European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2089

16.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2089

tal-10 ta’ Ottubru 2025

dwar it-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/648/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (3). Dak il-Ftehim ġie ffirmat fi New Delhi, fit-23 ta' Novembru 2001 u daħal fis-seħħ fl-14 ta' Ottubru 2002. Bid-Deċiżjoni 2009/501/KE (4), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (5), li ġedded u mmodifika kemxejn il-Ftehim iffirmat fl-2001. Il-Ftehim ġie ffirmat fi New Delhi fit-30 ta' Novembru 2007 u daħal fis-seħħ fis-17 ta' Mejju 2010. Dak il-Ftehim flimkien mal-Ftehim iffirmat fl-2001 jissejħu “il-Ftehim”.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 11, il-punt (b), tal-Ftehim, il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta' ħames snin u jista' jiġġedded bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet wara evalwazzjoni matul l-aħħar sena tal-perjodu msemmi qabel.

(3)

Bid-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1788 (6) u (UE) 2020/789 (7) l-Kunsill approva t-tiġdid tal-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin kull darba. Il-Ftehim kif imġedded l-aħħar ser jiskadi fis-17 ta' Mejju 2025.

(4)

L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni turi li l-Ftehim ikompli jipprovdi qafas importanti biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Indja f'oqsma prijoritarji komuni tax-Xjenza u t-Teknoloġija li twassal għal benefiċċji reċiproċi. Huwa għaldaqstant fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jiġġedded għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin.

(5)

Iż-żewġ partijiet ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jġeddu l-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin mingħajr ebda emenda fil-Ftehim. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-Ftehim, jenħtieġ li t-tiġdid ikollu effett retroattiv mis-17 ta’ Mejju 2025.

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li it-tiġdid tal-Ftehim jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tiġdid tal-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-tiġdid tal-Ftehim għandu jkollu effett retroattiv mis-17 ta’ Mejju 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)  L-approvazzjoni tal-10 ta’ Settembru 2025 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/648/KE tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 213, 9.8.2002, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/648/oj).

(3)   ĠU L 213, 9.8.2002, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/648/oj.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/501/KE tad-19 ta' Jannar 2009 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 171, 1.7.2009, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/501/oj).

(5)   ĠU L 171, 1.7.2009, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/501/oj.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1788 tal-1 ta' Ottubru 2015 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 260, 7.10.2015, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1788/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/789 tad-9 ta' Ġunju 2020 dwar it-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 193, 17.6.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/789/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2089/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)