IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.6.2020
COM(2020) 267 final
2020/0129(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi tal-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe min-naħa l-oħra, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li temenda l-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/126/KE. Il-Ftehim għandu l-għan li jippromwovi, permezz tat-tkabbir tal-kummerċ reċiproku, l-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Komunità u l-Gżejjer Faeroe, jipprovdi kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni fil-kummerċ bejn il-Partijiet u jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-kummerċ. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt, stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tal-Ftehim, huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ftehim u jiżgura l-implimentazzjoni tajba tiegħu. L-Artikolu 34(1) tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt biex jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokolli tal-Ftehim.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
L-Artikolu 36 tal-Ftehim jipprevedi li, fuq talba tal-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni se tikkunsidra li ttejjeb il-possibbiltajiet ta’ aċċess għal prodotti speċifiċi u li testendi l-konċessjonijiet tariffarji tagħha għall-prodotti tas-sajd tal-Gżejjer Faeroe.
F’konformità mar-riżultati tan-negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe, il-Kumitat Konġunt se jadotta deċiżjoni rigward l-emendi tal-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim, kif maqbul waqt it-18-il laqgħa tal-Kumitat Konġunt li saret f’Norðragøta, il-Gżejjer Faeroe fid-9 ta’ Ottubru 2019.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-emendi proposti għandhom l-għan li jżidu l-aċċess għas-suq għaż-żewġ Partijiet, kif maqbul fid-9 ta’ Ottubru 2019 waqt it-18-il laqgħa tal-Kumitat Konġunt. Hemm tliet emendi materjali:
–Protokoll 1: Jiżdiedu l-aringi żgħar jew il-laċċi koħol friżati jew preservati (il-kodiċijiet NM 0303 53 90 u 1604 13 90) mal-lista ta’ prodotti fit-Tabella I tal-Anness tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, li jindika d-dazji doganali preferenzjali u l-kundizzjonijiet oħra li għandhom jiġu applikati fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti li joriġinaw minn u li ġejjin mill-Gżejjer Faeroe. L-Unjoni se tapplika dazji żero tal-importazzjoni għal dawn il-prodotti li joriġinaw mill-Gżejjer Faeroe. Il-Gżejjer Faeroe ressqu din it-talba lill-Unjoni skont l-Artikolu 36 tal-Ftehim u l-Partijiet qablu li jemendaw il-Protokoll 1.
–Protokoll 4: Jitħassru n-nota 1 f’qiegħ il-paġna u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 4 tal-Ftehim. In-nota 1 f’qiegħ il-paġna fiha restrizzjoni dwar il-glutina miżjuda fl-għalf tal-ħut esportat mill-Gżejjer Faeroe lejn l-Unjoni, li tapplika għall-kodiċijiet NM ex 2309 90 10, ex 2309 90 31 u ex 2309 90 41. Il-paragrafu 2 jirreferi għar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ kontroll fir-rigward tal-kwota tariffarja stabbilita għall-għalf tal-ħut skont il-kodiċijiet NM ex 2309 90 10, ex 2309 90 31 u ex 2309 90 41. Il-Gżejjer Faeroe inizjalment għamlu t-talba għat-tħassir fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt f’Novembru 2017, bl-argument li l-kompożizzjoni tal-għalf tal-ħut għas-settur tal-akkwakultura kienet żviluppat ħafna, u dan għamel il-glutina komponent aktar importanti.
–Protokoll 4: Jiżdied artikolu ġdid li jistabbilixxi kwoti tariffarji għal prodotti tal-laħam esportati mill-Unjoni lejn il-Gżejjer Faeroe. Fil-qafas tan-negozjati msemmija hawn fuq, l-Unjoni talbet żieda fl-aċċess għas-suq għall-esportazzjonijiet tal-laħam tan-nagħaġ tal-Unjoni lejn il-Gżejjer Faeroe. Il-Partijiet qablu li jistabbilixxu kwota tariffarja għal firxa ta’ prodotti tan-nagħaġ (il-kodiċijiet NM 0204, 0206 80 99, 0206 90 99, 0210 90 11, 0210 90 60, ex 0210 90 90). Il-kwota tariffarja, li biha se japplika d-dazju żero tal-importazzjoni, se tiġi introdotta gradwalment: 40 tunnellata mill-adozzjoni tal-att previst (jiġifieri mill-2020), u 80 tunnellata wara tliet snin (jiġifieri mill-2023).
Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri dwar l-eżitu ta’ dawn in-negozjati matul il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), li saret fl-24 ta’ Ottubru 2019.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit mill-Ftehim. L-att, li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jemenda l-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim skont l-Artikolu 34(1) tal-Ftehim u dawk l-emendi se jkollhom effett vinkolanti fuq il-Partijiet. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim, ikun xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, wara l-adozzjoni tiegħu.
2020/0129 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi tal-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/126/KE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997.
(2)Skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokolli tal-Ftehim.
(3)Wara n-negozjati, il-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe u l-Unjoni qablu li jemendaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim. Dawn l-emendi għandhom l-għan li jwessgħu l-ambitu tal-aċċess għas-suq għaż-żewġ Partijiet fi prodotti magħżula.
(4)Il-Kumitat Konġunt se jadotta deċiżjoni fir-rigward tal-emendi tal-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni li temenda l-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim se tkun vinkolanti għall-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-emendi tal-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President