KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑627/23
Commune de Schaerbeek,
Commune de Linkebeek
vs
Holding Communal SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/71/KE – Ammissjoni tat-titoli għall-kummerċ – Żieda fil-kapital – Prospett li għandu jiġi ppubblikat – Kunċett ta’ ‘titolu trasferibbli li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fis-suq tal-kapital’ – Ishma ta’ kumpannija holding li jistgħu jinżammu biss mill-provinċji u mill-muniċipalitajiet u li t-trasferiment tagħhom huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 ( 3 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-muniċipalitajiet ta’ Schaerbeek u ta’ Linkebeek (il-Belġju) u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija Holding Communal SA, fir-rigward ta’ żieda fil-kapital ta’ din tal-aħħar, li ġiet ivvotata mingħajr ma kienet ippreċeduta mill-pubblikazzjoni ta’ prospett u li għaliha dawn il-muniċipalitajiet issottoskrivew. |
|
3. |
Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) li t-tranżazzjoni kontenzjuża taż-żieda fil-kapital inkwistjoni, li tammonta għal offerta ta’ titoli lill-pubbliku, kellha tkun ippreċeduta mill-pubblikazzjoni ta’ prospett, anki jekk it-trasferiment sussegwenti ta’ dawn l-ishma jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi u li l-imsemmija ishma jistgħu jinżammu biss minn provinċji u minn muniċipalitajiet. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 93/22/KEE
|
4. |
Il-premessa ħdax tad-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal‑10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli ( 4 ), kienet tipprovdi: “Billi d-definizzjonijiet ferm wesgħin ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus inklużi f’din id-Direttiva huma validi biss għan din id-Direttiva u b’konsegwenza bl-ebda mod ma jaffettwaw il-varji definizzjonijiet ta’ strumenti finanazjarji użati fil-leġislazzjoni nazzjonali għal skopijiet oħra bħal ma hija t-tassazzjoni; billi, aktar minn hekk, id-definizzjoni ta’ titoli trasferibbli tkopri biss strumenti negozjabbli; billi, b’konsegwenza, ishma u titoli oħra ekwivalenti għal ishma maħruġa minn korpi bħal ma huma soċjetajiet tal-bini [building societies] u soċjetajiet industrijali u provedenti [industrial and provident societies], li l-holding tagħhom ma tistax fil-prattika tkun trasferibbli ħlief milli l-korp li jkun ħariġhom jixtrihom lura, ma humiex koperti b’din id-definizzjoni.” |
|
5. |
Il-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
2. Id‑Direttiva dwar il‑Prospett
|
6. |
Il-premessi 5, 10, 12, 16, 18 u 19 tad-Direttiva dwar il-Prospett jiddikjaraw:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
7. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Prospett jipprovdi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jarmonizza l-ħtiġiet għat-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospetti li jridu jiġu ppubblikati meta jiġu offruti t-titoli lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew jopera ġewwa Stat Membru. 2. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal: […]
[…]” |
|
8. |
L-Artikolu 2(1)(a) u (d) kif ukoll l-Artikolu 2(1)(e)(ii) ta’ din id-direttiva jipprovdu: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
|
9. |
Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Prospett: “1. L-Istati Membri ma għandhom jippermettu li ssir ebda offerta ta’ titoli lill-pubbliku fit-territorju tagħhom mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett. 2. L-obbligu li jiġi ppubblikat prospett ma għandux japplika għat-tipi ta’ offerta li ġejjin:
[…]” |
|
10. |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jelenka l-kategoriji ta’ titoli li l-offerta tagħhom lill-pubbliku ma hijiex suġġetta għall-obbligu li jiġi ppubblikat prospett. |
|
11. |
Skont l-Artikolu 13(1) u (4) tal-imsemmija direttiva: “1. L-ebda prospett ma għandu jiġi ppubblikat sakemm ikun ġie approvat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-post. […] 4. Jekk l-awtorità kompetenti ssib, għal raġunijiet raġjonevoli, illi d-dokumenti sottomessi lilha ma jkunux ikkompletati jew li jeħtieġ tagħrif supplimentali, il-limiti taż-żmien riferiti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw biss mid-data li fiha jkun ipprovdut dan it-tagħrif minn min joħroġ it-titoli, minn min joffrihom jew mill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat. Fil-każ riferit fil-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil min joħroġ it-titoli jekk id-dokumenti ma jkunux ikkompletati fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mis-sottomissjoni ta’ l-applikazzjni.” |
|
12. |
L-Artikolu 25(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali u mingħajr preġudizzju għar-reġim tagħhom ta’ responsabblità ċivili, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew li jkunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-disposizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
3. Id‑Direttiva MiFID I
|
13. |
Il-premessi 1 u 44 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ( 5 ), kif emendata bid-Direttiva 2006/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 ( 6 ), jipprovdu:
[…]
|
|
14. |
Il-punti 14, 17 u 18 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva MiFID I jipprovdu: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
|
|
15. |
L-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li s-swieq irregolati jkollhom regoli ċari u trasparenti rigward l-ammissjoni għall-kummerċ ta’ l-istrumenti finanzjarji. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw illi kull strument finanzjarju ammess għall-kummerċ f’suq irregolat ikun kapaċi li jiġi kkummerċjat f’manjiera ġusta, bl-ordni u effiċjenti u, fil-każ tat-titoli trasferibbli jkunu jistgħu jiġu kkummerċjati fil-libertà.” |
|
16. |
Skont l-Artikolu 69 tal-imsemmija direttiva: “Id-Direttiva [93/22] hija hawnhekk imħassra b’effett [mill‑1 ta’ Novembru 2007]. Ir-referenzi għad-Direttiva [93/22] għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva. Ir-referenzi għat-termini ddefiniti fid-Direttiva [93/22], jew fl-Artikoli tagħha, għandhom jiġu mifhuma skond it-terminu ekwivalenti f’din id-Direttiva jew l-Artikoli tagħha.” |
|
17. |
L-Anness I tad-Direttiva MiFID I jistabbilixxi l-“[l]ista tas-servizzi u l-attivitajiet u l-istrumenti finanzjarji”. Fit-Taqsima Ċ ta’ dan l-anness, li telenka l-“[i]strumenti [f]inanzjarji”, it-“titoli” jissemmew fil-punt 1 tagħha. |
4. Ir‑Regolament (KE) Nru 809/2004
|
18. |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 ( 7 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1289/2008 tat‑12 ta’ Diċembru 2008 ( 8 ), jipprovdi: “Il-prospett għandu jkun fih il-punti ta’ informazzjoni mitluba fl-Annessi I sa XVII skond it-tip ta’ l-emittent jew titoli involuti […]” |
B. Id‑dritt Belġjan
|
19. |
L-Artikolu 3(1) tal-loi relative aux offres publiques d’instruments de placement et aux admissions d’instruments de placement à la négociation sur des marchés réglementés (il-Liġi li Tirrigwarda l-Offerti lill-Pubbliku ta’ Strumenti ta’ Investiment u l-Ammissjoni ta’ Strumenti ta’ Investiment għall-Kummerċ fis-Swieq Irregolati) tas‑16 ta’ Ġunju 2006 ( 9 ), tipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, it-terminu ‘offerta lill-pubbliku’ għandu jinftiehem bħala l-komunikazzjoni indirizzata lil persuni fi kwalunkwe forma u bi kwalunkwe mezz li jkun, u li jkun fiha biżżejjed informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-offerta u dwar l-istrumenti ta’ investiment offruti, b’mod li investitur ikun jista’ jiddeċiedi li jixtri jew jissottoskrivi dawn l-istrumenti ta’ investiment, u li ssir jew mill-persuna li tkun tista’ toħroġ jew tittrasferixxi dawn l-istrumenti ta’ investiment jew inkella f’isimha. Kull persuna li tirċievi direttament jew indirettament remunerazzjoni jew benefiċċju b’rabta mal-offerta hija preżunta li tkun qiegħda taġixxi f’isem il-persuna li tista’ toħroġ jew tittrasferixxi l-istrumenti ta’ investiment.” |
|
20. |
Il-punti 1 u 10 tal-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprevedu: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, it-terminu ‘strumenti ta’ investiment’ għandu jinftiehem:
[…]
|
|
21. |
Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, it-terminu ‘titoli’ għandu jinftiehem li jirreferi għall-kategoriji kollha ta’ strumenti ta’ investiment negozjabbli fis-suq tal-kapital (bl-eċċezzjoni ta’ strumenti ta’ ħlas), bħalma huma:
|
|
22. |
It-Titolu IV tal-Liġi tas‑16 ta’ Ġunju 2006 jikkonċerna “[l]-prospett”. Fil-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Obbligu li jiġi ppubblikat il-prospett”, it-Taqsima 1, li tirrigwarda l-“[k]amp ta’ applikazzjoni”, fiha l-Artikolu 17 li jipprovdi: “Dan il-kapitolu japplika għal kull offerta lill-pubbliku ta’ strumenti ta’ investiment magħmula fit-territorju Belġjan u għal kull ammissjoni ta’ strumenti ta’ investiment għall-kummerċ f’suq irregolat Belġjan.” |
|
23. |
Fit-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Pubblikazzjoni ta’ prospett”, l-Artikolu 20 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Kull tranżazzjoni msemmija f’dan il-kapitolu teħtieġ il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett minn min joħroġ it-titoli, minn min joffrihom jew minn min jitlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, skont il-każ.” |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
24. |
Holding Communal, qabel magħrufa “Crédit communal de Belgique”, ġiet ikkostitwita inizjalment fl‑24 ta’ Novembru 1860 sabiex tiffinanzja l-investimenti tal-awtoritajiet lokali fil-Belġju. Hija għandha bħala azzjonisti l-muniċipalitajiet u l-provinċji Belġjani, fosthom, b’mod partikolari, il-muniċipalitajiet ta’ Schaerbeek u ta’ Linkebeek iffinanzjati minnha. |
|
25. |
Fl‑1996, il-Crédit communal de Belgique ngħaqdet mal-Crédit local de France u minn hemm twieled Groupe Dexia. Sentejn wara, il-Crédit communal de Belgique ġiet ikkonvertita f’kumpannija holding u ħadet l-isem li għandha bħalissa, Holding Communal. Din tal-aħħar għandha sehem kbir fil-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Dexia u fil-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Dexia Banque, illum Belfius Banque. |
|
26. |
Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja tal‑2008, Holding Communal ipparteċipat f’żieda fil-kapital tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Dexia fl-ammont ta’ EUR 500 miljun. Sabiex ikun jista’ jħallas din is-sottoskrizzjoni u wara n-nuqqas li jinkiseb self fis-sajf tal‑2009, il-Bord tad-Diretturi ta’ Holding Communal iddeċieda li jdur fuq l-azzjonisti u pproponielhom, b’mod partikolari, żieda fil-kapital b’kontribuzzjonijiet fi flus li jagħtu lok għal ħruġ ta’ ishma “kumulattivament ipprivileġġjati A” (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni kontenzjuża ta’ żieda fil-kapital”). |
|
27. |
F’Settembru 2009, saret laqgħa ta’ informazzjoni, li matulha ġiet ikkomunikata informazzjoni lill-azzjonisti u l-kalendarju tat-tranżazzjoni ġie aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-proċess deċiżjonali tal-muniċipalitajiet u tal-provinċji. Fit‑30 ta’ Settembru 2009, waqt il-laqgħa ġenerali, l-azzjonisti kollha ta’ Holding Communal approvaw din iż-żieda fil-kapital. Għal dak li jikkonċerna t-tranżazzjoni kontenzjuża ta’ żieda fil-kapital, ġie deċiż li s-sottoskrizzjoni ser issir f’żewġ rawnds. Il-commune de Schaerbeek issottoskriviet EUR 8161 689.60, fl-ewwel rawnd, u EUR 1359 011.84, fit-tieni rawnd, u s-sottoskrizzjoni tagħha ġiet iffinanzjata b’self ta’ EUR 8161698 mingħand Dexia Banque. Fir-rigward tal-commune de Linkebeek, is-sottoskrizzjoni tagħha kienet ta’ EUR 53 575.68 f’kull wieħed miż-żewġ rawnds. |
|
28. |
Fis‑7 ta’ Diċembru 2011, il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ Holding Communal iddeċidiet dwar ix-xoljiment u t-tqegħid fi stralċ ta’ din il-kumpannija. Peress li ma kien hemm ebda attiv x’jitqassam wara l-istralċ, l-azzjonisti tilfu s-sottoskrizzjonijiet kollha tagħhom. |
|
29. |
Il-muniċipalitajiet ta’ Schaerbeek u ta’ Linkebeek ippreżentaw rikors kontra Holding Communal quddiem it-tribunal de commerce francophone de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) sabiex jannullaw is-sottoskrizzjonijiet tagħhom għat-tranżazzjoni kontenzjuża ta’ żieda fil-kapital minħabba ksur tal-Liġi tas‑16 ta’ Ġunju 2006. Huma sostnew li, qabel l-istedina tal-azzjonisti sabiex jissottoskrivu din iż-żieda fil-kapital, kellu jiġi ppubblikat prospett skont din il-liġi. Dik il-qorti kkunsidrat li l-imsemmija liġi, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Prospett, tirregola l-offerta tat-titoli biss inkwantu dawn ikunu negozjabbli fis-suq tal-kapital u kkonkludiet li l-ishma ta’ Holding Communal ma kinux jikkostitwixxu titoli negozjabbli f’tali suq. |
|
30. |
Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) tat‑12 ta’ April 2022, li kkonkludiet li l-Liġi tas‑16 ta’ Ġunju 2006, li tittrasponi d-Direttiva dwar il-Prospett, tirregola l-offerta tat-titoli biss jekk dawn ikunu negozjabbli fis-suq tal-kapital. Madankollu, l-ishma maħruġa bħala korrispettiv għall-kontribuzzjonijiet fi flus għat-tranżazzjoni kontenzjuża ta’ żieda fil-kapital ma kinux titoli negozjabbli fis-suq tal-kapital, peress li setgħu jinżammu biss minn entitajiet muniċipali u provinċjali u li t-trasferiment tagħhom kien suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi. |
|
31. |
Il-muniċipalitajiet ta’ Schaerbeek u ta’ Linkebeek ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) u sostnew li l-ishma tal-kumpanniji jibqgħu negozjabbli fis-suq tal-kapital, anki jekk dan in-negozju jwassal għal tranżazzjoni limitata għall-awtoritajiet muniċipali u provinċjali u jekk din tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi. |
|
32. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva [dwar il-Prospett] li huwa stess jirreferi għall-punt 18 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [MiFID I], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ titolu trasferibbli li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fis-suq tal-kapital jinkludi l-azzjonijiet ta’ kumpannija holding li jistgħu jinżammu biss mill-provinċji u mill-komuni u li t-trasferiment tagħhom huwa suġġett għall-approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi?” |
|
33. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-muniċipalitajiet ta’ Schaerbeek u ta’ Linkebeek, minn Holding Communal, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Analiżi
|
34. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk l-ishma ta’ kumpannija holding li jistgħu jinżammu biss mill-provinċji u mill-muniċipalitajiet u li t-trasferiment tagħhom huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi humiex titoli negozjabbli fis-suq tal-kapital li l-offerta tagħhom lill-pubbliku teħtieġ il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett. |
|
35. |
Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Prospett, li jistabbilixxi li l-Istati Membri ma għandhom jawtorizzaw ebda offerta ta’ titoli lill-pubbliku fit-territorju tagħhom mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett, jeħtieġ li jiġi ddefinit x’inhuma, minn naħa, it-“titoli” u x’inhi, min-naħa l-oħra, l-“offerta lill-pubbliku”. |
|
36. |
Għal dak li jirrigwarda dawn il-kunċetti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, liema interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 10 ). Issa, f’dan il-każ, ma hemm ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, u għalhekk l-imsemmija kunċetti għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi. |
|
37. |
Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “offerta lill-pubbliku”, l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Prospett jiddefinixxih bħala “komunikazzjoni lil persuni f’kull għamla u b’kull mezz, li tippreżenta tagħrif biżżejjed dwar it-termini ta’ l-offerta u dwar it-titoli li jkunu sejrin jiġu offerti, hekk li jgħinu lill-investitur li jiddeċiedi dwar dawn it-titoli li jixtrihom jew jissottoskrivihom”. It-termini użati huma wesgħin ħafna, mingħajr ebda restrizzjoni fir-rigward tal-persuni kkonċernati jew tal-mod ta’ komunikazzjoni. Madankollu, jeħtieġ li din il-komunikazzjoni jkun fiha biżżejjed informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-akkwist tat-titoli. |
|
38. |
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Prospett telenka ċerti kategoriji ta’ offerti li ma jaqgħux taħt l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett minħabba l-kwalità tal-persuni fil-mira tal-offerta, l-ammont minimu jew massimu ta’ investiment individwali tal-offerta totali (Artikolu 3(2)) jew ċerti kategoriji ta’ titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat li lanqas ma jeħtieġu il-pubblikazzjoni ta’ tali prospett (Artikolu 4). Tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk l-offerta kkontestata tkunx issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ xi waħda mill-eċċezzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(2)(b) ( 11 ), (c) ( 12 ), jew (d) ( 13 ), ta’ din id-direttiva. |
|
39. |
Minn dawn l-eċċezzjonijiet jirriżulta li offerta magħmula lil iktar minn 100 persuna, minbarra investituri kkwalifikati (li jistgħu jkunu gvernijiet nazzjonali u reġjonali skont l-Artikolu 2(1)(e)(ii) tad-Direttiva dwar il-Prospett), hija suġġetta għall-pubblikazzjoni ta’ prospett. Issa, l-informazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li wieħed ikun jaf lil kemm muniċipalitajiet u provinċji saret l-offerta fid-dawl tat-tranżazzjoni kontenzjuża ta’ żieda fil-kapital u jekk il-provinċji jikkostitwixxux gvernijiet reġjonali fis-sens ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din l-informazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-limitu ta’ 100 persuna huwa baxx ħafna u, malli dan jinqabeż, il-prospett għandu jiġi ppubblikat. |
|
40. |
Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari lanqas ma tippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont totali ta’ titoli akkwistati minn kull investitur jew l-ammont nominali tat-titoli offruti. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jkun magħruf jekk inqabiżx il-limitu ta’ EUR 50000, li lil hinn minnu l-prospett ma huwiex obbligatorju. Il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel din il-verifika. Madankollu, dan juri, għall-kuntrarju, li, sa dan il-limitu għoli ta’ EUR 50000 akkwistat minn kull investitur jew ta’ EUR 50000 li jikkorrispondi għall-ammont tal-ishma offruti, huwa meħtieġ prospett. |
|
41. |
Għaldaqstant, ħlief għal dawn l-offerti partikolari previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar il-Prospett, kull offerta ta’ titoli għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija pubblika u għandha, konsegwentement, tkun ippreċeduta mill-pubblikazzjoni ta’ prospett. |
|
42. |
Il-kuntest li fih ġiet adottata din id-direttiva jikkonferma din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “offerta lill-pubbliku” għall-finijiet ta’ armonizzazzjoni. Fil-fatt, il-premessa 5 tal-imsemmija direttiva fakkret li r-rapport tal-bidu tad‑9 ta’ Novembru 2000 tal-Kumitat tal-Għorrief dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq Ewropej tat-titoli lmenta min-nuqqas ta’ definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ “offerta lill-pubbliku”, “bir-riżultat illi l-istess ħidma hija meqjusa bħala tqegħid [investiment] privat f’uħud mill-Istati Membri u mhux f’oħrajn”. L-istess nuqqas ta’ definizzjoni komuni tal-“offerti pubbliċi tat-titoli” ġie rrilevat fir-rapport finali ta’ dan il-grupp ta’ għorrief ( 14 ). Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni ( 15 ) tfakkar, fil-parti li tirrigwarda l-Artikolu 2, li “l-introduzzjoni tal-kunċett ‘offerta lill-pubbliku’ tikkostitwixxi innovazzjoni kbira. Waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 89/298/KEE [tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 1989 li tikkoordina l-ħtiġiet għat-tħejjija, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tal-prospectus li għandu jiġi ppubblikat meta titoli trasferibbli jiġu offerti lill-pubbliku ( 16 )], ma kienx possibbli li tingħata definizzjoni komuni (ara l-premessa 7 tal-imsemmija direttiva)”. Konsegwentement, b’effett mill-mument li fih tinħoloq definizzjoni armonizzata, l-eċċezzjonijiet ikollhom jiġu interpretati b’mod strett u t-termini tad-definizzjoni jkollhom jiġu interpretati b’mod wiesa’. |
|
43. |
Il-konsegwenza ta’ dan in-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “offerta lill-pubbliku” kienet li l-pubblikazzjoni ta’ prospett kienet, għall-istess tip ta’ offerti, obbligatorja jew mhux obbligatorja skont l-Istat Membru, u kienet għalhekk ixxekkel l-effikaċja tas-swieq fi ħdan l-Unjoni. Issa, din l-effikaċja tas-swieq hija waħda mill-għanijiet, flimkien mal-protezzjoni tal-investituri, li tfittex li tilħaq id-Direttiva dwar il-Prospett, kif imfakkar fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni ta’ prospett issir fi tmiem proċess ta’ diversi stadji deskritti fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri it-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospett. |
|
44. |
L-għan tal-effikaċja tas-swieq jintlaħaq bil-ħolqien ta’ prospett li jista’ jservi ta’ passaport fi ħdan l-Unjoni, billi tinġieb għall-attenzjoni, permezz tad-distribuzzjoni, informazzjoni minima tal-istess natura fl-istess tip ta’ offerti lill-investituri fl-Unjoni u li, konsegwentement, ikun jista’ jitħejja prospett wieħed għal offerta f’diversi Stati Membri. |
|
45. |
Il-protezzjoni tal-investituri tirriżulta, ċertament, mill-fatt, li l-istess informazzjoni tingħata lill-investituri potenzjali kollha, u wkoll mill-fatt li l-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru tapprova jew le l-kontenut tal-prospett wara li tkun talbet, jekk ikun il-każ, iktar informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 13(1) u (4) tad-Direttiva dwar il-Prospett. Għaldaqstant, l-investituri potenzjali jkollhom iċ-ċertezza li l-prospett ippublikat ikun ġie vverifikat minn din l-awtorità. |
|
46. |
It-tiftix ta’ dawn iż-żewġ għanijiet, flimkien man-natura ġenerali tat-termini użati fid-definizzjoni tal-“offerta lill-pubbliku”, iġiegħel lil wieħed jaħseb li offerta bħalma hija dik proposta minn Holding Communal hija offerta lill-pubbliku, anki jekk tkun tidher irriżervata għall-azzjonisti eżistenti, kemm‑il darba din ma taqax taħt xi waħda mill-kategoriji ta’ offerti lill-pubbliku eżentati mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-Prospett. |
|
47. |
Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “titoli”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Prospett, liema artikolu jirreferi għad-definizzjoni prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/22. |
|
48. |
F’din id-direttiva, it-titoli kienu ddefiniti bħala “ishma f’kumpaniji u titoli oħra ekwivalenti għal ishma f’kumpaniji, bonds u tipi oħra ta’ dejn b’sigurtà li huma negozjabbli fis-suq kapitali u xi titoli oħra normalment innegozjati li jagħtu d-dritt li jkunu akkwistati uħud minn dawk it-titoli trasferibbli b’abbonament jew b’kambju jew li jagħtu bidu għal twettiq bi flus esklużi strumenti ta’ pagament”. Għaldaqstant, l-ishma kienu minnhom innifishom titoli u ma kellhomx bżonn ikunu negozjabbli fis-suq tal-kapital, għall-kuntrarju tal-bonds u tipi oħra ta’ dejn. |
|
49. |
Madankollu, id-Direttiva 93/22 tħassret, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2007, mid-Direttiva MiFID I li l-Artikolu 69 tagħha jistabbilixxi li r-“referenzi għad-Direttiva [93/22] għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva. Ir-referenzi għat-termini ddefiniti fid-Direttiva [93/22], jew fl-Artikoli tagħha, għandhom jiġu mifhuma skond it-terminu ekwivalenti f’din id-Direttiva jew l-Artikoli tagħha”. Peress li d-Direttiva MiFID I tiddefinixxi l-kunċett ta’ “titoli trasferibbli”, hija din id-definizzjoni li jeħtieġ li tiġi analizzata. |
|
50. |
Issa, il-punt 18 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva MiFID I jiddefinixxi t-titoli trasferibbli bħala “dawk il-klassijiet ta’ titoli li huma negozjabbli fis-suq tal-kapital, bl-eċċezzjoni ta’ l-istrumenti tal-ħlas” u jagħti lista ta’ eżempji li jinkludu b’mod partikolari “ishma f’kumpanniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f’kumpanniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti depożitarji rigward l-ishma [iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw l-ishma]”. F’din id-definizzjoni ġdida, l-ishma jikkostitwixxu biss “titoli trasferibbli” fis-sens ta’ din id-direttiva jekk ikunu negozjabbli fis-suq tal-kapital, b’differenza minn dak li kien previst fid-Direttiva 93/22 u fil-Proposta tal-Kummissjoni li wasslet għad-Direttiva dwar il-Prospett ( 17 ). Minn issa ’l quddiem, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni n-negozjabbiltà tal-ishma fis-suq tal-kapital sabiex wieħed ikun jista’ jikklassifikahom bħala “titoli trasferibbli” fis-sens tad-Direttiva MiFID I. |
|
51. |
Fl-ewwel lok, mill-perspettiva letterali, il-klassifikazzjoni bħala “titoli trasferibbli” tissejjes fuq żewġ kunċetti: in-“negozjabbiltà” u s-“suq tal-kapital”. |
|
52. |
Minn naħa, l-aġġettiv “negozjabbli” jista’ jiġi ddefinit bħala dak li jista’ jiġi nnegozjat, ikun is-suġġett ta’ negozjati, u speċjalment fil-qasam tal-borża: bħal titolu jew strument pubbliku li jkun is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kurrenti u li ma jkun milqut b’ebda restrizzjoni partikolari ( 18 ). |
|
53. |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni letterali tal-kelma “negozjabbli” tirreferi għall-possibbiltà ta’ trasferiment b’mod ġenerali jew għall-assenza ta’ kull restrizzjoni partikolari fuq it-trasferiment. Għaldaqstant, din ma tippermettix, minnha nnifisha, li tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, peress li l-approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi tista’ tiġi analizzata bħala restrizzjoni fuq it-trasferiment. |
|
54. |
Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “suq tal-kapital”, fil-qasam tal-borża, is-suq jirreferi għal forom differenti ta’ ftehim li jirregolaw it-tranżazzjonijiet fuq titoli ( 19 ). Għaldaqstant, is-suq tal-kapital għandu definizzjoni wiesgħa ħafna u ma jirreferix biss għas-suq irregolat jew għall-kwotazzjoni fil-borża: huwa jirreferi għall-kunċett ta’ tranżazzjonijiet fuq kategorija ta’ oġġetti, f’dan il-każ it-titoli. |
|
55. |
Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “negozjabbiltà” u tas-“suq tal-kapital” għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih dawn jintużaw. |
|
56. |
Fuq dan il-punt, il-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-Prospett tipprovdi biċ-ċar li hija “meħtieġa kopertura sħiħa tas-sigurtajiet ta’ ekwità [titoli ta’ kapital] u li mhumiex ta’ ekwità [titoli li ma humiex ta’ kapital] offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ fis-swieq regolati kif iddefiniti bid-Direttiva [93/22], u mhux biss it-titoli li jkunu ġew ammessi fil-listi uffiċjali tal-Boroż”. |
|
57. |
Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 809/2004, li jimplimenta d-Direttiva dwar il-Prospett, jippreċiża li l-prospett għandu jkun fih il-punti ta’ informazzjoni mitluba fl-Annessi I sa XVII ta’ dan ir-regolament, skont it-tip ta’ emittent jew titoli involuti. Għaldaqstant, il-punt 21.2.3 tal-Annessi I u X tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li għandhom ikunu deskritti r-restrizzjonijiet marbutin ma’ kull kategorija ta’ ishma eżistenti. B’mod iktar preċiż, il-punt 4.8 tal-Anness III tal-istess regolament jimponi li tiġi deskritta kull restrizzjoni imposta fuq in-negozjabbiltà libera tat-titoli ( 20 ). L-istess obbligu ta’ deskrizzjoni jeżisti fil-każ ta’ ftehim ta’ lock-up tat-titoli: il-prospett għandu jidentifika lill-partijiet ikkonċernati, jiddeskrivi l-kontenut tal-ftehim u l-eċċezzjonijiet li jkun fih, u jindika t-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ lock-up ( 21 ). |
|
58. |
Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, tali restrizzjonijiet jew ftehimiet ta’ lock-up ma għandhomx iwasslu għall-impossibbiltà jew għal diffikultà kbira li jsir trasferiment, peress li, f’dan il-każ, it-titoli ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala negozjabbli. Dan jista’ jkun il-każ fejn ikun impossibbli li jsir trasferiment lil terz, peress li l-emittent biss ikun jista’ jakkwista t-titolu maħruġ. |
|
59. |
Għaldaqstant, huwa ċar li, fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Prospett, restrizzjonijiet fuq in-negozjabbiltà tat-titoli, jew saħansitra ftehimiet ta’ lock-up, ma humiex ta’ ostaklu, minnhom innifishom, sabiex it-titoli kkonċernati jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ titoli suġġetti għall-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett fil-każ ta’ offerta lill-pubbliku, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ir-restrizzjonijiet u ftehimiet ma jagħmlux it-trasferiment impossibbli jew diffiċli ħafna. |
|
60. |
Fil-kuntest tad-Direttiva 93/22, li d-definizzjoni tagħha tat-titoli ġiet issostitwita b’dik adottata mid-Direttiva MiFID I, li tapplika f’dan il-każ, l-interpretazzjoni għandha tkun l-istess, jiġifieri perspettiva wiesgħa tal-kunċett ta’ “titoli”. Għaldaqstant, għalkemm il-premessa ħdax tad-Direttiva 93/22 fakkret li d-definizzjoni tat-titoli adottata kienet wiesgħa ħafna, hija ppreċiżat ukoll li din tkopri biss strumenti negozjabbli u kienu għalhekk esklużi minn din id-definizzjoni l-ishma li l-proprjetà tagħhom ma tistax, fil-prattika, tiġi ttrasferita ħlief mill-korp li jkun ħariġhom billi jixtrihom lura, bħall-“Building societies” jew l-“Industrial and Provident societies”. Din għadha ipoteżi mmirata lejn ċerti assi crypto ( 22 ). |
|
61. |
Barra minn hekk, minkejja li jirrigwarda l-ammissjoni f’suq irregolat, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva MiFID I jipprovdi li t-titoli għandhom ikunu jistgħu jiġu nnegozjati liberament f’dak is-suq. |
|
62. |
Din il-perspettiva ġiet imsaħħa mill-Kummissjoni stess fi skeda ta’ mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss dwar din id-direttiva. Hija indikat, f’din l-iskeda, li s-sustanza tad-definizzjoni tat-titoli kienet li jkunu, bħala kategorija, negozjabbli fis-swieq tal-kapital ( 23 ). Hija żiedet, għal dak li jirrigwarda dawn is-swieq, li d-definizzjoni tagħhom kienet tinkludi l-kuntesti kollha fejn jiltaqgħu l-interessi tal-bejjiegħa u tax-xerrejja tat-titoli ( 24 ). |
|
63. |
Minn din l-interpretazzjoni jirriżulta, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest, li r-restrizzjonijiet fuq in-negozjabbiltà tal-ishma ta’ Holding Communal fir-rigward tan-neċessità li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi sabiex jiġu ttrasferiti l-ishma tagħha għal numru limitat ta’ kategoriji ta’ persuni (il-provinċji u l-muniċipalitajiet) ma humiex tali li jipprekludu, fil-prinċipju, kull negozjabbiltà tal-ishma fi ħdanhom, sakemm il-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxix li teżisti impossibbiltà jew diffikultà kbira sabiex iseħħ trasferiment. Barra minn hekk, inqis li jeżisti suq tal-kapital għal dawn l-ishma minħabba n-numru ta’ persuni ġuridiċi li jistgħu jkunu azzjonisti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrileva li jeżistu 581 muniċipalità u 10 provinċji fil-Belġju: daqshekk hemm persuni ġuridiċi azzjonisti jew li jistgħu jsiru azzjonisti billi jixtru ishma li jappartjenu lil azzjonisti oħra. Issa, kif fakkart fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, lil hinn mill-100 investitur potenzjali, id-Direttiva dwar il-Prospett tipprovdi li għandu jsir il-prospett, ħaġa li tikkonferma l-fatt li n-numru żgħir tal-azzjonisti, u għalhekk id-daqs limitat tas-suq sekondarju, dak fejn jerġgħu jinbiegħu l-ishma, ma huwiex, minnu nnifsu, ta’ ostaklu sabiex jiġi kkunsidrat li l-ishma huma negozjabbli. Dawn l-ishma jaqgħu, konsegwentement, fid-definizzjoni tat-titoli li l-offerta tagħhom lill-pubbliku timponi l-pubblikazzjoni ta’ prospett. |
|
64. |
Fit-tielet lok, il-kunċetti ta’ “negozjabbiltà” u ta’ “suq tal-kapital” għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Prospett u tad-Direttiva MiFID I, li fiha d-definizzjoni ta’ “titoli trasferibbli”. |
|
65. |
Kif tfakkar fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva dwar il-Prospett għandha żewġ għanijiet: li tiżgura l-protezzjoni tal-investituri u l-effikaċja tas-swieq. Dawn l-għanijiet huma wkoll dawk imfittxija mid-Direttiva MiFID I ( 25 ). |
|
66. |
Għaldaqstant, l-imsemmija għanijiet iwasslu sabiex tiġi adottata definizzjoni wiesgħa ta’ “negozjabbiltà” u ta “suq tal-kapital”, peress li l-prospett jiżgura li l-investituri jingħataw informazzjoni aħjar, billi għandha tkun prevista l-istess informazzjoni minima fil-prospett li l-kontenut tiegħu huwa kkontrollat minn awtorità nazzjonali, u jiżgura wkoll effikaċja aħjar tas-swieq, billi l-prospett ikun jista’ jintuża f’diversi Stati Membri. |
|
67. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-premessi 10, 18 u 19 tad-Direttiva dwar il-Prospett għandhom “[i]l-mira li jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-investitur u l-effikaċja tas-suq”, li t-tagħrif komplet dwar it-titoli “jipprovdi mezz effettiv sabiex tiżdied il-fiduċja [f’dawn it-]titoli u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament u l-iżvilupp xierqa tas-swieq tat-titoli” u li “salvagwardji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-investituri attwali u potenzjali huma meħtieġa fl-Istati Membri kollha sabiex jgħinuhom jagħmlu stima infurmata [tar-]riskji [involuti fl-investiment f’titoli] u b’hekk jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-għarfien fis-sħiħ tal-fatti” ( 26 ). |
|
68. |
Hija ddeċidiet ukoll li, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-pubblikazzjoni ta’ prospett hija intiża, minn naħa, sabiex l-investituri jkunu jistgħu jevalwaw ir-riskji marbuta mal-offerta ta’ titoli lill-pubbliku u mal-ammissjoni ta’ dawn it-titoli għall-kummerċ, b’mod li jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata, u, min-naħa l-oħra, sabiex il-funzjonament tajjeb tas-swieq ikkonċernati ma jiġix ostakolat b’irregolaritajiet ( 27 ). |
|
69. |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-imsemmija għanijiet sabiex tiddeċiedi li l-bejgħ forzat ta’ titoli fuq talba ta’ kreditur ma kienx jeħtieġ il-pubblikazzjoni ta’ prospett, peress li din ma kellhiex l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija mid-Direttiva dwar il-Prospett. Madankollu, ma jistax jiġi adottat raġunament simili fil-kuntest tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża peress li, minn naħa, il-bejgħ seħħ taħt kundizzjonijiet normali, mingħajr proċedura ġudizzjarja fuq talba ta’ terza persuna, u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija Holding Communal kienet fil-fatt responsabbli, bħala l-emittenti tat-titoli, għat-tħejjija tal-prospett li seta’ jsir ’il quddiem u kellha l-informazzjoni kollha neċessarja għal din it-tħejjija. |
|
70. |
B’hekk, l-interpretazzjoni teleoloġika twassal ukoll sabiex tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “negozjabbiltà” u ta’ “suq tal-kapital”. |
|
71. |
Għaldaqstant, l-ishma ta’ Holding Communal li setgħu jiġu ttrasferiti lill-provinċji jew muniċipalitajiet Belġjani biss bl-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi jaqgħu taħt il-kategorija tat-titoli fis-sens tad-Direttiva dwar il-Prospett u l-ħruġ tagħhom kellu jkun ippreċedut mill-pubblikazzjoni ta’ prospett, inkwantu dawn setgħu jiġu nnegozjati bejn 581 muniċipalità u 10 provinċji. |
|
72. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha fuq diversi punti: l-ewwel, li l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-Prospett huma ssodisfatti jew ma humiex issodisfatti, it-tieni, li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi u għat-trasferimenti possibbli biss bejn provinċji u muniċipalitajiet Belġjani ma jagħmlux impossibbli jew diffiċli ħafna kull trasferiment minħabba informazzjoni li ma tkunx issemmiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u t-tielet, li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva, il-miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi implimentati mill-Istati Membri fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva huma effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
73. |
Fid-dawl tal-premess, nipproponi li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Prospett għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “titolu trasferibbli li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fis-suq tal-kapital” jinkludi l-ishma ta’ kumpannija holding li jistgħu jinżammu biss mill-provinċji u l-muniċipalitajiet u li t-trasferiment tagħhom huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ma jagħmlux in-negozjabbiltà ta’ dawn l-ishma fis-suq tal-kapital impossibbli jew diffiċli ħafna. |
V. Konklużjoni
|
74. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) bil-mod kif ġej: L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li: il-kunċett ta’ “titolu trasferibbli li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fis-suq tal-kapital” jinkludi l-ishma ta’ kumpannija holding li jistgħu jinżammu biss mill-provinċji u l-muniċipalitajiet u li t-trasferiment tagħhom huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ma jagħmlux in-negozjabbiltà ta’ dawn l-ishma fis-suq tal-kapital impossibbli jew diffiċli ħafna. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 6, p. 356, rettifika fil-ĠU 2014, L 218, p. 8.
( 3 ) ĠU 2008, L 76, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-‘prospett’”.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 2, p. 43.
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 263.
( 6 ) ĠU 2006, L 114, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva MiFID I”.
( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b’referenza u l-pubblikazzjoni ta’ prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 307).
( 8 ) ĠU 2008, L 340, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 809/2004”.
( 9 ) Moniteur belge tal‑21 ta’ Ġunju 2006, p. 31352, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑16 ta’ Ġunju 2006”.
( 10 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat) (C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Offerta ta’ titoli indirizzata lil inqas minn 100 persuna fiżika jew ġuridika, minbarra investituri kkwalifikati, għal kull Stat Membru.
( 12 ) Offerta ta’ titoli indirizzata lil investituri li jiksbu dawn it-titoli għall-prezz totali ta’ mill-inqas EUR 50000 kull investitur, għal kull offerta separata.
( 13 ) Offerta ta’ titoli li d-denominazzjoni tagħhom għal kull unità tammonta għal mill-inqas EUR 50000.
( 14 ) Ara r-Rapport Finali tal-Kumitat tal-Għorrief dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq tat-titoli Ewropej tal‑15 ta’ Frar 2001, disponibbli, bil-lingwa Ingliża, fis-sit internet li ġej: https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/2015/11/lamfalussy_report.pdf (p. 12 u 15).
( 15 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat f’każ ta’ offerta lill-pubbliku ta’ titoli jew għall-ammissjoni ta’ titoli għall-kummerċ (COM(2001) 280 final).
( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 1, p. 216.
( 17 ) Ara l-Artikolu 2(1)(a) tal-Proposta għal Direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet: “Għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva, it-terminu ‘titoli’ jfisser: l-ishma u t-titoli oħra ekwivalenti għall-ishma, il-bonds u tipi oħra ta’ dejn li huma negozjabbli f’suq irregolat u kull titolu ieħor normalment innegozjat li jagħti d-dritt li jkunu akkwistati dawn it-titoli trasferibbli b’abbonament jew bi skambju jew li jagħtu bidu għal ħlas bi flus.”
( 18 ) Ara d-Dictionnaire de l’Académie française.
( 19 ) Ara d-Dictionnaire de l’Académie française.
( 20 ) L-istess japplika għal ċertu numru ta’ titoli oħra, ara punt 4.13 tal-Anness V; punti 27.10 u 28.10 tal-Anness X; punt 4.1.10 tal-Anness XII; punt 4.14 tal-Anness XIII, kif ukoll punt 1.8 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 809/2004.
( 21 ) Ara l-punt 7.3 tal-Anness III, u l-punt 27.14 tal-Anness X tar-Regolament Nru 809/2004.
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-konsultazzjoni tad-29 ta’ Jannar 2024 tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-assi crypto bħala strumenti finanzjarji, disponibbli, bil-lingwa Ingliża, fis-sit internet li ġej: https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/2024-01/ESMA75-453128700-52_MiCA_Consultation_Paper_-_Guidelines_on_the_qualification_of_crypto-assets_as_financial_instruments.pdf (punt 109).
( 23 ) Ara l-Mistoqsijiet – Tweġibiet tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva MiFID I, disponibbli fis-sit internet li ġej: https://finance.ec.europa.eu/system/files/2020-01/mifid-2004-0039-commission-questions-answers_en_0.pdf (p. 22): “Is-sustanza tad-definizzjoni tat-titoli trasferibbli stabbilita fil-punt 18 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva MiFID I hija li, bħala kategorija, ikunu negozjabbli fis-swieq tal-kapital. […] L-ishma ta’ kumpanniji tat-tip ta’ soċjetà li ma jkunux ‘negozjabbli fis-swieq tal-kapital’ ma humiex ekwivalenti għall-ishma negozjabbli. Il-fattur determinanti huwa għalhekk li wieħed ikun jaf jekk dawn l-ishma fil-kumpanniji tat-tip ta’ soċjetà jew il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata humiex negozjabbli fis-swieq tal-kapital. Jekk it-titoli inkwistjoni jkunu ta’ natura li jkunu jistgħu jiġu nnegozjati f’suq irregolat jew f’MTF, din tkun indikazzjoni konklużiva li dawn huma titoli, anki jekk it-titoli individwali ma jiġux effettivament innegozjati. Bil-maqlub ta’ dan, jekk dawn ma jkunux jistgħu jiġu nnegozjati f’tali sistemi multilaterali, dan jista’ jindika li ma humiex titoli, però mhux b’mod konklużiv. […] Il-kunċett ta’ negozjabbiltà jinkludi l-kunċett li l-istrument huwa negozjabbli. Jekk ir-restrizzjonijiet fuq it-trasferiment jipprekludu strument milli jkun negozjabbli f’tali kuntesti, dak ma jkunx titolu trasferibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 24 ) Ara l-Mistoqsijiet – Tweġibiet iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet (p. 1).
( 25 ) Ara l-premessi 5, 44 u 71 tad-Direttiva MiFID I.
( 26 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding (C‑441/12, EU:C:2014:2226, punt 31).
( 27 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding (C‑441/12, EU:C:2014:2226, punt 33).
( 28 ) C‑441/12, EU:C:2014:2226.