European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6718

18.12.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/6718)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Avellana de Reus”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0046-AM03 — 23.9.2025

1.   Isem il-prodott

“Avellana de Reus”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Id-Dipartiment tal-Agrikoltura, tal-Bhejjem, tas-Sajd u tal-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emenda approvata tikkwalifika bħala emenda standard minħabba li l-bidliet ma jaffettwawx l-isem protett, ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta u ma jinkludux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Emenda tal-limitu fuq il-biċċiet permessi

Deskrizzjoni

Fit-tabella li tistabbilixxi t-tolleranzi massimi għall-kwalità u għad-daqs fit-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” tal-ispeċifikazzjoni, il-perċentwal massimu permissibbli tal-“biċċiet” żdied għall-qlub tal-ġellewż inkaljat.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Tħassir tal-kompożizzjoni nutrizzjonali

Deskrizzjoni

Fit-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” tal-ispeċifikazzjoni, il-paragrafu dwar il-kompożizzjoni nutrizzjonali tal-ġellewż tħassar peress li kien jistabbilixxi valuri medji minn tabelli nutrizzjonali li ma humiex karatteristika speċifika tal-prodott kopert mid-DOP. Għalhekk, l-informazzjoni tqieset li hija żejda.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-kontenituri permessi għall-imballaġġ bl-ingrossa

Deskrizzjoni

Fit-taqsima “Żona ġeografika” tal-ispeċifikazzjoni, il-kliem ġie emendat biex jiddikjara li jistgħu jintużaw tipi differenti ta’ kontenituri kbar għall-imballaġġ bl-ingrossa u mhux biss “boroż kbar”.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-tikkettar speċifiku

Deskrizzjoni

Fit-taqsima “Tikkettar” tal-ispeċifikazzjoni, ir-referenza għal tikketta sekondarja nnumerata ġiet sostitwita b’referenza għal kodiċi approvat mill-Bord Regolatorju.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Avellana de Reus”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0046-AM03 — 23.9.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Avellana de Reus”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

0802 — Ġewż ieħor, frisk jew imnixxef, kemm jekk bil-qoxra ta’ barra u ta’ ġewwa u kemm jekk le

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Iż-żerriegħa tal-frotta tal-ġellewża (Corylus avellana L. u Corylus maxima Mill.) tal-familja Betulaceae. Il-frotta għandha parti ta’ barra ħadra jew epikarpju tal-injam, li jissepara waqt il-maturazzjoni. Ġewwa hemm qoxra iebsa jew perikarpju li normalment ikun fih żerriegħa: dan huwa l-ġellewż.

Il-varjetajiet protetti mid-DOP “Avellana de Reus” huma: Negreta, Pauetet, Gironella, Morella u Culplana. Dawn ilkoll huma varjetajiet indiġeni tradizzjonalment imkabbra fiż-żona ġeografika.

Il-prodott kopert mid-DOP jiġi kkummerċjalizzat fil-formati li ġejjin:

—

ġellewż fil-qoxra (nej jew inkaljat)

—

qlub tal-ġellewż sħaħ imfesdqa (nejjin jew inkaljati).

Il-ġellewż irid jintgħażel skont id-daqs jew jingħadda minn għarbiel. Id-dijametru jew id-daqs tal-partikoli għal kull format tal-prodott huwa kif ġej:

Ġellewż fil-qoxra:

—

Kbir ħafna: dijametru jew daqs tal-partikoli ≥ 18 mm

—

Kbir: dijametru jew daqs tal-partikoli ≥ 16 mm

Qlub tal-ġellewż sħaħ (imfesdqa): dijametru jew daqs tal-partikoli ≥ 11 mm

Għall-ġellewż fil-qoxra, huma permessi t-tolleranzi massimi għall-kwalità u għad-daqs li ġejjin:

Tolleranza għall-kwalità (% massimu):

1.

Difetti esterni (numru ta’ ġewż): 1

2.

Difetti interni (numru ta’ ġewż): 4

3.

Materjal barrani (skont il-piż): 0,25

Differenza fid-daqs (% massimu):

1. Id-daqs li jmiss taħt id-daqs u/jew ogħla mid-daqs iddikjarat (numru ta’ ġewż): 5

(Għall-ġellewż fil-qoxra, il-parametri ta’ kontroll huma kkalkolati fuq il-bażi tan-numru ta’ ġewż, ħlief għall-perċentwal ta’ materjal barrani, li huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-piż.)

Għall-qlub tal-ġellewż sħaħ:

Tolleranza għall-kwalità (% massimu skont il-piż):

1.

Qlub doppji: 1 kemm għall-ġellewż nej kif ukoll għall-ġellewż inkaljat

2.

Qlub mhux żviluppati kompletament, mixrubin, imtebba’ u safranin: 2 kemm għall-ġellewż nej kif ukoll għall-ġellewż inkaljat

3.

Misnieħa, imħassrin, bil-moffa, b’riħa tinten jew b’togħma ħażina, bil-ħsara kkawżata mill-insetti jew mir-rodituri: 1 għaż-żewġ tipi

4.

Biċċiet: 0,5 għall-ġellewż nej u 10 għall-ġellewż inkaljat

5.

Danneġġati mekkanikament: 5 kemm għall-ġellewż nej kif ukoll għall-ġellewż inkaljat

6.

Ġellewż fil-qoxra, frammenti tal-qoxra u materjal barrani: 0,1 kemm għall-ġellewż nej kif ukoll għall-ġellewż inkaljat

Differenza fid-daqs (% massimu skont il-piż): 5 kemm għall-ġellewż nej kif ukoll għall-ġellewż inkaljat

(Għall-qlub tal-ġellewż, il-parametri tal-kontroll huma kkalkolati fuq il-bażi tal-piż.)

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

-

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-produzzjoni tal-ġellewż u l-ipproċessar iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita fit-taqsima xierqa.

L-ipproċessar dejjem jinkludi t-tindif, il-klassifikazzjoni u l-kontroll estrinsiku tal-kwalità. Skont il-format tal-prodott finali, jinkludi wkoll it-tfesdiq u l-inkaljar.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-ippakkjar f’kontenituri kbar (boroż kbar) irid isir fiż-żona ġeografika definita sabiex jiġu żgurati l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà korretti tal-lottijiet ta’ ġellewż koperti mid-DOP. L-ippakkjar f’imballaġġ maħsub għall-konsumatur finali jista’ jsir jew fiż-żona ġeografika definita jew barra minnha, iżda l-ġellewż tad-DOP irid ikun ġie ppakkjat f’imballaġġ bl-ingrossa, f’kaxxi, f’boroż kbar jew simili u identifikat kif xieraq qabel ma joħroġ miż-żona.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-informazzjoni li ġejja trid tiġi indikata b’mod ċar fuq l-imballaġġ użat għall-ġellewż kopert mid-DOP “Avellana de Reus”, flimkien mal-informazzjoni l-oħra meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni applikabbli:

—

l-isem tad-DOP “Avellana de Reus”, flimkien mat-terminu “Denominación de Origen Protegida” [“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”] jew “DOP” u l-logo tad-DOP stess

—

tikketta sekondarja nnumerata jew kodiċi approvat mill-korp maniġerjali tad-DOP.

Riproduzzjoni tal-logo tad-DOP stess:

Image 1

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tad-DOP “Avellana de Reus” tinsab fil-provinċja ta’ Tarragona, fin-Nofsinhar tal-Katalonja. Din tinkludi l-muniċipalitajiet kollha li jinsabu fid-distretti ta’ Alt Camp, Baix Camp, Tarragonès, Priorat, Conca de Barberà u Terra Alta.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Sommarju tar-rabta

Iż-żona ġeografika li fiha jiġi prodott u pproċessat il-ġellewż “Avellana de Reus” hija kkaratterizzata mit-terren imħarbat tagħha, b’altitudnijiet li jvarjaw minn kważi livell mal-baħar fl-iżjed żoni baxxi sa 1 000 m fuq il-livell tal-baħar f’dawk l-aktar fl-għoli. Il-ħamrija hija kalkarja, pjuttost fonda u ħafifa, b’sawra ġulġliena u b’kulur kannella ċar sa ħamrani jew lewn l-okra.

L-art u l-klima flimkien jipprovdu l-kundizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp tal-ġellewż. Il-klima hija kkaratterizzata minn temperaturi moderati (temperatura medja annwali ta’ madwar 16 oC, temperaturi minimi li normalment ma jaqgħux taħt l-4 jew il-5 oC), u xita medja annwali ta’ bejn 400 u 500 mm, u riħ “mistral” (riħ Majjistral) qawwi minn Frar sa Marzu li jgħin id-dakkir.

Għaldaqstant, ir-rabta bejn il-ġellewż li qed jikber u ż-żona ġeografika tmur lura għall-Medju Evu. Fir-reġjuni li jitkellmu bil-Katalan, u speċjalment fiż-żona ta’ Tarragona, il-ġellewż prodott ilu jiġi kkummerċjalizzat għal mill-inqas 600 sena. Kumitat dwar il-kummerċ tal-ġellewż kien elenkat fost l-organizzazzjonijiet tan-negozjanti f’Lonja de Barcelona fl-1271, u r-rekords juru li l-ġellewż kien jitkabbar f’Alforja fl-1287, f’La Selva del Camp fl-1296, u f’Vilanova d’Escornalbouu u f’Duesaigües fl-1331. F’La Selva del Camp, il-ġellewż beda jingħata b’dieċma fl-1472; madankollu, fl-1381 diġà kienet tiġi imposta taxxa straordinarja fuq il-ġewża. Dawn l-erba’ muniċipalitajiet huma parti miż-żona ġeografika tad-DOP “Avellana de Reus”.

Is-siġra tal-ġellewż, li oriġinarjament kienet ikkultivata fiż-żona interna tal-“Camp”, infirxet ferm aktar matul it-tieni nofs tas-seklu 19. Fl-1862, saret laqgħa f’Reus mill-assoċjazzjoni agrikola “Institut Agrícola Català de Sant Isidre” u saret rakkomandazzjoni biex id-dwieli jiġu sostitwiti bil-ġellewż sabiex tiġi miġġielda l-kriżi agrikola kkawżata mill-moffa tad-dwieli. Minħabba t-tifqigħa tal-phylloxera fl-aħħar għaxar snin tas-seklu 19, dik ir-rakkomandazzjoni saret neċessità. L-iżvilupp tal-għelejjel matul is-seklu 20 segwa x-xejra bażika li bdiet fi tmiem is-seklu 19: tnaqqis fid-dwieli u żieda kbira fil-ġellewża u fi frott u ħxejjex oħra. 95 % tar-rendiment totali minn Spanja kontinentali kien jgħaddi minn Reus, li b’hekk sar iċ-ċentru kummerċjali ewlieni.

Taħt dawn il-kundizzjonijiet tal-ħamrija, klimatiċi u ekonomiċi, li jiffavorixxu t-tkabbir tal-ġellewża fiż-żona ġeografika, is-seklu u nofs ta’ esperjenza umana fis-settur kienu fattur ewlieni. Dan għaliex, storikament, il-produtturi fittxew li jagħżlu u jirriproduċu l-aktar varjetajiet adattati u produttivi abbażi tad-diversità ġenetika u tas-saħħa tal-pjanti, f’konformità mal-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona. L-ewwel klassifikazzjoni tal-ġellewż ġiet definita b’mod ċar fi studju komprensiv tal-1922 li fih ġew deskritti 29 mill-varjetajiet ewlenin imkabbra dak iż-żmien [“Deskrizzjoni tal-aktar varjetajiet importanti tal-ġellewża mkabbra fil-Katalonja” ta’ A. Trotter u A. Matons, Arxius de la Escola Superior d’Agricultura, Mancomunitat de Catalunya, 1922].

Il-kultivaturi lokali għażlu l-ħames varjetajiet koperti mid-DOP “Avellana de Reus” mill-varjetajiet indiġeni u tradizzjonalment ikkultivati fiż-żona ġeografika kollha peress li qisuhom bħala l-aħjar varjetajiet f’termini tal-kwalità u minħabba l-kompatibbiltà tagħhom fil-proċess tad-dakkir. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-varjetajiet tal-ġellewż ma humiex kompatibbli magħhom infushom: il-fjura femminili ta’ varjetà waħda trid tiġi ffertilizzata mill-għabra tad-dakra ta’ varjetà oħra.

Bħala konklużjoni, dan l-element uman, organizzat f’kooperattivi u fi gruppi ta’ produtturi, flimkien ma’ industrija tal-ipproċessar li kontinwament qed ittejjeb il-proċessi tal-produzzjoni tagħha u l-prattika ta’ għażla tal-varjetajiet indiġeni tal-aħjar kwalità u ta’ adattament tagħhom għall-ambjent ġeografiku, isawru b’mod inseparabbli l-identità tal-“Avellana de Reus”, li ilha protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini mill-1990.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://agricultura.gencat.cat/web/.content/al_alimentacio/al02_qualitat_alimentaria/normativa-dop-igp/plecs-vigor/pliego_condiciones-dop_avellana_reus_modificacion2_normal_2025-CAST.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6718/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)