European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1057

28.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1057

tad-19 ta’ Mejju 2025

dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Awstrija skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu ta’ referenza tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-Ajru Uniku Ewropew

(notifikata bid-dokument C(2025) 3006)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/2803 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 549/2004, l-Istati Membri jridu jfasslu pjanijiet, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”, Functional Airspace Blocks), li jinkludu miri ta’ prestazzjoni, għal kull perjodu ta’ referenza tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-pjanijiet għandhom jinkludu miri ta’ prestazzjoni lokali li huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-perjodu ta’ referenza kkonċernat.

(2)

Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu ta’ referenza (“RP4”, 2025-2029) ġew stabbiliti oriġinarjament fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1688 (4).

(3)

L-Istati Membri kollha fasslu u adottaw abbozzi tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni għall-RP4, li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2024. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jressqu abbozzi aġġornati tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni sal-15 ta’ Novembru 2024.

(4)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f’din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-abbozz aġġornat tal-pjan ta’ prestazzjoni għall-RP4 ippreżentat mill-Awstrija (“l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni”).

(5)

Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”, Performance Review Body), li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni, ressaq rapport lill-Kummissjoni li fih il-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni lokali inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, filwaqt li qieset iċ-ċirkostanzi lokali kull fejn rilevanti.

(7)

Il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni b’rieżami tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Fir-rigward tal-punt 2.1(d)(vii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li ma wettqitx, bħala parti minn dak ir-rieżami, analiżi dettaljata tal-metodoloġija użata mill-Awstrija għall-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u fit-terminal fl-RP4. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma waslet għall-ebda konklużjoni rigward il-konformità ta’ dik il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet mal-punti (e) u (f) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-miri tas-sikurezza

(8)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni ġiet ivvalutata f’konformità mal-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(9)

Il-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Awstrija rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassma skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

Awstrija

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2025

2026

2027

2028

2029

Austro Control

Politika u objettivi tas-sikurezza

B

B

B

B

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

B

B

B

C

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

B

B

B

B

C

Promozzjoni tas-sikurezza

B

B

B

B

C

Kultura tas-sikurezza

B

B

B

B

C

(10)

Il-Kummissjoni sabet li l-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Awstrija għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru “Austro Control” huma ugwali għall-miri tas-sikurezza għall-Unjoni kollha fir-rigward tas-sena kalendarja 2029.

(11)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni jistabbilixxi miżuri għal Austro Control biex jintlaħqu l-miri lokali tas-sikurezza, bħall-applikazzjoni ta’ approċċ integrat għall-ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera dwar is-sikurezza, il-ġestjoni tar-riskju tal-għeja, u l-promozzjoni tat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni biex titrawwem il-kultura tas-sikurezza.

(12)

Kif osservat fil-premessi (9) u (10), il-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza lokali għall-2029 inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni huma konformi mal-miri korrispondenti għall-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688. Għalhekk, dawk il-miri lokali tal-prestazzjoni tas-sikurezza jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP4.

(13)

Madankollu, il-miri intermedji għas-snin 2025 sa 2028 għall-objettivi kollha tal-ġestjoni tas-sikurezza huma osservati bħala baxxi b’mod anormali u insuffiċjenti biex jiġi żgurat l-ilħuq sussegwenti tal-miri għall-2029. Barra minn hekk, miri intermedji baxxi bħal dawn mhumiex ġustifikati fid-dawl tal-prestazzjoni reali tal-Kontroll Awstro fl-RP3 u l-miżuri għall-kisba tal-miri tas-sikurezza fl-RP4 imsemmija fil-premessa(11).

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Awstrija tindirizza, fil-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 16, il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (13) billi ttejjeb il-livelli mmirati tal-ġestjoni tas-sikurezza għas-snin mill-2025 sal-2028.

Valutazzjoni tal-miri ambjentali

(15)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri ambjentali proposti tal-Awstrija tqabblu mal-valuri ta’ referenza al-effiċjenza tat-titjir en route orizzontali rilevanti stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”), imfassal f’konformità mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (6) u disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4, jiġifieri fit-2 ta’ Lulju 2024.

(16)

Il-miri ta’ prestazzjoni ambjentali proposti mill-Awstrija għall-RP4 u l-valuri ta’ referenza nazzjonali korrispondenti mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

Awstrija

2025

2026

2027

2028

2029

Il-miri fil-qasam ta’ prestazzjoni ewlieni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

2,09 %

2,07 %

2,05 %

2,03 %

2,01 %

Valuri ta’ referenza

2,09 %

2,07 %

2,05 %

2,03 %

2,01 %

(17)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri ambjentali proposti mill-Awstrija huma ugwali għall-valuri ta’ referenza nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja tal-RP4.

(18)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Awstrija ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali li jinkludu l-implimentazzjoni tal-ispazju tal-ajru transfruntier b’rotot liberi mar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u s-Slovakkja, u inizjattiva biex titrawwem l-aderenza mill-utenti tal-ispazu tal-ajru għall-pjanijiet tat-titjir mressqa.

(19)

Għalhekk, abbażi tas-sejbiet fil-premessi (16), (17) u (18), il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali tal-Awstrija jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

Valutazzjoni tal-miri tal-kapaċità

(20)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni fir-rigward tad-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”, Air Traffic Flow Management) en route għal kull titjira ġie vvalutat abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri tal-kapaċità proposti tal-Awstrija tqabblu mal-valuri ta’ referenza rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network, imfassal f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 u disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4, jiġifieri fit-2 ta’ Lulju 2024.

(21)

Il-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Awstrija għall-RP4, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, u l-valuri ta’ referenza korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

Awstrija

2025

2026

2027

2028

2029

Il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien en route tal-ATFM għal kull titjira

0,28

0,23

0,19

0,16

0,16

Valuri ta’ referenza

0,28

0,23

0,19

0,16

0,16

(22)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-kapaċità proposti mill-Awstrija huma ugwali għall-valuri ta’ referenza nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja tal-RP4.

(23)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Awstrija ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità tagħha en route. L-ewwel nett, dawk il-miżuri jinkludu r-reklutaġġ ta’ kontrolluri ġodda tat-traffiku tal-ajru (“ATCOs”) li jippermettu żieda fl-għadd ta’ ekwivalenti full-time ta’ ATCO fis-servizz fiċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona. It-tieni nett, dawk il-miżuri jinkludu l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ATM, ristrutturar tal-ispazju tal-ajru, taħriġ u roster tal-persunal, u r-riallokazzjoni taċ-ċentru ta’ kontroll tal-erja ta’ Wien.

(24)

Għalhekk, abbażi tas-sejbiet fil-premessi (21), (22) u (23), il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali tal-Awstrija jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

Rieżami tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(25)

F’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni billi rrieżaminat il-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal stabbiliti rigward l-ajruporti msemmija fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Instab li dawk il-miri jagħtu lok għal tħassib.

(26)

Meta tqassam il-miri tal-kapaċità fit-terminal fil-livell tal-ajruport, il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-kapaċità fit-terminal proposti għall-RP4 jirriżultaw f’livell ferm agħar ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira għall-ajruport ta’ Vjenna mil-livell ta’ prestazzjoni ta’ ajruporti simili identifikat mill-PRB.

(27)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jenħtieġ li fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti fil-premessa (26), l-Awstrija għandha tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kapaċità fit-terminal għall-RP4 jew li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri.

Valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza

(28)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni fir-rigward tal-kost unitarju ddeterminat (“DUC”, Determined Unit Cost) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tad-DUC matul l-RP4, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul l-RP3 u l-RP4 (2020-2029), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

(29)

Il-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Awstrija għall-RP4, u l-valuri ta’ referenza relatati, huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Awstrija

Valur ta’ referenza tal-2019

Valur ta’ referenza tal-2024

2025

2026

2027

2028

2029

Il-miri u l-valuri ta’ referenza fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2022)

EUR 72,18

EUR 53,66

EUR 54,40

EUR 53,61

EUR 53,32

EUR 53,65

EUR 52,63

(30)

Rigward l-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC tal-Awstrija fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ -0,4 % matul l-RP4 hija inqas mix-xejra għall-Unjoni kollha ta’ -1,2 % matul l-istess perjodu.

(31)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC tal-Awstrija fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP3 u l-RP4 ta’ -3,4 % tisboq ix-xejra fit-tul għall-Unjoni kollha ta’ -1,0 % matul l-istess perjodu.

(32)

Fir-rigward tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ referenza tad-DUC ta’ EUR 53,66 tal-Awstrija f’termini reali fi prezzijiet tal-2022 (“EUR2022”) huwa 51,7 % aktar baxx mill-valur ta’ referenza medju ta’ EUR 110,99 f’EUR2022 tal-grupp komparatur rilevanti stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688.

(33)

Huwa ċar li x-xejra fuq terminu twil tad-DUC tal-Awstrija tul l-RP3 u l-RP4 għandha prestazzjoni aħjar mix-xejra korrispondenti għall-Unjoni kollha b’marġini sinifikanti u li l-valur ta’ referenza tal-Awstrija għall-2024 huwa taħt il-medja tal-grupp komparatur. Barra minn hekk, l-Awstrija turi tnaqqis fid-DUC matul l-RP4. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li d-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha għall-RP4 imsemmija fil-premessa (30) ma tipprekludix il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tal-Awstrija milli jkunu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha.

(34)

Għalhekk, abbażi tas-sejbiet fil-premessi (28) sa (33), il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

Rieżami tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(35)

F’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni billi rrieżaminat il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal stabbiliti rigward l-ajruporti msemmija fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Instab li dawk il-miri ma jagħtux lok għal tħassib.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentiv għall-kapaċità en route u tat-terminal

(36)

F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni billi rrieżaminat l-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Instab li l-iskemi ta’ inċentiva stabbiliti mill-Awstrija għall-fini tal-appoġġ biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità en route u tat-terminal f’RP4 jagħtu lok għal tħassib.

(37)

Il-Kummissjoni tinnota li kemm l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route kif ukoll l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni jinkludu żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta biss għal 0,50 % tal-kostijiet iddeterminati. Wara li kkunsidrat il-parir espert ipprovdut mill-PRB, il-Kummissjoni tqis li l-iżvantaġġi finanzjarji massimi għall-iskemi ta’ inċentivi stabbiliti mill-Awstrija ma jikkonformawx mal-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li jirrikjedi li tali skemi ta’ inċentivi jkollhom “impatt materjali fuq id-dħul f’riskju”.

(38)

Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha li Franza jenħtieġ li tirrevedi, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-Artikolu 16(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal b’tali mod li l-akbar żvantaġġi finanzjarji li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif espressament meħtieġ mill-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fil-fehma tal-Kummissjoni dik ir-reviżjoni tenħtieġ li twassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu ugwali jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati annwali.

KONKLUŻJONIJIET

(39)

Fid-dawl ta’ dan kollu, jenħtieġ li l-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Awstrija jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentat mill-Awstrija għar-raba’ perjodu ta’ referenza (“RP4”), elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4 stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/549/oj.

(2)   ĠU L, 2024/2803, 11.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2803/oj.

(3)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/317/oj.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1688 tat-12 ta’ Ġunju 2024 li tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għar-raba’ perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2029 (ĠU L, 2024/1688, 17.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1688/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2004/550/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 tal-24 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/123/oj).


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Awstrija, misjuba li huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu ta’ referenza

IL-QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Awstrija

Il-miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”)

Fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2025

2026

2027

2028

2029

Austro Control

Politika u objettivi għas-sikurezza

B

B

B

B

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

B

B

B

C

D

Assigurazzjoni għas-sikurezza

B

B

B

B

C

Promozzjoni tas-sikurezza

B

B

B

B

C

Kultura tas-sikurezza

B

B

B

B

C

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Awstrija

2025

2026

2027

2028

2029

Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

2,09 %

2,07 %

2,05 %

2,03 %

2,01 %

IL-QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Awstrija

2025

2026

2027

2028

2029

Il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien en route tal-ATFM għal kull titjira

0,28

0,23

0,19

0,16

0,16

IL-QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Żona tal-imposti en route tal-Awstrija

Valur ta’ referenza tal-2019

Valur ta’ referenza tal-2024

2025

2026

2027

2028

2029

Il-miri u l-valuri ta’ referenza fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2022)

EUR 72,18

EUR 53,66

EUR 54,40

EUR 53,61

EUR 53,32

EUR 53,65

EUR 52,63


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1057/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)