t-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. jenħtieġ li jitqiesu bħala irritanti għall-ġilda u għall-għajnejn, u bħala sensitizzaturi respiratorji u tal-ġilda. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li minħabba li l-frotta tax-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill tista’ tinfluwenza l-proprjetajiet sensorji tal-għalf, u billi l-għeruq tal-Panax ginseng C.A.Mey. u l-preparati u l-estratti tagħhom huma magħrufa li jagħtu t-togħma lill-ikel u li l-funzjoni tagħhom fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, mhija meqjusa neċessarja l-ebda prova oħra tal-effikaċja. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(7)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li t-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. u t-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. jissodisfaw il-kundizzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawk is-sustanzi kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa ta’ min juża l-addittivi.

(8)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li m’hemmx raġunijiet ta’ sikurezza li jitolbu li jiġu stabbiliti livelli massimi għat-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill u tat-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C.A.Mey. Biex ikun jista’ jkun hemm kontroll aħjar, jenħtieġ li l-kontenut massimu rakkomandat jiġi indikat fuq it-tikketta tal-addittivi tal-għalf. Fejn il-kontenut massimu rrakkomandat jinqabeż, jenħtieġ li fuq it-tikketta tal-premixxeli kkonċernati tiġi indikata ċerta informazzjoni.

(9)

Peress li m’hemmx raġunijiet ta’ sikurezza li jirrikjedu l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għas-sustanzi kkonċernati, jixraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanzi speċifikati fl-Anness, li jaqgħu taħt il-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u l-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”, huma awtorizzati bħala addittivi fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittivi tal-għalf, it-tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mix-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill. u t-tintura tal-ġinseng mill-Panax ginseng C. A. Mey., kif awtorizzati skont id-Direttiva 70/524/KEE, u l-premixxeli li fihom dawk l-addittivi, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Awwissu 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Frar 2025 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittivi tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Frar 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Frar 2025 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittivi tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Frar 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Frar 2025 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1970/524/oj).

(3)  EFSA Journal. 2024;22:e8730.

(4)  EFSA Journal. 2024;22:e8731.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal- addittiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ addittiv għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorji. Grupp funzjonali: Komposti tat-togħma

2b61281-t

Tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet

Kompożizzjoni tal-addittiv

Tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet mill-frotta tax-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill.

Forma likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Tintura tal-bakka tal-ħames togħmiet

Tintura kif definita mill-Kunsill tal-Ewropa (1) miksuba mill-frotta mnixxfa tax-Schisandra chinensis (Turcz.) Baill, permezz ta’ estrazzjoni b’taħlita tas-solventi ilma/etanol, ippressar u filtrazzjoni.

Speċifikazzjonijiet

—

Kontenut ta’ materja niexfa: massimu ta’ 4 %

—

Is-somma tax-xisandrina u d-deossixisandrina: 0,01-0,15 %

Metodu analitiku  (2)

Għad-determinazzjoni tax-xisandrina u d-deossixisandrina (markaturi fitokimiċi) fl-addittiv tal-għalf:

—

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-UV)

Klieb

—

—

—

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ premixxela.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

3.

Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej: “Kontenut massimu rrakkomandat tas-sustanza attiva f’kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

—

12 mg għat-tiġieġ tas-simna, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u għall-pollam kollu mrobbi għall-bajd jew imrobbi għat-tnissil;

—

18 mg għall-ispeċijiet kollha tal-pollam imrobbija għall-bajd jew għat-tnissil;

—

16 mg għad-dundjani tas-simna;

—

47 mg għaż-żwiemel u għall-qtates;

—

56 mg għall-klieb.”.

4.

Il-grupp funzjonali, in-numru tal-identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tal-premixxela fejn il-livelli tal-użu fuq it-tikketta tal-premixxela jwasslu biex jinqabżu l-livelli msemmijin fil-punt 3.

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Fejn dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir personali li jipproteġi l-ġilda, l-għajnejn u n-nifs.

Id-19 ta’ Frar 2035.

Qtates

—

—

—

Żwiemel

—

—

—

Pollam

—

—

—


Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ addittiv għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorji. Grupp funzjonali: Komposti tat-togħma

2b318-t

Tintura tal-ġinseng

Kompożizzjoni tal-addittiv

Tintura tal-ġinseng mill-għeruq tal-Panax ginseng C.A.Mey.

Forma likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Tintura tal-ġinseng

Tintura kif definita mill-Kunsill tal-Ewropa miksuba mill-għeruq tal-Panax ginseng C.A.Mey permezz ta’ estrazzjoni b’taħlita tas-solventi ilma/etanol, ippressar u filtrazzjoni. (3)

Numru CoE: 318

Speċifikazzjonijiet

—

Kontenut ta’ materja niexfa: massimu: 6 %

—

Is-somma tal-ġinsenosid Rg1 u l-ġinsenosid Rb1: 0,01-0,5 %

Metodu analitiku  (4)

Għad-determinazzjoni tal-ġinsenosid-Rg1 u l-ġinsenosid-Rb1 (markaturi fitokimiċi) fl-addittiv tal-għalf:

—

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-UV)

Żwiemel

—

—

—

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ premixxela.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

3.

Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej: “Kontenut massimu rrakkomandat tas-sustanza attiva f’kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

—

48 mg għaż-żwiemel;

—

228 mg għall-klieb;

—

162 mg għall-qtates.”.

4.

Il-grupp funzjonali, in-numru tal-identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tal-premixxela fejn il-livelli tal-użu fuq it-tikketta tal-premixxela jwasslu biex jinqabżu l-livelli msemmijin fil-punt 3.

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Fejn dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir personali li jipproteġi l-ġilda, l-għajnejn u n-nifs.

Id-19 ta’ Frar 2035.

Klieb

—

—

—

Qtates

—

—

—

 

 


(1)  Natural sources of flavourings - Rapport Nru 2 (2007).

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt.

(3)  Natural sources of flavourings - Rapport Nru 2 (2007).

(4)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/152/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)