Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 4 final

2021/0001(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea rigward l-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-emenda tal-Protokoll 10 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà, u applikabbli biss għall-UE u għan-Norveġja.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-emenda tal-Protokoll dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

Il-Protokoll dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (“il-Protokoll”) jirrinunzja l-obbligu tan-negozjanti li jipprovdu lid-dwana dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul qabel l-importazzjoni u l-esportazzjoni fil-kummerċ bilaterali bejn l-UE u n-Norveġja. Sadanittant, fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, in-Norveġja timplimenta miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għal dawk fl-UE. Il-Protokoll daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009 u żgura kemm il-flussi kummerċjali bla xkiel bejn in-Norveġja u l-UE kif ukoll livell għoli ta’ sigurtà fil-katina tal-provvista.

Bħalissa, kull Parti għandha s-sistema tagħha għall-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul (fl-UE, din hija s-sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni, ICS) iżda ma hemm l-ebda pont li jgħaqqad iż-żewġ sistemi.

Sa mill-2016, il-Kummissjoni għamlet diskussjonijiet preliminari bil-għan li taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-Ftehim u tintegra l-parteċipazzjoni futura tan-Norveġja fil-programm doganali l-ġdid tal-UE dwar is-sigurtà u s-sikurezza ta’ qabel il-wasla, is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), li hija sistema ċentralizzata.

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) ipprovda għal miżuri inklużi fil-proġett il-ġdid tal-ICS2 li se jbiddlu sostanzjalment l-operazzjonijiet doganali tal-merkanzija bil-quddiem għal merkanzija li tidħol fl-UE u l-qafas kumplessiv komuni tal-ġestjoni tar-riskju. Il-programm il-ġdid se jagħti tifsila ġdida lill-proċess eżistenti f’termini tal-ġestjoni/kontrolli tal-IT, legali u tar-riskju doganali u mill-perspettivi operazzjonali tal-kummerċ. Se jiġbor data dwar il-merkanzija kollha li tidħol fl-UE qabel ma tasal. L-Operaturi Ekonomiċi (Economic Operators, EOs) se jkollhom jiddikjaraw id-data tas-sikurezza u tas-sigurtà fl-ICS2, permezz tad-Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul (Entry Summary, ENS). L-obbligu li jibdew jimtew dawn id-dikjarazzjonijiet mhux se jkun l-istess għall-EOs kollha. Dan se jiddependi mit-tip ta’ servizzi li jipprovdu fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija u huwa marbut mat-tliet dati ta’ ħarġiet tal-ICS2 (il-15 ta’ Marzu 2021, l-1 ta’ Marzu 2023, u l-1 ta’ Marzu 2024). L-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija u l-analiżi tar-riskju se jippermettu identifikazzjoni bikrija ta’ theddidiet u se jgħinu lill-awtoritajiet doganali jintervjenu fil-punt l-aktar xieraq fil-katina tal-provvista.

Għalhekk, l-ICS2 tirrappreżenta strument doganali essenzjali tal-UE għat-titjib tal-ġestjoni tal-kontrolli tas-sigurtà u tas-sikurezza fuq il-fruntieri mad-dħul, b’appoġġ tal-programm doganali tal-UE ta’ sigurtà u ta’ sikurezza ta’ qabel il-wasla. Sabiex jinżamm l-istess livell ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni, in-Norveġja qablet li tingħaqad mal-proġett ICS2 u li tkun operazzjonali sal-bidu tal-ewwel ħarġa tal-ICS fil-15 ta’ Marzu 2021. Dawn id-dispożizzjonijiet se japplikaw ukoll b’mod ekwivalenti għall-emendi simili għall-ftehim dwar is-sigurtà doganali bejn l-UE u l-Iżvizzera.

L-emendi proposti għall-Ftehim huma r-riżultat ta’ negozjati li bdew f’Novembru 2019 u li ntemmu f’Ottubru 2020 bejn l-UE, l-Iżvizzera u n-Norveġja. L-emendi għall-Kapitolu IIa tal-Protokoll huma maħsuba sabiex iqisu l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE anki fil-qasam tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (Authorised Economic Operator, AEO) u tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u tal-analiżi tar-riskju. Dan se jiżgura livell ekwivalenti ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni u se jtejjeb is-sigurtà u s-sikurezza taż-żona ta’ sigurtà komuni.

Il-Ftehim se jinkludi wkoll arranġament ta’ finanzjament (l-Anness I, It-Titolu III), li jkopri l-kostijiet tal-iżvilupp u tal-użu operazzjonali tal-ICS2 min-Norveġja u d-dettalji funzjonali tal-ICS2, li huma esposti fl-arranġamenti tekniċi (l-Anness I, It-Titolu II).

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa stabbilit bl-Artikolu 92 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti u jista’ jieħu deċiżjonijiet bi ftehim bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Istati tal-EFTA li jitkellmu b’vuċi waħda, min-naħa l-oħra.

Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’, fil-prinċipju, tal-anqas darba fix-xahar u r-responsabbiltà tiegħu hija li jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettivi tal-Ftehim. Għal dan il-għan, huwa jwettaq skambji ta’ fehmiet u ta’ informazzjoni u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim u fir-rigward tal-Protokolli tiegħu. Għal dak il-għan, il-Protokoll 10 jista’ jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE f’konformità mal-Artikoli 93 (2), 99, 100, 102 u 103 tal-Ftehim.

Sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà legali u l-omoġenità taż-ŻEE, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jieħu deċiżjoni dwar emenda għall-Protokoll sabiex jitqies l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawn l-emendi jiġu applikati simultanjament ma’ dawk introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u b’rispett xieraq għall-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Matul il-laqgħa tiegħu li jmiss jew bi skambju ta’ ittri, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni rigward l-emenda tal-Protokoll (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jiżgura l-ogħla standard ta’ sigurtà u ta’ kontroll għall-merkanzija li taqsam il-fruntieri u li tidħol fit-territorji doganali tal-UE u tan-Norveġja.

L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f'konformità mal-Artikolu 104 tal-Ftehim li jistipula li “[d-]deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim [għandhom], sakemm ma jkunx provdut xort’oħra fil-Ftehim, meta jiġu fis-seħħ ikunu jorbtu lill-Partijiet Kontraenti li għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom”.

F'konformità mal-Artikolu 103 tal-Ftehim,“Jekk sa meta jispiċċa l-perijodu ta’ sitt xhur wara d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ma tkunx saret din in-notifika, [id-]deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [għandha] tiġi applikata provviżorjament sakemm jitwettqu l-ħtiġiet kostituzzjonali sakemm Parti Kontraenti ma tinnotifikax li applikazzjoni provviżorja bhal din ma tistax issir. Fil-każ imsemmi l-aħħar, jew jekk Parti Kontraenti tinnotifika n-nonratifika ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, is-sospensjoni prevista fl-Artikolu 102 (5) [għandha] tibda sseħħ xahar wara notifika bħal din iżda f’ebda każ qabel id-data li fiha l-att tal-KE korrispondenti jiġi implimentat fil-Komunità”.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Ħarsa ġenerali lejn il-Protokoll 10

Il-Protokoll li kien ġie emendat preċedentament fl-2009 bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE 1 jenfasizza r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali speċjali bejn l-UE u n-Norveġja u l-interess reċiproku qawwi li jeżisti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti. Il-Protokoll 10 tal-Ftehim ġie emendat fl-interess reċiproku tal-Komunità Ewropea u tal-Istati tal-EFTA sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet żejda u sabiex jiġi pprovdut sett ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għat-trasport tal-merkanzija li tkun ġejja u li sejra lejn pajjiżi terzi.

Il-Protokoll huwa bbażat fuq ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Atti ta’ Implimentazzjoni u Delegati li ġejjin:

–ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, inkluża l-kolonna rilevanti fl-Anness B;

–ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089, li jinkludi r-responsabbiltajiet tal-partijiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u tal-kontroll;

–id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma;

–ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, inklużi l-kolonni rilevanti tal-Anness B.

Sabiex tiżdied is-sigurtà fil-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, fl-2006, l-UE introduċiet miżuri ġodda maħsuba sabiex jiżguraw standards ogħla fil-kontrolli doganali (IP/06/1821). Dawn jinkludu regoli u limiti ta’ żmien għan-negozjanti għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija qabel ma tiġi importata lejn l-UE jew esportata minnha (dikjarazzjonijiet elettroniċi ta’ dħul u ta’ ħruġ); sistema tal-UE għall-analiżi u għall-ġestjoni tar-riskji; u sistema għall-faċilitazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-UE (AEOs). L-UE u n-Norveġja qablu wkoll li jaħdmu lejn qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju kif xieraq.

Huwa fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ qafas komuni bħal dan għal kontrolli doganali mtejba u wara l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tal-leġiżlazzjoni tagħha li ġie emendat il-Ftehim. Jenħtieġ li dan jiżgura l-ogħla standard ta’ sigurtà u ta’ kontroll għall-merkanzija li taqsam il-fruntieri u li tidħol fit-territorji doganali tal-UE u tar-Renju tan-Norveġja.

3.2.Emendi proposti għall-Protokoll fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-programm ICS2

L-ICS2 hija l-ewwel linja tad-difiża f’termini ta’ protezzjoni tas-suq intern u taċ-ċittadini tal-UE. Permezz ta’ proċessi ta’ sigurtà doganali mtejba msejsa fuq id-data, din tappoġġa kontrolli doganali effettivi bbażati fuq ir-riskju filwaqt li tiffaċilita l-fluss ħieles ta’ kummerċ leġittimu bejn il-fruntieri esterni tal-UE.

Il-programm se jgħin sabiex jiġi stabbilit approċċ integrat tal-UE għat-tisħiħ tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju doganali. Dan huwa riżultat importanti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju doganali, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni adottat mill-Kunsill fl-2014 u mal-objettivi tal-Kummissjoni Von der Leyen sabiex l-Unjoni Doganali tittieħed għal-livell li jmiss.

Bħala sistema ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija, l-ICS2 se tiġbor data dwar il-merkanzija kollha li tidħol fl-UE qabel ma tasal. L-operaturi ekonomiċi se jkollhom jiddikjaraw id-data dwar is-sikurezza u s-sigurtà fl-ICS2, permezz tal-hekk imsejħa Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul. L-obbligu li jibdew jimtlew it-tali dikjarazzjonijiet mhux se jkun l-istess għall-Operaturi Ekonomiċi kollha. Dan se jiddependi mit-tip ta’ servizzi li jipprovdu fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija u huwa marbut mat-tliet dati ta’ ħarġiet tal-ICS2 (il-15 ta’ Marzu 2021, l-1 ta’ Marzu 2023, u l-1 ta’ Marzu 2024).

Fis-7 ta’ Ottubru 2020, in-Norveġja kkonfermat li tipparteċipa fis-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pajjiż sieħeb fil-qafas komuni tal-ICS2, li se jitnieda fil-15 ta’ Marzu 2021.

Għalhekk, l-adeżjoni mal-programm ICS2 tinvolvi adattamenti tekniċi u finanzjarji fir-rigward tal-Ftehim, u b’mod partikolari emendi li jirriflettu l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tal-leġiżlazzjoni tagħha.

3.3.Emendi legali proposti għall-Protokoll fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-KDU

It-tibdiliet ewlenin introdotti fl-abbozz tal-Protokoll emendat huma prinċipalment ibbażati fuq ir-Regolament tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UE) Nru 952/2013 u fuq l-Atti ta’ Implimentazzjoni tiegħu r-Regolament (UE) 2015/2447 u l-Atti Delegati (UE) 2015/2446. Dawn it-tibdiliet jallinjaw il-Protokoll emendat mal-aktar leġiżlazzjoni riċenti tal-UE rilevanti għall-miżuri doganali ta’ sigurtà, għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ (ENS u EXS), għall-iżvilupp u għall-varar tas-sistemi elettroniċi rilevanti, għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati (Authorised Economic Operator, AEO), għall-proċess komuni tal-analiżi tar-riskju u għall-qafas tal-ġestjoni tar-riskju f’konformità mal-leġiżlazzjoni l-aktar reċenti relatata mal-protezzjoni tad-data personali.

It-testi legali li ġejjin intużaw bħala l-bażi għall-emendi ewlenin tal-Protokoll:

–Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

·l-Artikolu 46 rigward il-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli doganali;

·l-Artikolu 127 rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul: il-forma u l-kontenut, l-użu ta’ sistemi elettroniċi, il-preżentazzjoni u r-rinunzji, il-limiti ta’ żmien, ir-reġistrazzjoni, il-persuni li jippreżentaw, l-analiżi tar-riskju relatata mas-sikurezza u mas-sigurtà, il-preżentazzjoni multipla;

·l-Artikolu 128 rigward l-analiżi tar-riskju;

·l-Artikolu 6(1), l-Artikoli 12, 16, 46, 47, u l-Artikoli 127 sa 133 jistabbilixxu l-bażi ġuridika għall-iżvilupp u għall-varar tal-ICS2;

–id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

–ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (kif applikabbli fis-16 ta’ Lulju 2020):

·l-Artikoli 104, 106, 112, 113, 113a rigward id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

·l-Anness B dwar ir-rekwiżiti tad-data;

–Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (kif applikabbli fl-20 ta’ Lulju 2020):

·l-Artikolu 24 rigward il-konformità tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati li jieħu post l-artikolu 2 tal-Anness II eżistenti tal-Ftehim;

·l-Artikoli 182, 183, 184, 185, 186, 188, 189 dwar id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

·l-Anness B dwar l-istruttura u l-format tad-data;

L-aħħar emendi għall-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u għall-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 għad iridu jiġu adottati formalment. Bħala tali, tħalla spazju riżervat fi ħdan l-emenda proposta għal dan il-Ftehim sabiex jiġu aġġornati n-noti f’qiegħ il-paġna ladarba jiġu ppubblikati l-emendi (ara l-Artikolu 2 tal-Anness I tal-Protokoll emendat).

L-emenda tal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 ġiet adottata mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tal-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Settembru 2020. Id-data tal-pubblikazzjoni tal-emenda għadha ma ġietx iddeterminata.

3.4.Emendi strutturali proposti għall-Protokoll

F’termini tal-istruttura tal-Protokoll emendat, kien hemm il-ħtieġa li t-taqsimiet tal-kopertura tad-Dħul (It-Titolu I) u tal-Ħruġ (It-Titolu IV) tal-merkanzija fl-Anness I dwar id-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul u tal-Ħruġ jinqasmu f’żewġ Titoli differenti, prinċipalment minħabba d-dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor ta’ Dħul (ENS) u l-ICS2.

F’konformità mar-raġunament wara din ir-reviżjoni strutturali tal-Anness I, inħolqu żewġ Titoli ġodda sabiex ikopru:

–It-Titolu II: l-Arranġamenti Tekniċi għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2;

–It-Titolu III: l-Arranġamenti Finanzjarji għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2.

3.5.Pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni

L-Artikolu 92 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar kwalunkwe punt ta’ rilevanza għall-Ftehim. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw bona fide bil-ħsieb li jiffaċilitaw, fi tmiem il-proċess, it-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim ŻEE jadotta Deċiżjoni li taqbel mal-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10. Dan isir permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE matul laqgħa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li fiha l-UE tkun parti rrappreżentata.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Imbagħad, permezz ta’ ftehim reċiproku, il-Protokoll għandu jiġi implimentat mill-Partijiet Kontraenti.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’ sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE.

L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, u b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jistabbilixxi li “il-pożizzjoni tal-Komunità rigward id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li sempliċiment jestendu l-atti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għaż-ŻEE, soġġetti għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni.”

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni rigward l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelata mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

L-emendi proposti relatati mal-emenda tal-Ftehim dwar miżuri doganali ta’ sigurtà huma bbażati fuq il-prinċipju li n-Norveġja se tingħaqad mal-programm ICS2 sa mill-ewwel ħarġa tagħha fil-15 ta’ Marzu 2021. Aktar ħarġiet se jseħħu fl-2023 u fl-2024.

Dan iwassal għal implikazzjonijiet baġitarji għan-Norveġja. Id-disaggregazzjoni tal-kostijiet hija stabbilita fl-artikolu 17 tal-Anness I u ġiet ikkomunikata ulterjorment lin-Norveġja permezz ta’ dokument informali.

In-Norveġja se tikkontribwixxi għal kull ħarġa tal-ICS2, u b’hekk tħallas tariffa fissa għall-kostijiet tal-iżvilupp imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea. Għall-Ħarġa nru 1, dawn il-kostijiet jammontaw għal EUR 520 000, għall-Ħarġa nru 2 EUR 550 000 u għall-Ħarġa nru 3 EUR 550 000, u huma bbażati fuq formula ta’ allokazzjoni ta’ 4 %.

In-Norveġja se tikkontribwixxi wkoll għall-kostijiet operazzjonali mġarrba mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkopri l-kostijiet annwali għall-ittestjar tal-konformità, għall-manutenzjoni tal-infrastruttura (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.), tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 u tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi relatati meħtieġa għall-operat u għall-interkonnessjoni tagħhom (assigurazzjoni tal-kwalità, helpdesk u Ġestjoni tas-Servizz tal-IT). Dawn il-kostijiet operatorji huma bbażati fuq il-formula ta’ allokazzjoni ta’ 4 % iżda mhumiex rata annwali fissa. Għalhekk, il-kostijiet operazzjonali massimi huma limitati għal EUR 450 000 fis-sena.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija, huwa xieraq li jiġi ppubblikat fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

2021/0001 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea rigward l-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (“il-Protokoll”) ġie emendat miż-ŻEE b’Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt 3 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jadotta deċiżjoni li temenda l-Kapitolu IIa u l-Annessi għall-Protokoll 10 matul is-sessjoni li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri,

(3)Fl-applikazzjoni tal-artikolu 9h(3) tal-Protokoll, l-emendi għall-Kapitolu 3 u għall-Annessi I u II tal-Protokoll 10 huma meħtieġa sabiex jitqies l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu u mill-Annessi I u II. Skont l-Artikolu 9(h)3, jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata għal implimentazzjoni simultanja, l-emendi previsti fl-abbozz ta’ deċiżjoni sottomess għall-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu applikati mill-15 ta’ Marzu 2021, f’konformità mal-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti. Din l-għażla ta’ data tikkoinċidi mal-ewwel Ħarġa tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2, li n-Norveġja qablet li tipparteċipa fiha.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, peress li l-emenda se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jew permezz ta’ skambju ta’ ittri għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2009 tat-30 ta’ Ġunju 2009 li temenda l-Protokoll 10 dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti.
(2)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(3)    Id-Deċiżjoni 76/2009, ĠU L 232, 3.9.2009, p. 40