European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6345

7.11.2024

P9_TA(2024)0054

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Ioannis Lagos

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2024 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Ioannis Lagos (2023/2092(IMM))

(C/2024/6345)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Ioannis Lagos, imressqa mill-Viċi Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-Qorti ta’ Prim’Istanza ta’ Ateni, ippreżentata b’ittra ddatata l-31 ta’ Mejju 2023 mill-Viċi Prosekutur tal-Qorti Suprema (Areios Pagos) tal-Greċja b’rabta ma’ akkużi kriminali possibbli (bir-referenza ABM: RB 2022/13-EG: 104-23/3), u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta’ Ġunju 2023,

—

wara li sema’ lil Ioannis Lagos, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali,

—

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Ottubru 2008, fid-19 ta’ Marzu 2010, fis-6 ta’ Settembru 2011, fis-17 ta’ Jannar 2013 u fid-19 ta’ Diċembru 2019  (1),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0027/2024),

A.

billi l-Viċi Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-Qorti ta’ Prim’Istanza ta’ Ateni ppreżenta talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Ioannis Lagos bil-għan li jiftaħ proċediment kriminali kontrih minħabba dikjarazzjoni li tella’ fuq l-internet;

B.

billi, fl-1 ta’ Marzu 2022, Ioannis Lagos ippubblika messaġġ fuq is-sit web tal-partit tiegħu li allegatament ikkostitwixxa inċitament pubbliku għall-vjolenza jew għall-mibegħda fil-konfront ta’ grupp ta’ persuni identifikat abbażi tal-oriġini nazzjonali, tar-reliġjon jew tal-orjentament sesswali bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Liġi Griega Nru 927/1979, kif emendata bil-Liġijiet Griegi Nru 4285/2014 u Nru 4491/2017;

C.

billi, fit-2 ta’ Marzu 2022, l-Osservatorju Grieg tal-Ftehim ta’ Helsinki għarraf lill-Qorti ta’ Prim’Istanza ta’ Ateni, għal skopijiet ta’ informazzjoni u ta’ azzjoni neċessarja, bil-messaġġ li tella’ Ioannis Lagos il-ġurnata ta’ qabel;

D.

billi, fl-1 ta’ Marzu 2022, Ioannis Lagos, waqt is-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew, ħa sehem fil-votazzjoni tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u billi, dakinhar stess, wara l-votazzjoni, ippubblika fuq is-sit web tal-partit tiegħu, dikjarazzjoni intitolata “La se nbigħ u lanqas se nittradixxi l-prinċipji tiegħi u dak li nemmen fih”, li fiha spjega r-raġunijiet wara l-vot tiegħu;

E.

billi, huwa u jagħmel dik id-dikjarazzjoni, Ioannis Lagos huwa allegatament ħati ta’ inċitament pubbliku għall-vjolenza u għall-mibegħda fil-konfront ta’ grupp ta’ persuni identifikat abbażi tal-oriġini nazzjonali, tar-reliġjon jew tal-orjentament sesswali, li jikkostitwixxi reat skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Griega Nru 927/1979, kif emendata bil-Liġijiet Griegi Nru 4285/2014 u Nru 4491/2017;

F.

billi l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

G.

billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat”;

H.

billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom”;

I.

billi dikjarazzjoni magħmula minn Membru barra mill-Parlament Ewropew tista’ tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi ta’ dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, meta jkun fiha valutazzjoni suġġettiva li jkollha rabta diretta u evidenti mal-qadi tad-dmirijiet ta’ dak il-Membru fil-Parlament Ewropew; billi jekk dan hux il-każ jew le jrid għalhekk jiġi stabbilit abbażi tan-natura u tal-kontenut tad-dikjarazzjoni u mhux abbażi tal-post fejn din tkun saret;

J.

billi llum il-ġurnata d-dibattitu politiku li fih jipparteċipaw il-Membri tal-Parlament Ewropew, fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, qiegħed isir dejjem aktar barra mill-bini tal-Parlament, anki fuq l-internet;

K.

billi, f’dan il-kuntest, huwa ċar li d-dikjarazzjoni ppubblikata minn Ioannis Lagos saret fil-kapaċità tiegħu ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u billi jista’ jitqies li teżisti rabta diretta u evidenti bejn id-dikjarazzjoni f’eżami u l-mandat parlamentari ta’ Ioannis Lagos;

1.

Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta’ Ioannis Lagos;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ellenika u lil Ioannis Lagos.


(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6345/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)