|
31.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 88/175 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-22 ta' April 2008
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2006
(2009/217/KE)
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2006 (1),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (2),
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-data 12 Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),
wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, li jistipula l-proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bnedmin jew mill-annimali u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 68 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0125/2008),
|
1. |
Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2006; |
|
2. |
Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt; |
|
3. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje L). |
Il-President
Hans-Gert PÖTTERING
Is-Segretarju Ġenerali
Harald RØMER
(1) ĠU C 261, 31.10.2007, p. 10.
(2) ĠU C 309, 19.12.2007, p. 34.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-22 ta' April 2008
li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2006
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2006 (1),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali ta' Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (2),
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),
wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 276 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, li jistipula l-proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bnedmin jew mill-annimali u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 68 tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0125/2008),
|
A. |
billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 huma ta' min wieħed joqgħod fuqhom, u li t-tranżazzjonijiet bażiċi huma legali u regolari, |
|
B. |
billi fl-24 ta' April 2007, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2005 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza, fost affarijiet oħra
|
Punti ġenerali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw lill-aġenziji tal-UE u li b'hekk jaffettwaw ukoll il-proċedura ta' kwittanza għal kull waħda mill-aġenziji individwali
|
1. |
Jinnota li l-baġits tal-24 aġenzija u ta' korpi satelliti oħrajn li saritilhom il-verifika mill-Qorti tal-Awdituri kienu jammontaw għal EUR 1,080.5 miljun fl-2006 (l-akbar baġit kien tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li kien jammonta għal EUR 271 miljun u l-iżgħar baġit kien tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien jammonta għal EUR 5 miljun); |
|
2. |
Jenfasizza l-fatt li l-firxa ta' korpi esterni tal-UE li huma suġġetti għal verifika u għal kwittanza issa tinkludi mhux biss aġenziji regolatorji tradizzjonali iżda wkoll aġenziji eżekuttivi li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur qrib se testendi wkoll għal intrapriżi konġunti li ġew stabbiliti bħala ftehimiet ta' sħubija pubbliċi-privati (inizjattivi teknoloġiċi konġunti); |
|
3. |
Josserva fir-rigward tal-Parlament li l-għadd ta' aġenziji suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (m'humiex inklużi 2 aġenziji li jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Awdituri iżda li huma suġġetti għal proċess ta' kwittanza intern); |
|
4. |
Jikkonkludi, għaldaqstant, li l-proċess ta' verifika/kwittanza sar ineffiċjenti u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġits tal-aġenziji/tal-korpi satelliti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jagħmel reviżjoni wiesgħa tal-proċess ta' kwittanza fir-rigward ta' aġenziji u korpi satelliti bil-għan li jitfassal metodu iktar sempliċi u razzjonali, filwaqt li jżomm f'moħħu l-għadd dejjem ikbar ta' korpi li kull wieħed minnhom jesiġi rapport ta' kwittanza separat fis-snin li ġejjin; |
Kunsiderazzjonijiet fundamentali
|
5. |
Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet ċari fir-rigward tal-elementi li ġejjin qabel il-ħolqien ta' aġenzija ġdida jew qabel ir-riforma ta' aġenzija eżistenti: it-tip ta' aġenzija, l-għanijiet tal-aġenzija, l-istruttura ta' governanza interna, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri ewlenin, il-grupp fil-mira, il-klijenti u l-partijiet interessati tal-aġenzija, ir-relazzjoni formali mal-atturi esterni, ir-responsabilità baġitarja, l-ippjanar finanzjarju, u l-istaff u l-politika dwar l-istaff; |
|
6. |
Jitlob li kull aġenzija tkun irregolata minn ftehima annwali rigward ir-rendiment li tkun ifformulata mill-aġenzija u mid-DĠ responsabbli u li għandha tinkludi l-għanijiet ewlenin għas-sena li tkun ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għall-kejl tar-rendiment; |
|
7. |
Jitlob li r-rendiment tal-aġenziji jiġi vverifikat b'mod regolari (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti tal-Awdituri jew awditur indipendenti ieħor; iqis li din il-verifika m'għandhiex tkun limitata għal elementi tradizzjonali ta' ġestjoni finanzjarja u għall-użu kif suppost tal-fondi pubbliċi, iżda għandha tkopri wkoll l-effiċjenza u l-effikaċja amministrattiva u għandha tinkludi klassifikazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja ta' kull aġenzija; |
|
8. |
Jargumenta li fil-każ ta' aġenziji li qegħdin kontinwament jistmaw li l-ħtiġijiet baġitarji rispettivi tagħhom huma ogħla milli fil-fatt huma, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku skont il-postijiet vakanti; huwa tal-opinjoni li dan għandu jwassal, f'perjodu fit-tul, għal inqas dħul assenjat għall-aġenziji u għalhekk inaqqas ukoll l-ispejjeż amministrattivi; |
|
9. |
Jinnota li hija problema serja li għadd ta' aġenziji jiġu kkritikati minħabba li ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwisti pubbliċi, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti tal-Istaff, eċċ.; jikkunsidra li r-raġuni ewlenija għal dan hija li ħafna mir-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassla għal istituzzjonijiet akbar u li ħafna mill-aġenziji ż-żgħar m'ghandhomx il-kapaċità mixtieqa biex jaqdu dawn il-ħtiġijiet regolatorji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni malajr kemm jista' jkun, sabiex titjieb l-effiċjenza billi l-funzjonijiet amministrattivi ta' diversi aġenziji jingħaqdu flimkien, sabiex tinkiseb din is-saħħa (billi wieħed jikkunsidra t-tibdiliet meħtieġa fir-Regolamenti bażiċi li jmexxu lill-aġenziji u l-indipendenza baġitarja tagħhom), jew sabiex toħloq abbozz ta' regoli speċifiċi għall-aġenziji (b'mod partikulari billi timplimenta regoli għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi bis-sħiħ; |
|
10. |
Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-aġenziji individwali fis-snin ta' qabel, b'mod partikolari għas-sena n-1, u tirrevedi l-baġit rikjest mill-aġenzija partikulari kif meħtieġ; jistieden lill-Kumitat kompetenti tiegħu sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk ma jkunx diġà ġie rivedut mill-Kummissjoni, jirrevedi huwa stess il-baġit imsemmi fuq livell realistiku li jaqbel mal-kapaċità ta' assorbiment u implimentazzjoni tal-aġenzija imsemmija; |
|
11. |
Ifakkar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2005, fejn huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta' kull aġenzija li teżisti; f'każ ta' evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta' aġenzija, jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha sabiex jieħdu l-passi meħtieġa, billi jifformulaw mill-ġdid il-mandat ta' dik l-aġenzija jew billi jagħlquh; jinnota li ma saret l-ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, tal-inqas 5 minn tali evalwazzjonijiet qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2007, billi tibda mill-iżjed aġenzija antika; |
|
12. |
Huwa tal-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu implimentati minnufih, u li l-livell tas-sussidji mħallsa lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tagħhom għal dak li għandu x'jaqsam mal-likwidità; barra minn hekk jikkunsidra li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom jiġu miżjuda fir-Regolament finanzjarju tal-qafas tal-aġenziji u f'bosta regolamenti finanzjarji speċifiċi; |
|
13. |
Hu mħasseb li numru sinifikanti ta' staff huma impjegati fuq bażi temporanja b'mod li jista' jdgħajjef il-kwalità ta' xogħolhom; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti għall-Istaff mill-aġenziji; |
Il-preżentazzjoni tad-data li tiġi rapportata
|
14. |
Jinnota li m'hemm ebda metodu standard fost l-aġenziji dwar il-preżentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata u tal-kontijiet tagħhom u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u lanqas dwar il-kwistjoni jekk għandhiex titħejja dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mid-direttur tal-aġenzija; josserva li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b'mod ċar bejn (a) il-preżentazzjoni tax-xogħol tal-aġenzija lill-pubbliku u (b) ir-rappurtar tekniku dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja; |
|
15. |
Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni tar-rapporti tal-attivitajiet ma jesiġux b'mod espliċitu li l-aġenzija tfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, bosta diretturi, minkejja dan, xorta waħda għamlu hekk għall-2006, filwaqt li f'każ wieħed minnhom kienet inkluża riserva importanti; |
|
16. |
Ifakkar li l-paragrafu 28 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 (7), jistieden lid-Diretturi tal-Aġenziji sabiex minn issa ‘l quddiem ir-rapport ta' attività annwali tagħhom, li jiġi ppreżentat flimkien mat-tagħrif finanzjarju u tal-ġestjoni, irid ikollu miegħu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni li tikkonċerna l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet, simili għad-dikjarazzjonijiet li ġew iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni; |
|
17. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex temenda l-istruzzjonijiet fis-seħħ tagħha lill-aġenziji skont dak li ntqal hawn fuq; |
|
18. |
Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem mal-aġenziji biex jinħoloq mudell armonizzat li japplika għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha li jiddistingwi b'mod ċar bejn
|
Konklużjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri
|
19. |
Jinnota dak li sabet il-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 10.29 (8) li l-ħruġ ta' sussidji li jitħallsu mill-Kummissjoni mill-baġit tal-Komunità m'huwiex ibbażat fuq stimi ġġustifikati biżżejjed tar-rekwiżiti ta' likwidità tal-aġenziji u li dan, flimkien mad-daqs tat-trasferimenti (carry-overs), iwassal sabiex ikollhom bilanċi ta' kreditu kbar mhux ħażin; jinnota wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta' sussidji li jitħallsu lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-bżonnijiet reali tagħhom għal dak li jirrigwarda l-likwidità; |
|
20. |
Jinnota li fi tmiem l-2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema tal-kontijiet ABAC (Rapport Annwali, in-nota f'qiegħ il-paġna għall-paragrafu 10.31); |
|
21. |
Jinnota l-kumment tal-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 1.25) dwar spejjeż akkumulati minħabba liv li ma tteħidx li huma responsabbli għalihom uħud mill-aġenziji; jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri kkwalifikat id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha fil-każ ta' tliet aġenziji (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop, CEPOL u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: Cedefop, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni); |
Verifika interna
|
22. |
Ifakkar li b'konformità mal-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern tal-aġenziji regolatorji li jingħataw għotjiet mill-baġit tal-UE; jirrimarka li l-Awditur Intern jirrapporta lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur ta' kull aġenzija; |
|
23. |
Jiġbed l-attenzjoni għar-riżerva li tniżżlet fir-Rapport tal-Attivitajiet Annwali tal-Awditur Intern għall-2006 kif ġej:
“L-Awditur Intern tal-Kummissjoni m'huwiex f'pożizzjoni li jissodisfa kif suppost l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi tal-Komunità minħabba nuqqas ta' riżorsi ta' staff.”; |
|
24. |
Jinnota, madankollu, il-kumment tal-Awditur Intern fir-rapport tal-attivitajiet tiegħu għall-2006 li mill-2007, bis-saħħa tar-riżorsi tal-istaff addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lis-Servizz ta' Verifika Interna (IAS), l-aġenziji regolatorji operattivi kollha se jkunu suġġetti għal xogħol ta' verifika interna fuq bażi annwali; |
|
25. |
Jinnota l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' aġenziji regolatorji u eżekuttivi u ta' intrapriżi konġunti li jeħtieġ li ssirilhom verifika mill-IAS skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-kumitat kompetenti tagħha dwar jekk ir-riżorsi tal-istaff għad-dispożizzjoni tal-IAS humiex se jkunu biżżejjed sabiex issir verifika annwali ta' dawn il-korpi kollha fis-snin li ġejjin; |
|
26. |
Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jesiġi li kull sena kull aġenzija tibgħat rapport lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-kwittanza li jkun imħejji mid-direttur tagħha u li jiġbor fih l-għadd u t-tip ta' verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjoni li ttieħdet dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji sabiex jindikaw jekk dan huwiex qiegħed isir u, jekk inhu hekk, kif qiegħed isir; |
|
27. |
Jieħu nota, fir-rigward tal-kapaċità tal-verifika interna, l-iktar b'rabta mal-aġenziji li huma żgħar, ta' proposta li saret mill-Awditur Intern quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament nhar l-14 ta' Settembru 2006 li aġenziji li huma żgħar għandhom ikunu awtorizzati li jixtru servizzi ta' verifika interna mis-settur privat; |
L-evalwazzjoni tal-aġenziji
|
28. |
Ifakkar fl-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (9) li ġiet innegozjata fil-konċiljazzjoni quddiem il-Kunsill tal-baġit tal-ECOFIN tat-13 ta' Lulju 2007 li titlob (i) lista ta' aġenziji li l-Kummissjoni bi ħsiebha tevalwa, u (ii) lista ta' aġenziji li diġà ġew evalwati, flimkien ma' sinteżi tar-riżultati prinċipali; |
Proċeduri dixxiplinari
|
29. |
Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, aġenziji individwali jsibu diffikultà biex jistabbilixxu bordijiet ta' dixxiplina ad hoc minn fost staff li huwa ta' grad xieraq fil-karriera u li l-IDOC (l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u Dixxiplina) tal-Kummissjoni m'huwiex responsabbli għall-aġenziji; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu li jsir bord ta' dixxiplina komuni; |
Abbozz ta' ftehima interistituzzjonali
|
30. |
Ifakkar fl-abbozz tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni (COM(2005) 59), li kien maħsub li joħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, l-istruttura, it-tħaddim, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bħala sforz sabiex ikunu rrazzjonalizzati l-ħolqien u l-operazzjoni tal-aġenziji; jinnota l-istqarrija fir-rapport ta' sintesi 2006 tal-Kummissjoni (paragrafu 3.1, COM(2007) 274) li għalkemm ma sarx progress fin-negozjati wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz, tnedew mill-ġdid diskussjonijiet dwar sustanza tal-kwistjoni fil-Kunsill fi tmiem l-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir iktar progress għall-adozzjoni; |
|
31. |
Jilqa' b'sodisfazzjon għaldaqstant, l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-aġenziji regolatorji matul l-2008; |
Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom
|
32. |
Ifakkar li fil-każ taż-żewġ aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom, id-direttur jingħata l-kwittanza mill-bord amministrattiv; jinnota li t-tnejn li huma għandhom eċċessi akkumulati sinifikanti minn dħul ta' tariffi li jkunu ġew trasferiti minn ċifri tas-snin preċedenti:
|
Punti speċifiċi
|
33. |
Jinnota l-istqarrija tal-Qorti tal-Awdituri fir-rapport tagħha tal-2006 li, rigward l-infiq amministrattiv, ir-rata ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kienet ta' anqas minn 60 %; |
|
34. |
Jenfasizza r-responsabilità tal-Aġenzija għall-ħarsien u għall-promozzjoni tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-annimali permezz tal-evalwazzjoni u s-sorveljanza tal-mediċini għall-użu mill-bnedmin u mill-annimali; jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija sabiex tipprovdi pariri aktar xjentifiċi fl-istadju bikri tal-iżvilupp ta' mediċini ġodda, kif ukoll l-introduzzjoni ta' miżuri biex iħaffu l-evalwazzjoni ta' mediċini li għandhom importanza kritika għas-saħħa pubblika; |
|
35. |
Jinnota li ammont konsiderevoli tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-2006 ġie trasferit għall-2007 minħabba n-natura tal-proġetti li kellha x'taqsam magħhom l-Aġenzija; |
|
36. |
Jinnota wkoll li t-tweġiba tal-Aġenzija għall-osservazzjonijiet tal-Qorti rigward it-talba tal-miżati tal-Aġenzija u l-kalkoli tal-ispejjeż li f'Diċembru 2006, il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija ddeċieda jwettaq reviżjoni tas-sistema tal-miżati ta' skala b'konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; |
|
37. |
Ifakkar li d-dħul tal-Aġenzija jikkonsisti minn kontribut mill-Komunità u miżati mħallsa minn impriżi biex jiksbu u jżommu awtorizzazzjonijiet tal-Komunità għat-tqegħid fis-suq u servizzi oħra mogħtija mill-Aġenzija; |
|
38. |
Jinnota, mill-kontijiet finali tal-Aġenzija, li fl-2006 rċeviet miżati u dħul ieħor ta' EUR 119 miljun u sussidju Komunitarju ta' EUR 31 miljun; jinnota li r-riżultat ekonomiku tal-Aġenzija għal dik is-sena kien ta' EUR 16-il miljun li, meta jingħad mal-eċċess akkumulat ta' EUR 27 miljun, iwassal għal assi totali netti ta' EUR 44 miljun; |
|
39. |
Jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li l-eċċess akkumulat mhuwiex eċċess baġitarju iżda huwa r-riżultat ekonomiku bbażat fuq l-applikazzjoni ta' prinċipji ta' kontijiet ibbażati fuq id-dovuti u ġie użat biex jiffinanzja l-infiq kapitali fuq l-assi fissi, l-aktar għat-tagħmir tal-bini u għall-ispejjeż tal-iżvilupp tal-IT; |
|
40. |
Jinnota, mill-kontijiet provviżorji, li matul l-2006 l-Aġenzija, f'isem 19-il aġenzija, immaniġġjat il-baġit tas-servizzi ta' appoġġ komuni, li jikkonsistu fl-infiq għall-ħlas tal-konsulenti għall-appoġġ tal-għodda baġitarja tal-kontijiet u s-sistema finanzjarja tar-rappurtar SI2; |
|
41. |
Jinnota wkoll, mill-kontijiet provviżorji, li d-dħul għall-ħlas marbut mal-evalwazzjoni żdied b'31.5 % mill-2005 sal-2006; |
|
42. |
Jinnota li d-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija fassal rapport ta' attività annwali iżda mhux dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni (minħabba li dikjarazzjoni ta' dan it-tip mhijiex meħtieġa mill-istruzzjonijiet attwali tal-Kummissjoni); |
|
43. |
Jirrimarka, madankollu, li fir-rapport tal-attività annwali tiegħu, id-direttu eżekuttiv jistqarr li m'għandux riservi; jirrikonoxxi l-istqarrija tal-Aġenzija li d-direttur eżekuttiv fil-ġejjieni jkun lest jiffirma dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni; |
|
44. |
Jilqa' l-analiżi tal-bord tat-tmexxija u l-evalwazzjoni tar-rapport ta' attività annwali tad-direttur eżekuttiv; jinnota, b'mod partikulari, it-tħassib tal-bord rigward il-fatt li l-aġenzija qed tirċievi ħidmiet ġodda li mhumiex ibbilanċjati b'iffinanzjar adegwat mill-baġit tal-UE jew b'miżati ġodda; jirrimarka li din l-analiżi ma tidhirx totalment konsistenti mal-qagħda finanzjarja tal-aġenzija kif tidher fil-kontijiet tal-2006; |
|
45. |
Jilqa' l-adozzjoni ta' proċedura riveduta biex jiġu ttrattati l-kunflitti ta' interess mill-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija fl-2006, li ġiet estiża wkoll biex tinkludi membri tal-bord tat-tmexxija; ifaħħar il-ħruġ ta' nota ta' gwida dwar il-proċedura għar-rappurtar ta' aġir mhux xieraq; |
|
46. |
Jinnota li l-IAS mexxiet l-ewwel verifika tagħha ta' bażi tal-Aġenzija fl-2005 u ħarġet ir-rapport finali tagħha f'Settembru 2006, bil-konklużjoni li s-sistema ta' kontroll intern attwali tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli rigward il-ksib tal-għanijiet ta' kummerċ stipulati għall-proċessi verifikati, ħlief għal għadd ta' sejbiet importanti ħafna fl-oqsma tal-ambjent ta' kontroll, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-attivitajiet ta' kontroll; |
|
47. |
Jenfasizza li t-tħejjija tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku (12) kellha impatt konsiderevoli fuq il-ħidma tal-Aġenzija fl-2006; jilqa' l-adozzjoni tad-dokument konġunt tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija dwar il-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq. |
(1) ĠU C 261, 31.10.2007, p. 10.
(2) ĠU C 309, 19.12.2007, p. 34.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 187, 15.7.2008, p. 128.
(7) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tinkludi l-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni tal-Prodotti Mediċinali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 94).
(8) ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.
(9) Dokument tal-Kunsill DS 605/1/07 Rev1.
(10) Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 141).
(11) Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 135).