SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Proċedura nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni — Preżunzjoni ta’ konformità mad-dritt nazzjonali — Applikabbiltà tal-Artikolu 28 KE għal organu privat ta’ ċertifikazzjoni”
Fil-Kawża C-171/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2011, fil-proċeduri
Fra.bo SpA
vs
Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch-Wissenschaftlicher Verein,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Fra.bo SpA, minn A. Saueracker u M. Becker, avukati, |
|
— |
għal Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch- Wissenschaftlicher Verein, minn C. Tellman u F.-E. Hufnagel, avukati, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos, G. Wilms, L. Malferrari u C. Hödlmayr, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn M. Schneider u X. Lewis, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE, 81 KE u 86(2) KE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Fra.bo SpA (iktar ’il quddiem “Fra.bo”), kumpannija tad-dritt Taljan speċjalizzata fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ attrezzatturi tar-ram intiżi b’mod partikolari għas-sistema ta’ kanen tal-ilma u tal-gass, u l-organu ta’ ċertifikazzjoni Ġermaniż Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) ‐ Technisch-Wissenschaftlicher Verein (iktar ’il quddiem id-“DVGW”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirtira jew li tirrifjuta li ġġedded iċ-ċertifikat tal-attrezzaturi tar-ram prodotti u ddistribwiti minn Fra.Bo. |
Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż
|
3 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li r-Regolament dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista tal-ilma (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Versorgung mit Wasser), tal-20 ta’ Ġunju 1980 (BGBl. 1980 I, p. 750, iktar ’il quddiem l-“AVBWasserV”), jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali għall-bejgħ bejn l-impriżi tal-provvista tal-ilma u l-klijenti tagħhom, li l-partijiet jistgħu liberament jidderogaw minnhom. |
|
4 |
Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV kien jipprovdi kif ġej: “Jistgħu jintużaw biss materjali u apparati prodotti skont ir-regoli tekniċi rikonoxxuti. Il-marka ta’ approvazzjoni ta’ organu ta’ kontroll rikonoxxut (pereżempju, id-DIN DVGW, id-DVGW jew il-GS) tiċċertifika li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti.” |
|
5 |
Ir-Regolament tat-13 ta’ Jannar 2010 (BGBl. 2010 I, p. 10) emenda l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV kif ġej: “Jistgħu jintużaw biss materjali u apparati konformi mar-regoli tekniċi rikonoxxuti. Meta jkun hemm immarkar CE li jiċċertifika l-konformità għall-użu fil-qasam tal-ilma tax-xorb, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti. Meta ma jkun meħtieġ l-ebda mmarkar CE, l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti wkoll meta l-prodott jew l-apparat ikollu l-marka ta’ approvazzjoni ta’ organu ta’ ċertifikazzjoni akkreditat tas-settur, b’mod partikolari d-DIN DVGW jew id-DVGW. Il-prodotti u l-apparati li
u li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-marki ta’ approvazzjoni fis-sens tat-tielet sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti, inklużi l-kontrolli u l-verifiki li jkunu saru fl-Istati ċċitati iktar ’il fuq, meta dawn jippermettu li jintlaħaq sostenibbilment il-livell ta’ protezzjoni fil-Ġermanja”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
6 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li Fra.bo hija kumpannija stabbilita fl-Italja li tipproduċi u tiddistribwixxi attrezzatturi tar-ram. Dawn l-attrezzaturi tar-ram huma elementi li jġonġu żewġ katusi tal-ilma jew tal-gass mgħammra b’ġonot tal-elastomer fit-truf tagħhom sabiex tiġi żgurata l-impermeabbiltà tagħhom. |
|
7 |
Id-DVGW hija organu tad-dritt privat mingħajr skop ta’ lukru li nħolqot fl-1859 u li l-għan tagħha huwa l-promozzjoni tas-settur tal-gass u tal-ilma. Id-DVGW hija rikonoxxuta fil-Ġermanja bħala organu tal-“utilità pubblika”, status mogħti bis-saħħa tal-Artikolu 51 et seq tal-Kodiċi tat-Taxxa (Abgabenordnung) lil organi li l-attività tagħhom hija intiża li tgħin lill-pubbliku b’mod altruwistiku fil-qasam materjali, spiritwali jew morali. Skont l-Artikolu 2(2) tal-istatut tagħha, id-DVGW ma tiddefendix l-interessi tal-manifatturi f’dan is-settur. |
|
8 |
Għas-settur tal-ilma, hemm madwar 350 standard imfassla mid-DVGW. L-istandard tekniku W 534 huwa rilevanti għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija sservi bħala bażi għaċ-ċertifikazzjoni, fuq bażi volontarja, ta’ prodotti li għandhom kuntatt mal-ilma tax-xorb. |
|
9 |
Fi tmiem l-1999, Fra.bo ppreżentat applikazzjoni għal ċertifikazzjoni tal-attrezzaturi tar-ram fil-kawża prinċipali quddiem id-DVGW. Din tal-aħħar inkarigat lill-Materialprüfungsanstalt Darmstadt iwettaq il-kontrolli meħtieġa. Min-naħa tiegħu, permezz ta’ sottokuntratt, dan inkariga bl-imsemmija kuntratti lill-impriża Cerisie Laboratorio, stabbilita fl-Italja, li ma hijiex irrikonoxxuta mid-DVGW iżda hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti Taljani. Matul Novembru 2000, id-DVGW ittrażmettiet lil Fra.bo ċertifikat ta’ konformità validu għas-settur tal-ilma, u dan għal perijodu ta’ ħames snin. |
|
10 |
Wara oġġezzjonijiet magħmula minn terzi, id-DVGW fetħet proċedura ta’ kontroll addizzjonali li fir-rigward tagħha l-Materialprüfungsanstalt MPA Darmstadt kienet inkarigata mill-ġdid. It-“test tal-ożonu”, intiż li jivverifika r-reżistenza tal-ożonu tal-ġonta impermeabbli tal-elastomer tal-attrezzatura tar-ram, twettaq fuq kampjun ta’ materjal mibgħut mill-manifattur Taljan. F’Ġunju 2005, id-DVGW informat lil Fra.bo li l-imsemmija attrezzatura ma kinitx għaddiet mit-“test tal-ożonu”, iżda li, kif kienu jipprevedu r-regoli tagħha, din kellha tliet xhur sabiex tipproduċi rapport ta’ kontroll pożittiv. Madankollu, id-DVGW ma aċċettatx rapport ta’ kontroll li tfassal sussegwentement minn Cerisie Laboratorio, peress li hija ma kinitx irrikonoxxiet lil din l-impriża bħala organu ta’ kontroll. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-DVGW jallega wkoll li dan ir-rapport huwa insuffiċjenti fuq il-mertu, peress li la jindika l-ispeċifikazzjonijiet tat-test u lanqas il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalih dan il-materjal. |
|
11 |
Fil-frattemp, fil-kuntest ta’ proċedura formalizzata li ma kinitx ipparteċipat fiha Fra.bo, id-DVGW emendat l-istandard tekniku W 534 billi introduċiet it-“test ta’ 3000 siegħa”, intiż li jiggarantixxi ħajja itwal għall-prodotti ċċertifikati. Mit-tweġiba ta’ DVGW għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-“test ta’ 3000 siegħa” jimplika li l-ġonta impermeabbli tiġi suġġetta għal temperatura ta’ 110 gradi ċentigradi matul 3000 siegħa. Skont ir-regoli tad-DVGW, id-detenturi taċ-ċertifikati ta’ konformità għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal ċertifikazzjoni addizzjonali f’terminu ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda ta’ dan l-istandard, sabiex jipprovaw l-konformità mar-rekwiżiti emendati. Fra.bo ma ppreżentatx tali applikazzjoni u ma ssuġġettatx l-attrezzatura tar-ram tagħha għat-“test ta’ 3000 siegħa”. |
|
12 |
F’Ġunju 2005, id-DVGW irtirat iċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ Fra.bo peress li din tal-aħħar ma kinitx ipproduċiet rapport ta’ kontroll pożittiv tat-“test ta’ 3000 siegħa”. Id-DVGW ċaħdet ukoll applikazzjoni għal proroga ta’ dan iċ-ċertifikat peress li ċ-ċertifikati ta’ konformità ma setgħux jibqgħu jiġu pprorogati. |
|
13 |
Fra.bo ressqet kawża kontra DVGW quddiem il-Landgericht Köln billi sostniet li l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ konformità inkwistjoni u/jew ir-rifjut li jiġġedded kien jikser id-dritt tal-Unjoni. Skont Fra.bo, id-DVGW hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri l-Artikoli 28 KE et seq, u l-irtirar ta’ dan iċ-ċertifikat u r-rifjut li jiġi mġedded jipprekludu kunsiderevolment l-aċċess tagħha għas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, minħabba l-preżunzjoni ta’ konformità li jgawdu l-prodotti ċċertifikati mid-DVGW bis-saħħa tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, ikun prattikament impossibbli għaliha li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fil-Ġermanja mingħajr dan iċ-ċertifikat. Barra minn hekk, it-“test ta’ 3000 siegħa” ma għandux ġustifikazzjoni oġġettiva u d-DVGW ma hijiex awtorizzata teskludi a priori r-rapporti ta’ kontroll tal-laboratorji li huma awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda mhux mid-DVGW. Barra minn hekk, id-DVGW għandha titqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi li, billi stabbilixxiet l-istandards tekniċi kkontestati, tikser ukoll l-Artikolu 81 KE. |
|
14 |
Bħala assoċjazzjoni tad-dritt privat, id-DVGW tikkunsidra li hija ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u li hija biss ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li għandha twieġeb għall-ksur possibbli tal-Artikolu 28 KE flimkien mal-adozzjoni tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV. Konsegwentement, ma hemm xejn li jipprekludi li d-DVGW tistabbilixxi standards tekniċi li jmorru lil hinn minn dawk tal-Istati Membri minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tapplikahom waqt l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tagħha. Hija libera wkoll, għal raġunijiet ta’ kwalità, li tieħu inkunsiderazzjoni biss il-laboratorji li hija awtorizzat. Barra minn hekk, bħala organu ta’ normalizzazzjoni, hija ma kinitx teżerċita attività ekonomika fis-sens tad-dritt tal-akkordji, b’mod li applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE hija eskluża. |
|
15 |
Il-Landgericht Köln ċaħdet ir-rikors ta’ Fra.bo abbażi tal-fatt li d-DVGW setgħet tiddeċiedi liberament dwar il-kundizzjonijiet li hija timponi għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità. Fra.bo appellat mid-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex, abbażi tal-istess argument, DVGW tiġi ordnata ġġedded iċ-ċertifikat ta’ konformità tal-attrezzaturi inkwistjoni u tħallas kumpens għall-ammont ta’ 1000000 EUR, flimkien mal-interessi. |
|
16 |
Peress li kellha dubji fir-rigward tal-applikabbiltà għall-attivitajiet tad-DVGW tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u għall-akkordji bejn impriżi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
17 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkunsidra l-prodotti ċċertifikati minn dan il-organu bħala konformi mad-dritt nazzjonali u li dan għandu l-effett li jipprekludi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex iċċertifikati mill-imsemmi organu. |
|
18 |
Preliminarjament, huwa paċifiku li l-attrezzatura tar-ram inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa “prodott ta’ bini” fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/106”), li la hija s-suġġett ta’ standard armonizzat jew ta’ ftehim tekniku Ewropew u lanqas ta’ speċifikazzjoni teknika nazzjonali rikonoxxuta fuq livell tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
|
19 |
Fir-rigward ta’ prodotti għall-bini li ma humiex koperti mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, l-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid tagħhom fis-suq fit-territorju tagħhom jekk dawn il-prodotti jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konformi mat-Trattat KE, u dan sakemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej ma jipprovdux mod ieħor. |
|
20 |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodott tal-bini, li ma huwiex kopert bi speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq livell tal-Unjoni, għandhom, kif tfakkar barra minn hekk id-Direttiva 89/106, ikunu konformi mal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat, u b’mod partikolari mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikoli 28 KE u 30 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-227/06, punt 34). |
|
21 |
Qabelxejn, għandu jiġi vverifikat li, kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 28 KE japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kwalunkwe leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tista’ tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, prekluża mill-Artikolu 28 KE (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-270/02, Ġabra p. I-1559, punt 18, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Għalhekk, is-sempliċi fatt li jkun dissważ milli jintroduċi jew jikkummerċjalizza l-prodotti inkwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi, għall-importatur, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza tal-24 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-286/07, punt 27). |
|
23 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE meta, mingħajr ġustifikazzjoni valida, jinkoraġġixxi l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jikkummerċjalizzaw fit-territorju tiegħu prodotti ta’ bini legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jiksbu marka ta’ konformità nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq) jew meta ma jiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-432/03, Ġabra p. I-9665). |
|
24 |
Huwa paċifiku li d-DVGW hija organu privat mingħajr skop ta’ lukru li l-attivitajiet tiegħu ma humiex iffinanzjati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li dan l-Istat Membru ma jeżerċitax influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tad-DVGW, minkejja li parti mill-membri ta’ din tal-aħħar huma organi pubbliċi. |
|
25 |
Għaldaqstant, id-DVGW isostni li, l-Artikolu 28 KE ma huwiex applikabbli fir-rigward tiegħu, fid-dawl tal-fatt li huwa organu privat. Il-partijiet ikkonċernati l-oħra jsostnu li l-organi privati jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jiġu obbligati josservaw il-moviment liberu tal-merkanzija ggrantit mill-Artikolu 28 KE. |
|
26 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest leġiżlattiv u regolamentari li fih hija topera, l-attivitajiet ta’ organu tad-dritt privat bħad-DVGW għandhomx l-effett li joħolqu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija bl-istess mod bħal miżuri tal-Istat. |
|
27 |
Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa fl-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV li l-prodotti ċċertifikati mid-DVGW huma konformi mad-dritt nazzjonali. |
|
28 |
It-tieni nett, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li d-DVGW huwa l-uniku organu li jista’ jiċċertifika, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, l-attrezzaturi tar-ram inwkistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, id-DVGW jirrappreżenta, għal tali prodotti, l-unika possibbiltà li jinkiseb ċertifikat ta’ konformità. |
|
29 |
Huwa minnu li d-DVGW u l-Gvern Ġermaniż evokaw l-eżistenza ta’ proċedura oħra għajr dik taċ-ċertifikazzjoni mid-DVGW u li tinvolvi li espert jiġi fdat bil-verifika tal-konformità ta’ prodott mar-regoli tekniċi rikonoxxuti fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV. Madankollu, mit-tweġibiet mogħtija lill-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li d-diffikultajiet amministrattivi marbuta man-nuqqas ta’ regoli tekniċi speċifiċi li jirregolaw ix-xogħol ta’ tali espert, minn naħa, kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali inkorsi bir-rikors għal perizja individwali, min-naħa l-oħra, irendu din il-proċedura mhux jew ftit li xejn prattika. |
|
30 |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqis, fil-prattika, li n-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni mid-DVGW jostakola kunsiderevolment il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati fis-suq Ġermaniż. Fil-fatt, għalkemm l-AVBWasserV jillimita ruħu li jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ bejn impriżi ta’ provvista tal-ilma u l-klijenti tagħhom, li l-partijiet jistgħu liberament jidderogaw minnhom, mill-fajl jirriżulta li, fil-prattika, kważi l-konsumaturi Ġermaniżi kollha jixtru attrezzaturi tar-ram iċċertifikati mid-DVGW. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li fir-realtà, organu bħad-DVGW, minħabba b’mod partikolari l-awtorizzazzjoni tiegħu li jiċċertifika l-prodotti, għandu l-poter li jirregola d-dħul fis-suq Ġermaniż ta’ prodotti bħall-attrezzaturi tar-ram inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
32 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkunsdira li l-prodotti ċċertifikati minn dan il-organu huma konformi mad-dritt nazzjonali u dan ikollu bħala effett li jostakola l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex iċċertifikati mill-imsemmi organu. |
Fuq it-tieni domanda
|
33 |
Peress li t-tieni domanda ġiet magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaliha. |
Fuq l-ispejjeż
|
34 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
L-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ organu privat, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkunsdira li l-prodotti ċċertifikati minn dan il-organu huma konformi mad-dritt nazzjonali u dan ikollu bħala effett li jostakola l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex iċċertifikati mill-imsemmi organu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.