|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2404 |
28.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2404
tat-28 ta’ Novembru 2024
dwar id-deċiżjoni tat-taxxa SA.38375 (2014/C) (ex 2014/NN) — il-Lussemburgu, għajnuna allegata lil FFT
(notifikata bid-dokument C(2024) 8564)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni bagħtet talba lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu (“il-Lussemburgu”) għal informazzjoni dettaljata dwar il-prattika tal-pajjiż fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa (2). |
|
(2) |
Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Lulju 2013, il-Lussemburgu wieġeb b’mod ġenerali għal dik l-ittra u pprovda parti mill-informazzjoni mitluba. Il-Lussemburgu ma weġibx għat-talba tal-Kummissjoni biex jipprovdi lista ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa fl-2010, fl-2011 u fl-2012 mill-amministrazzjoni tat-taxxa tiegħu, u lanqas ma ppreżenta ċerta informazzjoni mitluba oħra. |
|
(3) |
Fil-11 ta’ Ottubru 2013, saret laqgħa bejn il-Lussemburgu u l-Kummissjoni, segwita minn ittra mil-Lussemburgu datata l-14 ta’ Ottubru 2013 li tesprimi dubji dwar jekk il-bażi legali invokata mill-Kummissjoni setgħetx tkopri dak li qieset bħala talba wiesgħa għal informazzjoni ta’ natura ġenerali. Il-Kummissjoni wieġbet dik l-ittra permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013. |
|
(4) |
Saru aktar skambji ta’ ittri bejn il-Lussemburgu (l-ittri datati l-11 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2013) u l-Kummissjoni (l-ittri datati l-14 ta’ Novembru u t-12 ta’ Diċembru 2013), li fihom il-Lussemburgu spjega li minħabba l-formazzjoni ta’ gvern ġdid, ma setax iwieġeb għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tat estensjoni tal-iskadenza għat-tweġiba sal-15 ta’ Jannar 2014. |
|
(5) |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2014, il-Lussemburgu ppreżenta 22 deċiżjoni tat-taxxa relatati mal-perjodu mill-2010 sal-2013, bl-ismijiet tal-kontribwenti moħbija f’dawk id-deċiżjonijiet. Skont il-Lussemburgu, dawk id-deċiżjonijiet kienu rappreżentattivi tal-prattika tad-deċiżjonijiet tat-taxxa tal-Lussemburgu. |
|
(6) |
Waħda minn dawk id-deċiżjonijiet tat-taxxa kienet relatata ma’ arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment (minn hawn ’il quddiem “APA”) (APA, Advance Pricing Arrangement) ma’ kumpanija msemmija bħala “FFT”. Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ Settembru 2012, l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu qablet mal-APA propost mill-konsulent tat-taxxa (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata” jew “l-APA ta’ FFT (3)”). L-APA ta’ FFT huwa relatat mad-dokumenti li ġejjin (4):
|
|
(7) |
Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni talbet lil-Lussemburgu jikkonferma li l-kontribwent imsejjaħ “FFT” fl-APA ta’ FFT kien Fiat Finance and Trade Ltd. Il-Kummissjoni indikat ukoll li abbażi tal-informazzjoni sottomessa, ma setgħetx teskludi li l-APA ta’ FFT kien jirrappreżenta għajnuna mill-Istat inkompatibbli favur FFT. Il-Kummissjoni talbet lil-Lussemburgu jipprovdi informazzjoni addizzjonali li kienet rilevanti għall-valutazzjoni tal-APA ta’ FFT. |
|
(8) |
Fl-24 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ħarġet deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ informazzjoni abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (5), li ordnat lil-Lussemburgu jipprovdi l-lista ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa msemmija fil-premessa (2). |
|
(9) |
Fl-24 ta’ April 2014, il-Lussemburgu wieġeb għall-ittra tas-7 ta’ Marzu 2014 u kkonferma li ma kellux informazzjoni rilevanti addizzjonali meħtieġa għall-valutazzjoni tal-APA ta’ FFT. Fir-rigward tal-mistoqsija jekk FFT kinitx tirreferi għal Fiat Finance and Trade Ltd, il-Lussemburgu invoka d-dispożizzjonijiet dwar is-segretezza tad-dritt Lussemburgiż u argumenta li dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu milli huwa jikkonferma l-identità tal-kontribwent inkwistjoni. |
|
(10) |
Fil-11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-APA ta’ FFT (minn hawn ’il quddiem imsejħa “d-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) (6). Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ikkombinata ma’ deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ informazzjoni li titlob li l-Lussemburgu jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar l-APA ta’ FFT. B’mod partikolari, il-Kummissjoni talbet lil-Lussemburgu jikkonferma l-identità tal-benefiċjarju ta’ dik il-miżura. |
|
(11) |
Permezz tal-ittra datata l-14 ta’ Lulju 2014, il-Lussemburgu ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Huwa argumenta wkoll li l-Kummissjoni ma setgħet tidentifika l-ebda miżura ta’ għajnuna mill-Istat u, għalhekk, il-Lussemburgu ma kellux iwieġeb il-mistoqsijiet tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ jew l-inġunzjoni ta’ informazzjoni. |
|
(12) |
Fl-14 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni talbet lil-Lussemburgu jipprovdi l-informazzjoni nieqsa msemmija fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u mitluba fl-inġunzjoni ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni talbet ukoll lil-Lussemburgu jawtorizza lill-Kummissjoni biex tindirizza l-mistoqsijiet tagħha li baqgħu mingħajr tweġiba direttament lil FFT f’konformità mal-Artikolu 6(a)(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. |
|
(13) |
Fit-3 ta’ Settembru 2014, il-Lussemburgu pprovda tweġiba parzjali għall-mistoqsijiet li kienu għadhom mingħajr tweġiba u indika li parti mill-informazzjoni mitluba kienet tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali ta’ FFT li ma kinitx fil-pussess tal-Lussemburgu. Il-Lussemburgu kkonferma wkoll li FFT tabilħaqq tirreferi għall-kumpanija Fiat Finance and Trade Ltd. u awtorizza lill-Kummissjoni tibgħat il-mistoqsijiet tagħha direttament lil FFT. |
|
(14) |
Fis-17 ta’ Ottubru 2014, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2014, hija rċeviet kummenti mingħand FFT. |
|
(15) |
Fit-22 ta’ Diċembru 2014, il-Lussemburgu ppreżenta lista ta’ benefiċjarji tad-deċiżjonijiet tat-taxxa, biex jikkonforma mat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013. Dak id-dokument jelenka d-deċiżjonijiet adottati mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża matul is-snin bejn l-2010 u l-2012. |
|
(16) |
Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Jannar 2015, il-Lussemburgu bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kummenti minn partijiet terzi dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. |
|
(17) |
Fit-12 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li infurmat lil-Lussemburgu li, f’konformità mal-Artikolu 6(a) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, hija kienet identifikat li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata s’issa kienet ineffettiva. Abbażi ta’ dan, u bl-awtorizzazzjoni tal-Lussemburgu, (8) il-Kummissjoni setgħet tindirizza l-mistoqsijiet tagħha direttament lil FFT. |
|
(18) |
Permezz tal-ittri tal-20 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil-Lussemburgu u lil FFT. |
|
(19) |
Permezz tal-e-mails tas-26 ta’ Frar u tat-3 ta’ Marzu 2015, FFT talbet xi kjarifiki dwar it-talba għal informazzjoni u estensjoni tal-iskadenza għal risposta, li ngħataw mill-Kummissjoni b’email tal-5 ta’ Marzu 2015. |
|
(20) |
Fit-23 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni talbet lil-Lussemburgu, b’risposta għal-lista tad-deċiżjonijiet tat-taxxa pprovduta fit-22 ta’ Diċembru 2014, jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar id-deċiżjonijiet għas-snin mill-2010 sal-2012 (9). |
|
(21) |
Permezz tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2015, il-Lussemburgu rrisponda għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2015 (10). |
|
(22) |
Permezz tal-ittra tal-31 ta’ Marzu 2015, FFT irrispondiet għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2015. |
|
(23) |
Fit-23 ta’ April 2015, il-Lussemburgu pprovda informazzjoni addizzjonali dwar 1 900 deċiżjoni fost dawk elenkati fir-risposta tiegħu tat-22 ta’ Diċembru 2014. |
|
(24) |
Fis-27 ta’ April 2015, saret laqgħa bejn FFT, il-Lussemburgu u l-Kummissjoni, li warajha l-Lussemburgu pprovda aktar informazzjoni, fis-sottomissjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ġunju 2015, tat-18 ta’ Ġunju 2015 u tal-10 ta’ Lulju 2015. |
|
(25) |
Fil-15 ta’ Lulju 2015, saret laqgħa bejn l-Uffiċjal Kap Finanzjarju ta’ Fiat Chrysler Automobiles N.V., il-kumpanija suċċessur ta’ Fiat S.p.A., il-Lussemburgu u l-Kummissjoni. |
|
(26) |
Fil-21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni għalqet l-investigazzjoni formali dwar l-APA ta’ FFT billi adottat deċiżjoni finali (id-“Deċiżjoni tal-Għeluq” (11)). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Din l-għajnuna ġiet iddeterminata bħala inkompatibbli mas-suq intern u ġiet implimentata illegalment mil-Lussemburgu bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-Lussemburgu ġie ordnat li jirkupra l-ammont ta’ għajnuna inkompatibbli u illegali miksuba minn FFT. |
|
(27) |
Fid-29 u t-30 ta’ Diċembru 2015 rispettivament, FFT u l-Lussemburgu ressqu rikorsi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Għeluq. |
|
(28) |
Fl-24 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawk l-azzjonijiet u kkonfermat id-Deċiżjoni tal-Għeluq tal-Kummissjoni (12). |
|
(29) |
Fit-8 ta’ Novembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019 u annullat id-Deċiżjoni tal-Għeluq tal-Kummissjoni (“is-sentenza FIAT” (13)) li tħalli d-Deċiżjoni tal-Ftuħ mhux affettwata. Għalhekk, l-investigazzjoni formali tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, kif deskritta aktar fit-Taqsima 2.2, għadha miftuħa u jeħtieġ li tingħalaq. |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
2.1. Il-benefiċjarju
|
(30) |
FFT hija parti mill-grupp Fiat. Fi żmien id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, il-grupp Fiat kien magħmul minn Fiat S.p.A., inkorporata fl-Italja bl-uffiċċju ewlieni tagħha f’Turin, u l-kumpaniji kollha kkontrollati minn Fiat S.p.A. (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa “Fiat” jew “il-grupp Fiat”). Wara l-fużjoni ta’ Fiat S.p.A. ma’ Fiat Investments N.V. fit-12 ta’ Ottubru 2014, Fiat Chrysler Automobiles N.V. saret is-suċċessur ta’ Fiat S.p.A. |
|
(31) |
Fiat wettqet attivitajiet industrijali u servizzi finanzjarji fis-settur tal-karozzi. Hija fasslet, bniet, immanifatturat, iddistribwiet u biegħet vetturi tas-suq tal-massa. Il-marki tagħha inkludew Fiat, Alfa Romeo, Lancia, Abarth, Ferrari, Maserati u għadd ta’ marki ta’ Chrysler. Barra minn hekk, Fiat kienet attiva wkoll fis-settur tal-komponenti, fis-settur tas-sistemi tal-produzzjoni u fis-servizzi/fil-prodotti ta’ wara l-bejgħ. Fl-aħħar nett, biex jappoġġa l-attivitajiet tal-karozzi tiegħu, il-grupp ipprovda wkoll servizzi ta’ finanzjament għall-konsumatur u għall-kummerċjanti, ta’ lokazzjoni u ta’ kiri (permezz ta’ sussidjarji, impriżi konġunti u ftehimiet kummerċjali ma’ fornituri speċjalizzati ta’ servizzi ta’ finanzjament). Fl-2013, Fiat irrapportat dħul ta’ EUR 86 816 miljun u profitt nett ta’ EUR 1 951 miljun. Fl-2012, iċ-ċifri korrispondenti kienu rispettivament EUR 83 957 miljun (dħul) u EUR 896 miljun (profitt nett). |
|
(32) |
FFT ipprovdiet servizzi tat-teżor u finanzjament lill-kumpaniji ta’ Fiat ibbażati (prinċipalment) fl-Ewropa (minbarra l-Italja) u mmaniġġjat diversi strutturi ta’ ppuljar ta’ flus għall-kumpaniji tal-grupp. FFT kienet proprjetà ta’ madwar 40 % ta’ Fiat S.p.A. u 60 % ta’ Fiat Finance S.p.A., li min-naħa tagħha kienet sussidjarja kompletament proprjetà ta’ Fiat S.p.A (14). FFT irreġistrat introjtu qabel it-taxxa ta’ EUR 1 572 300 u ta’ EUR 2 334 301 għas-snin 2012 u 2013 rispettivament (15). |
|
(33) |
Ir-rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti pprovdut mil-Lussemburgu fil-15 ta’ Jannar 2014 kien fih l-informazzjoni li ġejja dwar FFT u l-grupp Fiat. Fiat kellha funzjonijiet finanzjarji u tat-teżor ċentralizzati, fejn il-finanzjament, il-finanzi korporattivi, ir-relazzjoni bankarja, il-ġestjoni tar-riskju tal-kambju u tar-rata tal-imgħax, l-ippuljar tal-flus, l-operazzjonijiet tas-suq tal-flus, il-ġestjoni tal-bilanċi tal-flus, il-ġbir u l-bidu tal-pagamenti kollha twettqu minn kumpaniji tat-teżor fi ħdan il-grupp (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa “l-kumpaniji tat-teżor”). |
|
(34) |
Il-kumpaniji tat-teżor kienu organizzati kif ġej:
|
|
(35) |
It-tranżazzjonijiet transfruntieri intragrupp li daħlet għalihom FFT jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji ewlenin: (i) tranżazzjonijiet ma’ kumpaniji tat-teżor oħrajn (Intrasettorjali) u (ii) tranżazzjonijiet ma’ kumpaniji tal-grupp (Intragrupp). |
|
(36) |
Fir-rigward tal-funzjonijiet imwettqa, FFT kienet involuta f’investimenti ta’ finanzjament tas-suq u ta’ likwidità; relazzjonijiet ma’ atturi tas-suq finanzjarju; koordinazzjoni finanzjarja u servizzi ta’ konsulenza lill-kumpaniji tal-grupp; servizzi ta’ ġestjoni tal-flus lill-kumpaniji tal-grupp; finanzjament interkorporattiv fuq terminu qasir (“S/T”) u fuq terminu medju (“M/T”); u koordinazzjoni mal-kumpaniji tat-teżor l-oħrajn. |
|
(37) |
Ir-riskji ewlenin li ġeneralment jiffaċċjaw il-kumpaniji tat-teżor kienu jinkludu r-riskju tas-suq, ir-riskju ta’ kreditu relatat ma’ depożiti bankarji jew investimenti simili oħrajn fuq perjodu ta’ żmien qasir, ir-riskji relatati mal-kontroparti u r-riskju operazzjonali. |
|
(38) |
FFT immaniġġjat ammont sinifikanti ta’ assi finanzjarji, li kienu prinċipalment marbuta mas-self bejn kumpaniji, mal-kontijiet riċevibbli tal-kumpaniji tal-grupp u, fuq skala iżgħar, mad-depożiti bankarji. FFT użat sistemi tal-IT li kienu meħtieġa biex jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ kuljum u tiġi ssorveljata l-prestazzjoni tas-swieq finanzjarji. |
2.2. Id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata
|
(39) |
Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-APP ta’ FFT, deċiżjoni tat-taxxa fir-rigward tal-prezzijiet ta’ trasferiment mogħtija mil-Lussemburgu favur FFT permezz tal-ittra tat-3 ta’ Settembru 2012. Id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata tappoġġa metodu ta’ allokazzjoni tal-qligħ lil FFT fi ħdan il-grupp Fiat, kif propost mill-konsulent tat-taxxa ta’ dan tal-aħħar, u tippermetti lil FFT tiddetermina l-obbligu tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu tagħha lil-Lussemburgu annwalment. |
|
(40) |
Id-dokumenti pprovduti mil-Lussemburgu lill-Kummissjoni bħala l-elementi essenzjali kollha għall-appoġġ tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata huma magħmula minn żewġ ittri u mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment imsemmi fil-premessa (6). |
|
(41) |
Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Settembru 2012, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kkonfermat li “l-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment imsemmija hawn isfel twettqet f’konformità maċ-Ċirkolari 164/2 tat-28 ta’ Jannar 2011 u tirrispetta l-prinċipju ta’ distakkament” (sic). F’termini oħrajn, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża aċċettat li l-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment imwettqa mill-konsulent tat-taxxa fir-rapport tal-prezzijiet ta’ trasferiment irriżultat f’remunerazzjoni ta’ distakkament għall-funzjonijiet imwettqa u r-riskju mġarrab minn FFT. Ir-“remunerazzjoni ta’ distakkament” ta’ FFT, kif stabbilita fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u aċċettata mid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, kienet kif ġej: “l-istudju dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment jiddetermina remunerazzjoni xierqa fuq il-kapital f’riskju u l-kapital immirat lejn ir-remunerazzjoni tal-funzjonijiet imwettqa mill-kumpanija ta’ EUR 2,542 miljun li fuqhom hija prevista firxa ta’ +/- 10 %.” Fuq il-profitti netti miksuba minn FFT abbażi ta’ din ir-remunerazzjoni, ġiet applikata r-rata standard tat-taxxa korporattiva fil-Lussemburgu ta’ 28,8 %. L-ittra ddikjarat ukoll li d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni tat-taxxa kienet vinkolanti għal 5 snin (jiġifieri, mis-sena finanzjarja 2012 sas-sena finanzjarja 2016). |
|
(42) |
Skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, il-metodu kkunsidrat bħala l-aktar adegwat biex jiddetermina l-qligħ taxxabbli ta’ FFT fi ħdan il-grupp Fiat kien il-metodu tranżazzjonali tal-marġni nett (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “TNMM”, Transactional Net Margin Method). Skont il-konsulent tat-taxxa, it-TNMM kien adegwat b’mod partikolari meta, fi ħdan it-tranżazzjoni, kien hemm parti waħda li ma kinitx qiegħda tagħmel kontribuzzjonijiet siewja u uniċi. Peress li, skont il-konsulent tat-taxxa, dak kien il-każ ta’ FFT, li wettqet biss servizzi finanzjarji, dan il-metodu kien l-aktar xieraq biex jiddetermina l-ipprezzar ta’ distakkament f’konformità mal-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”, Organisation for Economic Co-operation and Development) dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferimenti għal Intrapriżi Multinazzjonali u Amministrazzjonijiet tat-Taxxa (“Linji Gwida tal-OECD”) (16). |
|
(43) |
Fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, il-konsulent tat-taxxa ddetermina r-remunerazzjoni dovuta lil FFT, li kienet tikkostitwixxi l-qligħ taxxabbli, b’referenza għall-kapital meħtieġ mill-FFT biex teżerċita l-funzjonijiet tagħha u ġġarrab ir-riskji tagħha, b’rabta mal-assi użati. |
|
(44) |
Dik ir-remunerazzjoni ġiet iddeterminata kif ġej: (i) l-istima tal-“kapital f’riskju” ta’ FFT; (ii) l-identifikazzjoni tal-kapital ta’ FFT użat għat-twettiq tal-funzjonijiet u għall-appoġġ tal-investimenti finanzjarji; (iii) l-istima tar-remunerazzjoni mistennija tal-“kapital f’riskju” ta’ FFT billi jintuża l-Mudell tal-Ipprezzar tal-Assi Kapitali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “CAPM”, Capital Asset Pricing Model) u l-identifikazzjoni tar-redditu biex jiġi ppremjat il-kapital użat biex jitwettqu l-funzjonijiet; u (iv) il-kalkolu tal-profittabbiltà ġenerali li għandha titħalla lil FFT biex tirremunera r-riskji mġarrba u l-funzjonijiet imwettqa billi jiġu kkombinati r-riżultati tal-passi (i) sa (iii). |
|
(45) |
Din id-Deċiżjoni tivvaluta jekk l-arranġament dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment approvat fid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata fihx vantaġġ selettiv li jammonta għal għajnuna mill-Istat. |
3. DESKRIZZJONI TAL-QAFAS ĠURIDIKU RILEVANTI
3.1. Gwida dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment
|
(46) |
Din id-Deċiżjoni tikkonċerna deċiżjoni tat-taxxa li tivvalida arranġament ta’ pprezzar ta’ trasferiment, imsejjaħ wkoll APA. L-APAs huma arranġamenti li jiddeterminaw, qabel it-tranżazzjonijiet intragrupp, sett xieraq ta’ kriterji għad-determinazzjoni tal-ipprezzar ta’ trasferiment għal dawk it-tranżazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien fiss, għal finijiet ta’ taxxa. |
|
(47) |
F’dan il-kuntest, l-ipprezzar ta’ trasferiment jirreferi għall-prezzijiet mitluba għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn diversi partijiet tal-istess grupp korporattiv, b’mod partikolari l-prezzijiet stabbiliti għall-prodotti mibjugħa jew għas-servizzi pprovduti minn kumpanija waħda ta’ grupp korporattiv lil kumpanija oħra ta’ dak l-istess grupp. L-ipprezzar ta’ trasferiment għalhekk jikkonċerna l-allokazzjoni tal-profitt bejn partijiet differenti tal-istess grupp korporattiv. |
|
(48) |
Il-korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu taxxi f’ġuriżdizzjonijiet li għandhom rati tat-taxxa differenti. Il-profitt ta’ wara t-taxxa rreġistrat fil-livell tal-grupp korporattiv huwa s-somma tal-profitti ta’ wara t-taxxa f’kull pajjiż li fih huwa soġġett għat-tassazzjoni. Għalhekk, aktar milli jimmassimizzaw il-profitt iddikjarat f’kull pajjiż, il-korporazzjonijiet multinazzjonali jista’ jkollhom inċentiv finanzjarju, meta jallokaw il-profitt lill-kumpaniji differenti tal-grupp korporattiv, biex jallokaw kemm jista’ jkun profitt lil ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa u l-anqas profitt possibbli għal ġuriżdizzjonijiet b’taxxa għolja. |
|
(49) |
Biex tinkiseb tassazzjoni ġusta, ġie stabbilit standard miftiehem internazzjonalment għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Għalhekk, l-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD (17), dwar it-tassazzjoni ta’ intrapriżi assoċjati, jistabbilixxi l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ distakkament li skontu l-prezzijiet fit-tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-prezzijiet tas-suq. Il-prinċipju ta’ distakkament huwa spjegat aktar fid-dettall fil-Linji Gwida tal-OECD. |
4. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(50) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata mas-suq intern. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ jekk l-arranġament dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment approvat mid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata rriżultax f’remunerazzjoni ta’ distakkament għal FFT. |
|
(51) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni nnotat li jenħtieġ li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata ma jkollhiex l-effett li tagħti lill-impriżi kkonċernati tassazzjoni aktar baxxa minn impriżi oħrajn f’sitwazzjoni legali u fattwali simili. L-awtoritajiet tat-taxxa, billi jaċċettaw, permezz ta’ prattika diskrezzjonali tad-deċiżjonijiet tat-taxxa, li l-kumpaniji multinazzjonali jitbiegħdu mill-kundizzjonijiet tas-suq fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet kummerċjali tat-tranżazzjonijiet intragrupp, jistgħu jirrinunzjaw id-dħul taxxabbli fil-ġuriżdizzjoni tagħhom u b’hekk jirrinunzjaw ir-riżorsi tal-Istat. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-awtoritajiet tat-taxxa jaċċettaw kundizzjonijiet kummerċjali li jitbiegħdu mill-kundizzjonijiet prevalenti bejn l-operaturi ekonomiċi indipendenti. |
|
(52) |
Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni nnotat li, sabiex tiddetermina jekk metodu ta’ valutazzjoni tal-introjtu taxxabbli ta’ impriża jkunx ta lok għal vantaġġ, kien meħtieġ li jitqabbel dak il-metodu mas-sistema tat-taxxa ordinarja, abbażi tad-differenza bejn il-profitti u t-telf ta’ impriża li twettaq l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni implikat li fejn APA kien jikkonċerna arranġamenti ta’ pprezzar ta’ trasferiment bejn kumpaniji relatati fi ħdan grupp korporattiv, jenħtieġ li dak l-arranġament ma jiddevjax mill-arranġament jew mir-remunerazzjoni li operatur indipendenti prudenti li jaġixxi taħt kundizzjonijiet normali tas-suq kien jaċċetta (jiġifieri b’mod distakkat) (18). |
|
(53) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, irreferiet għall-ġurisprudenza li skontha l-kundizzjonijiet tas-suq jistgħu jintlaħqu permezz tal-ipprezzar ta’ trasferiment stabbilit b’mod distakkat. Speċifikament, jekk, għall-kuntrarju, il-metodu ta’ tassazzjoni għal tranżazzjonijiet intragrupp ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, (19) u wassal għal bażi taxxabbli inferjuri għal dak li jkun jirriżulta minn implimentazzjoni korretta ta’ dak il-prinċipju, dan ikun jipprovdi vantaġġ selettiv lill-kumpanija kkonċernata (20). |
|
(54) |
F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni osservat li l-Linji Gwida tal-OECD huma dokument ta’ referenza li jirrakkomandaw metodi għall-approssimazzjoni tal-eżitu tal-ipprezzar ta’ distakkament u li kienu nżammu bħala gwida xierqa għal dan il-għan f’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (21). |
|
(55) |
Għalhekk, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha – u kif spjegat f’aktar dettall hawn taħt – il-Kummissjoni qagħdet fuq prinċipju ta’ distakkament awtonomu. Il-Kummissjoni ma qagħditx fuq il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 164(3) tal-L.I.R (22). u ċ-Ċirkolari (23), meta ddefiniet il-prinċipju ta’ distakkament fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat f’dan il-każ. |
|
(56) |
Abbażi ta’ dak il-prinċipju ta’ distakkament awtonomu kif definit hawn fuq, il-Kummissjoni qajmet id-dubji li ġejjin fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, li b’hekk huma esklużivament relatati mal-konformità tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata mal-prinċipju ta’ distakkament kif stabbilit fil-ġurisprudenza ċċitata fil-premessi (52) u (53) hawn fuq u kif previst mil-Linji Gwida tal-OECD. |
|
(57) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata dehret li aċċettat bażi tat-taxxa fissa ta’ EUR 2,542 miljun (+/– 10 %) fir-rigward tal-attivitajiet ta’ FFT fil-Lussemburgu, li setgħet biss tvarja marġinalment u tkun tibqa’ stabbli anke jekk, pereżempju, FTT żiedet b’mod sinifikanti l-attivitajiet tagħha li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa. |
|
(58) |
It-tieni, il-Kummissjoni qajmet dubji fir-rigward tal-adegwatezza tal-metodu magħżul mill-konsulent tat-taxxa ta’ FFT sabiex tiġi stmata r-remunerazzjoni ta’ FFT. Il-konsulent tat-taxxa qagħad fuq it-TNMM, metodu indirett, fl-analiżi tal-ipprezzar tat-trasferimenti tiegħu biex jikkalkula dik ir-remunerazzjoni. Skont il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni, l-użu ta’ metodi diretti u, b’mod partikolari, il-metodu tal-Prezz Mhux Ikkontrollat Komparabbli (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “CUP”, Comparable Uncontrolled Price) kien ippreferut f’każijiet fejn jistgħu jiġu osservati tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li Chrysler, il-kumpanija Amerikana tal-grupp Fiat, iddependiet direttament fuq finanzjament tas-swieq kapitali għall-operazzjonijiet tagħha u li ftit minn dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu komparabbli għal dawk imwettqa minn FFT. |
|
(59) |
It-tielet, fir-rigward tal-użu ts-CAPM biex jiġu stmati r-redditi ta’ ekwità meħtieġa, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li s-CAPM kien ġie applikat b’mod korrett mill-konsulent tat-taxxa ta’ FFT. Hija indikat li ż-żewġ komponenti li jiddeterminaw ir-remunerazzjoni ta’ FFT abbażi tas-CAPM, jiġifieri l-ammont tal-kapital remunerat, u l-livell ta’ remunerazzjoni applikat għal dak l-ammont ta’ kapital, ġew stabbiliti għal livell baxx wisq. |
|
(60) |
Fir-rigward tal-ammont tal-kapital remunerat, id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata aċċettat li s-CAPM kien applikat biss għal frazzjoni tal-kapital, li ġie mmarkat bħala “ekwità f’riskju”, filwaqt li l-ekwità investita f’FFNA u FFC ġiet imnaqqsa mill-ekwità li għandha tiġi remunerata mingħajr ebda spjegazzjoni plawżibbli. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-“ekwità f’riskju” deher li wassal għal bażi taxxabbli li kienet baxxa wisq, peress li ma kinitx tinkludi assi intragrupp. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qajmet dubju dwar l-assunzjoni li ma kienx hemm riskju tal-kreditu fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa mal-kumpaniji tal-grupp. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital minimi għar-riskju tal-kontroparti u tal-kreditu. B’mod partikolari, ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni la tal-għażla ta’ fattur ta’ ponderazzjoni tar-riskju relattivament baxx ta’ 20 % għar-riskju tal-kontroparti, u lanqas ta’ dak li hu previst li jiġri jekk il-qafas regolatorju kellu jiġi modifikat b’mod sinifikattiv. Ir-rapport tal-konsulent tat-taxxa dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti ma spjegax għaliex id-“differenza bejn l-imgħax akkumulat dovut fuq id-depożiti bankarji u l-imgħax akkumulat riċevibbli fuq is-self bankarju” kienet indikazzjoni tajba ta’ riskju operazzjonali. Lanqas ma spjegat il-ponderazzjoni tar-riskju ta’ 15 %. Bl-istess mod, ir-rapport ma stabbiliex għaliex ir-riskju tal-kontroparti ġie multiplikat b’6 % u mhux bi 8 %, peress li r-rekwiżit tal-kapital minimu għar-riskju tal-kontroparti taħt il-qafas ta’ Basel II (24), li r-rapport dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment jirreferi għalih b’mod espliċitu, kien ta’ 8 %. |
|
(61) |
Fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni applikat għal dak il-kapital, il-Kummissjoni qajmet dubji fir-rigward tad-determinazzjoni tal-beta, peress li dan deher baxx wisq meta mqabbel ma’ dak ta’ kumpaniji komparabbli oħrajn li jipprovdu servizzi finanzjarji. Il-Kummissjoni qajmet dubji wkoll fir-rigward tal-għażla, mill-konsulent tat-taxxa tal-25 perċentil minflok il-medjan għall-kalkolu tal-beta. |
|
(62) |
Ir-raba’, fir-rigward tar-redditu mistenni fuq l-ekwità fuq il-kapital meqjus bħala eċċessiv, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-fatt li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata qablet dwar l-użu ta’ rata baxxa ħafna ta’ 0,87 % mingħajr ebda ġustifikazzjoni. |
|
(63) |
Fid-dawl ta’ dawn id-dubji, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni proviżorja li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata tat vantaġġ selettiv lil FFT peress li r-remunerazzjoni ddevjat minn eżitu ta’ distakkament. Billi l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jidher li ġew issodisfati u ma kien hemm l-ebda bażi ta’ kompatibbiltà apparenti skont l-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni proviżorja li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata kkostitwiet għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. |
5. IL-KUMMENTI TAL-LUSSEMBURGU DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
5.1. Dwar il-proċedura tal-Kummissjoni
|
(64) |
Fir-rigward tal-proċedura, il-Lussemburgu allega li l-proċedura korretta sabiex tingħata l-inġunzjoni ta’ informazzjoni ma ġietx segwita f’dan il-każ, fis-sens li r-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma jippermettix lill-Kummissjoni toħroġ inġunzjonijiet f’deċiżjoni biex tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali. Qabel ma setgħet toħroġ tali inġunzjoni, kien jenħtieġ li tiġi segwita l-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. |
|
(65) |
Il-Lussemburgu ddikjara wkoll, fir-rigward tal-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni ta’ inġunzjoni, li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex l-iżvelar tal-isem tal-benefiċjarju kien meħtieġ biex tiġi vvalutata l-miżura fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Lussemburgu spjega li ma setax jiżvela l-isem f’dak l-istadju. Il-Lussemburgu asserixxa wkoll li kien hemm nuqqas ta’ kjarifika dwar l-informazzjoni mitluba, filwaqt li l-Manwal ta’ Proċedura tal-Kummissjoni stess kien jirrikjedi tali kjarifika. |
|
(66) |
Il-Lussemburgu allega li, peress li d-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma spjegatx kif id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna, kien impossibbli għalih li jimplimenta l-obbligu ta’ sospensjoni, u għalhekk approva d-dikjarazzjoni tat-taxxa sottomessa ta’ FFT abbażi tal-metodoloġija fid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata. |
|
(67) |
Il-Lussemburgu ddikjara wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-kooperazzjoni leali, tal-imparzjalità u tal-amministrazzjoni tajba, pereżempju billi ma rrispondietx għall-offerti ta’ laqgħa tiegħu biex ikun jista’ jispjega l-metodoloġija użata fid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata. |
|
(68) |
Il-Lussemburgu kkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taqsam il-proċedura relatata ma’ FFT (b’numru tal-każ ġdid, SA.38375) mill-investigazzjoni ġenerali dwar il-prattiki ta’ deċiżjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu taħt in-numru tal-każ SA.37267. Billi l-Lussemburgu kien appella kontra l-inġunzjoni ta’ informazzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-każ tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet tevita b’mod artifiċjali annullament tal-inġunzjoni ta’ informazzjoni skont SA.37267 billi tiftaħ każ ġdid. |
|
(69) |
Fl-aħħar nett, il-Lussemburgu asserixxa li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter billi fixklet l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mal-interpretazzjoni sempliċi ta’ regola tad-dritt komuni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata ma tikkostitwixxix eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża, iżda kienet konformi mal-Artikolu 164(3) tal-L.I.R. u maċ-Ċirkolari. Skont il-Lussemburgu, fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kien inevitabbli li dawn jiġu interpretati fid-dawl tal-fatti ta’ kull każ biex jintlaħqu soluzzjonijiet li kienu ddeterminati miċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom u bbażati fuqhom. Il-Kummissjoni injorat id-distinzjoni bejn, minn naħa, is-setgħa diskrezzjonali u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tar-regoli li kienu jinkludu termini legali astratti u li sussegwentament kellhom bżonn jiġu applikati għall-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, bis-sostituzzjoni tal-interpretazzjoni tad-dritt Lussemburgiż imressqa mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni kisret il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. |
|
(70) |
Skont il-Lussemburgu, peress li l-amministrazzjoni tat-taxxa tiegħu ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali fil-każ ta’ FFT, il-Kummissjoni naqset milli tagħti prova li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata dderogat mill-prattika amministrattiva ordinarja. Il-Lussemburgu spjega li l-azzjoni amministrattiva tiegħu kienet ibbażata fuq il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ugwaljanza, u għalhekk tiżgura li tittratta lill-kontribwenti kollha li jinsabu essenzjalment fl-istess sitwazzjoni bl-istess mod. Il-Lussemburgu kkontesta li d-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet ibbażata fuq il-Linji Gwida tal-OECD u mhux fuq il-prattika amministrattiva tal-Lussemburgu. |
5.2. Dwar l-iżbalji sostantivi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ
|
(71) |
B’mod ġenerali, il-Lussemburgu asserixxa li l-Kummissjoni għamlet żball sostantiv billi bħala sistema ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ selettiv ħadet prinċipju ta’ distakkament mhux minqux fid-dritt u l-prattika nazzjonali tagħha. |
|
(72) |
Barra minn hekk, il-Lussemburgu kkritika lill-Kummissjoni talli ma applikatx id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 164(3) tal-L.I.R. u l-prattika amministrattiva li tirriżulta minnu, għall-każ inkwistjoni, iżda minflok qieset biss bħala referenza l-Linji Gwida tal-OECD. B’hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-metodu ta’ kalkolu li qieset l-aktar adegwat, filwaqt li d-dritt Lussemburgiż preċiżament ma pprevediex l-użu ta’ metodi speċifiċi ta’ pprezzar ta’ trasferiment. Għalhekk il-Kummissjoni injorat għalkollox il-qafas legali u l-prattika amministrattiva Lussemburgiża f’dan il-qasam. |
|
(73) |
Barra minn hekk, il-Lussemburgu asserixxa li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-Linji Gwida tal-OECD billi stabbiliet ġerarkija ta’ metodi ta’ pprezzar ta’ trasferimenti. Il-Lussemburgu asserixxa li l-għażla tat-TNMM kienet iġġustifikata u kompatibbli mal-Artikolu 164 tal-L.I.R. |
|
(74) |
Fir-rigward tad-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Lussemburgu kkritika lill-Kummissjoni talli ffokat wisq, u b’mod unilaterali, fuq l-istrateġija tat-taxxa allegata ta’ Fiat fil-livell ta’ grupp, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li Fiat, billi taġixxi bħala grupp, setgħet kienet immotivata minn raġunijiet oħrajn għall-istabbiliment tal-istruttura tagħha bil-mod li għamlet. |
|
(75) |
L-ewwel nett, l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu ma qablitx ma’ “bażi tat-taxxa fissa” kif allegat mill-Kummissjoni. L-introjtu taxxabbli ta’ FFT kien jiddependi mill-ammont tas-self mogħti u r-rapport dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment stabbilixxa biss kategorija fit-termini tal-punti ta’ bażi fir-rigward tal-marġni li għandu jitwettaq. |
|
(76) |
It-tieni, fir-rigward tal-ammont ta’ ekwità meħtieġa u d-dubji mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-Lussemburgu qies li l-għażla tal-qafas ta’ Basel II hija raġonevoli, l-istess bħall-għażla li jiġu esklużi l-parteċipazzjonijiet. Peress li l-parteċipazzjonijiet kienu mħallsa permezz ta’ dividendi minn sussidjarji, li l-ammont tagħhom seta’ jvarja skont ir-riżultati tas-sussidjarji u tal-bżonnijiet tagħhom fir-rigward tal-investiment mill-ġdid, il-kunċett tal-marġni li għandu jiġi applikat għal dak il-fluss ta’ introjti ma kienx jagħmel sens kummerċjalment. |
|
(77) |
It-tielet, il-Lussemburgu asserixxa li l-esklużjoni ta’ djun intragrupp mill-kalkolu kienet iġġustifikata wkoll minħabba li d-djun ta’ FFT kienu appoġġati minn garanzija espliċita favur is-selliefa ta’ FFT. |
|
(78) |
Ir-raba’, il-Lussemburgu kkritika lill-Kummissjoni talli ddubitat il-mod li bih ġie kkalkolat il-beta għad-determinazzjoni tal-premium ta’ riskju. |
|
(79) |
Fl-aħħar nett, il-Lussemburgu asserixxa li minħabba li l-prattika tad-deċiżjonijiet tat-taxxa fil-Lussemburgu kienet ġiet ikkonfermata b’mod espliċitu mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) li kienet konsistenti mal-Kodiċi tal-Kondotta u mal-Linji Gwida tal-OECD, il-prinċipju tal-aspettattiva leġittima kien jimplika li FFT jenħtieġ li kellha tkun tista’ tiddependi fuq id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata għall-perjodu ta’ validità sħiħ tagħha, jiġifieri 5 snin. |
6. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
|
(80) |
FFT ippreżentat il-kummenti tagħha għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ fit-30 ta’ Ottubru 2014, f’żewġ dokumenti separati. |
6.1. L-ewwel sett ta’ kummenti ta’ FFT
|
(81) |
L-ewwel sett ta’ kummenti ta’ FFT relatati ma’ (i) l-applikazzjoni ħażina intenzjonata tal-prinċipji tal-OECD dwar l-ipprezzar ta’ trasferimenti mill-Kummissjoni u (ii) l-allegat nuqqas li jiġi ssodisfat l-istandard legali meħtieġ biex tiġi stabbilita s-selettività skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
6.1.1. Applikazzjoni ħażina tal-prinċipji tal-OECD
|
(82) |
L-ewwel nett, FFT sostniet li ma kien hemm l-ebda ftehim mal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu dwar introjtu taxxabbli fiss, iżda minflok kien hemm ftehim relatat biss ma’ metodu biex jiġu remunerati l-funzjonijiet tat-teżor imwettqa minn FFT. |
|
(83) |
It-tieni, FFT ressqet argumenti b’appoġġ għall-għażla tat-TNMM bħala l-aktar metodu xieraq. FFT spjegat li n-nuqqas ta’ tranżazzjonijiet komparabbli interni kien jipprekludi l-possibbiltà li jiġi applikat il-metodu CUP. FFT asseriet ukoll li kieku kienet użat l-ipprezzar tal-bonds tagħha, fl-applikazzjoni tal-metodu CUP, biex tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ trasferiment applikati għas-self lil kumpaniji tal-grupp, kienet iġġarrab telf. |
|
(84) |
FFT innotat ukoll li għalkemm l-ipprezzar ta’ trasferiment ma huwiex xjenza eżatta, hija kienet użat l-aħjar sforzi tagħha biex tistma r-remunerazzjoni ta’ distakkament għall-attivitajiet. |
|
(85) |
It-tielet, fir-rigward tal-adegwatezza tal-ekwità ta’ FFT, fin-nuqqas ta’ gwida speċifika fiċ-Ċirkolari, biex jiġi ddeterminat il-livell xieraq ta’ ekwità f’riskju, FFT iddeċidiet li tanalizza l-ekwità tagħha biex taċċerta liema proporzjon ta’ kapital kien meħtieġ biex twettaq l-attivitajiet tagħha u biex iġġarrab ir-riskji tagħha. Għal dan il-għan, FFT irreferiet għall-qafas ta’ Basel II. FFT spjegat ukoll li, peress li l-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni ma ġewx ikkunsidrati għall-finijiet tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, kien iġġustifikat li l-parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ FFT jiġu esklużi mill-ekwità f’riskju tagħha. Barra minn hekk, l-ammont ta’ ekwità ekwivalenti għall-investiment fis-sussidjarji ta’ FFT kien ġie eskluż għaliex kien jirrifletti l-investimenti mhux fil-portafoll f’affiljati li kienu remunerati permezz ta’ dividendi. Madankollu, id-dividendi ma kinux soġġetti għal analiżi tal-ipprezzar ta’ trasferiment, li kienu konsistenti mal-qafas ta’ Basel II u mal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-teħid u l-attività tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-kreditu (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżit Kapitali, minn hawn ’il quddiem imsejħa “CRD III”, Capital Requirement Directive) (25). |
|
(86) |
Ir-raba’, fir-rigward tal-analiżi mill-Kummissjoni tat-trattament tar-riċevibbli intragrupp u l-fatt li l-APA ta’ FFT ma kkunsidrax l-assi kollha minbarra dawk ta’ partijiet terzi, FFT sostniet li l-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-grupp kienet diġà integrata fil-kost ta’ finanzjament tal-grupp minn FFT. Minħabba li FFT u l-kumpaniji assoċjati kollha tal-grupp kellhom klassifikazzjoni tal-kreditu ekwivalenti għal dik ta’ Fiat S.p.A., ma kienx hemm riskju tal-kreditu addizzjonali għal FFT mis-self tagħha lill-kumpaniji tal-grupp assoċjati tagħha. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, FFT kompliet tiċċara kif ġiet stabbilita r-rata tal-imgħax imposta minn FFT. |
|
(87) |
Il-ħames, skont FFT, kien iġġustifikat l-użu tal-koeffiċjent ta’ 6 % applikat għall-assi ponderati skont ir-riskju peress li dan kien jikkorrispondi mal-idea ta’ FFT dwar il-qafas ta’ Basel II traspost għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji f’ċerti ġuriżdizzjonijiet tal-UE (pereżempju, l-Italja) mill-awtoritajiet regolatorji lokali, f’konformità mas-CRD. FFT asseriet ukoll li l-ponderazzjoni tar-riskju għall-iskopertura tal-assi u r-riskju operazzjonali kienu f’konformità mal-qafas ta’ Basel II. Fir-rigward ta’ kwalunkwe bidla possibbli fil-qafas regolatorju, FFT sostniet li anke fil-qafas ta’ Basel III (26) u fid-Direttiva 2013/36/UE dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (27) (“CRD IV”), il-kriterji rilevanti kienu għadhom validi. |
|
(88) |
Is-sitt, fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-beta użat, FFT sostniet li anke meta teskludi ċerti intrapriżi komparabbli (pereżempju l-banek nazzjonali), il-firxa ta’ distakkament baqgħet kważi eżatt l-istess. Peress li FFT aġixxiet bħala kumpanija tat-teżor, il-betas tal-kumpaniji ta’ finanzjament tqiesu minn FFT bħala l-aktar komparabbli xierqa. Barra minn hekk, iċ-Ċirkolari għamlet referenza ċara għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji. Fir-rigward tal-adozzjoni tal-25 perċentil tal-firxa ta’ distakkament, din kienet konformi mal-Linji Gwida tal-OECD. |
|
(89) |
Is-seba’, FFT ikkontestat id-dubju tal-Kummissjoni li r-redditu fuq l-ekwità ta’ 0,87 % kien baxx wisq. Il-kapital eċċessiv, jiġifieri l-kapital li ma kienx meħtieġ biex jiġu koperti r-riskji sostnuti minn FFT fl-attività ta’ finanzjament tagħha, kien jew misluf f’każ li kumpanija tal-grupp oħra kienet teħtieġ finanzjament addizzjonali, jew użat biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż operatorji ta’ FFT waqt it-twettiq ta’ servizzi finanzjarji. Għalhekk, jenħtieġ li kellha tiġi remunerata f’konformità ma’ investimenti fi flus għal żmien qasir. |
6.1.2. L-analiżi tas-selettività tal-Kummissjoni
|
(90) |
FFT sostniet li anke jekk l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ distakkament kienet korretta, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma tat l-ebda prova li FFT ibbenefikat minn trattament aktar favorevoli minn dak riżervat għal kwalunkwe kontribwent Lussemburgiż ieħor li jinsab f’sitwazzjoni legalment u fattwalment komparabbli. Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma kienet tinkludi l-ebda tqabbil tal-pożizzjoni ta’ FFT ma’ dik ta’ kontribwenti Lussemburgiżi oħrajn, bħall-21 kontribwent ieħor li l-APA tagħhom ġie rieżaminat mill-Kummissjoni. FFT kienet intitolata għal APA mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża, bħal kwalunkwe kontribwent Lussemburgiż ieħor li għandu preżenza reali fil-Lussemburgu. |
|
(91) |
Barra minn hekk, minħabba r-rata aggregata tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji fil-Lussemburgu għal FFT kienet ta’ 28,8 % (għas-sena finanzjarja 2011), filwaqt li fl-Italja, ir-rata ta’ tassazzjoni tal-kumpaniji prinċipali kienet madwar 33 %, profitt akbar miksub minn FFT kien jirriżulta f’aktar kostijiet deduċibbli fl-Italja, billi l-maġġoranza tas-self mogħti minn FFT kien lil Fiat Finance S.p.A. Għaldaqstant, ma kienx jidher b’mod ċar liema tip ta’ “għajnuna” kiseb il-grupp kollu jekk FFT irrapportat profitt aktar baxx fil-Lussemburgu u għalhekk kienet intitolata għal tnaqqis fl-imgħax aktar baxx fl-Italja. |
6.2. It-tieni sett ta’ kummenti ta’ FFT
6.2.1. L-APA ma ta l-ebda “vantaġġ”
|
(92) |
It-tieni sett ta’ kummenti ta’ FFT jibda billi jispjega l-importanza tal-APAs inġenerali u l-aċċettazzjoni tagħhom kemm bħala parti mis-sistema tat-taxxa ġenerali kif ukoll l-approvazzjoni tagħhom mis-sistema tat-taxxa Lussemburgiża. L-APA ta’ FFT isegwi l-gwidi li hemm fiċ-Ċirkolari u ma jitbegħidx mis-sistema tat-taxxa ġenerali Lussemburgiża. |
|
(93) |
Ir-regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment tal-Lussemburgu, li kienu l-bażi li fuqha nħarġet iċ-Ċirkolari, kienu parti mis-sistema tat-taxxa ġenerali. Ir-regoli Lussemburgiżi dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment ma dderogawx minn dik is-sistema tat-taxxa ġenerali, peress li fil-prattika rrispettaw il-Linji Gwida tal-OECD u kellhom l-għan li jidentifikaw profitt ta’ distakkament. |
|
(94) |
Fir-rigward tad-dubju tal-Kummissjoni espress fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha dwar l-għażla tal-metodoloġija tal-ipprezzar ta’ trasferiment, FFT sostniet li t-TNMM kien metodoloġija ġeneralment aċċettata, approvata mill-OECD, li kienet konsistenti mas-sistema tat-taxxa ġenerali fil-Lussemburgu. |
|
(95) |
Skont FFT, jenħtieġ li l-awtoritajiet tat-taxxa jibbenefikaw minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta japplikaw it-TNMM, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli, qatt ma jwassal għal eżitu wieħed, iżda għall-identifikazzjoni ta’ firxa ta’ riżultati validi. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-differenza bejn l-introjtu taxxabbli miksub minn FFT (u aċċettat mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Lussemburgu) u l-introjtu taxxabbli allegat ikkalkolat mill-Kummissjoni ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ għal finijiet ta’ għajnuna mill-Istat. Tali vantaġġ jirriżulta biss meta l-miżura tkun ammontat għal tbegħid evidenti mir-regoli standard tal-ipprezzar ta’ trasferiment u marret lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Inkella l-Kummissjoni tkun tinterferixxi mas-setgħat ta’ tassazzjoni ta’ Stat Membru. |
|
(96) |
Fl-aħħar nett, meta vvalutat jekk kienx jeżisti vantaġġ, FFT allegat li kien jenħtieġ li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-effett globali “fuq il-grupp”. F’dan ir-rigward, ma kien jeżisti l-ebda vantaġġ għall-grupp Fiat għaliex kwalunkwe żieda fil-bażi taxxabbli fil-Lussemburgu ġiet ikkumpensata bis-sħiħ minn żieda fit-tnaqqis tat-taxxa f’pajjiżi Ewropej oħrajn (f’dawn l-aħħar snin, prinċipalment fl-Italja). |
6.2.2. In-nuqqas ta’ selettività
|
(97) |
Skont FFT, is-sistema ta’ referenza biex tivvaluta s-selettività tista’ tinkludi biss kumpaniji soġġetti għal regoli dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment, jiġifieri li jittrattaw esklużivament ma’ partijiet relatati. Dan ġie rikonoxxut fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Groepsrentebox (28), li ddikjarat, fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ finanzjament b’dejn, li l-kumpaniji relatati ma kinux f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali komparabbli ma’ dik tal-kumpaniji mhux relatati. Għalhekk, biex turi s-selettività, il-Kummissjoni kien ikollha tagħti prova li FFT kisbet APA f’kundizzjonijiet li kienu differenti minn dawk ta’ entitajiet tal-grupp Lussemburgiżi oħrajn involuti f’attivitajiet ta’ finanzjament. Madankollu, iċ-Ċirkolari spjegat li l-APAs kienu disponibbli għall-kumpaniji tal-grupp finanzjarji kollha. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda selettività. |
|
(98) |
Skont FFT, id-deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa mill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu ma kinux diskrezzjonali, peress li segwew il-prinċipji taċ-Ċirkolari, li rreferew speċifikament għall-prinċipju ta’ distakkament kif iddefinit fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD. Għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu, jekk kien hemm, kienet limitata għall-gwida offruta fiċ-Ċirkolari. Barra minn hekk, din il-marġni ta’ diskrezzjoni limitata li tħalliet għall-amministrazzjoni tat-taxxa kienet inerenti għall-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-OECD. Dan, fih innifsu, ma setax jiskatta l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-APA ta’ FFT kien soġġett għal rieżami perjodiku. |
|
(99) |
FFT argumentat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx tat prova li l-applikazzjoni tal-metodu TNMM fl-APA ta’ FFT tbiegħdet minn deċiżjonijiet oħrajn konklużi minn kumpaniji f’sitwazzjonijiet komparabbli għal dawk ta’ FFT. Skont FFT, ma kien hemm l-ebda dubju li intrapriża komparabbli f’sitwazzjoni simili għal ta’ FFT kienet tkun kapaċi titlob deċiżjoni u tiddetermina l-profitti taxxabbli tagħha abbażi tat-TNMM. Minħabba li FFT u intrapriżi komparabbli ġew soġġetti għall-istess reġim tat-taxxa, ma baqax rilevanti wkoll li jiġi stabbilit jekk il-metodoloġija tal-ipprezzar ta’ trasferiment applikata għal FFT kinitx tikkonforma mal-Linji Gwida tal-OECD (li, skont FFT, kienet fi kwalunkwe każ). |
6.2.3. Is-sitwazzjoni fattwali ta’ FFT hija sostanzjalment differenti mid-deċiżjonijiet dwar iċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni
|
(100) |
Skont FFT, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ uriet bosta differenzi notevoli meta mqabbla ma’ deċiżjonijiet preċedenti li fihom il-Kummissjoni sfidat l-applikazzjoni ta’ metodoloġija tal-ipprezzar ta’ trasferiment (jiġifieri l-metodu tal-kost miżjud) bħala l-miżura fiskali li wasslet għal vantaġġ selettiv (29). F’dawn id-deċiżjonijiet, ir-reġim kien disponibbli biss għal dawk il-kontribwenti li rrispettaw ċerti rekwiżiti, filwaqt li fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ il-Kummissjoni kkontestat biss l-applikazzjoni tat-TNMM, jiġifieri d-determinazzjoni speċifika tal-profitti taxxabbli, fil-kuntest ta’ proċedura APA disponibbli għall-kontribwenti Lussemburgiżi kollha li huma involuti f’finanzjament ta’ partijiet relatati. |
|
(101) |
Barra minn hekk, f’dawk id-deċiżjonijiet, l-introjtu ddeterminat skont il-metodu tal-kost miżjud jista’ jiddevja sostanzjalment mill-profitt statutorju, li ma kienx il-każ għal FFT. Għall-kuntrarju tal-każ ta’ FFT, l-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-ipprezzar ta’ trasferiment fid-deċiżjonijiet preċedenti tiddevja b’mod ċar mil-Linji Gwida tal-OECD. Lanqas ma kien hemm gwida ċara dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment fil-Linji Gwida tal-OECD dwar xi wħud mill-attivitajiet imwettqa minn FFT (bħall-attivitajiet finanzjarji u tat-teżor). |
|
(102) |
FFT allegat ukoll li l-Kummissjoni lanqas ma kkunsidrat il-fatt li l-APA ta’ FFT kien ibbażat fuq studju ekonomiku li jikkonforma mal-Linji Gwida tal-OECD, li kien juri li d-determinazzjoni tal-profitt ma kienx arbitrarju, u li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Lussemburgu ma eżerċitaw l-ebda setgħa diskrezzjonali. |
7. KUMMENTI MIL-LUSSEMBURGU DWAR IL-KUMMENTI TA’ PARTIJIET TERZI
|
(103) |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2015, il-Lussemburgu esprima l-qbil tiegħu mal-osservazzjonijiet ta’ FFT. |
8. VALUTAZZJONI
|
(104) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew il-provvista ta’ ċerti oġġetti, hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(105) |
Kif stabbilit mill-Qorti tal-Unjoni (30), il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għalhekk tirrikjedi li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(106) |
Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, huwa meħtieġ b’mod partikolari li tiġi eżaminata aktar il-preżenza ta’ vantaġġ selettiv. |
|
(107) |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni relatata ma’ vantaġġ selettiv, “timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li huma, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk huma suġġetti għal trattament iddifferenzjat li jista’ essenzjalment jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju” (31). |
|
(108) |
Aktar speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat analiżi fi tliet stadji biex tiddetermina jekk miżura fiskali partikolari hijiex selettiva (32). L-ewwel jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru. Dan jikkostitwixxi s-“sistema ta’ referenza”. It-tieni, jiġi ddeterminat jekk il-miżura tat-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema, dment li tagħmel differenza bejn operaturi ekonomiċi, li fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Jekk il-miżura tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, għandu jiġi stabbilit, fit-tielet pass tal-analiżi, jekk dik il-miżura hijiex iġġustifikata min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta’ referenza. Miżura tat-taxxa li tikkostitwixxi deroga mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ referenza tista’ tiġi ġġustifikata jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li dik il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida ta’ dik is-sistema tat-taxxa (33). Jekk dak ikun il-każ, il-miżura tat-taxxa ma hijiex selettiva. L-oneru tal-prova f’dak it-tielet pass jaqa’ fuq l-Istat Membru. |
|
(109) |
Fis-sentenza FIAT (34), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat aktar kif għandha tiġi identifikata s-sistema ta’ referenza rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax parametri u regoli li huma esterni għas-sistema tat-taxxa nazzjonali meta tiddetermina s-sistema ta’ referenza. B’mod aktar speċifiku, fil-punt 96 tas-sentenza FIAT, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “Għaldaqstant, fl-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sabiex jiġi stabbilit il-piż fiskali li normalment għandha ġġorr impriża, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri u regoli esterni għas-sistema fiskali nazzjonali inkwistjoni, sakemm din tal-aħħar ma tagħmilx riferiment espliċitu għalihom”. |
|
(110) |
Fid-dawl ta’ dawk il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 117 tas-sentenza FIAT (35), li d-Deċiżjoni tal-Għeluq f’dik il-kawża kellha tiġi annullata minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi fis-sejba li kien hemm vantaġġ selettiv fid-dawl ta’ qafas ta’ referenza li jinkludi prinċipju ta’ distakkament li ma kienx jirriżulta minn eżami sħiħ tal-liġi nazzjonali rilevanti dwar it-taxxa. |
|
(111) |
Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat, għalhekk hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza FIAT tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
(112) |
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija kienet ibbażat il-valutazzjoni tagħha tal-kriterju ta’ vantaġġ selettiv fuq is-suppożizzjoni li l-qafas ta’ referenza kien jinkludi prinċipju ta’ distakkament. Din kisbet dan il-prinċipju kemm minn deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (36) kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (37), interpretata f’konformità mal-Linji Gwida tal-OECD, kif spjegat fil-premessi (53) sa (56) ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(113) |
Għaldaqstant, l-erba’ dubji speċifiċi deskritti fil-premessi 63 sa 80 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u msemmija hawn fuq fit-taqsima 4 kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ distakkament awtonomu (38). Fi kliem ieħor, il-konklużjoni preliminari dwar il-karattru tal-għajnuna mill-Istat tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, kienet ġejja minn devjazzjoni minn prinċipju ta’ distakkament jew applikazzjoni ħażina tiegħu u regoli li ma kinux jirriżultaw minn eżami sħiħ tad-dritt Lussemburgiż. |
|
(114) |
Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fis-sentenza FIAT, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet, fid-Deċiżjoni tal-Għeluq, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għall-benefiċċju ta’ FFT, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat minħabba li, meta stabbiliet is-sistema ta’ referenza: “il-Kummissjoni applikat prinċipju ta’ distakkament distint minn dak iddefinit fid-dritt Lussemburgiż. Hija għalhekk sempliċement identifikat, fl-għan imfittex mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Lussemburgu, l-espressjoni astratta ta’ dan il-prinċipju u eżaminat id-deċiżjoni bil-quddiem inkwistjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-mod kif l-imsemmi prinċipju huwa konkretament inkorporat f’dan id-dritt fir-rigward b’mod partikolari tal-kumpaniji integrati” (39). Dik il-konklużjoni hija rilevanti wkoll għall-analiżi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. |
|
(115) |
Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-kumpaniji integrati, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li, filwaqt li l-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu applikabbli għall-kumpaniji għandha l-għan li tikseb approssimazzjoni affidabbli tal-prezzijiet tas-suq – u dak l-objettiv jikkorrispondi, f’termini ġenerali, għal dak tal-prinċipju ta’ distakkament – jibqa’ li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, ir-regoli dettaljati speċifiċi għall-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju huma ddeterminati mil-liġi nazzjonali u li huma dawk ir-regoli nazzjonali li jridu jitqiesu meta jiġi identifikat il-qafas ta’ referenza (40). Madankollu, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni ma rreferietx għall-prinċipju ta’ distakkament, kif essenzjalment minqux fl-Artikolu 164(3) tal-L.I.R. |
|
(116) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Forum 187 li l-Qorti kellha l-ħsieb li tistabbilixxi prinċipju ta’ distakkament awtonomu applikabbli indipendentement mill-inkorporazzjoni tiegħu fil-liġi nazzjonali meta vvalutat il-miżuri tat-taxxa skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat (41). |
|
(117) |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li anke jekk wieħed jassumi li hemm kunsens internazzjonali dwar il-prinċipju ta’ distakkament, u li ħafna awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa huma ggwidati mil-Linji Gwida tal-OECD fit-tħejjija u l-kontroll tal-prezzijiet ta’ trasferiment, “id-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-finijiet tal-analiżi ta’ jekk tranżazzjonijiet partikolari għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament u, jekk ikun il-każ, jekk prezzijiet ta’ trasferiment, li fuqhom tkun ibbażata l-bażi tad-dħul taxxabbli minn persuna taxxabbli u t-tqassim ta’ dan id-dħul fost l-Istati kkonċernati, humiex differenti jew le minn riżultat f’kundizzjonijiet ta’ distakkament” (42). |
|
(118) |
Fid-dawl ta’ dawk is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza FIAT, irid jiġi konkluż li s-sistema ta’ referenza kif iddefinita fil-premessi 59 sa 63 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, li hija bbażata esklużivament fuq prinċipju ta’ distakkament awtonomu, idderivata mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza tal-Forum 187 kif interpretata mil-Linji Gwida tal-OECD, ma tistax tikkostitwixxi punt tat-tluq xieraq għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv f’dan il-każ. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma esprimietx dubji bbażati fuq l-Artikolu 164(3) tal-L.I.R u ċ-Ċirkolari. |
|
(119) |
Kif imfakkar fis-sentenza FIAT, ġeneralment żball fid-determinazzjoni tar-regoli effettivament applikabbli skont il-liġi nazzjonali rilevanti u, għalhekk, fl-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza li fid-dawl tagħha d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kellha tiġi vvalutata neċessarjament jinvalida r-raġunament kollu relatat mal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv (43). |
|
(120) |
B’riżultat ta’ dan, la d-dubji speċifiċi mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, u lanqas ir-raġunament sottostanti stabbilit fiha dwar id-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza, ma jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi li, bid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, il-Lussemburgu ta vantaġġ selettiv lil FFT. Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni ma vvalutatx il-preżenza ta’ deroga mid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata fid-dawl ta’ kwalunkwe sistema ta’ referenza oħra u lanqas ma qajmet dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna għal raġunijiet oħrajn relatati mal-preżenza ta’ vantaġġ selettiv. |
|
(121) |
F’din id-Deċiżjoni, għalhekk, il-Kummissjoni jeħtiġilha tneħħi d-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Billi l-kriterji għas-sejba tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi, mhux meħtieġ li jiġu vvalutati l-kriterji l-oħrajn stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. |
9. KONKLUŻJONI
|
(122) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata maħruġa mil-Lussemburgu favur FFT ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata tat-3 ta’ Settembru 2012 tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu favur FFT ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU C 369, 17.10.2014, p. 37.
(2) Dik l-ittra ntbagħtet bin-numru ta’ referenza HT.4020 - Pratiques en matière de ruling fiscal.
(3) Arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ separatament bħala “APA”.
(4) Il-Lussemburgu kien ħeba informazzjoni magħżula, b’mod partikolari l-ismijiet tal-kumpaniji u tas-sussidjarji.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 ġie rrevokat u sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(6) Għajnuna allegata lil FFT (SA.38375) [2014] ĠU C 369, 17.10.2014, p. 37.
(7) ĠU C 369, 17.10.2014, p. 37.
(8) Ara l-premessa (13).
(9) Taħt in-numru tal-każ SA.37267 – Pratiques en matières de ruling fiscal – Il-Lussemburgu.
(10) L-ittra tal-24 ta’ Marzu 2015 ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Marzu 2014, u mill-ġdid fis-26 ta’ Marzu 2015.
(11) Għajnuna mill-Istat li l-Lussemburgu ta lil Fiat (SA.38375) id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2326 [2015] ĠU L 351, 22.12.2016, p. 1.
(12) Il-Kawżi Magħquda T-755/15 u T-759/15, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2019:670.
(13) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2022:859.
(14) Base Prospectus, Fiat S.p.A., l-14 ta’ Marzu 2014.
(15) Id.
(16) Linji Gwida tal-OECD dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferimenti għal Intrapriżi Multinazzjonali u Amministrazzjonijiet tat-Taxxa, Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi, 2010.
(17) Mudell tal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital 2010 (Verżjoni Sħiħa), Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi, 2012.
(18) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/757/KE [2003], Belgian Coordination centres, ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25, il-premessa 95.
(19) B’mod partikolari, deċiżjonijiet li jippermettu lill-kontribwenti jużaw metodi mhux xierqa ta’ pprezzar ta’ trasferiment għall-kalkolu tal-profitti taxxabbli, eż. l-użu ta’ marġnijiet fissi għal metodu ta’ kost miżjud jew ta’ bejgħ mill-ġdid nieqes għad-determinazzjoni ta’ pprezzar ta’ trasferiment xieraq jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat – Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/438/KE [2002] dwar l-għajnuna mill-Istat C 50/2001, Kumpaniji tal-Finanzi tal-Lussemburgu, ĠU L 153, 20.6.2003, p. 40, il-premessi 43 u 44; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/501/KE [2002] dwar l-għajnuna mill-Istat C 49/2001, Ċentri ta’ Koordinazzjoni tal-Lussemburgu, ĠU L 170, 9.7.2003, p. 20, il-premessi 46-47 u 50; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/755/KE [2003], Ċentri ta’ Koordinazzjoni Belġjani, ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25, il-premessi 89 sa 95 u l-Kawżi Magħquda relatati C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punti 96 u 97; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/76/KE [2003], Kwartieri Ġenerali u Ċentri ta’ Loġistika Franċiżi, ĠU L 23, 28.1.2004, p. 1, il-premessi 50 u 53.
(20) Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punt 95.
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/757/KE [2003], Ċentri ta’ Koordinazzjoni Belġjani, ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25.
(22) L-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Lussemburgu (Loi modifiée du 4.12.1967 concernant l’impôt sur le revenu, minn hawn ’il quddiem imsejħa “L.I.R.”).
(23) Ċirkolari L.I.R. nru 164/2 tat-28 ta’ Jannar 2010 (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċirkolari”).
(24) Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, International Convergence of Capital Measurement and Capital Standards A Revised Framework, Ġunju 2004 (minn hawn ’il quddiem: “Il-qafas ta’ Basel II”).
(25) Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward it-teħid u l-attività tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1), kif emendata.
(26) Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Qafas regolatorju internazzjonali tas-settur bankarju (Basel III).
(27) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(28) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/809/KE tat-8 ta’ Lulju 2009 dwar l-iskema Groepsrentebox li l-Olanda qiegħda tippjana li timplimenta (C 4/07 (ex N 465/06)) (ĠU L 288, 4.11.2009, p. 26), (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni Groepsrentebox”).
(29) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2003] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Sistema ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa għall-korporazzjonijiet tal-bejgħ barranin tal-Istati Uniti, ĠU L 23, 28.1.2004, p. 14; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2003] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju, ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2002] dwar għajnuna mill-Istat skema C 49/2001 (ex NN 46/2000) – Ċentri ta’ Koordinazzjoni – implimentata mil-Lussemburgu, ĠU L 170, 9.7.2003, p. 20; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2003] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata minn Franza għal kwartieri ġenerali u ċentri ta’ loġistika, ĠU L 23, 28.1.2004, p. 1; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2002] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Ġermanja għaċ-ċentri ta’ kontroll u koordinament, ĠU L 177, 16.7.2003, p. 17.
(30) Il-Kawża C-399/08 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, ECLI:EU:C:2010:481, il-punt 39.
(31) Il-Kawżi magħquda C-451/21 P u C-454/21 P, Il-Lussemburgu et vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2023:948, il-punt 106. Ara wkoll C-172/03, Heiser, ECLI:EU:C:2005:130, il-punt 40.
(32) Il-Każijiet Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:EU:C:2009:417, il-punti 49 u 64-65. Dak il-metodu fi tliet passi tal-analiżi tas-selettività tal-għajnuna tfassal sabiex tiġi żvelata s-selettività moħbija ta’ miżuri tat-taxxa vantaġġużi li jidher li huma disponibbli għal kwalunkwe intrapriża: ara l-Kawżi Magħquda C-649/20 P, C-658/20 P u C-662/20 P Spanja et vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2023:60, il-punt 48.
(33) Il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:EU:C:2009:417, il-punt 65.
(34) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P Il-Kummissjoni vs Fiat Chrysler Finance Europe, ECLI:EU:C:2022:859.
(35) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859. Ara wkoll ir-raġunament stabbilit fil-punti 81 sa 112 tas-sentenza.
(36) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2003] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Sistema ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa għall-korporazzjonijiet tal-bejgħ barranin tal-Istati Uniti, ĠU L 23, 28.1.2004, p. 14; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2003] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju, ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2002] dwar għajnuna mill-Istat skema C 49/2001 (ex NN 46/2000) – Ċentri ta’ Koordinazzjoni – implimentata mil-Lussemburgu, ĠU L 170, 9.7.2003, p. 20; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2003] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata minn Franza għal kwartieri ġenerali u ċentri ta’ loġistika, ĠU L 23, 28.1.2004, p. 1; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2002] dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Ġermanja għaċ-ċentri ta’ kontroll u koordinament, ĠU L 177, 16.7.2003, p. 17.
(37) Il-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u l-Forum 187 vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416 (minn hawn ’il quddiem “Il-ġurisprudenza tal-Forum 187”).
(38) Ara l-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859, il-punt 104.
(39) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859, il-punt 91.
(40) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859, il-punt 93.
(41) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859, il-punt 104.
(42) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859, il-punt 96.
(43) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe u l-Irlanda vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2022:859, il-punt 118.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2404/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)