20.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 222/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Awwissu 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2007/870/KE fir-rigward ta’ l-approvazzjoni tal-pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi stabbilimenti b’tilqima li timmarka fir-Rumanija

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4360)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(2008/682/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer (1), u b’mod partikolari t-tielet sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 19(3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/89/KE tintroduċi miżuri minimi tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer. Dawn il-miżuri jinkludu d-dispożizzjoni li l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni, wara l-konferma ta’ każ primarju ta’ deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, pjan tal-miżuri għall-qerda ta’ din il-marda. Dawn il-miżuri jipprovdu wkoll għat-tilqim ta’ emerġenza ta’ ħnieżer fil-maqjel.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/870/KE tal-21 ta’ Diċembru 2007 li tapprova l-pjanijiet għall-2008 għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ u t-tilqim ta’ emerġenza ta’ dawn il-ħnieżer u ta’ ħnieżer fi stabbilimenti kontra din il-marda fir-Rumanija (2) ġiet adottata bħala waħda minn għadd ta’ miżuri fil-ġlieda kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer. Id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2008.

(3)

Wieħed mill-pjanijiet approvati b’din id-Deċiżjoni jirrigwarda t-tilqima ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku fil-ħnieżer ta’ ħnieżer fi stabbilimenti b’tilqima li timmarka. Id-disponibbiltà ta’ din it-tilqima kienet ristretta wara l-approvazzjoni ta’ dan il-pjan. Ir-Rumanija emendat dan il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza skond dan.

(4)

Dan il-pjan emendat ta’ tilqim intbagħat mir-Rumanija lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2008.

(5)

Il-pjan emendat ġie eżaminat mill-Kummissjoni u nstab konformi mad-Direttiva 2001/89/KE. Għaldaqstant, dan il-pjan għandu jiġu approvat.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/870/KE, id-data “29 ta’ Novembru 2007” tinbidel bi “30 ta’ Ġunju 2008”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Id-Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).

(2)   ĠU L 340, 22.12.2007, p. 105.