|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1015 |
27.5.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1015
tas-26 ta’ Mejju 2025
dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza għal Spanja li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892, biex jiġu solvuti problemi speċifiċi fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex ikkawżati minn eventi meteoroloġiċi avversi severi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minħabba eventi meteoroloġiċi avversi severi li seħħew fir-reġjun ta’ Valenzja fi Spanja f’Ottubru u Novembru 2024, il-produzzjoni tal-frott u tal-ħxejjex, il-potenzjal tal-produzzjoni u l-infrastrutturi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi saritilhom ħsara drammatika, li kkawżat mhux biss telf enormi fir-rigward tal-ħsad tal-2024 iżda huwa mistenni wkoll li jkollha impatt negattiv fuq is-settur fis-snin li ġejjin. Depressjoni iżolata ta’ altitudni għolja li kkawżat għargħar katastrofiku għal għarrieda u xita torrenzjali affettwat b’mod sever jew saħansitra qerdet l-imsaġar li jinsabu f’dan ir-reġjun. It-telf stmat li jirriżulta mill-ħsarat fil-ħsad tal-2024 ikkawżati mill-għargħar katastrofiku għal għarrieda u mix-xita torrenzjali jammonta għal EUR 644,6 miljun. Xi prodotti esperjenzaw livell partikolarment għoli ta’ ħsara, eż. it-telf stmat fis-setturi tal-lewż u tal-ġellewż jammonta għal EUR 49,3 miljun, b’telf mistenni fil-produzzjoni ta’ aktar minn 30 % għal-lewż u saħansitra 50 % għall-ġellewż fl-2024. Barra minn hekk, il-konsegwenzi negattivi għaż-żoni l-aktar affettwati jestendu lil hinn mill-produzzjoni ta’ din is-sena, peress li jinkludu l-ħsarat lis-siġar u lill-istrutturi permanenti tal-imsaġar kif ukoll il-qerda ta’ makkinarju, għelieqi mtarrġin u sistemi ta’ tisqija. Dawn il-ħsarat se jkunu ta’ piż fuq il-kapaċità tal-produzzjoni futura ta’ dawk iż-żoni. |
|
(2) |
Ħafna mill-produtturi tal-frott u tal-ħxejjex affettwati bil-kbir mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 huma membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li jimplimentaw programmi operazzjonali. Minn Ottubru 2024, dawn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri produtturi tagħhom kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jissodisfaw l-impenji pendenti tagħhom għall-programmi tal-2024 u biex jassumu obbligi fil-qafas tal-programmi għas-sena 2025. B’konsegwenza ta’ dan, xi wħud mill-azzjonijiet u l-miżuri approvati jistgħu ma jiġux implimentati u għalhekk parti mill-fondi operazzjonali jistgħu ma jintefqux, filwaqt li l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni ta’ kriżi jistgħu jibqgħu ineliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li jittieħdu azzjonijiet urġenti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni billi tiġi permessa xi flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, li jkomplu joperaw skont il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mal-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Tali flessibbiltà tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jonfqu r-riżorsi tagħhom fil-fondi operazzjonali fuq azzjonijiet u miżuri mmirati b’mod preċiż u jidderieġu mill-ġdid b’mod effiċjenti l-finanzjament tal-Unjoni f’dawn il-fondi billi jidderogaw biss sa punt li jkun strettament meħtieġ mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw, bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, miżuri ta’ kriżi u ta’ prevenzjoni fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex. Dawk il-miżuri huma maħsuba biex iżidu r-reżiljenza tagħhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn u biex jgħinu fil-ġestjoni tal-kriżijiet. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, tali miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ma għandhomx jinkludu aktar minn terz tan-nefqa fil-qafas tal-programm operazzjonali sabiex jiġi evitat infiq żejjed ta’ fondi fil-qafas tal-programmi operazzjonali għall-finanzjament biss ta’ miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. Madankollu, minħabba l-konsegwenzi severi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u l-livell għoli ta’ qerda li kkawżaw fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta flessibbiltà akbar għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi affettwati u li jkunu jistgħu jiffokaw ir-riżorsi fil-qafas tal-programmi operazzjonali fuq miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ dawk l-eventi. Għalhekk, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li ma tapplikax għall-programmi operazzjonali mħallsa jew implimentati fis-sena 2025. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jeħtieġ li jkunu jistgħu jidderieġu mill-ġdid il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-fond operazzjonali korrispondenti tagħhom, għall-azzjonijiet u l-miżuri li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024. Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, huwa meħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fis-snin 2024 u 2025 il-limitu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 34(1) ta’ dak ir-Regolament jiżdied minn 50 % għal 70 % tan-nefqa attwali mġarrba. |
|
(5) |
Barra minn hekk, minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex iltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali fiż-żoni affettwati. Dan jista’ jwassal għal dewmien fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi operazzjonali u, b’riżultat ta’ dan, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti għal tali programmi fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (3), li jkomplu japplikaw għall-programmi operazzjonali implimentati skont il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mal-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117 u l-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2528 (4). Fid-dawl tan-natura bla preċedent tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, huwa meħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. |
|
(6) |
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma vulnerabbli ħafna għat-tħarbit u t-tfixkil ikkawżati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi u qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi tal-flussi tal-flus ikkawżati mit-tnaqqis jew il-qerda tal-produzzjoni tagħhom. Dan għandu impatt dirett fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw programmi operazzjonali mhux biss fis-sena 2024 iżda wkoll fis-snin sussegwenti peress li l-valur tal-produzzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni għas-sena 2024 għandu impatt fuq il-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għas-snin sussegwenti. Dan qed ikompli jinfluwenza l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jintroduċu miżuri u azzjonijiet immirati lejn l-effetti tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kkawżat mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 ixekkel il-kontinwità u l-vijabbiltà tal-programmi operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex. |
|
(7) |
Sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, u l-impatt tagħhom fuq il-valur tal-prodotti mibjugħa, jenħtieġ li fis-sena 2025 l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu eżentati mir-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, li l-valur ekonomiku tal-prodotti mibjugħa mill-produtturi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jrid ikun taħt il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. |
|
(8) |
It-telf fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex ikkawżat mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 għandu t-tendenza li jkollu impatt kbir fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni riċevuta mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena sussegwenti, peress li l-ammont tal-għajnuna tal-Unjoni jrid jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi. Jekk ikun seħħ telf sostanzjali fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jitilfu r-rikonoxximent tagħhom bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi, peress li wieħed mill-kriterji għal tali rikonoxximent hu li jintlaħaq ċertu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit fil-livell nazzjonali. Dan qed ipoġġi l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi f’riskju. Għalhekk, jekk ikun seħħ tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott fis-sena 2024 jew fis-sena 2025 minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u għal raġunijiet barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-2025 jiġi stabbilit bħala 100 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-medja tal-ħames perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar, esklużi l-inqas u l-ogħla valuri. Il-limitu ta’ 65 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu preċedenti, stabbilit fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, huwa tabilħaqq insuffiċjenti biex tinkiseb stabbiltà ekonomika u finanzjarja minħabba l-estent tat-telf tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024. |
|
(9) |
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu li jikkonformaw mal-perċentwali massimi tal-fond operazzjonali li għandhom jintefqu fuq kwalunkwe miżura individwali jew tip ta’ azzjoni, kif stabbilit fl-istrateġija nazzjonali stabbilita minn Spanja skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. Din id-deroga għandha l-għan li tiżgura flessibbiltà akbar għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkonċernati billi tippermettilhom jidderieġu mill-ġdid ir-riżorsi disponibbli fil-fond operazzjonali lejn dawk il-miżuri li huma meqjusa l-aktar effiċjenti biex jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ dawk l-eventi meteoroloġiċi avversi severi. |
|
(10) |
Jenħtieġ li fis-sena 2025 Spanja u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkonċernati jiġu eżentati wkoll mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 34(1) u fl-Artikolu 34(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, fir-rigward tas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ emendi tal-programmi operazzjonali. |
|
(11) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 jkunu jistgħu jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom fis-sena 2025 sabiex iżidu jew inaqqsu l-ammont tal-fond operazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru u lil hinn mill-perċentwal massimu stabbilit fl-Artikolu 34(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jew kwalunkwe perċentwali oħra ffissata mill-Istat Membru. Dan jippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jaġġustaw il-fondi operazzjonali ppjanati inizjalment bl-aktar mod effiċjenti li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet reali tagħhom. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, jekk organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ma tibqax timplimenta l-programm operazzjonali tagħha qabel tmiem id-durata skedata tiegħu, ma għandu jsir l-ebda pagament ulterjuri lil dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni għal azzjonijiet implimentati wara d-data tal-waqfien ta’ dak il-programm operazzjonali. Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-għajnuna riċevuta għal azzjonijiet eliġibbli mwettqa qabel il-waqfien tal-programm operazzjonali ma tiġix irkuprata fis-sena 2025 meta l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-waqfien ta’ dak il-programm operazzjonali seħħ għal raġunijiet marbuta mal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u li jaqgħu barra mill-kontroll u mir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tal-produtturi. |
|
(13) |
Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni riċevuta għall-impenji pluriennali fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex, bħall-azzjonijiet ambjentali, jenħtieġ li ma tiġix irkuprata u rimborżata lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) kif previst fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, jekk l-objettivi fit-tul tagħhom ma jkunux jistgħu jitwettqu minħabba l-interruzzjoni tagħhom fis-sena 2024 għal raġunijiet marbuta mal-konsegwenzi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024. |
|
(14) |
Barra minn hekk, minħabba d-diffikultajiet mhux previsti li jiltaqgħu magħhom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fiż-żoni affettwati minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, Spanja u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkonċernati jenħtieġ li jingħataw xi flessibbiltà fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (5), li jkomplu japplikaw għall-programmi operazzjonali implimentati skont il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mal-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117 u l-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2532 (6). |
|
(15) |
Skont l-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jkopru n-nefqa pprogrammata iżda mhux imġarrba jekk l-operazzjonijiet ikkonċernati ma setgħux jitwettqu sal-31 ta’ Diċembru tas-sena tal-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali, għal raġunijiet barra mill-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata iżda jistgħu madankollu jitwettqu sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara s-sena li għaliha tintalab l-għajnuna u jekk tibqa’ kontribuzzjoni ekwivalenti mill-organizzazzjoni tal-produtturi fil-fond operazzjonali. Fid-dawl tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024, jixraq li ssir deroga mill-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u li jiġi previst li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi sal-15 ta’ Frar 2025 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għas-sena 2024 iżda li ma jitwettqux sal-31 ta’ Diċembru 2024, jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2025. L-istess skadenza jenħtieġ li tapplika wkoll għall-obbligu li tingħata prova tal-implimentazzjoni tan-nefqa pprogrammata kif imsemmi fl-Artikolu 9(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892. |
|
(16) |
Is-sitwazzjoni ġenerali kkawżata mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru ta’ Novembru 2024 tikkostitwixxi problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ tfixkil eżistenti u uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu. La huwa marbut ma’ miżuri li jiġġieldu t-tixrid tal-mard tal-annimali u lanqas mat-telf tal-fiduċja tal-konsumatur minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti. |
|
(17) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata u li jiġu adottati miżuri b’mod urġenti biex jittaffew l-effetti negattivi severi tal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-Artikolu 221(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-miżuri jridu jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Derogi temporanji mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-frott u tal-ħxejjex
1. B’deroga mill-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fil-qafas tal-programm operazzjonali msemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika għall-programmi operazzjonali mħallsa jew implimentati fis-sena 2025 fir-rigward ta’ żoni identifikati minn Spanja bħala affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.
2. Il-limitu stabbilit fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun ta’ 70 % tan-nefqa attwali mġarrba fis-snin 2024 u 2025 għall-programmi operazzjonali implimentati minn organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi identifikati minn Spanja bħala affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.
Artikolu 2
Derogi temporanji mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891
1. B’deroga mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, fis-sena 2025, organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li hija affettwata mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 tista’ tbigħ prodotti minn produtturi li mhumiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi irrispettivament mill-valur ekonomiku ta’ dik l-attività meta mqabbel mal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħha.
2. B’deroga mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, jekk fis-snin 2024 u 2025, ikun seħħ tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u għal raġunijiet li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur medju tiegħu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata matul il-ħames perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar, esklużi l-inqas u l-ogħla valuri.
3. B’deroga mill-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, il-perċentwali massimi tal-fond operazzjonali li jistgħu jintefqu fuq kwalunkwe miżura individwali jew tip ta’ azzjoni, kif stabbilit fl-istrateġija nazzjonali stabbilita minn Spanja skont l-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament Delegat, ma għandhomx japplikaw għall-programmi operazzjonali implimentati minn organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.
4. Fis-sena 2025, l-obbligi ta’ Spanja u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward tas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ emendi tal-programmi operazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 34(1) u fl-Artikolu 34(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 ma għandhomx japplikaw għal Spanja u għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew għall-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.
5. B’deroga mill-Artikolu 34(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi affettwati mill-eventi meteoroloġiċi avversi ta’ Ottubru u Novembru 2024 għandhom ikunu awtorizzati jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom sabiex iżidu jew inaqqsu l-fond operazzjonali approvat inizjalment mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel minn Spanja. Il-perċentwal massimu ta’ żieda kif stabbilit fl-Artikolu 34(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament Delegat jew kwalunkwe perċentwal ieħor iffissat minn Spanja ma għandux japplika għal tali emendi.
6. Fis-sena 2025, l-għajnuna riċevuta għal azzjonijiet eliġibbli mwettqa qabel il-waqfien tal-programm operazzjonali ma għandhiex tiġi rkuprata, anki jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 ma jiġux issodisfati, dment li l-waqfien tal-programm operazzjonali kien marbut mal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u seħħ għal raġunijiet li jaqgħu barra mill-kontroll u mir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.
7. B’deroga mill-Artikolu 36(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-impenji pluriennali ma għandhiex tiġi rkuprata u rimborżata lill-FAEG meta l-objettivi fit-tul u l-benefiċċji mistennija ta’ dawk l-impenji ma jkunux jistgħu jitwettqu minħabba li l-implimentazzjoni tagħhom tkun ġiet interrotta fis-sena 2024 għal raġunijiet marbuta mal-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024.
8. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jagħtu prova lill-awtorità kompetenti kkonċernata ta’ Spanja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 7 ġew issodisfati.
Artikolu 3
Derogi temporanji mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892
1. B’deroga mill-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, l-iskadenza għat-twettiq tal-operazzjonijiet li ma setgħux jitwettqu sal-31 ta’ Diċembru 2024 minħabba l-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ Ottubru u Novembru 2024 u li huma koperti bħala nefqa pprogrammata mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi minn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandha tkun il-15 ta’ Awwissu 2025.
2. Meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jagħmlu użu mid-deroga prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-iskadenza għall-għoti ta’ prova tal-implimentazzjoni tan-nefqa pprogrammata, kif imsemmi fl-Artikolu 9(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, għandha tkun il-15 ta’ Awwissu 2025.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sas-27 ta’ Mejju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2117/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/891/oj).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2528 tas-17 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 u li jħassar ir-Regolamenti Delegati (UE) Nru 611/2014, (UE) 2015/1366 u (UE) 2016/1149 applikabbli għal skemi ta’ għajnuna f’ċerti setturi agrikoli (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2528/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/892/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2532 tal-1 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 738/2010 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, (UE) 2015/1368 u (UE) 2016/1150 applikabbli għal skemi ta’ għajnuna f’ċerti setturi agrikoli (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2532/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1015/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)