|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3181 |
20.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3181
tad-19 ta’ Diċembru 2024
dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Foresti -PEFC (Programme for the Endorsement of Forest Certification)” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti għall-karburanti mill-bijomassa stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għal ċerti fjuwils, b’mod partikolari l-bijofjuwils, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-fjuwils fossili. L-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. |
|
(2) |
L-iskemi volontarji jaqdu rwol importanti fil-provvediment ta’ evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva u jipprovdu data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom. |
|
(3) |
Fid-29 ta’ Ġunju 2021, l-iskema volontarja “Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Foresti – PEFC” ressqet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni vvalutat l-iskema u identifikat xi kwistjonijiet li jeħtieġu emendi. |
|
(4) |
Fl-4 ta’ Ottubru 2024, l-iskema volontarja “PEFC” ressqet mill-ġdid it-talba tagħha, li biha indirizzat il-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fl-analiżi tal-Kummissjoni tat-talba mressqa mill-ġdid, instab li l-iskema volontarja “PEFC” tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-produzzjoni ta’ karburanti tal-bijomassa mill-bijomassa tal-foresti. Instab ukoll li l-iskema tkopri b’mod adegwat il-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-karburanti tal-bijomassa. |
|
(5) |
L-iskema volontarja “PEFC” tkopri l-karburanti mill-bijomassa prodotti: (i) mill-bijomassa tal-foresti u (ii) mill-bijomassa mill-iskart u r-residwi mill-industriji relatati mal-forestrija. Din għandha kopertura ġeografika globali u tinkludi l-katina tal-provvista tal-foresti kollha. |
|
(6) |
Fil-valutazzjoni tal-iskema volontarja “PEFC”, il-Kummissjoni sabet li din kopriet b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-iskema pprovdiet data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva u applikat metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni sabet li l-iskema volontarja “PEFC” kienet konformi b’mod adegwat mar-regoli inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (2). |
|
(8) |
L-iskema instabet ukoll li kienet konformi mar-regoli inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 (3). |
|
(9) |
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-iskema volontarja “PEFC” sabet li din tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001. |
|
(10) |
L-informazzjoni li l-iskema volontarja “PEFC” ġiet rikonoxxuta jenħtieġ li tkun disponibbli fit-taqsima fuq is-sit web Europa tal-Kummissjoni ddedikata għall-iskemi volontarji. |
|
(11) |
Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri previsti fiha, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema volontarja “Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Foresti – PEFC”, ippreżentata lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2024 għar-rikonoxximent, turi l-konformità tal-kunsinni tal-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
L-iskema volontarja “PEFC” tipprovdi wkoll data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 billi tiżgura li l-informazzjoni rilevanti kollha mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja tingħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel fil-katina tal-kustodja.
Artikolu 2
Meta l-kontenut tal-iskema volontarja “PEFC”, kif imressqa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2024 , jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, l-iskema volontarja “PEFC” għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-bidliet mingħajr dewmien.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema volontarja “PEFC” tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-21 ta’ Diċembru 2029.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar l-istabbiliment ta’ gwida operazzjonali fuq l-evidenza għall-wiri tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 14.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2448/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3181/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)