Official Journal L 087 , 31/03/1999 P. 0001 - 0002
Posizzjoni konġunta tad-29 ta' Marzu 1999 definita mill-Kunsill a bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq il-konvenzjoni proposta tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata (1999/235/JHA) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli K.3(2) u K.5 tiegħu, Jagħraf l-importanza tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materja kriminali u tal-koperazzjoni tal-pulizija sabiex tiġi ipprevenuta u miġġielda kull għamla ta' kriminalità internazzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu K.1 tat-Trattat, interess komuni; Billi l-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Amsterdam f'Ġunju 1997 approva Pjan ta' Azzjoni għall-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kriminalità Organizzata, liema pjan jinkludi proposti estensivi sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; Billi għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni l-miżuri li diġa ġew adottati mill-Unjoni Ewropea jew li qegħdin fil-proċess ta' preparazzjoni jew adozzjoni bil-għan li jiġi implimentat dan il-Pjan ta' Azzjoni u, b'mod partikolari, l-Azzjoni Konġunta 98/733/JHA tal-21 ta' Diċembru 1998 dwar l-istabbiliment tal-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali bħala reat kriminali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Membri [1]; Billi saru arranġamenti għall-iżvilupp u l-innegozzjar ta' konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; Billi l-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Ottubru 1998 talab lill-Presidenza sabiex tipproponi Posizzjoni jew Posizzjonijiet Konġunti, skond l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-abbozz tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u dwar il-protokolli ta' din il-konvenzjoni; Billi huwa mixtieq li ssir kontribuzzjoni għall-innegozzjar tal-konvenzjoni proposta u li tiġi evitata inkompatibilità bejn il-konvenzjoni proposta u l-istrumenti maħruġa mill-Unjoni, IDDEFINIXXA DIN IL-POSIZZJONI KONĠUNTA: Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom isostnu l-preparazzjoni tal-konvenzjoni proposta tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata u l-protokolli tagħha, jekk ikun hemm. L-Istati Membri għandhom jaħdmu favur l-inklużjoni fl-abbozz tal-konvenzjoni ta' disposizzjonijiet illi jiffaċilitaw kemm jista' jkun il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni effettivi tal-kriminalità organizzata. 2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi d-disposizzjonijiet ta' l-abbozz tal-konvenzjoni dwar l-obbligu li attivitajiet partikolari jitqiesu bħala reat kriminali jkunu konsistenti, b'mod partikolari, ma' l-Artikoli 1 u 2 ta' l-Azzjoni Konġunta 98/733/JHA. 3. Fejn huma konċernati d-disposizzjonijiet l-oħra ta' l-abbozz tal-konvenzjoni, il-konvenzjoni għandha tapplika bl-aktar mod wiesgħa possibbli għall-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet kriminali u għall-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra dawn l-organizzazzjonijiet. Bħala prinċipju, id-disposizzjonijiet rilevanti ta' l-abbozz tal-konvenzjoni għandhom ikopru l-attivitajiet ta' persuni li jaġixxu bi ftehim bil-għan li jwettqu reat kriminali serju, u li huma involuti f'organizzazzjoni kriminali li għandha struttura u hija, jew kienet, stabbilita għal ċertu perjodu ta' żmien. Madankollu, dawn id-disposizzjonijet ma għandhomx ikunu limitati għal gruppi bi struttura żviluppata ħafna jew li għandhom natura dejjiema, bħal per eżempju organizzazzjonijiet bi stil tal-mafja; u lanqas ma hu meħtieġ illi l-organizzazzjonijiet ikollhom rwol definit formalment għall-parteċipanti tagħhom jew li jkollhom kontinwità fl-isħubija tagħhom. 4. Id-disposizzjonijiet li ħa jkunu inklużi fl-abbozz tal-konvenzjoni dwar il-koperazzjoni internazzjonali għandhom jipprovvdu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiffaċilitaw din il-koperazzjoni. Dawn id-disposizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll f'sitwazzjoni fejn, minħabba l-fatt illi l-investigazzjoni tkun għadha fi stadju preliminari, ma jkunx possibli li stat jistabbilixxi b'ċertezza li reat partikolari huwa marbut mal-kriminalità organizzata meta jkun mitlub jagħmel dan. Jista' jkun utli ukoll jekk ikunu speċifikati ċertu kriterji sabiex jindikaw rabtiet mal-kriminalità organizzata. 5. Fejn huma konċernati miżuri kontra l-ħasil ta' flus, il-konvenzjoni għandha tkopri medda wiesgħa ta' reati u, b'mod partikolari, għandha tkun konsistenti ma' l-40 rakkommandazzjoni tat-Task Force dwar Azzjoni Finanzjarja. 6. Kull disposizzjoni fl-abbozz tal-konvenzjoni li għandha x'taqsam ma' assi kriminali ma għandhiex tkun inkonsistenti ma', u għandha tieħu in konsiderazzjoni, l-Azzjoni Konġunta 98/699/JHA tat-3 ta' Diċembru 1998 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiskazzjoni tal-mezzi ta' u d-dħul mill-kriminalità [2]. 7. Id-disposizzjonijiet rilevanti ta' l-abbozz tal-konvenzjoni jistgħu, fejn ikun xieraq, ikunu immudellati fuq il-Konvenzjoni ta' l-1998 tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illegali fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi. Barra minn hekk, dawn id-disposizzjonijiet għandhom jieħdu in konsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta' l-1990 tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tfittxija, il-Qbid u l-Konfiskazzjoni tad-Dħul mill-Kriminalità. Artikolu 2 Fin-negozjati dwar il-konvenzjoni proposta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-protokolli tagħha, jekk ikun hemm, l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun prattiku, jikkordinaw il-posizzjonijiet tagħhom, fuq inizjattiva tal-Presidenza, u għandhom ifittxu illi jaslu għal posizzjoni komuni fuq il-kwistjonijiet kollha li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-interessi ta' l-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata kompletament ma' din il-ħidma. Fejn ikun meħtieġ, fid-dawl ta' kif ikunu qed jiżviluppaw in-negozjati, għandha tingħata konsiderazzjoni għal-liema passi oħra jeħtieġ li jittieħdu. Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi d-disposizzjonijiet tal-konvenzjoni proposta tan-Nazzjonijiet Uniti, u tal-protokolli li jista' jkun hemm, ma jkunux inkonsistenti ma' l-istrumenti li jkunu saru bejniethom. Artikolu 4 Il-Kunsill għandu jaħdem sabiex jilħaq aktar Posizzjonijiet Konġunti, kif ikun meħtieġ, fir-rigward ta' l-abbozz tal-konvenzjoni u b'mod partikolari in konnessjoni mal-protokolli li jista' jkun hemm. Artikolu 5 Din il-Posizzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Magħmul fi Brussel, 29 Marzu 1999. Għall-Kunsill Il-President F. Müntefering [1] ĠU L 351, 29. 12. 1998, p. 1. [2] ĠU L 333, 9. 12. 1998, p. 1. --------------------------------------------------