European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/167

31.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/167

tat-30 ta’ Jannar 2025

li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-glukosil esperidina bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(3)

Fis-26 ta’ Marzu 2021, il-kumpanija Nagase Viita Co., Ltd. (“l-applikant”) ippreżentat applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tqiegħed il-glukosil esperidina fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li l-glukosil esperidina tintuża f’diversi xarbiet sħan, xorb mhux alkoħoliku u ħlewwiet għall-popolazzjoni ġenerali, u fis-supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), minbarra t-trabi. Sussegwentement, fl-14 ta’ Mejju 2024, l-applikant immodifika l-proposta tal-użu tal-glukosil esperidina fl-applikazzjoni (diversi xarbiet sħan, xarbiet mhux alkoħoliċi u ħlewwiet) u ssostitwixxihom b’xarbiet funzjonali iżda fl-istess livelli. Peress li din il-kategorija tista’ tiġi interpretata mill-konsumaturi bħala indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza, jixraq li d-denominazzjoni ta’ “xarba funzjonali” tiġi sostitwita b’“soft drinks ikkummerċjalizzati b’rabta mal-eżerċizzju fiżiku” u “xarbiet enerġetiċi”. Fis-26 ta’ Settembru 2024, l-applikant irtira t-talba għall-użu fis-supplimenti tal-ikel għat-tfal żgħar mill-applikazzjoni.

(4)

Fis-26 ta’ Marzu 2021, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-istudji u d-data xjentifiċi proprjetarji, jiġifieri, iċ-ċertifikati tal-analiżi għall-materja prima u għall-glukosil esperidina (5), l-analiżi bil-kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-UV), l-analiżijiet bir-riżonanza manjetika nukleari għad-determinazzjoni tal-identità tal-glukosil esperidina (6), id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni (7), ir-rapporti tal-istabbilità (8), it-test tal-aberrazzjoni tal-kromożomi f’ċelloli mammiferi kolturati ttrattati bil-glukosil esperidina (9), it-test tal-mikronukleu tal-glukosil esperidina fil-ġrieden u fiċ-ċelloli mammiferi kolturati (10), it-test tal-mutazzjoni invertita tal-batterji tal-glukosil esperidina (11), l-assaġġ ta’ mutazzjoni invertita tas-Salmonella typhimurium u tal-Escherichia coli (12), il-kompożizzjoni tal-glukosil esperidina kif ittestjat fl-istudju fuq 4 ġimgħat tat-tossiċità orali u fl-istudju fuq 90 jum tat-tossiċità orali (13), l-istudju fuq 4 ġimgħat tat-tossiċità orali (14) u fl-istudju fuq 90 jum tat-tossiċità orali fil-firien inklużi r-riżultati tal-bijokimika klinika (15), u l-istudju teratoġeniku tal-glukosil esperidina fil-firien (16).

(5)

Fit-23 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) twettaq valutazzjoni tal-glukosil esperidina bħala ikel ġdid.

(6)

Fil-25 ta’ Ġunju 2024, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar is-sikurezza tal-glukosil esperidina bħala ikel ġdid (17), f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-glukosil esperidina huwa sikur skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti għall-popolazzjonijiet fil-mira li ġew proposti. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-glukosil esperidina, meta tintuża fis-soft drinks ikkummerċjalizzati b’rabta mal-eżerċizzju fiżiku, fix-xorb enerġetiku, u fis-supplimenti tal-ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE iżda esklużi t-trabi, jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tqegħid tiegħu fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(8)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel ġdid kienet ibbażata fuq iċ-ċertifikati ta’ analiżi għall-materja prima u għall-glukosil esperidina, l-analiżi bil-kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-UV), l-analiżijiet bir-riżonanza manjetika nukleari għad-determinazzjoni tal-identità tal-glukosil esperidina, id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni, ir-rapporti ta’ stabbiltà, it-test tal-aberrazzjoni tal-kromożomi f’ċelloli mammiferi kolturati ttrattati bil-glukosil esperidina, it-test tal-mikronukleu tal-glukosil esperidina fil-ġrieden u fiċ-ċelloli mammiferi kolturati, il-kompożizzjoni tal-glukosil esperidina kif ittestjat fl-istudju fuq 4 ġimgħat tat-tossiċità orali u fl-istudju fuq 90 jum tat-tossiċità orali, l-istudju fuq 4 ġimgħat tat-tossiċità orali u fl-istudju fuq 90 jum tat-tossiċità orali fil-firien inklużi r-riżultati tal-bijokimika klinika, u l-istudju teratoġeniku tal-glukosil esperidina fil-firien li mingħajrhom ma setatx tivvaluta l-ikel ġdid u tasal għall-konklużjoni tiegħu.

(9)

L-applikant iddikjara li kellu dritt proprjetarju u esklużiv ta’ referenza għad-data xjentifika minn dawk l-istudji fiż-żmien li ppreżenta l-applikazzjoni.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u qieset li dan kien wera biżżejjed provi li kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, l-istudji u d-data xjentifiċi, jiġifieri ċ-ċertifikati ta’ analiżi għall-materja prima u għall-glukosil esperidina, l-analiżi bil-kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-UV), l-analiżijiet bir-riżonanza manjetika nukleari għad-determinazzjoni tal-identità tal-glukosil esperidina, id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni, ir-rapporti ta’ stabbiltà, it-test tal-aberrazzjoni tal-kromożomi f’ċelloli mammiferi kolturati ttrattati bil-glukosil esperidina, it-test tal-mikronukleu tal-glukosil esperidina fil-ġrieden u fiċ-ċelloli mammiferi kolturati, il-kompożizzjoni tal-glukosil esperidina kif ittestjat fl-istudju fuq 4 ġimgħat tat-tossiċità orali u fl-istudju fuq 90 jum tat-tossiċità orali, l-istudju fuq 4 ġimgħat tat-tossiċità orali u fl-istudju fuq 90 jum tat-tossiċità orali fil-firien inklużi r-riżultati tal-bijokimika klinika, u l-istudju teratoġeniku tal-glukosil esperidina fil-firien jenħtieġ li jiġu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat jintroduċi l-glukosil esperidina fis-suq tal-Unjoni matul perjodu ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-glukosil esperidina u tar-referenza għall-istudji u għad-data xjentifiċi fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba legalment li tappoġġa t-tali awtorizzazzjoni.

(12)

Jixraq li l-inklużjoni tal-glukosil esperidina bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(13)

Il-glukosil esperidina jenħtieġ li jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   Il-glukosil esperidina huwa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.

Il-glukosil esperidina għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

(2)   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-kumpanija Nagase Viita Co., Ltd (18) biss hija awtorizzata li tintroduċi fis-suq tal-Unjoni l-ikel il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ 5 snin mill-20 ta’ Frar 2025, sakemm applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni għal dak l-ikel ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi qbil ma’ Nagase Viita Co., Ltd.

Artikolu 3

Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhiex tintuża għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr qbil ma’ Nagase Viita Co., Ltd.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).

(3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/46/oj).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel. (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1925/oj).

(5)  Annex II_10_2_2_1_Conf_COA_GH_1K091 (mhux ippubblikat); Annex_II_4_1_COA_5_Batches (mhux ippubblikat); Annex_II_4_2_COA_5_Batches_Cadmium_Mercury (mhux ippubblikat), Annex_II_4_3_1_Analytical Methods for MGH and HES (mhux ippubblikat), Annex_II_10_1_COAs for GH samples (mhux ippubblikat) Annex_II_4_MGH_HES_analysis (mhux ippubblikat), Appendix_V_CoAs_raw_materials (mhux ippubblikat), Appendix_VII_Compositional_analyses_of_GH (mhux ippubblikat), Appendix_VII_updated_0123_GH_Compositional_analyses (unpublished), Annex_II_4_5_GH particle size distribution (mhux ippubblikat).

(6)  Appendix_VII_1_HPLC Chromatogram_UV_detector (mhux ippubblikat), Appendix_III_NMR_of_GH (mhux ippubblikat), Appendix_II_NMR_of_Standards (mhux ippubblikat).

(7)  Annex_II_3_1_Conf_Manufacturing_Process, (mhux ippubblikat), Annex_II_3_1_1_Conf_HACCP_English_Translation (mhux ippubblikat), Annex_II_3_1_2_Conf_Letters_of_consent_enzymes (mhux ippubblikat).

(8)  Appendix_X_Stability_test_on_new_lot (mhux ippubblikat).

(9)  Annex_II_10_2_1_Conf_Chromosome_aberration_test.pdf (mhux ippubblikat).

(10)  Annex_II_10_2_2_Conf_Micronucleus_assay_0123; Annex_II_10_2_2_Conf_Micronucleus_assay.pdf (mhux ippubblikat).

(11)  Annex_II_10_2_3_Conf_Bacterial_reverse_mutation_test_2.pdf (mhux ippubblikat).

(12)  Annex_II_10_2_3_2_Conf_AMES_CoA (mhux ippubblikat).

(13)  Annex II.10.2 (mhux ippubblikat).

(14)  Annex_II_10_3_1_Conf_28_day_oral_toxicity_rat_study.pdf (mhux ippubblikat).

(15)  Annex_II_10_3_2_Conf_90_day_oral_toxicity_rat_study.pdf (mhux ippubblikat); Annex II.10.3.2.1.Conf (mhux ippubblikat).

(16)  Annex_II_10_5_Conf_Teratogenicity.pdf (mhux ippubblikat).

(17)  DOI: 10.2903/j.efsa.2024.8911.

(18)  Indirizz: Nihon-Seimei Okayama Bldg., II Shinkan, 1-1-3 Shimoishii, Kita-ku, Okayama, 700-0907 Il-Ġappun.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Protezzjoni tad-data

“Glukosil esperidina

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

1.

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Glukosil esperidina’.

2.

It-tikkettar tas-supplimenti tal-ikel li fihom mill-ikel il-ġdid għandu jkollu dikjarazzjoni li l-ikel ġdid ma għandux jiġi kkunsmat mit-trabi u t-tfal żgħar/tfal taħt l-10 snin (*)

(*)

skont il-gruppi tal-età li jkun maħsub għalihom is-suppliment tal-ikel.

 

Awtorizzat fl-20 ta’ Frar 2025. Din l-inklużjoni hija bbażata fuq evidenza u data xjentifiċi proprjetarji protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

Applikant: Nagase Viita Co., Ltd., Nihon-Seimei Okayama Bldg., II Shinkan, 1-1-3 Shimoishii, Kita-ku, Okayama, 700-0907, il-Ġappun.

Matul il-perjodu tal-protezzjoni tad-data, l-ikel ġdid glukosil esperidina huwa awtorizzat għall-introduzzjoni fis-suq fl-Unjoni biss minn Nagase Viita Co., Ltd., sakemm applikant sussegwenti ma jiksibx l-awtorizzazzjoni għall-ikel ġdid mingħajr referenza għall-evidenza xjentifika jew għad-data xjentifika propretarja protetta skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jew bil-qbil ta’ Nagase Viita Co., Ltd.”

Soft drinks ikkummerċjalizzati b’rabta mal-eżerċizzju fiżiku

525 mg/L

Xarbiet enerġetiċi

525 mg/L

Supplimenti tal-ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE, għall-popolazzjoni ġenerali, għajr għat-trabi u t-tfal żgħar

115 mg/kuljum għat-tfal ta’ bejn it-3 u l-10 snin

200 mg kuljum għall-popolazzjoni ġenerali ta’ ’l fuq mill-10 snin

(2)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjoni

“Glukosil esperidina

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-ikel il-ġdid huwa trab isfar ċar sa kannella safrani li jikkonsisti minn monoglukosil esperidina u huwa prodott b’mod enzimatiku mill-esperidina, li tiġi iżolata mill-qxur, mill-meraq, jew miż-żerriegħa tal-frott taċ-ċitru, u mid-destrina.

Wara l-inattivazzjoni tal-enzimi użati fil-proċess, is-soluzzjoni tgħaddi minn proċess ta’ purifikazzjoni b’diversi stadji li jinkludi l-filtrazzjoni, is-separazzjoni kromatografika, il-konċentrazzjoni intermedja u t-tneħħija tal-kulur. Is-soluzzjoni purifikata mbagħad tiġi kkonċentrata bl-evaporazzjoni, mikrofiltrata u mnixxfa bl-isprej.

Karatteristiċi/kompożizzjoni:

Isem kimiku (IUPAC): (2S)-7 -[(O-6-Deossi-α-l-mannopiranosil-(1→6)-O-[α-d-glukopiranosil-(1→4)]-β-d-glukopiranosil)oxi]-2,3-diidro-5-idrossi-2-(3-idrossi-4-metossifenil)-4H-1-benżopiran-4-on

Sinonimu: 4G-α-d-glukopiranosil-esperidina

Nru CAS: 161713–86- 6

Formula kimika: C34H44O20

Monoglukosil esperidina (MGH) (bażi niexfa) 75,0-85,0 %

Esperidina (bażi niexfa): 10-20 %

Telf fit-tnixxif≤ 6 %

Residwu mat-tqabbid ≤ 2 %

Metalli tqal

Ċomb ≤ 0,1 mg/kg

Arseniku≤ 0,1 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi

Għadd totali ta’ mikrobi aerobiċi: ≤ 100 UJK/g

Koliformi totali: Mhux individwata f’10 g

Salmonella spp.Mhux individwata f’25 g

Ħmira u moffa: ≤ 100 UJK/g

CFU: unitajiet li jifformaw kolonja.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/167/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)