|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1067 |
2.6.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1067
tat-28 ta’ Mejju 2025
li tittermina l-investigazzjoni anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed ikunu l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-ilment tressaq fit-2 ta’ April 2024 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tubi tal-Azzar (“ESTA”, European Steel Tube Association) (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku fis-17 ta’ Mejju 2024 (2). |
2. IRTIRAR TAL-ILMENT
|
(4) |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2025, l-ilmentatur irtira l-ilment tiegħu. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jiġi mitmum, sakemm tali terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. L-investigazzjoni ma kienet żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li tali terminazzjoni tmur kontra l-interess tal-Unjoni. |
3. KONKLUŻJONI U DIVULGAZZJONI
|
(6) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li jintemm il-proċediment. |
|
(7) |
Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. |
|
(8) |
Ma wasal l-ebda kumment. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-investigazzjoni anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar, inklużi tubi ta’ preċiżjoni, ta’ sezzjoni trasversali tonda, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx l-406,4 mm b’Valur Ekwivalenti għall-Karbonju (CEV, Carbon Equivalent Value) li ma jaqbiżx 0,86 skont il-formula tal-Istitut Internazzjonali tal-Iwweldjar (IIW, International Institute of Welding) u l-analiżi kimika, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 7304 19 10 , ex 7304 19 30 , ex 7304 23 00 , ex 7304 29 10 , ex 7304 29 30 , ex 7304 31 20 , ex 7304 31 80 , ex 7304 39 50 , ex 7304 39 82 , ex 7304 39 83 , ex 7304 51 89 , ex 7304 59 82 u ex 7304 59 83 (kodiċijiet TARIC: 7304 19 10 20, 7304 19 30 20, 7304 23 00 20, 7304 29 10 20, 7304 29 30 20, 7304 31 20 30, 7304 31 80 30, 7304 39 50 30, 7304 39 82 30, 7304 39 83 20, 7304 51 89 30, 7304 59 82 30 u 7304 59 83 20), hija b’dan itterminata.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali huma ordnati li jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2720 (3).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI : http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/3225, 17.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/20243225/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2720 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/2720, 25.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2720/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1067/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)