|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4535 |
18.7.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/4535)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, jistgħu jippreżentaw, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Livanjski sir”
Nru tal-UE: PGI-BA-2881 — 16.12.2022
DOP ( ) IĠP ( x )
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Livanjski sir”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Il-Bożnija-Ħerzegovina
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]
Klassi 1.3. Ġobon
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Livanjski sir” huwa ġobon iebes u b’kontenut ta’ xaħam sħiħ, magħmul mill-ħalib tal-baqra pasturizzat, termizzat jew mhux ipproċessat, mill-ħalib tan-nagħaġ jew mit-taħlitiet tagħhom, li jiġi prodott f’żona ġeografika ddefinita. It-togħma u r-riħa tal-“Livanjski sir” huma kemxejn ħelwin, ifakkru fil-qlub tal-ġewż, u l-ġobon misjur huwa kemxejn pikkanti. Fih mill-inqas 60 % materja niexfa u mill-inqas 45 % xaħam fil-materja niexfa. Il-konċentrazzjoni tal-melħ fil-ġobon hija minn 1,8 % sa 2,2 %. Il-forma tal-ġobon hija ċilindrika, b’bażijiet ċatti u mantell ċatt jew kemxejn konvess. Id-dijametru tar-rota tal-ġobon huwa minn 18 sa 28 cm, u l-għoli huwa minn 7 sa 10 cm. Il-ġobon jiżen bejn 1,8 u 3,5 kg. Il-“Livanjski sir” huwa prodott ukoll f’daqsijiet iżgħar b’dijametru ta’ 9 sa 14 cm, għoli ta’ 6 sa 12 cm u piż ta’ 0,6 sa 1,2 kg. Il-qoxra hija lixxa u iebsa, mingħajr xquq jew sinjali ta’ ħsara, kulur isfar dehbi u tifforma b’mod naturali waqt is-sajran tal-ġobon, li l-aħjar idum 90 jum u l-iqsar 60 jum. Il-kulur tal-qoxra waqt il-maturazzjoni jista’ jinbidel minn isfar dehbi għal isfar dehbi kemxejn aktar skur. L-għaġina tal-ġobon hija kompatta, elastika b’mod dgħajjef, faċli biex tinqata’, b’sawra densa, mingħajr jew b’għadd żgħir ta’ toqob żgħar regolari. Jekk il-ġobon ikun magħmul minn ħalib mhux ipproċessat, jista’ jkun hemm aktar toqob li spiss ikunu irregolari. Huwa isfar ċar. Hekk kif l-għaġina tal-ġobon timmatura, titlef l-elastiċità tagħha, u l-kulur jieħu sfumatura aktar skura. It-togħma hija kemxejn u pjaċevolment pikkanti u ħelwa, u t-togħma pikkanti tintensifika b’maturazzjoni itwal. Ir-riħa hija qawwija u tipika tall-ġobon iebes matur, u tintensifika mal-maturazzjoni. L-aroma tfakkar xi ftit fil-ħxejjex aromatiċi miż-żona ddefinita tal-produzzjoni tal-ħalib. Fost affarijiet oħra, il-baqar u n-nagħaġ jieklu dan il-ħaxix, is-sustanzi aromatiċi jiġu ttrasferiti fil-ħalib, u dan huwa preċiżament l-aktar “ingredjent” importanti u s-sigriet ta’ “Livanjski sir”.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-komponent ewlieni tar-razzjon tal-għalf huwa r-ragħa (6 xhur), ħuxlief jew silaġġ tal-ħuxlief (75 % tal-materja niexfa tar-razzjon ta’ kuljum), li huma ppreparati fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4. Ir-razzjon bażiku tal-għalf jista’ jiġi ssupplimentat b’taħlitiet tal-għalf addizzjonali u supplimenti tal-vitamini minerali. Għalf voluminuż għall-għalf tal-baqar tal-ħalib, prodott barra miż-żona definita hawn fuq, jista’ jintuża f’razzjonijiet ta’ kuljum fi kwantitajiet sa massimu ta’ 40 %. L-għalf ikkonċentrat tal-annimali jista’ jiġi prodott fi kwalunkwe żona barra miż-żona msemmija fil-punt 4.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-preparazzjoni tal-ħalib għat-tbaqqit, it-tbaqqit u l-ipproċessar tal-baqta tal-ġobon (koagulu), l-iffurmar u s-separazzjoni tal-biċċiet tal-ġobon mix-xorrox, l-ippressar tar-roti tal-ġobon, it-tmelliħ tar-roti tal-ġobon u s-sajran tal-ġobon.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Il-“Livanjski sir” jista’ jiġi kkummerċjalizzat ukoll bħala mqatta’ f’biċċiet jew maħkuk (it-tqattigħ u t-taħkik isiru fil-post tal-produzzjoni), u jiġi ppakkjat f’vakwu jew f’atmosfera modifikata. Il-ġobnijiet li jiżnu inqas minn 1,2 kilogramma jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss bħala rota sħiħa. Il-“Livanjski sir” li jkun ilu jsir għal aktar minn 12-il xahar jista’ jitqiegħed fis-suq bħala ġobon maħkuk. Il-ġobon jiġi ppakkjat f’vakwu jew f’atmosfera mmodifikata. Wara t-tqattigħ tal-ġobon, is-superfiċji tal-ġnub tal-biċċiet miksuba jitħallew mingħajr protezzjoni naturali, u minħabba f’hekk ikun hemm telf aċċellerat tal-kwalità tal-ġobon u tnaqqis fil-ħajja fuq l-ixkaffa ta’ dawn il-prodotti. Għalhekk, il-biċċiet tal-ġobon jiġu ppakkjati biss fit-tip ta’ imballaġġ preskritt u b’hekk iżommu l-karatteristiċi sensorjali tipiċi tal-“Livanjski sir” li huma preskritti minn din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u li l-konsumatur jistenna. Il-proċess tal-qtugħ tal-ġobon jeqred ukoll l-integrità tat-tikketta tal-kaseina li fuqha hija bbażata t-traċċabbiltà tal-prodott, u huwa għalhekk li ma jibqa’ l-ebda sinjal fiżiku fuq il-biċċa tal-ġobon li jiggarantixxi l-awtentiċità tal-prodott, imbagħad dan l-imballaġġ jiġi mmarkat fuq id-dikjarazzjoni b’kodiċi tal-lott li jintuża għat-traċċabbiltà tal-prodott.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-ġobnijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huma mmarkati bl-isem tal-produttur, bl-isem “Livanjski sir” u bis-sinjal tal-IĠP. It-tikketta trid tiddikjara wkoll jekk il-ġobon huwiex magħmul minn ħalib mhux ipproċessat, pasturizzat jew imsaħħan, u t-tip u l-proporzjon tal-ħalib iridu jiġu speċifikati skont it-tip ta’ annimal li minnu joriġina l-ħalib. Jekk il-ġobon ikun sar għal mill-inqas 6 xhur, il-produtturi jistgħu jindikaw ukoll il-maturità ta’ dawn il-ġobnijiet u tali “Livanjski sir” jista’ jkollu l-marka PREMIUM.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-ħalib tal-“Livanjski sir” tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin: Livno, Tomislavgrad, Kupres, Glamoč, Grahovo, u Drvar. Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-“Livanjski sir” tinkludi reġjun idjaq miż-żona indikata għall-produzzjoni tal-ħalib u tirrappreżenta żona tradizzjonali tal-produzzjoni tal-“Livanjski sir”, fejn ilu jiġi prodott għal għexieren ta’ snin. Il-“Livanjski sir” huwa storikament marbut ma’ din iż-żona. Din tinkludi l-muniċipalità kollha ta’ Livno, parti mill-muniċipalità ta’ Glamoč (l-irħula: Skucani, Vidimlije, Staro selo, Kopić, Dolac, Dragnić), parti mill-muniċipalità ta’ Kupres (ir-raħal ta’ Gornji Malovan), parti mill-muniċipalità ta’ Tomislav Grad (l-irħula: Šuica, Eminovo selo, Stipanići u Prisoje).
5. Rabta maż-żona ġeografika
It-talba għar-reġistrazzjoni tal-“Livanjski sir” IĠP hija bbażata fuq il-karatteristiċi speċjali tal-ġobon u r-reputazzjoni
Il-karatteristiċi u l-uniċità tal-“Livanjski sir” jiġu mill-karatteristiċi speċjali tal-ħalib li minnu jiġi prodott. Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-ħalib tipprovdi kundizzjonijiet ideali għat-trobbija tal-bhejjem. It-tlaqqigħ speċifiku tal-klima Mediterranja u dik kontinentali u t-taħlita ta’ mergħat fuq il-muntanji u kumpless uniku ta’ għelieqi tal-karst jirriżultaw f’veġetazzjoni magħmula minn pjanti ta’ valur, li wħud minnhom huma endemiċi, bħal, pereżempju, Scorzonera vilosa, Hypochoeris maculata, Dantonia sp. u s-silla Pannonjana. Il-“Livanjski sir” huwa ġobon iebes ikkaratterizzat minn togħma pikkanti pjaċevoli u sawra kompatta u magħluqa.
Għalkemm huwa prodott fiż-żona tal-muniċipalità ta’ Livno u f’partijiet ta’ muniċipalitajiet ġirien, il-“Livanjski sir” bena reputazzjoni għolja bl-istorja u l-kwalità tiegħu u sar simbolu rikonoxxibbli, marka tal-fabbrika u ambaxxatur tal-Bożnija-Ħerzegovina fid-dinja. Barra minn hekk, sa minn tmiem is-seklu 19, il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni tal- “Livanjski sir” baqa’ għal għexieren ta’ snin fiż-żona tal-produzzjoni tiegħu, u ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra, fejn il-ħila tal-produttur tal-ġobon tas-sengħa kkontribwiet għall-kwalità standard tal-ġobon Livanjski. L-ispeċifiċità tal-ġobon, it-tradizzjoni twila tal-produzzjoni, il-kwalità standard, iżda wkoll il-bejgħ u l-popolarità tal-ġobon barra mill-pajjiż kellhom influwenza dominanti fuq il-popolarizzazzjoni tal-ġobon u l-ħolqien ta’ reputazzjoni tajba, li hija msemmija f’dokumenti xjentifiċi, aħbarijiet ta’ kuljum, u kkonfermata b’ħafna premjijiet ġewwa fieri u kompetizzjonijiet (Lista ta’ dokumenti xjentifiċi u premjijiet mirbuħa tinsab taħt il-punt 5.4)
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Tipprevali klima kontinentali u muntanjuża f’żona ġeografika ddefinita, u l-karatteristiċi ewlenin tagħha huma xtiewi kesħin u ħorox u sjuf moderati u sħan. Il-fatturi deċiżivi li jiddeterminaw il-klima ta’ din iż-żona huma: il-pożizzjoni ġeografika, il-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi taż-żona, u l-prossimità għall-Baħar Adrijatiku. Ix-xita hija karatteristika għal din iż-żona. Il-massimu ewlieni fl-ammont ta’ preċipitazzjoni huwa f’Novembru, filwaqt li t-tieni massimu huwa minn Frar sa April. Il-karatteristika ewlenija ta’ din iż-żona hija li hija karst, u minħabba dan hemm skular rapidu tal-preċipitazzjoni, u għalhekk ikun hemm nixfiet frekwenti fix-xhur tas-sajf. Barra minn hekk, din iż-żona hija kkaratterizzata minn preċipitazzjoni f’Novembru, li hija segwita minn kutra tal-borra tax-xitwa matul ix-xhur tax-xitwa. Ir-riżultat ta’ dan kollu huwa ammont eċċessiv ta’ ilma, li jikkawża għargħar ta’ ċerti partijiet ta’ din iż-żona.
Il-fatt li ż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobon tinsab fit-tranżizzjoni ġeografika mill-Ħerzegovina fin-Nofsinhar u l-Bożnija fit-Tramuntana, fejn jiltaqgħu l-influwenzi tal-Mediterran sħun min-Nofsinhar u l-klima kiesħa tal-muntanji mit-Tramuntana, ikkawża, maż-żmien, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekoloġiċi speċjali. Dawn huma kkaratterizzati minn temperaturi qawwija u estremi igroskopiċi, kif ukoll ammont għoli u distribuzzjoni speċifika tal-preċipitazzjoni. L-ekosistemi żviluppati taħt dawn il-kundizzjonijiet huma simultanjament abitati minn speċijiet termofiliċi (adattati għas-sħana) u frigofiliċi (adattati għal temperaturi baxxi), jiġifieri speċijiet ta’ pjanti u annimali tal-muntanji. Il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet li jiffurmaw dawn il-komunitajiet huma ta’ karattru endemiku Dinariku u tal-Balkani. Wieħed mill-fatti importanti huwa li din iż-żona għandha żoni kbar ta’ artijiet bil-ħaxix naturali (mergħat) fil-konfront taż-żoni agrikoli totali (aktar minn 80 % taż-żoni totali ta’ artijiet bil-ħaxix). Il-“Livanjski sir” għandu tradizzjoni twila u rikka ta’ produzzjoni f’żona ġeografika definita. Il-bidu tal-produzzjoni tal-ġobon f’din iż-żona jmur lura għall-passat imbiegħed, u huwa assoċjat mal-bidu tar-ragħa u ż-żamma tal-baqar fid-distretti fil-muntanji, kif wieħed jista’ jifhem, peress li f’dak iż-żmien il-produzzjoni tal-ġobon kienet l-uniku mod biex il-ħalib jiġi ppreservat f’kundizzjonijiet tal-muntanji u l-għoljiet.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-“Livanjski sir” huwa ġobon iebes li huwa kkaratterizzat minn togħma pjaċevolment pikkanti u sawra magħluqa u kompatta. Jista’ jingħaraf mill-forma ċilindrika regolari u baxxa tiegħu. L-għaġina tal-ġobon hija ta’ kulur isfar ċar għal isfar skur, u l-qoxra hija naturali, iebsa u lixxa. Skont il-maturità, is-sawra u t-togħma tal-“Livanjski sir” jistgħu jvarjaw. Il-“Livanjski sir” imqaddem għal xahrejn huwa elastiku b’mod dgħajjef, faċli biex jinqata’, u fuq sezzjoni trasversali jista’ jkun mingħajr jew ikollu numru iżgħar ta’ toqob żgħar tondi b’distribuzzjoni baxxa (bil-“Livanjski sir” miksub minn ħalib mhux ipproċessat, jista’ jkun hemm għadd konsiderevoli ta’ toqob fuq is-sezzjoni trasversali). It-togħma tiegħu hija kemxejn ħelwa, moderatament mielħa u pjaċevolment pikkanti. Għandu aroma persistenti u qawwija, karatteristika għaż-żona tal-produzzjoni, li tfakkar fil-ħxejjex aromatiċi u pikkanti.
5.3. Konnessjoni kawżali
Il-karatteristiċi u l-uniċità tal-“Livanjski sir” joriġinaw mill-karatteristiċi speċjali tal-ħalib li minnu jiġi prodott. Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib f’“Livanjski sir” hija speċjali u unika f’ħafna aspetti. Din tipprovdi kundizzjonijiet ideali għat-trobbija tal-bhejjem. It-tlaqqigħ speċifiku tal-klima Mediterranja u dik kontinentali, it-taħlita ta’ mergħat fuq il-muntanji u l-kumpless uniku ta’ għelieqi tal-karst jipprovdu veġetazzjoni magħmula minn pjanti ta’ valur u l-ambjent ġeografiku li ma jistgħu jinstabu mkien ieħor. Il-kompożizzjoni botanika tal-artijiet tal-ħaxix naturali użati għall-produzzjoni tal-“Livanjski sir” tindika li ż-żona deskritta fiha għadd kbir ta’ pjanti aromatiċi, li wħud minnhom huma ta’ valur u uniċi biss għal dawn iż-żoni. Il-baqar jirgħu f’ambjent bħal dan fejn hemm preżenza kbira ta’ diversi pjanti aromatiċi jaffettwa b’mod sinifikanti ż-żieda fil-valur nutrittiv tal-ħalib, u b’hekk il-ġobon prodott minn dan il-ħalib. Barra minn hekk, il-ġobon miksub b’dan il-mod għandu togħma u riħa speċjali li huma karatteristiċi u relatati mill-qrib mal-veġetazzjoni ta’ dan ir-reġjun. Ir-ragħa prinċipali tal-bhejjem isir f’żoni muntanjużi u bl-għoljiet bl-aktar pjanti prezzjużi. Dan il-mod ta’ ragħa u għalf tal-bhejjem ilu preżenti f’dawn ir-reġjuni minn żminijiet antiki. It-tradizzjoni tar-rgħajja f’dan ir-reġjun hija li jsir użu massimu mill-mergħat meta jiġu mitmugħa baqar tal-ħalib. Il-baqar tal-ħalib jiġu mitmugħa mill-mergħat għal madwar 6 xhur, u fil-parti li jifdal tas-sena l-baqar jiġu mitmugħa ħuxlief jew silaġġ miksub minn mergħat jew raba’ li jinħadem miż-żona tal-produzzjoni. F’ambjent bħal dan, il-ħalib u x-xorrox (jekk jintuża għall-kultura tal-pjanti) għandhom mikroflora rikka u diversa li tiġi ttrasferita għall-ġobon u li tagħtih karatteristiċi speċjali. L-impjanti tal-produzzjoni jospitaw ukoll mikroflora rikka li tiġi mill-ambjent madwar l-imħaleb u li tgħix fil-ġobon matul il-fażijiet tal-produzzjoni u tal-maturazzjoni.
5.4. Lista ta’ dokumenti xjentifiċi u premjijiet
|
1. |
Livanjski sir, (S. Kirin i sur), Dokument professjonali fejn hija deskritta l-importanza tal-ġobon mir-reġjun ta’ Livno, matul il-117-il sena ta’ produzzjoni tiegħu. L-aktar parametri teknoloġiċi importanti, il-kompożizzjoni kimika bażika u l-karatteristiċi organolettiċi tal-ġobon Livno huma deskritti fuq il-bażi ta’ data mil-letteratura. Hija stabbilita differenza sinifikanti fil-kwalità bejn il-ġobnijiet manifatturati tradizzjonalment u industrijalment, prinċipalment minħabba l-ħalib użat, il-proċessi ta’ produzzjoni u l-kapaċitajiet tekniċi. Il-karatteristiċi organolettiċi ppreżentati u l-parametri teknoloġiċi, kif ukoll il-kompożizzjoni kimika, jistgħu jintużaw biex jiġi standardizzat dan it-tip ta’ ġobon. Dan se jippermetti wkoll il-protezzjoni eventwali tal-oriġini ġeografika tiegħu, Mljekarstvo 53 (4) 281–291, 2003. |
|
2. |
Consumers’ preferences and composition of Livanjski cheese in relation to its sensory characteristic (Matić A., Kalit S., Salajpal K., Ivanković S., Sarić Z.), Mljekarstvo 64 (3), 170-177, 2014. |
|
3. |
The impact of proteolytic changes on sensory properties of Livno cheese (Matić A., Sarić Z., Kalit S), Xogħlijiet tal-Fakultà tax-Xjenzi Agrikoli u tal-Ikel, l-Università ta’ Sarajevo, Vol. LIX, Nru 64/1, paġni 155-173, 2014.
Lista ta’ premjijiet:
|
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://fsa.gov.ba/wp-content/uploads/2023/05/Livanjski-sir_-small-modified-specification.pdf
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4535/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)