European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/844

14.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/844

tat-13 ta’ Marzu 2024

dwar l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ diossidi tal-manganiż elettrolitiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Inizjazzjoni

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ diossidi tal-manganiż elettrolitiċi (“EMD”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”, jew “il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Avviż ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“l-Avviż ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-3 ta’ Jannar 2023 minn Autlan EMD SL (“l-ilmentatur” jew “Autlan”). L-ilment kien appoġġat minn Tosoh Hellas Single Member S.A. (“Tosoh”). Il-Kummissjoni sabet li l-iment sar mill- industrija tal-Unjoni tal-EMD fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Id-distorsjonijiet fil-materja prima

(3)

Fis-7 ta’ Settembru 2023, l-ilmentatur għamel talba f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku biex jinkludi l-eżami tal-allegati distorsjonijiet tal-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tal-prodott investigat biex jiġi vvalutat, f’każ li jkun rilevanti, jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu. L-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza li ma hemm l-ebda rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq l-esportazzjonijiet tal-minerali tal-manganiż fil-pajjiż ikkonċernat. It-tnaqqis jew l-irtirar tar-rifużjoni tal-VAT huwa msemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 7 (2a), it-tieni subparagrafu, bħala distorsjoni fuq il-materja prima.

(4)

Sabiex teżamina d-distorsjonijiet fil-materja prima u sabiex tivvaluta jekk dazju anqas mill-marġni tad-dumping ikunx suffiċjenti sabiex ineħħi d-dannu fl-istadju definittiv, il-Kummissjoni emendat in-Notifika ta’ Bidu tas-16 ta’ Frar 2023 skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku sabiex teżamina d-distorsjonijiet fil-materja prima u sabiex tivvaluta jekk, jekk rilevanti, dazju anqas mill-marġni tad-dumping ikunx suffiċjenti sabiex ineħħi d-dannu. In-Notifika li temenda n-Notifika ta’ bidu ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Settembru 2023 (3) (“Notifika li temenda”).

(5)

Wara l-emenda, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati u, meta rilevanti, bagħtitilhom kwestjonarji, li fihom talbet lill-partijiet jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż ikkonċernat, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji fl-Unjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina: (“GTĊ”) dwar id-distorsjonijiet fil-materja prima skont it-tifsira tal-Artikoli 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku.

(6)

Żewġ utenti li kkooperaw (Duracell International Operations Sàrl (“Duracell”) u VARTA Consumer Batteries GmbH & Co. KGaA (“Varta”)) wieġbu l-partijiet rilevanti tal-kwestjonarju. Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni (Tosoh u Autlan), il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun (Guangxi Guiliu New Material Co., Ltd (“Guiliu”), Xiangtan Electrochemical Scientific Ltd (“Xiangtan”) u Guangxi Daxin Huiyuan New Energy Technology Co,, Ltd (“Daxin”)), u l-assoċjazzjonijiet China Chamber of Commerce for Metals, Minerals and Chemicals Importers and Exporters (“CCCMC”, il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importaturi u għall-Esportaturi tal-Metalli, tal-Minerali u tas-Sustanzi Kimiċi) u l-Guanxi Manganese Industry Association (“GMIA”, l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Manganiż ta’ Guanxi) ipprovdew il-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni kkunsidrat l-informazzjoni u l-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha meta kien xieraq, kif spjegat fit-taqsimiet rilevanti hawn isfel.

1.3.   Reġistrazzjoni

(7)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (3) sa (4) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

1.4.   Miżuri proviżorji

(8)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fil-15 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u bid-dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u tal-marġnijiet adegwati sabiex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem tax-xogħol. Kummenti minn wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun u miż-żewġ produtturi tal-Unjoni waslu fl-20 ta’ Settembru 2023.

(9)

Il-produttur esportatur Daxin asserixxa li l-marġni tad-dumping jenħtieġ li jiġi kkalkolat billi jintużaw il-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni u l-valur normali mingħajr il-VAT. Tosoh, produttur tal-Unjoni, qajmet punt rigward il-kalkolu tal-profitt fil-mira. Autlan, l-ilmentatur, talbet li tiġi rrieżaminata u kkonfermata l-akkuratezza tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ Daxin u talbet id-divulgazzjoni tad-data tal-esportatur immarkata bħala sensittiva fid-divulgazzjoni. Billi l-kummenti ma jikkonċernawx l-akkuratezza tal-kalkoli, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet se teżaminahom mas-sottomissjonijiet l-oħrajn kollha wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri proviżorji.

(10)

Fit-13 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-EMD li joriġinaw miċ-Ċina bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2120 (4) (“ir-Regolament proviżorju”).

1.5.   Proċedura sussegwenti

(11)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“id-divulgazzjoni proviżorja”), it-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u l-assoċjazzjonijiet, is-CCCMC u l-GMIA, iż-żewġ produtturi tal-Unjoni u wieħed mill-utenti, Duracell, ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li bihom qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza prevista mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju.

(12)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru s-seduti li jmiss: ma’ Duracell saru fit-23 ta’ Ġunju u fit-28 ta’ Novembru 2023, ma’ Autlan fit-30 ta’ Ġunju 2023, ma’ Varta fl-4 ta’ Lulju 2023, ma’ Xiangtan fil-25 ta’ Ottubru 2023, mas-CCCMC fis-16 ta’ Novembru 2023, u saret seduta konġunta ma’ Autlan u ma’ Tosoh fil-15 ta’ Novembru 2023.

(13)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(14)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-EMD li joriġinaw miċ-Ċina (id-“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Autlan, Tosoh, CCCMC u GMIA (b’mod konġunt), Xiangtan, u Daxin ippreżentaw kummenti sal-iskadenza.

1.6.   Affermazzjonijiet tal-inizjazzjoni

(15)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (1) sa (2) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

1.7.   Asserzjonijiet dwar distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a)

(16)

Is-CCCMC/il-GMIA oġġezzjonat għall-iskadenza ddikjarata ta’ 15-il jum għall-partijiet kollha sabiex jissottomettu kummenti dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni fin-Notifika (5) emendatorja, billi l-kwistjonijiet ekonomiċi u tal-katina tal-provvista mqajmin mill-investigazzjonijiet il-ġodda kienu kumplessi u kienu jeħtieġu riċerka u skambji ta’ informazzjoni importanti mal-kumpaniji kkonċernati. It-tnejn li huma talbu lill-Kummissjoni sabiex terġa’ temenda n-Notifika ta’ bidu u tagħti lill-partijiet interessati tal-anqas 30 jum sabiex jissottomettu l-kummenti.

(17)

Il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet kollha li talbu estensjoni tal-iskadenzi u li pprovdew raġunijiet speċifiċi għaliha ngħataw estensjonijiet bħal dawn. Aċċennat ukoll li n-Notifika ta’ bidu (6) tas-16 ta’ Frar 2023 xorta waħda tat lill-partijiet possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati l-oħrajn fi żmien 7 ijiem mill-iskadenza sabiex jikkummentaw, u b’hekk il-partijiet kollha setgħu jużaw din il-possibbiltà, meta kien neċessarju. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li ż-żmien allokat lill-partijiet interessati biex jagħmlu kummenti u jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni kien xieraq.

(18)

Guiliu asseriet li allegazzjoni ġdida mressqa mill-ilmentatur 7 xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni (u mhux “fil-bidu”) idderogat id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati. Giuliu asseriet ukoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi l-prattika tal-passat tagħha (7), li biha l-asserzjoni tal-ilmentatur li japplika l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ġiet miċħuda, minħabba li l-ilment naqas milli jipprovdi evidenza tal-eżistenza ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fil-bidu, u evidenza bħal din lanqas ma nstabet li teżisti mill-Kummissjoni fl-istadju tal-bidu. Barra minn hekk, Giuliu semmiet li l-ilmentatur impedixxa l-investigazzjoni billi ppreżenta l-allegazzjonijiet il-ġodda tard fil-proċediment.

(19)

Il-Kummissjoni l-ewwel osservat li fil-każ imsemmi minn Guiliu, it-talba saret wara d-divulgazzjoni definittiva. F’dan il-każ, it-talba li fiha biżżejjed evidenza dwar l-allegati distorsjonijiet fil-materja prima saret fil-ħin, qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, u b’hekk il-Kummissjoni ngħatat biżżejjed żmien biex tinvestiga l-kwistjoni b’mod effettiv matul l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ġew irrispettati bis-sħiħ. Tabilħaqq, it-Taqsima 5.5.1. tan-Notifika ta’ Bidu, kif modifikata min-Notifika emendatorja infurmat lill-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati dwar id-drittijiet u l-obbligi proċedurali tagħhom u ddeskriviet il-proċess li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li ssegwi biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għas-sejbiet tagħha u biex tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni tal-allegati distorsjonijiet tal-materja prima. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar l-evidenza pprovduta fit-talba ppreżentata mill-ilmentatur rigward l-eżistenza allegata ta’ distorsjonijiet fil-materja prima u dwar kwalunkwe aspett ieħor fir-rigward tal-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ distorsjoni fil-materja prima. Għalhekk, l-asserzjonijiet ta’ Guiliu ġew miċħudin. Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, mhuwiex ċar kif l-investigazzjoni ġiet allegatament ostakolata mill-ilment. Guiliu naqas milli jispjega dan. Il-Kummissjoni qieset li t-talba f’konformità mal-Artikolu 7 (2a) tar-Regolament bażiku biex jiġi inkluż l-eżami tal-allegati distorsjonijiet fil-materja prima kienet f’waqtha u ma waqqfitx lill-Kummissjoni milli twettaq eżami xieraq dwar din il-kwistjoni.

(20)

Duracell asseriet li l-Kummissjoni ma tistax tintroduċi bażi ġuridika ġdida fil-qafas tal-investigazzjoni li għaddejja u temenda l-ambitu metodoloġiku ta’ investigazzjoni bħal din, peress li ma hemm xejn fir-Regolament bażiku li jippermettilha tikkunsidra evidenza supplimentari, li ma kinitx teżisti fil-mument tal-bidu. Il-parti rreferiet b’analoġija għas-sentenza tal-Qorti f’T-126/21, Azot vs Il-Kummissjoni (8), li fiha l-Qorti ddikjarat li l-kundizzjoni relatata mas-suffiċjenza tal-evidenza li tinsab f’talba għal rieżami magħmula minn jew f’isem il-produtturi tal-Unjoni, skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, tkun issodisfata meta tali evidenza tiġi ppreżentata fit-terminu. Barra minn hekk, Duracell asseriet li l-Kummissjoni ċaħdet talbiet simili fil-prattika tagħha stess u jenħtieġ li jiġi applikat l-istess raġunament b’analoġija (9).

(21)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament biex jinkludi l-eżaminar tal-allegati distoesjonijiet tal-materja prima f’konformità mal-istandards legali applikabbli għat-talba magħmula minn jew f’isem il-produtturi tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza skont l-Artikolu 5 tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima kif definit fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku u għalhekk il-Kummissjoni emendat in-Notifika ta’ bidu oriġinali sabiex, kif meħtieġ mir-Regolament bażiku, l-investigazzjoni kopriet ukoll dawk id-distorsjonijiet fil-materja prima. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisret l-ebda standard legali identifikati meta bdiet l-investigazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tar-referenza għas-sentenza tal-Qorti f’T-126/21 imsemmija minn Duracell, il-Kummissjoni osservat li dik is-sentenza ma hijiex finali peress li kienet qiegħda tiġi appellata. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni hija relatata ma’ rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, u mal-informazzjoni meħtieġa biex tinbeda. Id-Deċiżjoni ma tkoprix l-użu tal-Artikolu 7 (2a) tar-Regolament bażiku, li jikkonċerna element ta’ investigazzjoni aktar milli r-raġuni tiegħu. Barra minn hekk, anki wara r-raġunament f’T-126/21, għall-kuntrarju tal-Artikolu 11(2), l-Artikolu 5 ma fih l-ebda limitazzjoni partikolari dwar meta l-produtturi tal-Unjoni jistgħu jitolbu l-bidu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-analoġija mqajma minn Duracell ma tirriżultax. Għalhekk, l-asserzjonijiet ta’ Duracell ġew miċħudin.

1.8.   Kampjunar

(22)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (8) sa (15) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

1.9.   Eżami individwali

(23)

Kif previst fil-premessa (16) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni qieset it-talba sabiex jingħata eżami individwali għal produttur esportatur wieħed fiċ-Ċina. It-talba għal eżami individwali kienet defiċjenti ħafna. Minn dan isegwi li min għamel it-talba ma ‘ssottometta l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien previsti fir- [Regolament bażiku]’ skont it-tifsira tal-Artikolu 17(3) ta’ dak ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija wriet li diversi kumpaniji addizzjonali għandhom jiġu investigati li “tkun ta’ piż mingħajr bżonn u meta titqies il-kumplessità tal-każ inkwistjoni tkun qed iċċaħħad it-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien opportun.” (10) Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

1.10.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

(24)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (17) sa (21) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

1.11.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(25)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessa (22) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(26)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (23) sa (36) tar-Regolament proviżorju.

3.   DUMPING

(27)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCMC, il-produtturi esportaturi li kkooperaw u l-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw iikkummentaw dwar is-sejbiet proviżorji tad-dumping.

3.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(28)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (37) sa (43) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.2.   Il-valur normali

3.2.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(29)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Daxin, Xiangtan CCCMC u GMIA ppreżentaw numru ta’ kummenti dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.

(30)

L-ewwel nett, Daxin, CCCMC u GMIA asserew li r-Rapport ma għadux aġġornat, b’mod partikolari minħabba l-iżviluppi ekonomiċi sostanzjali kemm fl-UE kif ukoll fiċ-Ċina sa mill-pubblikazzjoni tiegħu, inkluż l-għoti ta’ sussidji lill-industriji tal-UE sabiex tiġi promossa l-aderenza tagħhom mal-objettivi l-ġodda tal-politika industrijali tal-UE jew l-intervent fl-investiment korporattiv u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, Daxin, CCCMC u GMIA asserew li l-Kummissjoni tissostitwixxi l-investigazzjonijiet b’rapporti u li billi bbażat fuq ir-Rapport, il-Kummissjoni kompliet targumenta b’mod ċirkolari li l-esportaturi jeħtieġ li jagħtu prova tal-allegazzjonijiet magħmulin fir-Rapport. Daxin, CCCMC u GMIA għalhekk fakkru li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-awtorità investigattiva.

(31)

L-argument rigward il-fatt li r-Rapport huwa allegatament skadut ġie rifjutat. Il-Kummissjoni nnotat li r-Rapport huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inklużi leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti ta’ politika uffiċjali oħrajn ippubblikati mill-awtoritajiet Ċiniżi, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħrajn. Minkejja li r-Rapport tqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku f’Diċembru 2017, is-sejbiet tar-Rapport għadhom fil-biċċa l-kbira validi u fi kwalunkwe każ kienu kkomplementati minn evidenza addizzjonali miġbura f’din l-investigazzjoni kif stabbilit b’mod partikolari fit-taqsima 3.2.1. tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, kwalunkwe parti interessata kellha biżżejjed opportunità sabiex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwar ir-Rapport u dwar l-evidenza li fuqu hija bbażata, u l-ebda parti ma ppreżentat argumenti jew evidenza li tirribatti s-sorsi u l-informazzjoni inklużi fir-Rapport. Rigward l-argumenti dwar il-politiki u s-sussidji industrijali tal-UE, il-Kummissjoni nnotat li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi distortivi elenkati f’din id-dispożizzjoni jiġi analizzat fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet fil-pajjiż esportatur. L-istruttura tal-kostijiet u l-mekkaniżmi għall-formazzjoni tal-prezzijiet fi swieq oħrajn, bħal fl-UE, ma għandhom l-ebda rilevanza fil-kuntest u fl-iddeterminar tal-valur normali. Għalhekk, anki dan l-argument ġie miċħud.

(32)

Rigward l-argument li jissuġġerixxi li l-ħruġ ta’ rapport tal-pajjiż issostitwixxa l-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, jekk il-Kummissjoni tqis li l-evidenza ppreżentata mill-ilmentatur dwar id-distorsjonijiet sinifikanti hija suffiċjenti, hija tista’ tibda l-investigazzjoni fuq din il-bażi. Madankollu, id-determinazzjoni dwar l-eżistenza u l-impatt reali ta’ distorsjonijiet sinifikanti u l-użu konsegwenti tal-metodoloġija preskritta mill-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jseħħu fiż-żmien tad-divulgazzjoni provviżorja u/jew definittiva bħala riżultat ta’ investigazzjoni. F’din l-investigazzjoni, ir-Rapport, inkluża l-evidenza li tinsab fih, huwa parti mill-evidenza fil-fajl li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni fakkret li t-taqsima 3.2.1. tar-Regolament proviżorju fih il-valutazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Il-Kummissjoni użat evidenza addizzjonali sostanzjali speċifika għall-investigazzjoni u l-asserzjonijiet imressqa mill-partijiet mhux inklużi fir-Rapport. Dak li jgħodd għall-applikazzjoni tal-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma s-sejbiet li d-distorsjonijiet sinifikanti huma rilevanti fil-każ inkwistjoni, kif inhu l-każ f’din l-investigazzjoni (11). Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(33)

It-tieni, Daxin u s-CCCMC/GMIA sostnew li l-Kummissjoni interpretat ħażin in-natura tad-duttrina soċjalista taċ-Ċina dwar l-ekonomija tas-suq, u naqset ukoll milli twettaq analiżi komprensiva dwar l-istruttura tal-ekonomija Ċiniża, kif ukoll tar-relazzjoni bejn is-suq ħieles u t-tmexxija tal-Partit Komunist Ċiniż (‘CCP’). It-tieni, Daxin u s-CCCMC/GMIA sostnew l-argument tagħhom billi asserew li l-Opinjoni ta’ Mejju 2020 tal-Kumitat Ċentrali tas-CCP u tal-Kunsill tal-Istat dwar l-Aċċellerazzjoni tat-Titjib tas-Sistema tal-Ekonomija tas-Suq Soċjalista fl-Era l-Ġdida tenniet, fost l-oħrajn, li r-riforma tal-ekonomija tas-suq soċjalista jenħtieġ li turi rispett kbir għar-regola ġenerali tal-ekonomija tas-suq, timminimizza l-allokazzjoni diretta governattiva tar-riżorsi tas-suq kif ukoll l-intervent dirett f’attivitajiet mikroekonomiċi, l-ingranaġġ sħiħ tar-rwol deċiżiv tas-suq fl-allokazzjoni tar-riżorsi u ssaħħaħ ir-rwol tal-gvern fl-indirizzar effettiv tal-falliment tas-suq.

(34)

Dan l-argument kellu jitwarrab. Il-kunċett ta’ ekonomija tas-suq soċjalista huwa minsuġ fl-istruttura leġiżlattiva u ekonomika kollha tar-RPĊ u effettivament jagħti lis-CCP it-tmexxija fil-kwistjonijiet ekonomiċi materjali kollha, inkluż il-kontroll tas-sistema finanzjarja u tar-riżorsi kapitali, billi jiddeżinja setturi tal-ekonomija bħala funzjoni tal-importanza strateġika tagħhom, jikkontrolla kwistjonijiet tal-persunal inklużi l-ħatriet essenzjali kollha, jikkoordina l-politiki ekonomiċi permezz ta’ network formali ta’ entitajiet/kumitati tal-Partit fost l-awtoritajiet tal-Istat u fl-ekonomija, eċċ. Kwotazzjonijiet barra mill-kuntest minn dokumenti ta’ politika magħżulin ma jistgħux ibiddlu l-konklużjoni li l-Parti/l-Istat jiddomina bis-sħiħ l-ekonomija tal-pajjiż, kif jidher mhux biss mill-evidenza murija fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju, iżda wkoll mid-dokumenti ta’ politika stess li jirreferu għar-rispett għall-forzi tas-suq filwaqt li jissubordinawhom għall-objettivi strateġiċi tas-CCP (12).

(35)

It-tielet, Daxin u s-CCCMC/GMIA kkontestaw is-sejba tal-Kummissjoni li l-ekonomija Ċiniża hija soġġetta għal kontroll amministrattiv ġenerali permezz ta’ sistema ta’ ppjanar industrijali. Il-produtturi esportaturi ssottomettew li l-pjanijiet huma biss linji gwida u ma għandhom l-ebda effett vinkolanti fuq il-kumpaniji Ċiniżi. F’dan il-kuntest, Daxin u s-CCCMC/GMIA żiedu li kien hemm ukoll inizjattivi ta’ żvilupp fl-UE u fl-Istati Membri li huma simili għas-FYPs taċ-Ċina, bħal alleanzi industrijali ġodda intra-UE u programmi enormi ta’ sussidju mill-Istat.

(36)

Bi tweġiba għall-argument dwar in-natura tad-dokumenti ta’ ppjanar Ċiniżi, il-Kummissjoni tindika li l-ekonomija Ċiniża tabilħaqq hija koperta minn nisġa kumplessa ta’ FYPs, li jmexxu d-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha. Għall-kuntrarju tal-argument imressaq mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni tqis l-FYPs bħala dokumenti vinkolanti. Dan jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli msemmija fit-Taqsima 4.3. tar-Rapport, kif ukoll mid-dokumenti ta’ ppjanar infushom. Pereżempju, l-14-il FYP fih taqsima dedikata dwar it-titjib tal-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni tal-ippjanar li tiddikjara li: “Fir-rigward tal-indikaturi vinkolanti, il-proġetti ewlenin tal-inġinerija, u l-kompiti fis-servizzi pubbliċi, fil-ħarsien tal-ambjent, fis-sikurezza, u f’oqsma oħrajn stabbiliti f’dan il-Pjan, huwa neċessarju li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tal-partijiet u r-rekwiżiti tal-iskeda, li jiġu allokati r-riżorsi pubbliċi, li jiġu ggwidati u kkontrollati r-riżorsi soċjali, u li tiġi żgurata t-tlestija skont l-iskeda. Fir-rigward tal-indikaturi u l-kompiti mistennija fl-oqsma tal-iżvilupp industrijali u l-aġġustament strutturali stabbiliti f’dan il-Pjan, huwa meħtieġ li wieħed jibbaża l-aktar fuq ir-rwol tal-atturi tas-suq biex jilħquhom. Il-gvernijiet fil-livelli kollha jridu joħolqu ambjent ta’ politika, ambjent istituzzjonali, u ambjent legali favorevoli” (13).

(37)

Fir-rigward tar-referenza ta’ Daxin u tas-CCCMC/GMIA għal skemi ta’ appoġġ simili li allegatament jeżistu fl-UE u fl-Istati Membri, il-Kummissjoni nnotat, kif diġà ssemma fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju fil-premessi (47) u (121), li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi ta’ distorsjoni elenkati f’dik id-dispożizzjoni jiġi analizzat fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet fil-pajjiż esportatur, bl-istruttura tal-kostijiet u bil-mekkaniżmi ta’ formazzjoni tal-prezzijiet fi swieq oħrajn li ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-proċediment (14). Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(38)

Ir-raba’, Daxin u s-CCCMC/GMIA sostnew li mhux il-produtturi kollha tal-EMD huma SOEs u li anki jekk ikun hemm xi kumpaniji li jkunu proprjetà tal-Istat jew investiti mill-Istat, dan ma jkunx prova ta’ intervent tal-gvern fl-operazzjonijiet ta’ dawk il-kumpaniji. Il-produtturi esportaturi żiedu wkoll, b’referenza għall-Artikolu 11 tad-Dritt Soċjetarju Ċiniż, li l-konnessjonijiet bejn is-CCP u l-kumpaniji kkonċernati mhux neċessarjament iservu bħala indikazzjoni għall-kontroll tal-gvern fuq l-operazzjonijiet ta’ kumpanija.

(39)

Il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-fatt li s-suq inkwistjoni qed jiġi servut b’mod sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, taħt il-kontroll jew taħt is-superviżjoni tal-politika jew taħt il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur huwa wieħed mill-elementi li l-impatt tagħhom għandu jitqies meta tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Fl-istess ħin, anki jekk ma hemmx predominanza ta’ SOEs f’settur partikolari, is-sjieda tal-Istat hija biss indikatur wieħed ta’ distorsjonijiet sinifikanti. L-interventi tal-gvern jistgħu jieħdu forom oħrajn - f’konformità mal-indikaturi elenkati fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku – li ġew deskritti fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju. Filwaqt li r-rilevanza tal-Artikolu 11 tad-Dritt Soċjetarju Ċiniż ma hijiex ċara għalkollox f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li anke l-Artikolu 1 tad-Dritt Soċjetarju msemmi jirreferi għall-objettiv li jiġi ssalvagwardjat l-ordni soċjali u ekonomiku u li jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq soċjalista. Għalhekk, dan l-argument ġie miċħud.

(40)

Il-ħames, Daxin u s-CCCMC/GMIA allegaw li l-Kummissjoni ma pprovdietx biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika kwalunkwe sejba ta’ implimentazzjoni mhux adegwata tal-liġijiet korporattivi, dwar il-proprjetà u l-falliment fiċ-Ċina. B’mod partikolari, il-produtturi esportaturi asserew li ċ-Ċina wettqet superviżjoni regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Falliment, inkluż il-proċess ta’ każijiet ta’ falliment u suġġerimenti dwar emendi, u għalhekk ma applikatx u infurzatx il-liġi kif xieraq. Barra minn hekk, Daxin u s-CCCMC/GMIA asserew li ma ssemmewx każijiet li jagħtu prova ta’ aċċess preġudikat għall-kapital u għall-investiment. B’mod simili, Daxin u s-CCCMC/GMIA ikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-pagi. F’dan ir-rigward, huma argumentaw ukoll li l-Kummissjoni naqset milli twettaq analiżi speċifika għas-settur li turi li l-ħaddiema fis-settur tal-EMD jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ impjieg vulnerabbli u jirċievu pagi distorti.

(41)

Dawn l-argumenti ma setgħux jiġu aċċettati. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-falliment, il-Kummissjoni indikat li anke li kieku ċ-Ċina setgħet wettqet ċerti riformi tal-proċedimenti ta’ insolvenza, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi intervent persistenti mill-Istat u kwistjonijiet oħrajn li jindikaw applikazzjoni mhux adegwata tal-liġijiet dwar il-falliment. Filwaqt li n-numru relattivament baxx ta’ każijiet ta’ insolvenza huwa minnu nnifsu indikattiv tal-forzi tas-suq li ma humiex permessi jeliminaw l-operaturi ekonomiċi mhux vijabbli, l-intervent mill-Istat li għaddej bħalissa huwa partikolarment eżemplifikat tajjeb minn diversi azzjonijiet interpretattivi tal-Qorti Suprema tal-Poplu li jenfasizzaw il-kontinwità ekonomika u l-istabbiltà soċjali bħala prijoritajiet li l-qrati ta’ istanzi inferjuri jenħtieġ li jqisu fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment.

(42)

Rigward id-distorsjonijiet fil-pagi, il-Kummissjoni fakkret li, kif instab fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju fil-premessa (105), il-pagi fiċ-Ċina huma distorti, fost l-oħrajn minħabba r-restrizzjonijiet tal-mobilità minħabba s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi (hukou), kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ preżenza ta’ trade unions indipendenti u n-nuqqas ta’ negozjar kollettiv. Ma hemm l-ebda element fil-fajl li fuq il-bażi tiegħu jista’ jiġi stabbilit b’mod pożittiv li l-kostijiet tal-pagi domestiċi tal-produtturi tal-EMD, bħal Daxin kif ukoll il-produtturi rrappreżentati mis-CCCMC/GMIA ma kinux affettwati minn dawk id-distorsjonijiet u Daxin kif ukoll il-produtturi rrappreżentati mis-CCCMC/GMIA ma żiedet l-ebda evidenza li turi li d-distorsjonijiet imsemmijin fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju ma jaffettwawx il-kostijiet lavorattivi tagħha.

(43)

Osservazzjonijiet simili japplikaw ukoll fir-rigward tas-sistema finanzjarja Ċiniża. Kif instab fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament provviżorju fil-premessa (108), il-banek Ċiniżi huma ggwidati minn politiki pubbliċi meta jagħtu aċċess għall-finanzjament, inkluż fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju tal-mutwatarji. Peress li la d-Daxin u lanqas is-CCCMC/GMIA ma pprovdewx informazzjoni addizzjonali li turi li d-distorsjonijiet deskritti fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament provviżorju ma jaffettwawx l-aċċess għall-kapital għall-produtturi tal-EMD, dan l-argument kellu jiġi miċħud.

(44)

Is-sitt, Daxin, CCCMC u GMIA sostnew li l-metodoloġija u r-raġunament tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni jeħtieġ li jissodisfaw l-istandards stabbiliti mill-prinċipji u l-prattiki kkristallizzati fid-WTO. Il-produtturi esportaturi argumentaw li l-Kummissjoni jeħtieġ li jkollha oneru tal-provi akbar meta tirrelata d-determinazzjoni ta’ suq distorsiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispjegazzjoni ta’ kif is-setgħat jew il-mandat tal-gvern jissarraf f’distorsjonijiet attwali u dimostrabbli tal-kost tal-produzzjoni.

(45)

L-argumenti mqajma minn Daxin, CCCMC u GMIA ġew miċħuda. Il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija konsistenti bis-sħiħ mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea u l-produtturi esportaturi ma ssostanzjawx liema prinċipji u prattiki allegatament ma ġewx issodisfati mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju kien fiha spjegazzjoni dettaljata dwar kif diversi tipi ta’ distorsjonijiet – kemm trażversali kif ukoll dawk li, għalhekk, jaffettwaw l-ekonomija Ċiniża kollha jew preżenti speċifikament fis-settur tal-EMD – jaffettwaw il-funzjonament tas-suq u, għalhekk, anki l-kostijiet tal-input tal-prodott taħt investigazzjoni.

(46)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ Daxin u tas-CCCMC/GMIA.

(47)

Xiangtan l-ewwel sostniet li l-Kummissjoni xorta naqset milli tipprovdi kwalunkwe elaborazzjoni ulterjuri dwar il-bażi ġuridika eżatta sabiex issostni r-raġunament tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mal-ftehimiet tad-WTO – inkluż il-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO u l-ADA – kif ukoll id-deċiżjonijiet mad-DSB, b’mod partikolari d-DS473. Skont Xiangtan, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ttenni li l-Artiklu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa kompletament f’konformità mal-obligi tal-UE skont il-liġi tad-WTO ma jipprovdix ċarezza addizzjonali dwar il-kwistjoni. Barra minn hekk, b’referenza għad-DS473, Xiangtan sostniet li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li twarrab il-kostijiet jew il-prezzijiet tagħha fuq il-bażi tal-allegata eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, minħabba li l-eżistenza ta’ tali distorsjonijiet fl-ebda każ ma hija bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-rekords tal-produttur ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet tal-materja prima assoċjata mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Fl-aħħar nett, Xiangtan asseriet li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx biżżejjed l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’din l-investigazzjoni.

(48)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Fir-rigward tal-argumenti ta’ Xiangtan dwar l-allegata inkompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mal-liġi tad-WTO, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.2. u 2.2.1.1 tal-ADA, kif ukoll is-sejbiet fid-DS473, il-Kummissjoni tenniet il-fehma tagħha espressa fl-ewwel Nota li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa kompletament konformi mal-obbligi tal-UE skont il-liġi tad-WTO. Barra minn hekk, fir-rigward tad-DS473, il-Kummissjoni fakkret li dan il-każ ma kienx jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, iżda ta’ dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Dwar l-argument ta’ Xiangtan dwar l-oneru tal-provi li għandha l-Kummissjoni, l-asserzjoni ma hijiex f’lokha. Il-Kummissjoni fakkret li l-liġi tad-WTO kif interpretata mill-Korp tal-Appell fid-DS473 tippermetti l-użu ta’ data minn pajjiż terz, bl-aġġustament dovut meta tali aġġustament ikun neċessarju u sostanzjat. Il-Kummissjoni nnotat li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti li jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija stabbilita fuq livell nazzjonali, u, jekk tkun stabbilita, trendi l-kostijiet u l-prezzijiet fil-pajjiż esportatur inadatti għall-kalkolu tal-valur normali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jipprovdi għall-kalkolu tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ fuq il-bażi ta’ prezzijiet jew ta’ parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, inklużi dawk f’pajjiż rappreżentattiv xieraq b’livell simili ta’ żvilupp bħall-pajjiż esportatur. Barra minn hekk, l-istess dispożizzjoni tar-Regolament bażiku tipprevedi l-użu ta’ kostijiet domestiċi li jkunu stabbiliti b’mod pożittiv li ma jkunux affettwati minn distorsjonijiet sinifikanti. F’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni wriet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fl-industrija tal-EMD fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju filwaqt li ma ġie stabbilit l-ebda kost domestiku li ma huwiex distort fuq il-bażi ta’ evidenza akkurata u xierqa fil-każ ta’ Xiangtan.

(49)

It-tieni, Xiangtan asseriet li ma teżisti l-ebda distorsjoni sinifikanti fis-settur tal-EMD fiċ-Ċina minħabba li: (i) minkejja li Xiangtan hija 40 % intrapriża tal-Istat, is-sjieda azzjonarja tal-gvern mhux neċessarjament tirriżulta fl-intervent tal-gvern fl-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanija; u lanqas il-fatt li l-President tal-kumpanija u s-segretarju tal-Bord tad-Diretturi għandhom karigi fis-CCP fl-istess ħin, (ii) il-kumpanija hija kkwotata pubblikament fil-Borża u, għalhekk, soġġetta għal regoli moderni ta’ governanza korporattiva orjentati lejn is-suq u għar-rekwiżiti dwar il-kwotazzjoni fil-Borża, (iii) il-Kummissjoni naqset milli turi li l-allegati interventi trażversali mill-gvern Ċiniż iwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti tal-fatturi ta’ produzzjoni u, konsegwentement, jaffettwaw il-kost u l-prezz tal-operazzjoni ta’ Xiangtan.

(50)

Dawn l-argumenti ma setgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, rigward l-intervent tal-gvern, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-fatt li s-suq inkwistjoni qed jiġi servut b’mod sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, taħt il-kontroll jew taħt is-superviżjoni tal-politika jew taħt il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur huwa wieħed mill-elementi li l-impatt tagħhom għandu jitqies meta tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Fl-istess ħin, anki jekk ma hemmx predominanza ta’ SOEs f’settur partikolari, is-sjieda tal-Istat hija biss indikatur wieħed ta’ distorsjonijiet sinifikanti. L-interventi tal-gvern jistgħu jieħdu forom oħrajn - f’konformità mal-indikaturi elenkati fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku – li ġew deskritti fit-taqsima 3.2.1 tar-Regolament proviżorju. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(6a), it-tieni inċiż, element wieħed rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’pajjiż huwa l-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet. L-involviment tal-membri tal-partit fl-istrutturi maniġerjali ta’ Xiangtan huwa indikatur ċar li l-kumpanija ma hijiex indipendenti mill-Istat u hija suxxettibbli li taġixxi f’konformità mal-politika tas-CCP aktar milli mal-forzi tas-suq, irrispettivament minn jekk l-Istat jistabbilixxix direttament il-prezzijiet tal-oġġetti mibjugħin jew jekk ir-rabtiet u bejn is-CCP jistgħux jaffettwaw il-kostijiet u l-prezzijiet tagħha b’mod aktar indirett, bħal permezz ta’ trattament aktar favorevoli u appoġġ mill-awtoritajiet.

(51)

It-tieni, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ distorsjonijiet sinifikanti minkejja l-interventi eżistenti tal-gvern, l-argumenti ta’ Xiangtan ma jistgħux jiġu aċċettati. Xiangtan ma pprovdiet l-ebda informazzjoni li tpoġġi f’dubju l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-premessi (87) sa (100) tar-Regolament proviżorju) dwar l-EMD li titqies bħala industrija mħeġġa u, għalhekk, soġġetta għal appoġġ distorsiv mill-gvern. L-istess japplika għad-distorsjonijiet li jikkonċernaw l-inputs neċessarji għall-manifattura tal-prodott li qiegħed jiġi investigat (ara, b’mod partikolari, il-premessi (83), (85) u (106) tar-Regolament proviżorju). It-tielet, fir-rigward tal-asserzjoni ta’ Xiangtan li hija kumpanija bi sjieda privata b’governanza korporattiva moderna, il-Kummissjoni ddeskriviet fit-Taqsima 3.2.1. tar-Regolament proviżorju l-interventi sostanzjali tal-gvern fir-RPĊ li jirriżultaw f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq. Dawk id-distorsjonijiet jaffettwaw lill-operaturi kummerċjali, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda jew mill-istruttura maniġerjali.

(52)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, l-argumenti ta’ Xiangtan ġew miċħudin.

3.2.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(53)

Fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għażlet lill-Kolombja bħala l-pajjiż rappreżentattiv u użat id-data finanzjarja tal-kumpanija Quimpac de Colombia għall-valur normali maħdum f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Id-dettalji dwar il-metodoloġija użata għall-għażla ġew stabbiliti fl-Ewwel u fit-Tieni Nota magħmulin disponibbli għall-partijiet fil-fajl miftuħ fit-12 ta’ Ġunju 2023 u fl-4 ta’ Lulju 2023, rispettivament (“L-Ewwel Nota” u “t-Tieni Nota”).

(54)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, Xiangtan tenniet l-asserzjoni li l-Kolombja ma kinitx pajjiż rappreżentattiv xieraq, fuq il-bażi tal-istess argumenti diġà ppreżentati fil-premessi (144) u (145) tar-Regolament proviżorju.

(55)

Il-Kummissjoni diġà indirizzat il-kummenti fil-premessi (147) u (148) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, Xiangtan ma ġabet l-ebda informazzjoni ġdida u lanqas ma pproponiet xi pajjiż rappreżentattiv alternattiv. Għalhekk, l-argumentazzjoni ġiet miċħuda.

(56)

Daxin u s-CCCMC/GMIA tennew li l-prezz tal-enerġija fil-Kolombja kien influwenzat minn diversi fatturi u varja b’mod sinifikanti anki bejn pajjiżi differenti b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina. Bħala alternattiva, is-CCCMC u l-GMIA u Daxin asserew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża d-data proprja tal-esportaturi Ċiniżi. L-asserzjoni diġà ġiet indirizzata u miċħuda fil-premessi (151) u (152) tar-Regolament proviżorju.

3.2.3.   Sorsi sabiex jiġu stabbiliti kostijiet mingħajr distorsjoni għall-fatturi ta’ produzzjoni

Mineral tal-manganiż

(57)

Xiangtan asseriet li jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-kost reali tal-minerali tal-manganiż kemm awtoestratt kif ukoll importat minflok ma tapplika l-prezzijiet ta’ riferiment. Xiangtan appoġġa din l-affermazzjoni bil-kontenut aktar baxx ta’ manganiż tal-minerali mminati lokalment li allegatament jikkawża li dawk il-minerali lokali mhumiex affettwati mid-distorsjonijiet. Fir-rigward tal-minerali importati, Xiangtan sostniet li peress li l-konċentrazzjoni tal-manganiż, ir-rapporti ta’ spezzjoni u l-informazzjoni dwar l-oriġini kienu disponibbli, il-parametru referenzjarju ma kellux jiġi applikat.

(58)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn iż-żewġ pretensjonijiet. Xiangtan ma spjegax b’liema mod id-distorsjonijiet ma japplikawx ukoll għall-minerali tal-manganiż domestiċi ta’ konċentrazzjonijiet aktar baxxi, li jintużaw flimkien mal-minerali importati ta’ konċentrazzjoni ogħla fil-proċess tal-produzzjoni tal-EMD.

(59)

Ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni applikat parametri referenzjarji għall-minerali importati kienet li l-ebda wieħed mill-produtturi ma pprovda evidenza akkurata u xierqa li turi n-nuqqas ta’ distorsjonijiet. Dan kien primarjament minħabba li x-xiri ta’ minerali sar kollu permezz ta’ intermedjarju Ċiniż, kemm jekk jinsab fiċ-Ċina kif ukoll f’postijiet oħrajn.

(60)

Xiangtan tenniet id-dikjarazzjoni li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju tal-minerali tal-manganiż użata mill-Kummissjoni ma kinitx xierqa u ssuġġeriet mill-ġdid l-użu ta’ waħda minn żewġ metodoloġiji alternattivi ppreżentati fil-kummenti tagħha għat-Tieni nota tal-FOP. Il-Kummissjoni diġà indirizzat din l-asserzjoni fil-premessi (170) u (171) tar-Regolament proviżorju. Xiangtan ma ressqet l-ebda fatt ġdid jew xi metodoloġija alternattiva vijabbli dwar kif tiġi stabbilita b’mod affidabbli kwalunkwe differenza fil-prezz li tirriżulta mill-konċentrazzjoni differenti tal-manganiż fil-mineral.

(61)

Barra minn hekk, is-CCCMC/GMIA u Daxin reġgħu kkontestaw li l-parametru referenzjarju adottat mill-Kummissjoni rrefera għal mineral b’konċentrazzjoni ferm ogħla ta’ manganiż meta mqabbel mal-mineral tal-manganiż miksub lokalment u li jenħtieġ li taġġusta l-parametru referenzjarju sabiex jirrifletti l-kostijiet tal-esportaturi Ċiniżi.

(62)

Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa s-sorsi kollha pprovduti mill-partijiet interessati inkluża d-data mill-pjattaformi Ċiniżi Asian Metal u ferroalloynet.com. Din l-analiżi żvelat li ma setgħet tiġi ddeterminata l-ebda differenza konsistenti fil-prezz ibbażata fuq il-kontenut tal-manganiż. Għall-kuntrarju, id-data minn Fastmarkets.com uriet li żewġ konċentrazzjonijiet ta’ minerali ta’ 37 % u 44 % urew differenzi inkonsistenti fil-prezzijiet, peress li f’xi xhur il-prezz unitarju ta’ tunnellata għall-konċentrazzjoni ogħla kien saħansitra aktar baxx minn dak għall-konċentrazzjoni aktar baxxa. L-istess kien japplika għad-data tal-Metal Asjatika, li wriet li l-prezz unitarju tat-tunnellata għal minerali b’konċentrazzjoni ta’ 13 % kien ogħla f’ċerti xhur milli għal minerali b’konċentrazzjoni ta’ 37 %. Dawn is-sejbiet urew b’mod ċar in-nuqqas ta’ kwalunkwe korrelazzjoni konsistenti bejn il-kontenut u l-ipprezzar tal-manganiż. Konsegwentement, il-parametru referenzjarju proviżorju għall-mineral tal-manganiż ġie kkonfermat u l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(63)

Wara d-divulgazzjoni finali, Xiangtan tenna ż-żewġ affermazzjonijiet tiegħu rigward il-mineral tal-manganiż. L-ewwel nett, huma sostnew li l-kost reali tal-mineral tal-manganiż awtominat kellu jintuża minflok il-prezz referenzjarju. It-tieni, huma tennew li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat il-prezzijiet referenzjarji tal-mineral tal-manganiż.

(64)

Fir-rigward tal-ewwel affermazzjoni, il-Kummissjoni diġà spjegat fir-Regolament provviżorju r-raġunijiet għaliex issostitwiet il-kost reali tal-mineral tal-manganiż miksub miċ-Ċina bil-parametri referenzjarji. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe fatt ġdid, din l-affermazzjoni għalhekk ġiet miċħuda.

(65)

Fit-tieni affermazzjoni rigward il-parametru referenzjarju tal-mineral tal-manganiż, Xiangtan argumentat li hemm xejra konsistenti ta’ differenza fil-prezz unitarju ta’ tunnellata metrika bejn il-parametri referenzjarji ogħla u aktar baxxi tal-konċentrazzjoni tal-minerali, mingħajr ma pprovdiet l-ebda dettall jew evidenza dwar x’tkun din id-differenza allegatament konsistenti fil-prezz, u lanqas dwar kif din id-differenza fil-prezz tkun applikabbli għall-minerali tal-manganiż l-oħrajn (aktar baxxi) użati mill-produtturi Ċiniżi. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(66)

Barra minn hekk, Xiangtan issuġġeriet li l-preżentazzjoni tal-Kummissjoni tal-fatt li, f’ċerti każijiet, il-prezz unitarju ta’ tunnellata għall-mineral ta’ konċentrazzjoni ogħla kien inqas minn dak għall-minerali tal-konċentrazzjoni iktar baxxa kienet fattwalment żbaljata. Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni, bħal pereżempju fi kważi perjodu sħiħ ta’ Mejju 2020, il-prezz unitarju tal-USD għal kull tunnellata metrika ta’ MB-MNO-0003 37 % CIF Tianjin kien ogħla minn dak ta’ MB-MNO-0001 44 % CIF Tianjin (15). Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (62), ma hemm l-ebda differenza konsistenti fil-prezz bejn il-prezz tal-mineral tal-manganiż u l-konċentrazzjoni tal-manganiż tiegħu. Fi kwalunkwe każ, anki f’każ li tinstab differenza konsistenti, id-differenza bejn il-konċentrazzjonijiet ta’ 37 % u 44 % ma setgħetx tiġi applikata għall-minerali Ċiniżi lokali b’konċentrazzjonijiet ferm aktar baxxi u li għalihom ma kien disponibbli l-ebda parametru referenzjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat l-approċċ għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju tal-manganiż u ċaħdet din l-affermazzjoni. Xiangtan identifikat żball klerikali fil-formula użata fir-rigward tal-kalkolu tal-prezz għal wieħed mill-minerali tal-manganiż użati. Konċentrazzjoni ta’ manganiż skorretta tal-mineral ġiet applikata għall-prezz referenzjarju. Il-Kummissjoni aċċettat din l-asserzjoni u kkoreġiet dan l-iżball.

(67)

Xiangtan asseriet li l-fattur ta’ aġġustament tal-Kummissjoni użat fir-rigward tal-kontenut ta’ valenza tal-manganiż ta’ 2+ ġie applikat b’mod żbaljat. Il-Kummissjoni aċċettat l-asserzjoni u kkoreġiet dan l-aġġustament.

(68)

Xiangtan ikkontestat l-aġġustament li l-Kummissjoni applikat għal tip wieħed ta’ trab tal-manganiż. Il-Kummissjoni aċċettat din l-asserzjoni u kkoreġiet l-ammont tal-aġġustament.

Materja prima u oġġetti tal-konsum oħrajn

(69)

Tosoh argumentat li l-Kummissjoni missha użat il-Malażja minflok it-Turkija bħala sors ta’ prezzijiet tal-importazzjoni għall-ħames fatturi ta’ produzzjoni minbarra l-mineral tal-manganiż minħabba li l-prezzijiet tal-importazzjoni fit-Turkija ta’ prodotti tal-faħam kienu anormalment baxxi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, minħabba importazzjonijiet sostanzjali mir-Russja. Il-Kummissjoni diġà indirizzat din l-asserzjoni fil-premessa (143) tar-Regolament proviżorju u għażlet lill-Brażil sabiex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni għall-faħam bituminuż u għall-faħam tal-antraċit.

(70)

Autlan talbet lill-Kummissjoni li tuża d-data dwar il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-Malażja sabiex jiġu kkalkolati l-parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni għall-ħames inputs. Il-Kummissjoni nnotat li għal wieħed biss mill-ħames fatturi ta’ produzzjoni, il-faħam tal-linjite, il-volumi medji aggregati tal-importazzjoni kienu ogħla milli fit-Turkija jew fil-Brażil, u għalhekk l-għażla tal-Malażja ma kinitx ġustifikabbli. L-asserzjoni ġiet miċħuda.

(71)

Xiangtan ikkontestat il-metodu użat sabiex jiġu ddeterminati l-prezzijiet għal żewġ tipi ta’ faħam. Ħeġġet lill-Kummissjoni tuża l-istatistiki dwar l-esportazzjoni tal-Kolombja għall-faħam bituminuż. Fl-iżvilupp tal-argument tagħha, Xiangtan spekulat li r-raġuni għall-importazzjonijiet baxxi fil-Kolombja tista’ tkun il-provvista abbundanti fil-pajjiż. Hija ħeġġet ukoll lill-Kummissjoni sabiex tuża l-istatistiki dwar l-importazzjoni fit-Turkija mingħajr ma teskludi l-importazzjonijiet mir-Russja minħabba li l-Kummissjoni ma wrietx biżżejjed li kien hemm xi distorsjoni fir-Russja li jikkawżaw prezzijiet baxxi b’mod anormali u ressqet ukoll eżempji ta’ xi prodotti li minn xi wħud il-pajjiżi ġew importati bi prezzijiet aktar baxxi mir-Russja.

(72)

Il-Kummissjoni spjegat l-approċċ meħud fil-premessi (142) u (143) tar-Regolament proviżorju. Fl-istabbiliment tal-parametri referenzjarji, il-Kummissjoni ma tibbażax fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni peress li skont id-definizzjoni huma anqas affidabbli mill-istatistiki tal-importazzjoni. Din hija fehma ġeneralment aċċettata, ibbażata fuq diversi raġunijiet bħal li l-awtoritajiet doganali tipikament ikollhom aktar riżorsi u metodi sabiex jivvalutaw u jikkontrollaw id-data dwar l-importazzjoni meta mqabbla mad-data dwar l-esportazzjoni. Id-dokumentazzjoni tal-importazzjoni meħtieġa hija ġeneralment aktar bir-reqqa u l-oġġetti waqt l-importazzjoni huma soġġetti għal kontrolli u għal verifiki doganali. Barra minn hekk, id-data dwar l-esportazzjoni tipikament tiġi rrapportata bħala FOB (meta mqabbla mas-CIF fuq l-importazzjonijiet), li l-Kummissjoni tuża bħala livell rappreżentattiv bħala parametru referenzjarju. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(73)

Wara d-divulgazzjoni finali, Xiangtan irrepetiet l-affermazzjoni li saret fl-istadju provviżorju li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-istatistika tal-esportazzjoni Kolombjana biex tistabbilixxi l-prezz referenzjarju tal-faħam bituminuż. Ma ġie pprovdut l-ebda argument ġdid. Il-Kummissjoni diġà spjegat għaliex qieset il-prezzijiet tal-importazzjoni aktar affidabbli mill-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-premessa preċedenti u għalhekk ċaħdet l-affermazzjoni.

(74)

Fir-rigward tad-distorsjonijiet fir-Russja, il-Kummissjoni nnotat li l-evidenza li tiddokumenta li l-produtturi Russi tal-faħam kienu qegħdin ibigħu bi skontijiet kbar wara s-sanzjonijiet tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet li daħlu fis-seħħ f’Awwissu 2022 kienet faċilment disponibbli fil-fajl miftuħ u Xiangtan ma kkontestathiex. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni u kkonfermat il-metodu tagħha għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-faħam.

(75)

Guiliu talbet lill-Kummissjoni sabiex timmodifika l-kodiċi SA għal wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni tagħhom, mill-Kodiċi SA 2701 12 (Faħam bituminuż) għall-Kodiċi SA 2702 10 (Linjite) u sabiex timmodifika l-parametru referenzjarju kif xieraq. Guiliu argumentat li, skont in-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata, il-Kodiċi SA 2701 12 irrefera għall-faħam bituminuż, jeħtieġ li jkollu valur kalorifiku ugwali għal jew akbar minn 5 833 kcal/kg, filwaqt li l-faħam li kienet tuża kien taħt dan il-limitu. B’appoġġ għat-talba tagħhom, Guiliu pprovda riżultati tal-ittestjar għal lottijiet ta’ faħam li juru valur kalorifiku taħt il-limitu indikat hawn fuq. Il-klassifikazzjoni taħt il-Kodiċi HS 2701 12 ġiet ipprovduta minn Guiliu fit-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju u ma ġietx iddubitata matul il-proċess ta’ verifika. Il-Kummissjoni qieset li t-talba ma kinitx aċċettabbli peress li ġiet biss wara miżuri provviżorji, u l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-evidenza l-ġdida ppreżentata fir-rigward tal-valur kaloriku tal-faħam allegatament użat minn Guiliu.

(76)

Fl-ewwel u t-Tieni nota u fir-Regolament provviżorju, wieħed mill-fatturi tal-produzzjoni, il-pitrit tal-ħadid, kien indikat taħt il-Kodiċi HS 2601 11. Wara investigazzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni aċċertat li l-pirit tal-ħadid użat mill-produtturi esportaturi kien pirit tal-ħadid mhux inkaljat u jenħtieġ li jiġi kklassifikat taħt kodiċi differenti, il-Kodiċi SA 2502 00. Il-Kummissjoni rċeviet konferma mingħand il-produtturi esportaturi dwar it-tip ta’ materja prima użata, jekk hux pirit tal-ħadid inkaljat jew le, u dwar il-kodiċi ta’ klassifikazzjoni li għandu jintuża. Konsegwentement, il-Kummissjoni mmodifikat il-parametru referenzjarju sabiex tistabbilixxi l-prezz mingħajr distorsjoni għall-pirit tal-ħadid. Peress li l-ebda wieħed mill-pajjiżi użati għal fatturi oħrajn f’dan il-każ (il-Kolombja, it-Turkija u l-Brażil) ma kellu kwantitajiet rappreżentattivi ta’ importazzjonijiet tal-pirit (l-importazzjonijiet totali lejn dawk il-pajjiżi jvarjaw minn 0 sa 3 % tal-konsum tal-pirit tal-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun), il-Kummissjoni fittxet pajjiż alternattiv fil-lista ta’ pajjiżi b’livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina u kkonkludiet li t-Tajlandja kienet sors alternattiv xieraq ta’ prezzijiet tal-importazzjoni għal pirit mhux inkaljat peress li l-kwantitajiet tal-importazzjoni kienu ogħla b’mod sinifikanti (jirrappreżentaw 23 % tal-konsum totali tal-pirit tal-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun).

(77)

Wara d-divulgazzjoni finali, Xiangtan affermat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tibbaża fuq il-prezz tal-esportazzjoni Tork għall-pirite mhux inkaljata biex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju, peress li t-Turkija kienet l-akbar pajjiż esportatur għal din il-materja prima. Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (72) ta’ dan ir-Regolament.

(78)

Daxin argumentat li l-istabbiliment tal-parametru referenzjarju tal-istim bl-użu tal-produtturi esportaturi l-oħrajn inklużi fil-kampjun ikun inkonsistenti mal-prattika preċedenti u li, minflok, jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-parametru referenzjarju għall-ilma. Il-Kummissjoni qieset li ma jkunx xieraq li jintuża l-parametru referenzjarju għall-ilma, peress li fatturi oħrajn b’impatt ferm ogħla fuq il-prezz finali bħall-kostijiet tal-enerġija u lavorattivi kienu meħtieġa fil-produzzjoni tal-istim. Il-Kummissjoni kkalkolat medja tal-konsum tal-inputs użati mill-produtturi esportaturi l-oħrajn inklużi fil-kampjun li jipproduċu l-istim internament u applikat parametri referenzjarji għall-konsum medju ta’ kull input sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-istim. L-ebda metodoloġija alternattiva għall-kalkolu tal-prezz tal-istim ma ġiet ippreżentata minn Daxin u, għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(79)

Daxin ikkontestat ukoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tuża l-kost tat-tħin/tal-milling ta’ produtturi esportaturi oħrajn inklużi fil-kampjun sabiex taġġusta l-parametru referenzjarju għall-mineral tal-manganiż ma kinitx iġġustifikata, peress li l-kost kien għoli b’mod mhux raġonevoli. Daxin ma pprovdiet l-ebda evidenza b’appoġġ għal din l-asserzjoni u lanqas ma pproponiet għażla alternattiva. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

Elettriku

(80)

Xiangtan ikkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tbiddel is-sors tad-data għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju għall-elettriku minn ENEL S.A., oriġinarjament propost fl-Ewwel u fit-Tieni nota, għal EMCALI, il-fornitur tal-enerġija fir-reġjun ta’ Cali, fejn tinsab il-kumpanija Quimpac. L-ewwel nett, hija argumentat li, peress li Quimpac ma kinitx produttur tal-EMD, il-post tagħha ma kienx rilevanti. It-tieni, argumentat li t-tariffi ta’ EMCALI ma kinux jinkludu tariffa applikabbli għall-użu industrijali. Il-Kummissjoni ċaħdet iż-żewġ argumenti. Quimpac intgħażlet bħala kumpanija referenzjarja minħabba li tuża l-istess proċess ta’ elettroliżi bħala produttur tad-Diossidi tal-Manganiż Elettroliku (EMD), li jagħmilha rappreżentant xieraq sabiex tinftiehem l-istruttura tal-kostijiet ta’ produttur tal-EMD f’termini ta’ provvista tal-enerġija. Fir-rigward tat-tariffi tal-enerġija applikati, il-prezzijiet ippubblikati fil-lista tal-prezzijiet ta’ EMCALI aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha, huma applikabbli kemm għall-utenti kummerċjali kif ukoll għal dawk industrijali. Dan l-approċċ huwa appoġġat ukoll mill-użu ta’ livelli ta’ vultaġġ għoljin ħafna (kategorija 3), li huma lil hinn mill-ambitu tal-attivitajiet residenzjali tipiċi jew kummerċjali ġenerali u huma indikattivi ta’ konsum industrijali sostanzjali tal-elettriku. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-ogħla kategorija ta’ livell ta’ vultaġġ disponibbli hija bbażata fuq ir-raġunament li din isservi bħala rappreżentazzjoni akkurata ta’ utent industrijali li jikkonsma ammonti kbar ta’ elettriku fil-proċessi ta’ produzzjoni tiegħu.

L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, SG&A u profitti

(81)

Xiangtan ikkontestat l-użu tal-SG&A u tal-profitt ta’ Quimpac de Colombia għall-kalkolu tal-valur normali għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, hija asseriet li r-riżultat finanzjarju ta’ Quimpac ma kienx joffri indikatur tajjeb għall-produzzjoni tal-EMD. It-tieni, hija allegat li l-livell ta’ profitt kien ogħla minn dak li normalment seta’ jinkiseb minn produttur tal-EMD u pproponiet li jintużaw il-profitti tal-produtturi tal-Unjoni jew ta’ Tosoh Japan. It-tielet, hija asseriet li ma kienet disponibbli l-ebda data finanzjarja dettaljata għall-kumpanija u, għalhekk, l-entrati bħall-ispejjeż tan-nol, l-ispejjeż tal-ippakkjar, kostijiet oħrajn jew spejjeż tar-R&Ż ma jistgħux jiġu vverifikati u, għalhekk, ma jistax jiġi żgurat li ma jkunx hemm għadd doppju meta jsir it-tqabbil tal-prezzijiet.

(82)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ppreżentati għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, Xiangtan naqset milli turi għaliex il-prodotti manifatturati minn Quimpac (prodotti tal-kloru-soda) ma jirrenduhomx bħala indikatur tajjeb għall-produtturi tal-EMD. Xiangtan ma tikkontestax li Quimpac tuża assi fissi komparabbli (Faċilità tal-elettroliżi) u li għandha konsum għoli ta’ elettriku. It-tieni, ir-raġunament għall-għażla ta’ Quimpac flimkien mad-deskrizzjoni tal-proċess ġie deskritt kif xieraq fir-Regolament proviżorju (it-taqsima 3.2.2.4). Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tuża r-riżultati finanzjarji tal-industrija tal-Unjoni u tal-kumpanija Ġappuniża la sabiex tikkalkola l-valur normali, u lanqas sabiex tagħmel parametraġġ refenzjarju tiegħu mar-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji magħżula. It-tielet, minkejja l-limitazzjonijiet tad-data disponibbli għal Quimpac, il-Kummissjoni tqis li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rapport finanzjarju aktar dettaljat, dik id-data tipprovdi rappreżentazzjoni raġonevolment akkurata tal-SG&A u tal-profitt tal-kumpanija. Fl-aħħar nett, Xiangtan naqset milli tipprovdi xi alternattiva. Għalhekk, l-argumenti ġew miċħuda.

3.2.4.   Kummenti oħra

(83)

Xiangtan, Daxin u s-CCCMC/GMIA argumentaw li l-marġni tad-dumping jenħtieġ li jiġi kkalkolat bl-użu tal-prezz tal-bejgħ għall-esportazzjoni u tal-valur normali mingħajr VAT. L-investigazzjoni wriet li, fuq il-bażi tal-politika Ċiniża dwar ir-rifużjonijiet tal-VAT fuq l-esportazzjoni, il-produtturi esportaturi li jesportaw l-EMD ma kinux eliġibbli għar-rifużjoni tal-VAT. Dan implika li l-prodotturi tal-EMD iġarrbu kost addizzjonali meta jesportaw. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet aġġustament fil-valur normali, skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, sabiex jirrifletti l-kost totali mġarrab bħala riżultat tal-iskema adottata tal-VAT.

(84)

Wara d-divulgazzjoni finali, Daxin tenniet l-affermazzjoni li saret fl-istadju provviżorju li ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jsir xi aġġustament tal-VAT għall-valur normali peress li Daxin għamlet bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta’ negozjanti domestiċi u għalhekk ma ġarrbet l-ebda kost addizzjonali meta esportat. Il-Kummissjoni nnotat li, għall-fini tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(10)(b), ma kienx rilevanti jekk Daxin tesporta direttament lejn l-Unjoni jew permezz ta’ negozjant li jinsab fiċ-Ċina. L-aġġustament għall-valur normali skont l-Artikolu 2(10)(b) baqa’ ġġustifikat abbażi tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rifużjoni tal-VAT fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni tal-EMD. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. Xiangtan ma qablitx mal-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni biex testrapola l-kost tal-oġġetti tal-konsum u l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura bħala perċentwal tal-kost għall-materja prima u tal-kost dirett rispettivament. L-istess kumment ġie pprovdut fir-rigward tal-estrapolazzjoni tal-kost tat-trasport bħala perċentwal tal-kost tal-materja prima. Xiangtan affermat li dawn kienu entrati tal-kostijiet awtonomi, bl-ebda mod marbuta mal-valur tal-inputs, u li jenħtieġ li l-Kummissjoni jew tidentifika parametri referenzjarji xierqa separatament minn inputs oħra jew tuża l-kost reali tal-produtturi esportaturi.

(85)

Il-Kummissjoni nnotat li, ladarba l-eżistenza ta’ distorsjoni sinifikanti ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 (6a) (b) tar-Regolament bażiku, ma jkunx xieraq li jintużaw il-kostijiet reali, sakemm dawn ma jkunux ġew stabbiliti li ma humiex distorti abbażi ta’ evidenza preċiża u xierqa. Dan ma kienx il-każ, peress li ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza bħal din. Peress li dawn tqiesu mill-Kummissjoni bħala distorti, kellhom jinstabu valuri referenzjarji xierqa. Meta ma jkunux jistgħu jinstabu punti ta’ riferiment xierqa għal kost, il-Kummissjoni tista’ fil-prinċipju tistabbilixxihom bħala proporzjon mal-grupp ta’ kostijiet li jkunu relatati miegħu (kemm jekk ikun il-kost tal-materja prima kollha kif ukoll tal-kostijiet tal-manifattura). Ladarba jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-materja prima jew tal-kostijiet tal-manifattura, il-Kummissjoni se tapplika l-parametru referenzjarju biex tistma l-kost mingħajr distorsjoni inkwistjoni, u b’hekk tippreserva l-istruttura tal-kostijiet tal-produttur esportatur. Xiangtan naqas milli jipprovdi alternattiva aktar raġonevoli għal dan il-metodu.

(86)

Xiangtan ikkontestat li l-Kummissjoni użat għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping tabella tal-COM PCN ibbażata fuq medja annwali, minflok it-tabella tal-COM PCN sottomessa oriġinarjament ibbażata fuq ir-rekords tal-kontabilità tal-kostijiet ta’ kull xahar, mingħajr ma spjegat ir-raġuni għad-deċiżjoni tagħha. Fil-fehma ta’ Xiangtan, dan ma kienx konformi mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li skont dan il-kostijiet normalment jenħtieġ li jiġu kkalkolati fuq il-bażi tar-rekords miżmumin mill-parti taħt investigazzjoni. Billi l-Kummissjoni tuża valur normali medju annwali fl-investigazzjonijiet tagħha, hija qieset xieraq li tuża l-kostijiet iġġenerati ta’ kull sena, li jippermettu verifika diretta mar-rapporti finanzjarji awditjati ta’ kull sena tal-kumpanija, li ssaħħaħ l-affidabbiltà u t-trasparenza tad-data użata. Barra minn hekk, il-valur medju annwali ġie kkalkulat abbażi tar-rekords miżmuma minn Xiangtan u għalhekk l-Artikolu 2(5) ma nkisirx. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat din l-affermazzjoni.

(87)

Autlan talbet lill-Kummissjoni sabiex tadotta fid-determinazzjoni finali tagħha azzjonijiet xierqa rigward produttur tal-EMD li huwa proprjetà tas-South Manganese Group, l-istess grupp li għalih kienet tappartjeni Daxin, sabiex jiġi evitat l-ikkanalar potenzjali ta’ kumpanija. Il-Kummissjoni nnotat li l-produtturi li esportaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni biss huma elenkati fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, jekk għamlu lilhom infushom magħrufa matul l-investigazzjoni. Il-kumpanija inkwistjoni ma esportatx lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma tistax tiġi elenkata fir-regolament. Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

3.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(88)

Xiangtan ma qablitx mal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkoreġi n-nol għat-trasport fuq l-oċeani użat għall-kostruzzjoni tal-valur CIF. Il-Kummissjoni użat ir-rati ta’ 5 xhur meta Xiangtan fil-fatt ħallset in-nol għall-bejgħ CIF u DAP u kwotazzjonijiet minn esportaturi oħrajn inklużi fil-kampjun għas-7 xhur li jifdal. Imbagħad, il-Kummissjoni kkalkolat rata medja annwali sabiex tibni l-valur CIF tal-bejgħ fejn ma seħħ l-ebda nol għat-trasport fuq l-oċeani. Xiangtan affermat li ma kienx xieraq li tintuża l-medja annwali tar-rati tal-merkanzija bil-baħar peress li dan ma qiesx il-fluttwazzjoni sinifikanti tal-merkanzija bil-baħar fl-2022 li kellha impatt sostanzjali fuq il-valur CIF minn xahar għal xahar. Il-Kummissjoni aċċettat l-affermazzjoni u applikat rati ta’ kull xahar għat-trasport tal-merkanzija bil-baħar fil-kostruzzjoni tal-valur CIF.

(89)

Xiangtan sostniet ukoll li l-Kummissjoni kkalkolat l-assigurazzjoni fuq l-oċeani abbażi ta’ perċentwal fuq il-valur tal-fattura filwaqt li kellha tikkalkolaha abbażi tal-kost tal-assigurazzjoni effettivament imħallas mill-kumpanija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni aċċettat din l-asserzjoni u kkoreġiet il-kalkoli kif xieraq.

(90)

Wara d-divulgazzjoni finali, Xiangtan innotat li l-Kummissjoni, filwaqt li aċċettat li tikkalkula l-primjum tal-assigurazzjoni fuq l-oċeani abbażi tal-kost tal-assigurazzjoni effettivament imħallas mill-kumpanija, applikat formula żbaljata fil-kalkolu peress li ma inkorporatx il-firxa tipika tal-1.1 użata mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni għad-determinazzjoni tat-tariffa tal-assigurazzjoni fuq l-oċean. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-implimentazzjoni ta’ din il-korrezzjoni mhux materjali la taffettwa d-dannu u lanqas il-marġni tad-dumping. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ma ġietx milqugħa.

(91)

Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri proviżorji, Daxin issottomettiet informazzjoni addizzjonali dwar il-prezzijiet tal-esportazzjoni tan-negozjant mhux relatat li jbigħ l-EMD lill-klijent fl-Unjoni tiegħu u talbet lill-Kummissjoni tuża din id-data dwar l-esportazzjoni sabiex tikkalkola l-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni.

(92)

Autlan irreaġixxiet għas-sottomissjoni tal-kwestjonarju min-negozjant mhux relatat ta’ Daxin u asseriet li din waslet diversi xhur wara l-iskadenza stabbilita fit-taqsima 5.3 tan-Notifika ta’ Bidu.

(93)

Daxin irreplikat li, skont in-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati setgħu jissottomettu informazzjoni fattwali ġdida qabel l-iskadenza sabiex jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji u, għalhekk, qieset li din l-evidenza l-ġdida kienet aċċettabbli.

(94)

Il-Kummissjoni nnotat li n-negozjant mhux relatat ma kienx kkoopera fl-investigazzjoni u, għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni li tivverifika kwalunkwe data tiegħu sat-terminu tal-investigazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(95)

Wara d-divulgazzjoni finali, Daxin tenniet l-affermazzjoni tagħha li saret fl-istadju provviżorju li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-prezz tal-esportazzjoni tan-negozjant mhux relatat biex tikkalkula l-marġni tad-dannu mingħajr ma tippreżenta l-ebda argument addizzjonali. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (94).

3.4.   Tqabbil

(96)

Autlan argumentat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi qegħdin jużaw dumping immirat u talbet lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni u kkonkludiet li ma hemm l-ebda evidenza tad-dumping immirat fil-fajl. Il-bidla fil-prezzijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet allinjata mal-iżvilupp tas-suq u mal-movimenti fil-prezzijiet tal-materja prima u fil-prezzijiet. L-analiżi tal-bejgħ ta’ produtturi esportaturi partikolari lejn ir-reġjuni differenti lanqas ma wriet xi differenza sinifikanti fil-prezzijiet u, għalhekk, ma indikat l-ebda prattika ta’ dumping immirat. Għalhekk, l-argumentazzjoni ġiet miċħuda.

3.5.   Marġnijiet tad-dumping

(97)

Wara l-asserzjonijiet mill-partijiet interessati kif deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(98)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Xiangtan

47,2

Guiliu

62,9

Daxin

18,3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

47,4

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

100,9

4.   DANNU

4.1.   Definizzjonital-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(99)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-determinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (204) sa (206) tar-Regolament proviżorju.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(100)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (207) sa (209) tar-Regolament proviżorju.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(101)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (210) sa (214) tar-Regolament proviżorju.

4.3.1.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, it-twaqqigħ tal-prezz u s-soppressjoni tal-prezzijiet

(102)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, dwar it-twaqqigħ tal-prezz u s-suppressjoni tal-prezz, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (215) sa (221) tar-Regolament proviżorju.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(103)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (222) sa (225) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(104)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (226) sa (228) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(105)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (229) sa (231) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.3.   Tkabbir

(106)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tkabbir, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (232) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(107)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-impjiegi u l-produttività, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (233) sa (235) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.5.   Firxa tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(108)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (236) sa (237) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(109)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (238) sa (241) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.2.   Il-kostijiet lavorattivi

(110)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kost lavorattiv, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (242) sa (243) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.3.   L-inventarji

(111)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-inventarji, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (244) sa (245) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.4.   Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġenerat il-kapital

(112)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (246) sa (251) tar-Regolament proviżorju.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(113)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun u s-CCCMC/GMIA kkontestaw id-dannu konkluż għall-industrija tal-Unjoni muri mis-soppressjoni tal-prezzijiet ikkawżata mill-kwantitajiet sinifikanti ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx miċ-Ċina, speċjalment matul it-tieni nofs tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni (2021 — il-perjodu ta’ investigazzjoni) għar-raġunijiet li ġejjin:

—

il-prezz medju Ċiniż żdied aktar mill-prezz tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni,

—

id-differenza fil-prezz bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni kienet iżgħar fil-perjodu ta’ investigazzjoni milli fl-2019 (16), meta l-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni kienet f’saħħitha (17),

—

iż-żidiet fil-kostijiet tal-produzzjoni li ffaċċjaw il-produtturi tal-Unjoni kienu kkawżati mill-kriżi tal-enerġija tal-2021 u mill-katina tal-provvista u mit-tfixkil fil-produzzjoni li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi stabbiliti mill-gvernijiet madwar l-Ewropa minħabba l-COVID-19 (2020 sa nofs l-2022), b’impatt fuq ir-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji fil-biċċa l-kbira tal-industriji Ewropej.

(114)

L-investigazzjoni wriet li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’[7 - 8,5] miljun kg mill-2019 sal-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn il-volumi ta’ bejgħ mitlufin flimkien ma’ prezzijiet imrażżnin kienu ta’ detriment għall-industrija tal-EMD intensiva fil-kapital, li għandha kostijiet fissi għoljin. Id-differenza bejn il-prezz medju tal-importazzjoni miċ-Ċina u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni, minkejja li kienet ogħla fl-2019, kellha effett ferm aktar baxx fuq il-profittabilità, peress li l-industrija tal-Unjoni biegħet [7 - 8,5] miljun kg aktar EMD fl-2019 meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(115)

Kif previst fir-Regolament proviżorju, it-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ bil-prezzijiet soppressi rriżulta f’deterjorament tal-indikaturi kollha tal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Livell ta’ profitt żgħir miksub mill-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni sar akkost tal-fluss tal-flus negattiv u, għalhekk, ma kienx sostenibbli.

(116)

Kif rikonoxxut ukoll fis-sejbiet proviżorji, iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni kienet dovuta għaż-żieda qawwija fl-enerġija u għal ċertu ipprezzar tal-materja prima fit-tieni nofs tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, l-inabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jżidu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom flimkien ma’ telf sinifikanti tal-volumi tal-bejgħ f’konformità mal-kost dejjem akbar kienet ir-riżultat tas-soppressjoni tal-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet Ċiniżi li laħqu l-ogħla livell. Barra minn hekk, il-pressjoni fuq il-prezzijiet fuq il-kost tal-industrija tal-Unjoni kienet l-aktar prominenti fit-tieni parti tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni (18).

(117)

Fl-aħħar nett, ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 ma affettwawx il-livelli ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, peress li l-produzzjoni tal-Unjoni kienet qed tiżdied fl-2020 u fl-2021 u l-impjanti tal-produzzjoni ma esperjenzawx għeluq temporanju. Għalhekk, ir-riżultati finanzjarji tal-industrija tal-Unjoni ma setgħux jiġu affettwati minn dawn ir-restrizzjonijiet. Fuq din il-bażi, l-asserzjonijiet ġew miċħudin.

(118)

Daxin u CCCMC/GMIA affermaw li l-premessa (220) tar-Regolament provviżorju, li tiddikjara li, “minkejja li ma nstab l-ebda twaqqigħ tal-prezz fuq bażi ta’ tranżazzjoni bi tranżazzjoni għal tnejn mit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi totali fis-suq tal-Unjoni kien ta’ madwar [5 % - 9 %] inqas mill-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni, matul il-perjodu kkunsidrat” ma kinitx appoġġata mill-fatti. Dawn il-partijiet enfasizzaw li t-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw kważi 99 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali tal-EMD lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, inklużi l-esportaturi kollha li kkooperaw u produtturi esportaturi oħrajn. Għalhekk, kważi 99 % tal-EMD totali esportati miċ-Ċina fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma kienx qiegħed iwaqqa’ l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni jew kien qiegħed jagħmel dan bi ftit.

(119)

Il-Kummissjoni tenfasizza l-konklużjoni ddikjarata fil-premessa (202) tar-Regolament proviżorju li tindika li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu madwar 65 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, huwa nnotat li l-ebda twaqqigħ tal-prezz li nstab fuq bażi ta’ tranżazzjoni bi tranżazzjoni għal tnejn mit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma kien jirrappreżenta anqas minn nofs l-importazzjonijiet Ċiniżi totali. Kif iddikjarat fil-premessa (215) tar-Regolament proviżorju, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet ġew stmati fuq il-bażi tal-Eurostat, billi ġew diviżi l-valuri totali tal-importazzjonijiet Ċiniżi bil-volum totali ta’ dawk l-importazzjonijiet. B’riżultat ta’ dan, il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi totali fis-suq tal-Unjoni kien madwar [5 %–9 %] aktar baxx mill-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-affermazzjonijiet tal-partijiet ma ntlaqgħux.

(120)

Daxin u s-CCCMC/GMIA asserew ukoll li l-Kummissjoni ma vvalutatx b’mod adegwat id-differenzi fil-prezzijiet bejn il-gradi differenti ta’ EMD, jiġifieri jekk l-analiżi tad-dannu provviżorju kinitx ibbażata fuq l-allegata soppressjoni tal-prezzijiet tal-Unjoni kkawżata minn importazzjonijiet bi prezz aktar baxx miċ-Ċina relatata prinċipalment mal-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ gradi aktar baxxi ta’ EMD, u għalhekk normalment bi prezz aktar baxx.

(121)

Kif previst fil-premessa (221) tar-Regolament proviżorju, is-soppressjoni tal-prezzijiet ġiet stabbilita fuq il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi totali, u għalhekk tqiesu l-gradi kollha tal-kwalità tal-EMD. Għalhekk, l-argument tal-partijiet ġie miċħud.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(122)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (257) sa (263) tar-Regolament proviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(123)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (264) sa (266) tar-Regolament proviżorju.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(124)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (267) sa (269) tar-Regolament proviżorju.

5.2.3.   Fatturi oħrajn

(125)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Daxin u CCCMC/GMIA affermaw li t-telf tal-bejgħ u tas-sehem mis-suq mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat minn fatturi oħra, jiġifieri l-inabbiltà tal-industrija tal-Unjoni li tforni lill-utenti tal-Unjoni bl-EMD (19) ta’ kwalità għolja f’volumi suffiċjenti, speċjalment fit-tieni nofs tal-perjodu kkunsidrat, u għalhekk l-utenti kellhom bżonn jirrikorru għall-importazzjonijiet Ċiniżi. Dawn il-partijiet affermaw li wieħed miż-żewġ produtturi tal-Unjoni (AUTLAN) ma mmanifatturax EMD ta’ kwalità għolja u ma wrietx intenzjoni li timmanifattura dan fil-futur. Għalhekk, nuqqas ta’ ċertifikazzjoni kien raġuni għaliex l-industrija tal-Unjoni jew tilfet il-bejgħ tagħha ta’ EMD ta’ kwalità għolja u/jew għal raġunijiet ta’ kapaċità ma setgħetx tibbenefika bis-sħiħ mid-domanda l-ġdida u dejjem tiżdied għall-EMD ta’ kwalità għolja.

(126)

Iż-żewġ utenti li kkooperaw (Duracell u Varta) appoġġaw l-asserzjoni ta’ hawn fuq, filwaqt li żiedu li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tissodisfa d-domanda tal-Unjoni għall-EMD, filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kienu estremament limitati u ma kinux jiffurmaw alternattiva vijabbli. L-utenti downstream ma kellhom l-ebda għażla oħra ħlief li jiddependu fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina.

(127)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-utenti tal-Unjoni (il-produtturi tal-batteriji) kienu jeħtieġu kwalità varjata tal-EMD (20) fil-produzzjoni tagħhom tal-batteriji b’ċelloli xotti, skont il-parametri speċifiċi għal kull utent. Kif stabbilit fil-premessa (316) tar-Regolament provviżorju, il-gradi kollha tal-EMD isegwu l-istess proċess ta’ produzzjoni, filwaqt li, kif stabbilit fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju, kemm l-EMD tal-karbonju-żingu kif ukoll dak alkalin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u jintużaw għall-istess skopijiet (il-produzzjoni tal-batteriji b’ċelloli xotti). L-istess jgħodd għall-EMD alkalina, irrispettivament mill-kwalità ddikjarata. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-produtturi Ċiniżi jew tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma rrapporta jew wera xi differenza bejn ir-rati ta’ konsum tal-fatturi ta’ produzzjoni bejn dawk li huma ddikjarati bħala gradi ta’ kwalità differenti tal-EMD fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tistabbilixxi linja ta’ diviżjoni universali bejn l-EMD alkalina ta’ kwalità “għolja” u “standard”, iżda din id-distinzjoni hija, pjuttost, speċifika għal kull utent. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għalhekk tirreferi għal EMD “standard” u “ta’ kwalità għolja” meta wieħed mill-utenti li kkooperaw iqis li l-EMD li jixtri huwa jew ta’ kwalità għolja jew le.

(128)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-industrija tal-Unjoni pprovdiet it-tliet kwalitajiet differenti kollha tal-EMD lill-utenti matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żewġ utenti li kkooperaw kienu jużaw biss l-EMD tal-alkalina fil-produzzjoni tagħhom – ta’ kwalità kemm standard kif ukoll għolja. Is-sehem tal-EMD miksub mill-utenti li kkooperaw mill-industrija tal-Unjoni (b’mod ġenerali) kien jirrappreżenta madwar [55–65] % tal-EMD totali li kisbu fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li kien jinkludi l-EMD ta’ kwalità għolja ta’ madwar [25–35] % tax-xiri totali tagħhom mill-Industrija tal-Unjoni fil-PI. Autlan kienet tforni lil tnejn mit-tliet utenti ewlenin tal-Unjoni bl-EMD ta’ kwalità standard matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (21) u kellha ċertifikazzjoni kontinwa għall-forniment lit-tielet utent. It-tieni produttur tal-Unjoni (Tosoh) kien iforni lit-tliet utenti ewlenin kollha tal-Unjoni (inkluż lit-tnejn li kkollaboraw) bl-EMD ta’ kwalità standard u tnejn minnhom bl-EMD ta’ kwalità għolja matul l-istess perjodu. Tosoh kellha ċertifikazzjoni kontinwa sabiex tipprovdi lit-tielet utent bl-EMD ta’ kwalità għolja.

(129)

L-industrija tal-Unjoni żiedet il-livell tal-EMD ta’ kwalità għolja mill-2019 b’[0,8 - 1,8] miljun kg iżda tilfet il-volumi tal-EMD ta’ kwalità għolja tagħha bi [11 % - 16 %] mill-2021 sal-PI għall-benefiċċju tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, li jikkonferma li la ċ-ċertifikazzjoni, u lanqas raġunijiet ta’ kapaċità ma kienu qegħdin ifixklu lill-industrija tal-Unjoni milli tforni l-EMD ta’ kwalità għolja. Ta’ min jinnota wkoll li l-industrija tal-Unjoni naqqset b’nofs il-livell tal-investimenti tagħha li rriżulta fi tnaqqis ta’ 45 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u għalhekk kwalunkwe investiment potenzjali fiż-żieda fil-kwalità jew fil-kapaċità kien impossibbli. Jekk il-miżuri anti-dumping definittivi jiġu imposti fuq l-EMD miċ-Ċina, dan jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tinvesti f’Direttiva dwar l-EMD ta’ kwalità għolja, li bħalissa hija mxekkla mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, mit-telf tas-sehem mis-suq u minn profittabilità baxxa. Fuq din il-bażi, l-asserzjonijiet ġew miċħudin.

(130)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CCCMC u l-GMIA ma qablux mal-Kummissjoni, filwaqt li tennew li l-allegat dannu ma kienx ikkawżat mill-importazzjonijiet tal-EMD miċ-Ċina, iżda pjuttost min-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tforni jew li tforni fi kwantità suffiċjenti l-grad EMD alkalin ta’ kwalità għolja u allegaw li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx kompluta, kif spjegat hawn taħt.

(131)

Is-CCCMC u l-GMIA allegaw li l-Kummissjoni ma ddistingietx kif xieraq liema manifatturi tal-EMD jistgħu jipproduċu EMD ta’ kwalità għolja, imsemmija fis-sottomissjoni tagħhom bħala EMD ta’ “prestazzjoni għolja ta’ eżodu”, filwaqt li sostnew li huma l-utenti li jiddeterminaw il-grad ta’ kwalità, u mhux il-produtturi. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tenniet l-ispjegazzjoni tagħha mill-premessa (127), filwaqt li spjegat li d-distinzjoni saret preċiżament fuq id-definizzjoni tal-utenti tal-kwalità tal-EMD, u mhux fuq id-definizzjoni tagħha mill-produtturi. Jiġifieri, il-Kummissjoni qieset bħala EMD “ta’ kwalità għolja” biss dik l-EMD alkalina li kienet ikkwalifikata bħala eżodu għoli minn wieħed mill-utenti. L-EMD alkalina l-oħra kollha kienet, għal raġunijiet ta’ sempliċità, meqjusa u msemmija bħala kwalità “standard”.

(132)

Is-CCCMC u l-GMIA talbu wkoll l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi kimiċi, tekniċi, fiżiċi u ta’ proċessabbiltà għall-EMD ta’ kwalità għolja u standard, kif ukoll l-identifikazzjoni dwar liema karatteristiċi huma kritiċi għall-produzzjoni tal-batteriji, filwaqt li nnotaw li dawn il-karatteristiċi ma kinux l-istess u s-suq jiddistingwi b’mod ċar il-batteriji alkalini mmarkati bħala primjum (fit-tul).ż. Il-Kummissjoni ċċarat li, kif innotat fil-premessa (127), il-karbonju-żingu u l-kwalitajiet differenti tal-EMD alkalina “kellhom” l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u ntużaw għall-istess skopijiet (il-produzzjoni tal-batteriji b’ċelloli xotti). Dan ma kienx jimplika li l-parametri ta’ kull karatteristika fiżika, kimika u teknika kienu identiċi, iżda, kif previst fl-istess premessa, kienu speċifiċi għal kull utent. Għalhekk, l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn il-parametri kienu kunfidenzjali u speċifiċi għall-kumpaniji. Għalhekk, din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi żvelata. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li jekk uħud mill-batteriji alkalini fis-suq kienu ttikkettati bħala primjum (fit-tul), dan ma kienx jimplika li l-EMD ta’ kwalità għolja biss intuża fil-produzzjoni tagħhom, filwaqt li l-partijiet ma pprovdew l-ebda evidenza għall-kuntrarju.

(133)

Is-CCCMC u l-GMIA kkritikaw lill-Kummissjoni talli ma rrikonoxxewx li Autlan konsistentement naqas milli jissodisfa ċ-ċertifikazzjoni tal-utenti għall-EMD ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (127), fejn ġie nnutat li Autlan kienet tforni lil tnejn mit-tliet utenti ewlenin tal-Unjoni bl-EMD ta’ kwalità standard matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (22) u kellha ċertifikazzjoni kontinwa għall-forniment lit-tielet utent. Dan, tabilħaqq, irrikonoxxa li Autlan ma pprovdietx EMD ta’ kwalità għolja fil-perjodu kkunsidrat, filwaqt li, kif innotat fil-premessa ulterjuri (128), l-industrija tal-Unjoni (kollha kemm hi) ipprovdiet it-tliet kwalitajiet differenti kollha tal-EMD lill-utenti matul il-perjodu kkunsidrat.

(134)

Is-CCCMC u l-GMIA fl-aħħar nett żiedu li ma rċevew l-ebda divulgazzjoni adegwata li tippermettilhom jivverifikaw id-data dwar il-grad EMD alkalin ta’ kwalità għolja tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni nnotat li d-data għal kull tip ta’ prodott immanifatturat u mibjugħ kienet kunfidenzjali u speċifika għall-kumpanija, peress li kien fiha volumi u valuri individwali tal-produtturi tal-Unjoni (jew tal-produtturi esportaturi Ċiniżi). Għalhekk, din id-data ma setgħetx tiġi żvelata. L-affermazzjonijiet tal-partijiet ma ntlaqgħux.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(135)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mill-fatturi l-oħra eżaminati fl-istadju proviżorju kif ukoll fl-istadju definittiv ma kien kapaċi jkollu xi impatt rilevanti fuq is-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-ebda wieħed mill-fatturi, analizzati individwalment jew kollettivament, ma naqqas il-kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-sens li tali rabta ma tibqax aktar ġenwina u sostanzjali, u tikkonferma l-konklużjoni fil-premessi (277) sa (279) tar-Regolament proviżorju.

6.   IL-LIVELL TAL-MIŻURI

(136)

Biex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping lill-industrija tal-Unjoni.

(137)

L-ilmentatur afferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, sabiex titwettaq valutazzjoni fuq il-livell xieraq ta’ miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Imbagħad eżaminat jekk il-marġni tad-dumping tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, li nstab li l-materja prima ewlenija tiegħu kienet soġġetta għad-distorsjoni, ikunx ogħla mill-marġni tiegħu tal-bejgħ taħt il-prezz.

6.1.   Kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz

(138)

Kif previst mill-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament bażiku, u minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, hija analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni u, għalhekk, jekk din tirriflettix id-dannu addizzjonali li jirriżulta minn żieda bħal din fid-determinazzjoni tal-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz.

(139)

Fuq il-bażi tad-data mill-bażi tad-data Surveillance 3 (23), il-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina matul il-perjodu ta’ 4 ġimgħat ta’ qabel id-divulgazzjoni kienu 45 % anqas mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ 4 ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni.

(140)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma aġġustatx il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz f’dan ir-rigward.

Il-profitt fil-mira

(141)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-produtturi tal-Unjoni kkontestaw il-livell ta’ profitt bażiku [6–8] % użat għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż (24), filwaqt li asserew li:

—

dan ma kienx biżżejjed għal industrija b’użu intensiv tal-kapital u ma ppermettiex li jsiru investimenti kontinwi fir-R&Ż,

—

l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx kellhom effett fuq is-suq tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu, peress li kienu prezzijiet baxxi u profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu,

—

Tosoh tenniet li l-1997–2001 ma kinux affettwati minn prattiki ta’ dumping u huma indikattivi għall-profitt fil-mira li jista’ jinkiseb mill-industrija tal-Unjoni,

—

Tosoh asseriet li f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, il-marġni ta’ profitt ta’ mill-inqas 6 % irid jiġi applikat għal kull produttur li huwa parti mill-industrija tal-Unjoni,

—

Tosoh asseriet li Tosoh Japan uriet livell ta’ profitt ta’ [11–20 %] applikabbli għall-industrija tal-EMD fl-investigazzjoni anti-dumping li għaddejja fil-Ġappun,

—

Autlan asseriet li l-profittabbiltà reali ta’ Tosoh ma laħqitx l-istandard għal din l-industrija matul il-perjodu 2018–2020 minħabba użu baxx tal-kapaċità, filwaqt li Tosoh ma kkonfrontatx il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha stess, iżda asseriet li l-operazzjonijiet tagħha kienu affettwati b’mod negattiv fl-2020 minn ċirkustanzi speċifiċi fil-kumpanija.

(142)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-asserzjonijiet imtennijin tal-industrija tal-Unjoni li jintuża livell ta’ profitt ta’ 15 % applikabbli għall-industrija tal-kimika, kif ukoll il-livelli ta’ profitt miksuba fl-1997–2001 (qabel l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-EMD mill-Afrika t’Isfel (25)) diġà ġew miċħudin fir-regolament proviżorju u ma ġewx ikkontestati ulterjorment b’xi evidenza ġdida. It-tieni, il-produtturi tal-Unjoni ma wrewx li l-livelli ta’ profitt li jistgħu jinkisbu minn Tosoh Japan fis-suq Ġappuniż setgħu jinkisbu mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. It-tielet, il-Kummissjoni qieset li ċ-ċirkostanzi żvelati minn Tosoh fl-2020 kienu deċiżjonijiet tan-negozju u ma kkontestatx il-livell ta’ profitt miksub dik is-sena.

(143)

Il-Kummissjoni kkonfermat li, f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, hija stabbiliet il-profitt bażiku filwaqt li qieset fatturi bħal-livell ta’ profittabilità qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-livell ta’ profittabilità meħtieġ sabiex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabilità li wieħed għandu jistenna f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali. Il-Kummissjoni qieset li l-profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni fl-2019 kien aktar xieraq minn dak miksub fl-2020, stabbilit fl-istadju proviżorju. Fil-fatt, fl-2019, il-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien ogħla milli fl-2020 u l-volumi tagħhom kienu għadhom ferm aktar baxxi milli fil-PI u l-industrija tal-Unjoni għamlet investimenti ħafna akbar milli fis-snin sussegwenti meta kemm il-livell ta’ investimenti kif ukoll il-livell ta’ profittabilità tal-industrija tal-Unjoni bdew jonqsu. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni fl-2019 jirrifletti l-livell ta’ profittabilità li huwa mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni u għalhekk uża dan il-livell ta’ profitt bażiku [7-9 %], għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż filwaqt li l-asserzjonijiet tal-partijiet ġew miċħudin.

(144)

Wara d-divulgazzjoni finali, iż-żewġ produtturi tal-Unjoni kkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-profitt bażiku użat għall-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz, filwaqt li sostnew li dan ma kienx adegwat għall-industrija tal-EMD. Autlan u Tosoh sostnew li l-Kummissjoni kellha biżżejjed evidenza biex tikkonkludi li Tosoh kienet affettwata minn ċirkostanzi eċċezzjonali matul l-2018–2020 u l-profitt tagħha ma kellux jintuża għall-fini tal-kalkolu tal-profitt bażiku (26). Autlan argumentat ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi profitt bażiku ta’ [7–9]% għall-industrija tal-Unjoni kieku qieset b’mod adegwat il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex tkopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li indikat l-indikaturi finanzjarji tagħha stess f’dak ir-rigward. Tosoh żiedet ukoll li l-Kummissjoni minflok jenħtieġ li tuża l-profittabbiltà tal-1997–2001, peress li tirrappreżenta l-aħħar perjodu mhux affettwat mill-prattika tad-dumping, peress li mill-2002 sat-2019 l-importazzjonijiet tal-EMD li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Afrika t’Isfel naqqsu l-profittabbiltà tal-industrija tal-EMD tal-Unjoni, li mbagħad ġew sostitwiti minn importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping. Autlan finalment ma qablitx mas-sejba tal-Kummissjoni li l-produtturi tal-Unjoni ma wrewx li l-livelli ta’ profitt li setgħu jinkisbu minn Tosoh Japan fis-suq Ġappuniż setgħu jinkisbu mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

(145)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret li l-livell ta’ profitt bażiku huwa stabbilit fil-livell tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, jiġifieri, filwaqt li jitqiesu l-livelli ta’ profitt tal-produtturi kollha tal-Unjoni, sakemm ma jkunux jistgħu jintwerew ċirkostanzi eċċezzjonali li affettwaw il-marġni ta’ profitt tagħhom għal produttur partikolari. Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza ppreżentata minn Tosoh u kkonkludiet li ċ-ċirkostanzi żvelati minn Tosoh li jaffettwaw l-operazzjonijiet tal-kumpanija fil-perjodu 2018–2020 kienu deċiżjonijiet kummerċjali u rriżultaw fil-livell ta’ profitt miksub f’kull sena. Għalhekk, il-Kummissjoni pproċediet biex tistabbilixxi livell ta’ profitt bażiku għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. Peress li l-profitt bażiku ġie stabbilit għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, il-livell ta’ profitt ta’ Autlan tqies b’mod adegwat. Barra minn hekk, kif innotat fil-premessi (154) u (155), l-investimenti, l-ispejjeż tar-R &Du tal-innovazzjoni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni kif stabbilit fir-Regolament provviżorju, il-premessa (289) ġew miżjuda mal-profitt bażiku, li wassal għal profitt fil-mira ta’ [8–11]%.

(146)

Kif enfasizzat il-ġurisprudenza minn Autlan fil-kummenti tagħha, “il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-metodu għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu, sakemm tali diskrezzjoni tiġi eżerċitata skont il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-UE fil-proċeduri amministrattivi u billi tiżgura li l-għażla tagħha twassal għal riżultati plawżibbli” (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika wkoll li “l-Kummissjoni tgawdi wkoll minn diskrezzjoni fl-iddeterminar [il-profitt fil-mira] tal-marġni.” (28) Huwa eżattament fi ħdan dik id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni diġà’ kkonkludiet li l-livelli ta’ profitt miksuba fl-1997-2001 ma setgħux jiġu meqjusa rappreżentattivi tal-istat tal-industrija tal-Unjoni llum, aktar minn 20 sena wara, u għalhekk ma tqisux xierqa. Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata minn evidenza ġdida u għalhekk l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(147)

Bl-istess mod, la Autlan u lanqas Tosoh ma ppreżentaw argumenti ġodda li jbiddlu l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-produtturi tal-Unjoni ma wrewx li l-livelli ta’ profitt li setgħu jinkisbu minn Tosoh Japan fis-suq Ġappuniż setgħu jinkisbu wkoll mill-industrija tal-Unjoni, kollha kemm hi, fis-suq tal-Unjoni.

(148)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma qablitx mal-affermazzjoni li l-perjodu 1997–2001 kien l-aħħar wieħed mhux affettwat mill-prattika tad-dumping, peress li l-miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet tal-EMD mill-Afrika t’Isfel kienu kontinwament fis-seħħ bejn l-2002 u l-2019, u b’hekk reġgħu ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, mill-evidenza ppreżentata mill-ilmentaturi, l-industrija tal-Unjoni xorta kisbet l-ogħla livell ta’ profittabbiltà fl-2019.

(149)

Min-naħa l-oħra, Daxin, CCCMC u GMIA ddikjaraw li l-Kummissjoni missha użat is-sena 2020 bħala l-aktar sena xierqa biex tistabbilixxi l-profitt bażiku, peress li diversi indikaturi finanzjarji kienu aħjar f’dik is-sena u nnotaw speċifikament in-nuqqas ta’ pressjonijiet fuq il-volum u l-prezzijiet mill-importazzjonijiet. Il-Kummissjoni diġà kkunsidrat dawn il-fatturi fil-premessa (143). Madankollu, dan ma jaffettwax il-fatt li l-industrija tal-Unjoni kisbet profittabbiltà ogħla fis-sena 2019 milli fl-2020, xorta qabel ma l-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu drastikament għan-negattiv. Peress li dan kien livell ta’ profittabbiltà li fil-fatt inkiseb, kien ikkunsidrat bħala “livell ta’ profittabilità mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni”.

(150)

Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha li l-livell ta’ profitt li l-industrija tal-Unjoni kisbet fl-2019 kien l-aktar livell xieraq biex jintuża bħala l-profitt fil-mira.

L-investimenti, ir-riċerka u l-iżvilupp (“R&Ż”) u l-ispejjeż tal-innovazzjoni

(151)

Xiangtan ikkontestat il-kalkolu tad-differenza bejn l-investimenti, ir-R&Ż u l-ispejjeż tal-innovazzjoni, peress li skont ir-rapporti li saru fil-livell tal-grupp (29) ta’ Autlan, tlestew numru rekord ta’ 93 proġett ta’ investiment u l-kumpanija ssodisfat l-impenji finanzjarji u l-ħtiġijiet operazzjonali u ta’ investiment kollha b’mod effiċjenti matul is-sena. Xiangtan żiedet ukoll li Autlan akkwistat lil Cegasa Portable Energy u l-impjant tagħha tad-Diossidu tal-Manganiż Elettroliku fi Frar 2020, li saret Autlan EMD u li investiment kapitali kbir bħal dan affettwa l-kapaċità tal-gruppi li jagħmlu investiment fir-R&Ż. Bl-istess mod, Xiangtan asseriet li r-rapporti finanzjarji (30) ta’ Tosoh irreġistraw żieda sena għal sena tal-ispejjeż tar-R&Ż mill-31 ta’ Marzu 2021 sal-31 ta ’ Marzu 2023. Għalhekk, Tosoh tista’ tagħmel ukoll investimenti fit-tibdil tat-tagħmir u fir-R&Ż.

(152)

Autlan wieġbet għall-kumment li ddikjara li l-istess rapport annwali indika li Autlan kellha erba’ unitajiet tan-negozju: Autlán Manganese, Autlán EMD, Autlán Energy u Autlán Metallorum. Għalhekk, it-93 proġett ta’ investiment ma kinux relatati mal-unità tan-negozju tad-Direttiva dwar il-EMD, iżda mal-unità tan-negozju ta’ Autlán Manganese, kif iddikjarat fl-istess rapport. Barra minn hekk, l-unità tan-negozju tal-EMD kienet tirrappreżenta 3,63 % tal-fatturat totali tal-bejgħ tal-grupp.

(153)

Tabilħaqq, kif iddikjarat fil-premessa (289) tar-regolament proviżorju, il-Kummissjoni vverifikat il-pjanijiet ta’ investiment, il-proġetti miċħudin u posposti, u ordnijiet ta’ xiri taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li eventwalment ma twettqux, li juru li dawn l-investimenti kienu ppjanati b’mod ġenwin. L-informazzjoni vverifikata rreferiet esklużivament għal Autlan EMD, S.L. li tinsab Oñati (Guipuzcoa), Spanja u għal Tosoh Hellas Single Member S.A. li tinsab Sindos, il-Greċja. L-asserzjoni tal-parti kienet infondata minn kwalunkwe evidenza sostanzjali u, għalhekk, ġiet miċħuda.

(154)

Għalhekk, il-Kummissjoni baqgħet bid-differenza bejn l-investimenti, ir-R&Ż u l-ispejjeż tal-innovazzjoni f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali kif stabbilit fir-Regolament proviżorju, il-premessa (289). Tali differenza, espressa bħala perċentwal tal-fatturat, kienet ta’ [1–2] %.

(155)

Dan il-perċentwal żdied mal-profitt bażiku ta’ [7-9] % imsemmi fil-premessa (143), li wassal għal profitt fil-mira ta’ [8-11] %.

Kostijiet ambjentali futuri

(156)

Xiangtan u s-CCCMC/GMIA asserew li jenħtieġ li l-kostijiet ambjentali futuri ma jiżdidux mal-kalkolu tal-prezz fil-mira għar-raġunijiet li ġejjin:

—

il-produtturi tal-Unjoni rċevew kwoti bla ħlas tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”) għall-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, il-profitt bażiku ta’ [7–9] % diġà kien jinkludi l-benefiċċju ta’ dawn il-kwoti,

—

Iċ-Ċina kellha l-mekkaniżmu tagħha stess għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-karbonju, u għalhekk il-kost futur Ċiniż jenħtieġ li jkollu tqabbil adegwat,

—

il-mekkaniżmu tal-UE ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (“CBAM”) jimponi l-istess kostijiet fuq il-produtturi esportaturi Ċiniżi, u għalhekk dawk il-kostijiet jenħtieġ li jikkumpensaw għall-kostijiet ta’ konformità tal-ETS għall-industrija tal-Unjoni.

(157)

Kif previst fin-nota mal-fajl dwar il-kalkolu tal-kostijiet ambjentali futuri (31), f’dan il-każ ma ġie stabbilit l-ebda kost dirett futur marbut mal-ETS li kien relatata mal-kost tax-xiri tal-permessi għall-emissjonijiet. L-uniċi kotsijiet indiretti futuri stabbiliti marbutin mal-ETS kienu relatati mal-kost tax-xiri tal-elettriku. Għalhekk, il-kwoti tal-ETS riċevuti direttament mill-produtturi tal-Unjoni ma kkontribwewx għall-kalkolu ulterjuri tal-prezz fil-mira. Fir-rigward tal-kost tal-karbonju Ċiniż, dawn kienu irrilevanti peress li għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fil-PI tqabbel mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ma kien hemm l-ebda evidenza li s-CBAM japplika għall-importazzjonijiet tal-EMD. Fuq din il-bażi, l-asserzjonijiet ġew miċħudin.

(158)

Daxin, CCCMC u GMIA affermaw li n-nota tal-Kummissjoni għall-fajl dwar il-kostijiet indiretti (32) ta’ konformità futuri ma pprovdietx spjegazzjoni u evidenza essenzjali għall-aġġustament (eż., ma speċifikatx jekk il-produtturi tal-Unjoni kellhomx kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas kontra dawk imħallsa fil-perjodu ta’ investigazzjoni, jew jekk din is-sitwazzjoni hijiex se tinbidel fil-perjodu li ġej 2024–2028) u li ma pprovdietx il-kalkoli attwali rilevanti (eż. il-kalkolu tal-fattur tas-CO2 tal-elettriku). Il-partijiet interessati għalhekk ma kellhom l-ebda bażi biex jivverifikaw u jivverifikaw il-kalkoli/konklużjonijiet fit-taqsima 2.2 tan-nota għall-fajl. Din l-informazzjoni kollha jeħtieġ li tiġi żvelata.

(159)

Il-Kummissjoni nnotat li, kif spjegat fin-nota mal-fajl imsemmija, il-kostijiet tal-konformità futuri indiretti marbutin mal-ETS kienu relatati mal-kost tax-xiri tal-elettriku, u għalhekk ma kinux relatati ma’ kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas jew imħallsin. Il-metodu ta’ kalkolu, inklużi t-tliet passi tiegħu, tal-kostijiet tal-konformità indiretti futuri ġie spjegat fin-nota tal-fajl u r-riżultat f’kull pass ġie pprovdut f’medda. Id-data individwali tal-produtturi tal-Unjoni kienet kunfidenzjali u speċifika għall-kumpaniji, peress li żvelat ir-rati u l-kost tal-konsum tal-elettriku individwali. Għalhekk, din id-data ma setgħetx tiġi ddivulgata u l-asserzjoni tal-partijiet ġiet miċħuda.

(160)

Daxin u s-CCCMC/GMIA talbu lill-Kummissjoni tiġġustifika l-użu tagħha taċ-ċifri ta’ Bloomberg għall-Prezz tal-Projezzjoni tal-Kwoti f’EUR/tCO2 użat għall-kalkolu tal-kostijiet ambjentali futuri u ssuġġerew sors ieħor, Statista, mingħajr ma ssostanzjaw għaliex id-data ta’ Bloomberg kienet anqas affidabbli.

(161)

Il-Kummissjoni nnotat li s-sors issuġġerit mill-partijiet ibbaża l-aspettattivi tal-prezz medju tal-karbonju fuq ir-rapport “GHG Market Sentiment Survey” imħejji għall-International Emissions Trading Association (“IETA”) minn PwC. Dan ir-rapport kien fih informazzjoni derivata minn varjetà ta’ sorsi u PwC u IETA ma kinux fittxew li jistabbilixxu l-affidabbiltà ta’ dawk is-sorsi jew li jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta hemmhekk, kif indikat fir-rapport (33). Is-sors użat mill-Kummissjoni kien ibbażat fuq Bloomberg (Bloomberg New Energy Finance) u kien jinkludi l-projezzjonijiet medji minn diversi entitajiet (34), li ġew ivverifikati u aġġornati kontinwament mis-servizz ta’ Bloomberg. Għal din ir-raġuni, il-prezz medju minn diversi sorsi kien aktar affidabbli mis-sors issuġġerit mill-partijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet is-sors stabbilit u aġġornat il-kalkolu bl-aħħar ċifri disponibbli.

(162)

Tosoh asseriet li l-kost futur tax-xiri tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 ma kienx rifless fil-kalkoli proviżorji, peress li Tosoh ġarrbet investimenti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni sabiex tnaqqas il-ħtieġa futura tal-kwoti tal-ETS.

(163)

Il-Kummissjoni kkonfermat li, kif ipprovdut lil Tosoh fid-divulgazzjoni individwali tagħha u fin-nota mal-fajl (35) dwar il-kalkoli tal-kostijiet ambjentali futuri, il-Kummissjoni eżaminat il-kostijiet tal-ETS imġarrbin matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif ukoll l-ammont ta’ kwoti tal-ETS li se jkunu meħtieġa li jinxtraw matul il-perjodu 2024-2028 u li jiġu rrapportati miż-żewġ produtturi tal-Unjoni, meta applikabbli. Il-Kummissjoni qieset, fost l-oħrajn, il-kwoti bla ħlas tal-ETS riċevuti għall-perjodu ta’ investigazzjoni u l-kwoti tal-ETS riportati mis-snin preċedenti u l-ħtieġa mistennija ta’ kwoti tal-ETS. Il-Kummissjoni kkalkolat il-kostijiet futuri diretti marbutin mal-ETS (il-kwoti li għandhom jinxtraw immoltiplikati bil-prezz tagħhom). Wara li stabbiliet il-prezzijiet previsti tal-kwoti tal-ETS, il-Kummissjoni qabblet kost medju għall-perjodu 2024-2028 mal-kostijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Billi ma nstabet l-ebda differenza pożittiva bejn iż-żewġ valuri, ma ġie stabbilit l-ebda kost dirett futur. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li kwalunkwe investiment li sar matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni sabiex titnaqqas il-ħtieġa ta’ kwoti tal-ETS tqies meta ġie stabbilit il-kost tal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u dan il-kost tal-produzzjoni ntuża sabiex jiġi stabbilit il-prezz fil-mira. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

Komparabbiltà tal-prodott

(164)

Daxin talbet aġġustament bejn it-tip ta’ prodott A (alkalin) u t-tip ta’ prodott Ċ (karbonju-żingu) għall-fini tal-kalkolu tal-marġni tad-dannu, billi t-tip A kien jeħtieġ aktar elettriku, stim, aġent tat-tlaħliħ, u xogħol. Madankollu, kif indikat fil-premessa (127) hawn fuq, la Daxin, u lanqas xi produttur Ċiniż ieħor fil-kampjun ma rrapportaw xi differenza bejn ir-rati ta’ konsum tal-fatturi ta’ produzzjoni għal dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti. L-aġġustament għalhekk ma kienx ġustifikat.

(165)

Wara d-divulgazzjoni finali, Daxin sostniet li r-rifjut tal-aġġustament bejn it-tipi ta’ prodotti A u C ma kienx iġġustifikat u li l-produtturi Ċiniżi ma kellhom l-ebda obbligu li jagħtu prova li ż-żewġ tipi ta’ prodotti kienu differenti. Daxin tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-marġni tad-dannu jenħtieġ li jiġi evalwat u kkalkolat abbażi tal-istess tip ta’ prodotti u għalhekk jitqies inġust li jintuża t-tip ta’ prodott A biex jitqabbel it-tip ta’ prodott C meta jiġi kkalkolat il-marġni tad-dannu.

(166)

Il-Kummissjoni qieset li peress li l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun li kkooperaw ma pprovda xi data dwar id-differenzi f’termini ta’ produzzjoni taż-żewġ tipi ta’ prodotti, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika aġġustament bħal dan. Għal dik ir-raġuni, u fin-nuqqas ta’ evidenza kuntrarja, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien iġġustifikat l-ebda aġġustament.

(167)

Fid-dawl tal-bidliet ta’ hawn fuq għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz u l-bidliet fil-marġnijiet tad-dumping spjegati fit-taqsima 3.5 aktar ’il fuq, it-tabella fil-premessa (297) tar-Regolament proviżorju hija aġġornata kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġini tad-dumping (%)

Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz (%)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Xiangtan

47,2

8,6

Guiliu

62,9

0

Daxin

18,3

17,1

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

47,4

10,1

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

100,9

35,0

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni b’rabta mar-RPĊ

(168)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien meħtieġ li jiġi vvalutat jekk hemmx distorsjonijiet fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat fis-sens tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, li jrendi dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping insuffiċjenti biex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott li qed jiġi investigat.

(169)

Kif spjegat fin-notifika li temenda, l-ilmentatur ipprovda evidenza suffiċjenti li hemm distorsjonijiet fil-materja prima fiċ-Ċina rigward il-prodott li qiegħed jiġi investigat. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat l-allegati distorsjonijiet biex tivvaluta jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu.

(170)

L-investigazzjoni kkonfermat li ma hemm l-ebda rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq l-esportazzjonijiet tal-minerali tal-manganiż fil-pajjiż ikkonċernat. Dan ġie vverifikat matul iż-żjarat ta’ verifika fiċ-Ċina u kontrovverifikat mal-lista uffiċjali tat-taxxa tal-gvern. It-tnaqqis jew it-tħassir tar-rifużjoni tal-VAT huma elenkati fl-Artikolu 7(2a), it-tieni subparagrafu tar-Regolament bażiku, bħala waħda mid-distorsjonijiet rilevanti tal-materja prima.

(171)

L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li l-mineral tal-manganiż kien jammonta għal aktar minn 17 % tal-kost tal-input tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fil-pajjiż ikkonċernat kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2a), il-ħames subparagrafu, tar-Regolament bażiku, kemm fil-livell tal-pajjiż kif ukoll għal kull kumpanija individwali inkluża fil-kampjun.

(172)

L-analiżi tal-minerali miksubin domestikament uriet li l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu aktar baxxi meta mqabblin mal-parametru referenzjarju, bi skontijiet ta’ bejn 10 % u 63 %.

(173)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-mineral tal-manganiż kien soġġett għal distorsjoni sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(174)

Xiangtan u s-CCCMC/GMIA asserew li d-distorsjoni kkawżata min-nuqqas ta’ rifużjoni tal-VAT fuq l-esportazzjoni tal-minerali tal-manganiż kienet bla bażi, billi din is-sitwazzjoni kienet ilha fis-seħħ mill-2004 u, għalhekk, is-swieq reġgħu bbilanċjaw fl-aħħar 20 sena. Il-Kummissjoni qieset li l-eżistenza tad-distorsjoni ma kinitx imdgħajfa mid-durata tagħha. Peress li kien hemm evidenza oġġettiva li din id-distorsjoni kienet teżisti, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(175)

Xiangtan iddikjarat ukoll li ċ-Ċina kienet importatur nett tal-mineral tal-manganiż peress li l-mineral lokali tagħha kien ta’ kwalità baxxa u, għalhekk, ma kien hemm l-ebda valur referenzjarju internazzjonali għalih. Xiangtan asseriet ukoll li l-mineral ta’ konċentrazzjoni baxxa estratt miċ-Ċina kien taħt il-konċentrazzjoni tal-manganiż ta’ 20 % u, għalhekk, ma jaqax fl-istess kodiċi NM 2602 00 bħall-mineral tal-manganiż użat għall-parametru referenzjarju. Il-Kummissjoni nnotat li Xiangtan ma ppreżentat l-ebda evidenza li turi li ma kien hemm xi suq għall-minerali b’konċentrazzjoni aktar baxxa barra miċ-Ċina. Billi l-mineral estratt domestikament, minkejja li ma jaqax fl-istess kodiċi NM, kien jintuża mill-produtturi Ċiniżi tal-EMD flimkien mal-minerali importati b’konċentrazzjoni ogħla, il-Kummissjoni qieset li l-impatt tad-distorsjoni affettwa s-suq Ċiniż fuq it-tipi kollha ta’ minerali tal-manganiż u, għalhekk, l-asserzjoni ta’ Xiangtan ġiet miċħuda.

(176)

Xiangtan, is-CCCMC/GMIA u Guiliu sostnew li l-limitu ta’ 17 % stipulat fir-Regolament bażiku ma ntlaħaqx għall-minerali tal-manganiż, bl-argument li jenħtieġ li tipi differenti ta’ minerali tal-manganiż jiġu evalwati separatament. Madankollu, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni. Hija ddeterminat li minħabba l-varjabbiltà sostanzjali fil-kontenut, il-fattur primarju huwa l-kontenut tal-manganiż fil-minerali. Għalhekk, hija kkonkludiet li l-minerali tal-manganiż kollha għandhom jiġu ttrattati bħala materja prima unifikata waħda.

(177)

Guiliu sostniet li peress li importaw il-maġġoranza tal-minerali tagħhom, l-użu ta’ prezz medju peżat ikun aktar xieraq biex jitqabblu l-prezzijiet mal-prezzijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni qieset li Guiliu xorta bbenefikat minn distorsjoni fl-ipprezzar minħabba l-minerali tagħhom miksuba domestikament li nkisbu bi prezzijiet taħt il-parametru referenzjarju, u b’hekk l-approċċ medju ponderat ma kienx xieraq. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(178)

Autlan u Tosoh asserew li d-distorsjonijiet fil-materja prima affettwaw mhux biss il-mineral tal-manganiż iżda wkoll l-inputs tal-enerġija użati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u talbu lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tal-investigazzjoni tagħha. Kif spjegat fil-premessa (170), il-Kummissjoni stabbiliet distorsjonijiet fil-materja prima skont it-tifsira tal-artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku rigward il-mineral tal-manganiż applikabbli għall-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun. Għalhekk, hija ma qisitx li kien neċessarju li tiġi investigata ulterjorment l-eżistenza ta’ distorsjonijiet oħrajn tal-materja prima. Konsegwentement, din it-talba ġiet miċħuda.

6.2.1.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(179)

Wara li kkonkludiet li hemm distorsjoni fil-materja prima kif definita fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li kien fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont tad-dazji definittivi f’konformità mal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni tal-informazzjoni pertinenti kollha għal din l-investigazzjoni, inklużi l-kapaċitajiet ta’ riżerva fiċ-Ċina, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku. Sabiex twettaq din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni żiedet mistoqsijiet speċifiċi fil-kwestjonarji għall-partijiet interessati kollha. Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni u ż-żewġ utenti li kkooperaw ipprovdew tweġiba għal dawk il-mistoqsijiet.

6.2.1.1.   Kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur

(180)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn Tosoh (36), il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ riżerva tal-EMD fiċ-Ċina kienet stmata għal madwar [190 000 000–205 000 000 kilogramma] (37). B’kuntrast ma’ dan, is-suq tal-Unjoni kellu daqs ta’ [36 000 000–38 000 000] kilogramma. Għalhekk, f’termini relattivi, il-kapaċitajiet ta’ riżerva fiċ-Ċina huma ta’ daqs enormi.

(181)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet teżisti kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fiċ-Ċina u li, jekk tintuża, din il-kapaċità ta’ riżerva kellha l-potenzjal li żżid il-provvista globali tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, tnaqqas il-prezzijiet u konsegwentement timmina l-effettività tal-miżura jekk ma tiġix stabbilita fil-livell tad-dumping.

6.2.1.2.   Kompetizzjoni għall-materja prima

(182)

Fir-rigward tal-kompetizzjoni għall-materja prima, il-Kummissjoni stabbiliet li ma hemm l-ebda rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-esportazzjonijiet tal-mineral tal-manganiż fil-pajjiż ikkonċernat u l-prezz tal-mineral tal-manganiż fiċ-Ċina kien ferm aktar baxx mill-prezz tiegħu fi swieq internazzjonali rappreżentattivi (ara l-premessi (169) u (171)). Kif stabbilit fil-premessa (172) aktar ’il fuq, is-suq Ċiniż tal-materja prima tal-mineral tal-manganiż tqies distort.

(183)

B’riżultat ta’ dan, l-irtirar tar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-esportazzjonijiet tal-mineral tal-manganiż fiċ-Ċina jrażżan l-esportazzjoni tal-mineral tal-manganiż estratt iċ-Ċina. Billi jżid b’mod artifiċjali l-livell tal-provvista tal-materja prima, il-GTĊ jeżerċita pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-mineral tal-manganiż domestiku. Il-produtturi Ċiniżi tal-EMD jħallsu anqas għall-mineral tal-manganiż domestiku minn dak li kieku kien ikollhom iħallsu kieku r-restrizzjoni fuq l-esportazzjoni ma kinitx fis-seħħ. Dan joħloq żvantaġġ komparattiv għall-industrija tal-Unjoni meta mqabbla mal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina.

(184)

Barra minn hekk, fuq il-bażi tas-sors ipprovdut minn Autlan (38), iċ-Ċina għandha r-raba’ l-akbar produzzjoni mill-minjieri tal-minerali tal-manganiż fid-dinja wara l-Afrika t’Isfel, il-Gabon, u l-Awstralja u għadha tista’ tiddependi fuq riżervi kbar ta’ minerali; tnejn mill-produtturi esportaturi tal-EMD inklużi fil-kampjun fiċ-Ċina għandhom minjieri tal-minerali tal-manganiż tagħhom stess, jiġifieri huma integrati vertikalment (39),, u jużaw il-minerali tal-manganiż domestiċi sabiex jipproduċu l-prodott li qiegħed jiġi investigat. Fl-istess ħin, il-produtturi tal-Unjoni tal-EMD jiddependu mill-provvisti tal-mineral tal-manganiż minn swieq terzi. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li l-mineral tal-manganiż huwa disponibbli għall-industrija tal-Unjoni, huwa disponibbli bi prezz ogħla milli għall-kompetituri tagħha fiċ-Ċina. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni tinsab f’pożizzjoni żvantaġġata vis-à-vis l-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(185)

Guiliu asseriet li, skont is-sors ipprovdut (40), is-suq Ċiniż tal-mineral tal-manganiż jinkludi aktar minn 80-95 % tal-importazzjonijiet u, b’hekk, is-suq tal-minerali tal-manganiż fiċ-Ċina ma huwiex distort. Barra minn hekk, il-produzzjoni u l-estrazzjoni domestiċi tal-minerali tal-manganiż fiċ-Ċina jikkonċernaw prinċipalment minerali tal-manganiż ta’ livell baxx, filwaqt li l-maġġoranza tal-konsum u tad-domanda huma għal minerali tal-manganiż ta’ grad għoli.

(186)

Kif previst fil-premessa (183) aktar ’il fuq, il-produtturi tal-EMD fiċ-Ċina, inklużi tnejn minn dawk inklużi fil-kampjun, jużaw il-minerali tal-manganiż domestiċi sabiex jipproduċu l-prodott li qiegħed jiġi investigat minkejja l-kontenut tal-manganiż ta’ livell baxx iddikjarat għalih. Il-produtturi esportaturi fiċ-Ċina għandhom vantaġġ inġust peress li għandhom aċċess għal prezzijiet tal-mineral tal-manganiż domestiċi artifiċjalment baxxi minħabba r-regolamenti domestiċi spjegati fil-premessi (170) sa (173). Għalhekk, l-affermazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

6.2.1.3.   Effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni

(187)

Kif spjegat fil-premessa (306) tar-Regolament proviżorju, l-użu ewlieni tal-EMD huwa għall-produzzjoni ta’ batteriji b’ċelloli xotti tal-karbonju-żingu u tal-alkalina, li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-użu tiegħu. L-utenti ewlenin (iżda mhux l-uniċi) huma t-tliet produtturi ewlenin tal-batteriji fl-Unjoni. Tnejn minn dawn il-produtturi tal-batteriji kkooperaw mal-investigazzjoni, Varta u Duracell, li jirrappreżentaw [67–73] % tal-konsum tal-Unjoni tal-EMD. Kif innotat fil-premessa (179), iż-żewġ utenti li kkooperaw ipprovdew it-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet dwar l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku.

(188)

Iż-żewġ utenti li kkooperaw kienu kontra l-miżuri ogħla, u asserew li dawn jaffettwaw b’mod sproporzjonat il-produzzjoni tagħhom ta’ batteriji b’ċelloli xotti tal-konsumatur, li kienu dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, speċjalment għall-EMD ta’ kwalità għolja, kif deskritt fil-premessa (127) aktar ’il fuq, u ma kellhomx alternattiva vijabbli. Duracell asseriet li l-kapaċità tal-utenti li jibdlu l-fornituri u jiddiversifikaw l-akkwist tagħhom hija kunsiderazzjoni essenzjali fil-valutazzjoni ta’ jekk il-miżuri anti-dumping jistgħux jiġu imposti fuq il-marġni ogħla tad-dumping: (i) filwaqt li tenniet li l-industrija tal-Unjoni fil-preżent ma setgħetx toffri lill-utenti tal-Unjoni alternattiva vijabbli, (ii) il-provvisti tal-EMD minn pajjiżi terzi kienu limitati ħafna fil-kwantitajiet disponibbli tagħhom, kienu għaljin u għadhom ma ġewx iċċertifikati maż-żewġ utenti li kkooperaw. Huwa mfakkar li minħabba r-rekwiżiti ta’ pproċessar għall-użu tal-EMD mill-utenti tal-Unjoni fil-produzzjoni tagħhom tal-batteriji, l-EMD irid jgħaddi minn proċeduri stretti ta’ ttestjar u ta’ approvazzjoni interna, qabel ma tinkiseb ċertifikazzjoni għall-użu industrijali. Għalhekk, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sors ġdid ta’ provvista tal-EMD hija proċess twil mingħajr l-ebda garanzija ta’ suċċess.

(189)

Iż-żewġ utenti li kkooperaw asserew li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fil-marġni ogħla tad-dumping twassal sabiex l-utenti tal-Unjoni jagħmlu t-telf. Huma żiedu li l-industrija tal-Unjoni tal-manifattura tal-batteriji b’mod ġenerali diġà kienet qiegħda tiffaċċja pressjoni dejjem akbar sabiex tibqa’ profittabbli minħabba ż-żieda fil-kostijiet ta’ materja prima oħra użata fil-produzzjoni tal-prodotti tagħha, bħal żieda fil-kostijiet tal-enerġija, u kellhom kapaċità limitata ħafna li jgħaddu ż-żieda importanti fil-kost lill-klijenti finali tagħhom, billi s-suq tal-batteriji kien xprunat ħafna mill-prezzijiet u l-użu ta’ batteriji minn ditti differenti kien interkambjabbli, minkejja r-rikonoxximent tal-marka. Il-pressjoni fuq il-profittabilità minħabba ż-żieda fil-kostijiet tal-input ġiet intensifikata aktar minn żieda simultanja fil-kompetizzjoni fis-swieq tal-batteriji tal-UE u dawk globali, minn kompetituri ta’ pajjiżi terzi, u b’mod partikolari l-kompetituri Ċiniżi. Fl-aħħar nett, l-impatti detrimentali estremi fuq l-utenti kkawżati min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola dwar id-dazju inferjuri kienu aktar serji mill-impatti negattivi potenzjali ta’ dazji anti-dumping aktar baxxi fuq l-industrija kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-miżuri anti-dumping jinċentivaw lill-industrija tal-Unjoni sabiex tagħmel l-investimenti neċessarji fit-titjib tal-kwalità, iżda pjuttost isaħħu d-duwopolju eżistenti tal-produtturi tal-Unjoni tal-EMD li jippermettilhom jistabbilixxu l-prezzijiet mingħajr ma jinvestu fl-innovazzjoni.

(190)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni għamlet simulazzjonijiet fuq il-profittabilità kemm tal-utenti li kkooperaw fuq il-bażi tal-marġnijiet definittivi tad-dumping kif ukoll tad-dannu, jekk wieħed jassumi li s-sorsi u l-volumi tax-xiri u tal-fatturat tal-EMD miksubin fuq il-prodotti downstream jibqgħu ugwali għal dawk fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kostijiet tal-materja prima, tal-elettriku u lavorattivi ġew aġġustati, meta kienu disponibbli, sabiex jirriflettu l-bidliet ta’ wara l-PI. Ir-riżultati tas-simulazzjonijiet stabbilew li l-profitt annwali ġenerali ta’ utent wieħed b’mod partikolari jkun affettwat serjament b’mod negattiv (l-utent jibda jagħmel it-telf) jekk jiġu imposti dazji fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Dan l-utent ma jkunx jista’ jassorbi l-kost tad-dazju anti-dumping ta’ livell ogħla fl-attivitajiet l-oħrajn tiegħu fil-livell tal-grupp. Il-profitt annwali ġenerali tal-utent l-ieħor jiġi affettwat ukoll iżda sa ċertu punt anqas. Fl-istess ħin, anki jekk ikun mistenni li minħabba l-eżenzjoni offruta minn miżuri ogħla, l-industrija tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tbigħ aktar volumi lill-utenti bi prezzijiet kompetittivi, jekk wieħed mill-utenti jagħlaq in-negozju tiegħu fl-Unjoni, min-naħa tagħhom, il-produtturi tal-Unjoni tal-EMD jitilfu direttament aktar minn terz tal-volum tal-bejgħ tagħhom stess. Dan ikun ta’ detriment kbir għall-industrija tal-Unjoni minħabba l-importanza tal-volumi mibjugħin lil dawn l-utenti li, kif spjegat fil-premessa (306) tar-Regolament proviżorju, huma l-klijenti ewlenin tagħhom.

(191)

It-tieni, il-Kummissjoni għamlet simulazzjoni dinamika dwar il-profittabilità taż-żewġ utenti li kkooperaw fuq il-bażi tal-marġnijiet tad-dumping definittivi, jekk wieħed jassumi li l-utenti żiedu l-prezz tal-bejgħ tagħhom ta’ batteriji alkalini bi 3 % (41). Ir-riżultat ta’ din is-simulazzjoni stabbilixxa li utent wieħed xorta jibda jagħmel it-telf. Il-profitt annwali ġenerali tal-utent l-ieħor xorta jkun affettwat b’mod negattiv iżda ħafna anqas. Madankollu, Duracell argumentat li l-utenti ma setgħux jittrasferixxu kompletament iż-żidiet fil-kostijiet lill-klijenti finali tagħhom minħabba kompetizzjoni intensa. Kwalunkwe żieda preċedenti fil-prezz kienet appoġġata minn titjib fil-prestazzjoni tal-batteriji. Barra minn hekk, l-utenti qatt ma setgħu jittrasferixxu kompletament il-kostijiet tagħhom li qegħdin jiżdiedu b’qawwa tal-materja prima minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ batteriji Ċiniżi ta’ kwalità komparabbli. L-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fil-livell ogħla ta’ marġni tad-dumping tagħmel il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejn l-Unjoni u l-produtturi Ċiniżi tal-batteriji għall-konsumatur saħansitra aktar diffiċli, meta wieħed iqis l-iżvantaġġi li jkollhom l-utenti tal-Unjoni kontra l-kompetituri Ċiniżi tagħhom li jġibu l-inputs tal-EMD tagħhom mingħand il-fornituri mingħajr ebda dazju.

(192)

It-tielet, il-Kummissjoni għamlet ukoll simulazzjoni dinamika dwar il-profittabilità taż-żewġ utenti li kkooperaw fuq il-bażi tal-marġnijiet tad-dumping definittivi, jekk wieħed jassumi li l-utent li potenzjalment jagħmel it-telf iċaqlaq il-provvisti tal-EMD Ċiniżi kollha tiegħu għall-produttur esportatur iċċertifikat u inkluż fil-kampjun tiegħu li kellu dazju anti-dumping aktar baxx stabbilit. Ir-riżultat ta’ din is-simulazzjoni stabbilixxa li dan l-utent xorta jibda jagħmel it-telf.

(193)

Ir-raba’, il-Kummissjoni qieset simulazzjoni ipotetika li fiha l-utenti ssostitwew l-importazzjonijiet kollha tagħhom tal-EMD miċ-Ċina ma’ importazzjonijiet mill-Kolombja u mill-Ġappun, bi prezzijiet medji tal-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, Tosoh asseriet li l-Ġappun, il-Korea t’Isfel, u r-Russja kienu wkoll pajjiżi esportaturi importanti u Autlan asseriet li l-fabbrika ekstra-Ewropea ta’ wieħed mill-utenti diġà kienet qiegħda timporta l-EMD mill-Kolombja. Kif stabbilit fit-Taqsima 4.3.1 u 5.2.1 tar-Regolament proviżorju, mill-pajjiżi msemmijin hawn fuq, il-Kolombja u l-Ġappun biss kienu jesportaw l-EMD lejn l-UE u għal dik ir-raġuni kienu l-uniċi pajjiżi kkunsidrati f’din is-simulazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li din is-sitwazzjoni li fiha l-utenti jaqilbu għall-importazzjoni tal-EMD minn kwalunkwe pajjiż terz ma tkunx probabbli ħafna, peress li (i) ma kien hemm l-ebda kapaċità ta’ riżerva f’dawn il-pajjiżi terzi u storikament kienu jservu s-swieq tagħhom stess jew dawk fil-qrib, (ii) qatt ma kien kosteffettiv għall-utenti tal-Unjoni li jimportaw minn swieq terzi minbarra l-Kolombja, filwaqt li l-istatistika turi li dawn l-importazzjonijiet storikament kienu baxxi ħafna, (iii) iż-żewġ utenti tal-Unjoni li kkooperaw ma kinux jiċċertifikaw xi kwalità tal-EMD minn dawn is-sorsi, sabiex b’hekk din issir l-aħjar soluzzjoni fit-tul, jekk tkun plawżibbli affattu.

(194)

Il-ħames, il-Kummissjoni qieset simulazzjoni ipotetika li fiha l-produtturi tal-EMD tal-Unjoni żiedu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping. Madankollu, l-effett immedjat tad-dazju anti-dumping tal-marġni tad-dumping ta’ livell ogħla fuq utent partikolari wieħed jagħmel dan impossibbli, peress li l-industrija tal-EMD tal-Unjoni tista’ titlef aktar minn terz tal-bejgħ tagħha, jekk dan l-utent jibda jagħmel it-telf u jitlef in-negozju tiegħu. Għalhekk, kwalunkwe żieda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni mill-industrija tal-EMD tal-Unjoni ma tkunx fattibbli, jekk jiġi impost id-dazju anti-dumping ta’ livell ogħla.

(195)

Fl-aħħar nett, l-industrija downstream tal-utenti tal-produtturi tal-batteriji għall-konsumatur kellha madwar 1 850 impjegat fil-PI, li qabżu b’mod sinifikanti n-numru ta’ [130–142] impjegat fl-industrija tal-Unjoni tal-EMD. Għalhekk, jekk jiġi impost id-dazju anti-dumping tal-marġni tad-dumping ta’ livell ogħla, ammont sinifikanti ta’ impjiegi jiġu pperikolati mir-riżultati finanzjarji negattivi potenzjali tal-utenti downstream.

6.2.1.4.   Fatturi oħrajn

(196)

Tosoh asseriet li jekk il-miżuri anti-dumping jiġu imposti fuq id-dannu, minħabba n-natura tal-ekonomija Ċiniża u l-kapaċità tal-gvern Ċiniż li jidderieġi u jmexxi l-esportazzjonijiet permezz ta’ parteċipanti partikolari fis-suq, kien hemm riskju sinifikanti li l-esportazzjonijiet jistgħu jingħaddew permezz tal-esportatur b’dazju żero. B’kuntrast ma’ dan, id-dazji imposti jkunu ħafna aktar uniformi jekk il-marġni tad-dannu jiġi injorat, u dan inaqqas ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni.

(197)

Il-Kummissjoni nnotat li r-rata ta’ dazju żero ftit li xejn tista’ toħloq xi riskju li tidderieġi l-esportazzjonijiet, minħabba għadd żgħir ħafna ta’ atturi fis-suq u l-ħtieġa li l-utenti jkollhom materjal iċċertifikat. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-premessa (228) hawn taħt, il-Kummissjoni pprevediet ukoll miżuri speċjali sabiex tiżgura l-applikazzjoni xierqa tad-dazji individwali. Għalhekk, kwalunkwe ċaqliq fix-xejriet kummerċjali jista’ jiġi identifikat u indirizzat faċilment mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni.

(198)

Tosoh innotat ukoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat jirċievu vantaġġ kompetittiv minħabba r-regolamentazzjoni differenti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bejn iċ-Ċina u l-Unjoni, peress li l-prodott li qiegħed jiġi investigat ma kienx inkluż fil-lista preliminari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (“CBAM”). Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott li qiegħed jiġi investigat tippromwovi trattament ġust u kundizzjonijiet ta’ kummerċ ugwali.

(199)

Il-Kummissjoni nnotat li l-għan tal-miżuri anti-dumping kien li jirrestawraw il-kummerċ ġust bejn l-Unjoni u s-sħab kummerċjali tagħha, filwaqt li l-effetti tas-CBAM ma kinux fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

(200)

L-istess produttur tal-Unjoni sostna wkoll li d-dazji anti-dumping imposti fil-livell tal-marġni tad-dumping jissalvagwardjaw l-eżistenza stess tal-industrija tal-EMD tal-Unjoni, jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-EMD u, għalhekk, il-produzzjoni tal-batteriji taċ-ċelloli xotti fl-Unjoni. Id-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina ta’ bejn 18 u 50 % ikun jaffettwa l-kost tal-input tal-manifatturi tal-batteriji b’ċelloli xotti tal-Unjoni biss b’bejn anqas minn 3 % u 7,5 %. Barra minn hekk, minħabba l-livelli ta’ dannu u l-pressjoni kompetittiva li tirriżulta minn sorsi oħrajn ta’ provvista tal-EMD, ikun żbaljat li wieħed jassumi li l-prezzijiet tal-EMD ta’ oriġini mill-UE jiżdiedu bi kwalunkwe ammont qrib l-ekwivalenti sħiħ tad-dazji tad-dumping imposti.

(201)

Wara d-dazji anti-dumping definittivi kkalkolati mill-ġdid (il-premessa (98) aktar ’il fuq) u l-analiżi dwar l-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni (il-premessi (190)-(195) aktar ’il fuq), id-dazji anti-dumping imposti fil-livell ogħla tal-marġni tad-dumping ikunu jheddu direttament lill-industrija tal-Unjoni tal-EMD b’telf potenzjali ta’ [35 %–40 %] tal-volumi tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

6.2.1.5.   Kummenti tal-partijiet wara d-divulgazzjoni finali

(202)

Wara d-divulgazzjoni finali, Autlan u Tosoh ikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni fit-taqsima 6.2.1.3. hawn fuq.

(203)

Tosoh indikat li wieħed mit-tliet utenti ewlenin, Advanced Power Solutions NV (“APS”), ma kkooperax fl-investigazzjoni. Tosoh imbagħad ikkwotat l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament bażiku, li jistipula li “[f] in-nuqqas ta’kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li huwa f’konformità mal-interess tal-Unjoni li jiġi applikat il-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu”, filwaqt li sostniet li l-Kummissjoni kellha tiddeduċi minn dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni li l-impożizzjoni ta’ dazji fuq il-livell ogħla (marġni tad-dumping) ma tmurx kontra l-interess tagħhom, jew mill-inqas kellha tanalizza r-rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku tal-APS fl-analiżi tagħha.

(204)

Il-Kummissjoni tinnota li l-konklużjoni tagħha fil-premessa (214) rigward l-effett negattiv sproporzjonat probabbli tad-dazju ta’ livell ogħla ta’ dumping fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni disponibbli dwar iż-żewġ utenti li kkooperaw li jirrappreżentaw [67–73]% tal-konsum tal-Unjoni tal-EMD kif ukoll l-industrija tal-EMD tal-Unjoni nnifisha. Il-piż tal-utent li ma kkooperax fil-konsum tal-Unjoni kien inqas minn terz u ma kien hemm l-ebda informazzjoni sostanzjata fil-fajl tal-każ li tbiddel il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (214). Għalhekk, l-argument tal-parti ġie miċħud.

(205)

Tosoh u Autlan argumentaw ukoll li s-simulazzjonijiet tal-profittabbiltà tal-Kummissjoni kienu difettużi minħabba li jqisu l-effetti ta’ żidiet għoljin fil-kostijiet ta’ wara l-PI (xi wħud mill-) kostijiet tal-produzzjoni tal-batteriji, filwaqt li ma jirriflettux żidiet realistiċi fil-prezzijiet għall-batteriji, speċjalment fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet tal-konsumatur fl-Unjoni. Tosoh argumentat ukoll li l-Kummissjoni ma pprovdietx informazzjoni konkreta dwar għaliex illimitat is-simulazzjoni “dinamika” tagħha għal żidiet ta’ 3 % fl-2022. Barra minn hekk, Tosoh sostniet li l-Kummissjoni ma speċifikatx kif id-data ta’ wara l-PI tagħmel il-konklużjoni “manifesta [sic] invalida” u lanqas jekk id-data ta’ wara l-PI użata hijiex “manifesta, mhux ikkontestata, dejjiema, miftuħa għal manipulazzjoni u ma tirriżultax minn azzjonijiet intenzjonati mill-partijiet interessati”, filwaqt li kkwotat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’każijiet preċedenti (42).

(206)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li, biex tagħmel is-simulazzjonijiet tal-profittabbiltà kemm jista’ jkun rilevanti għar-realtajiet attwali tas-suq, hija tabilħaqq aġġustat biss il-kostijiet irrapportati tal-materja prima (43), tal-elettriku (44) u tal-kostijiet lavorattivi (45) tal-utenti tal-Unjoni, peress li tali aġġustamenti setgħu jsiru jew abbażi tal-informazzjoni vverifikata sottomessa mill-partijiet jew data disponibbli għall-pubbliku, preċiżament biex jiġi żgurat li d-data użata tkun affidabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet ma ssostanzjawx għaliex iż-żieda ta’ 3 % fil-prezz tal-batteriji inkluża fis-simulazzjoni fil-premessa (191) ma kinitx realistika. Kif innotat fil-premessa (191), din iż-żieda seħħet ukoll fil-passat u kienet ibbażata fuq id-data vverifikata tal-utenti li kkooperaw u kienet speċifika għall-batteriji tal-konsumatur, għall-kuntrarju tal-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur li jinvolvi basket tas-suq ta’ diversi oġġetti u servizzi tal-konsumatur. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-partijiet ġiet miċħuda.

(207)

Kemm Autlan kif ukoll Tosoh allegaw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (194) tfisser li l-effett immedjat tad-dazji imposti fuq il-livell tal-marġni tad-dumping ikun il-waqfien tal-produzzjoni ta’ wieħed mill-utenti. Il-Kummissjoni ċċarat li din ma kinitx l-interpretazzjoni korretta tal-konklużjoni ppreżentata f’dik il-premessa. L-effett immedjat li tali dazji ogħla jkollhom fuq l-utent huwa li dawn iwasslu għal żieda fil-kost tal-produzzjoni tiegħu, li, min-naħa tagħha, kif tgħid il-premessa (194), “tista’” tirriżulta fit-telf ta’ dan in-negozju.

(208)

Tosoh ħadet il-kwistjoni mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda fil-kostijiet ta’ manifattura tal-utenti li kieku jiġi impost id-dazju fil-livell tal-marġni tad-dumping ma jkunux jistgħu jitgħaddew lill-konsumaturi, l-aktar billi l-Kummissjoni nnutat fil-premessa (311) tar-Regolament provviżorju li hemm il-possibilità ta’ “trasferiment ta’ parti minn din iż-żieda fil-kostijiet lill-konsumaturi.” Il-Kummissjoni f'dan ir-rigward innutat li kienet qed tittratta eżerċizzju delikat ta’ bbilanċjar biex tiddetermina liema livell ta’ żieda fil-kostijiet jista’ jitgħadda lill-konsumaturi u għalhekk, liema livell ta’ żieda fil-kostijiet ikun fattibbli għall-utenti li kkooperaw. Kif diġà stabbilit fil-premessa (311) tar-Regolament provviżorju, parti biss miż-żidiet fil-kostijiet ikkawżati mill-impożizzjoni ta’ dazji fil-livell tal-marġnijiet aktar baxxi tal-bejgħ taħt il-prezz setgħu jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. Jekk id-dazji jiġu imposti fuq il-livell tal-marġni tad-dumping ogħla, il-kostijiet jiżdiedu saħansitra aktar, u naturalment jagħmluha saħansitra aktar diffiċli li tgħaddi tali żieda ogħla fl-ispiża fuq il-konsumaturi. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

(209)

Autlan ippreżentat ukoll l-affermazzjonijiet magħmula minn Varta fl-istqarrija għall-istampa tagħha li saret fl-14 ta’ Novembru 2023, fejn Varta tiddikjara titjib fin-negozju tagħha (46), bħala li jikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-profittabbiltà negattiva tal-utenti. Il-Kummissjoni nnotat f’dan ir-rigward li, filwaqt li tali dikjarazzjonijiet jippreżentaw stampa pożittiva, huma ma jurux sitwazzjoni finanzjarja kwantifikabbli rilevanti għall-valutazzjoni tal-profittabbiltà tal-utent. Il-Kummissjoni fix-xenarji ipotetiċi tagħha, min-naħa l-oħra, ibbażat ruħha fuq data granulari vverifikata pprovduta mill-utenti li kkooperaw matul din l-investigazzjoni. Għalhekk, l-asserzjoni tal-parti ġiet miċħuda minħabba li ma ġietx sostanzjata.

(210)

Autlan argumentat ukoll li l-kawża ewlenija għas-sitwazzjoni prekarja tal-utenti tal-Unjoni hija l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ta’ batteriji tal-konsumatur b’ċelloli xotti miċ-Ċina, aktar milli l-kost tal-akkwist tal-EMD. Tosoh, għall-kuntrarju, sostniet li meta jitqiesu l-importazzjonijiet ta’ batteriji tal-konsumatur Ċiniżi b’ċelloli xotti bħala fattur fl-analiżi fil-premessa (191) hawn fuq, dan wassal biex titqajjem il-kwistjoni ta’ prattiki ta’ dumping potenzjali fi prodotti (batteriji tal-konsumatur b’ċelloli xotti) li mhumiex relatati mal-investigazzjoni attwali. Il-Kummissjoni nnotat li tabilħaqq ma kienx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proċedura li jiġu stmati l-prattiki ta’ dumping iddikjarati fuq batteriji tal-konsumatur b’ċelloli xotti. Għalhekk il-kumment ta’ Autlan kellu jiġi miċħud. Fl-istess ħin, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Tosoh, il-Kummissjoni ma kinitx qed tqajjem kwistjoni dwar prattiki ta’ dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ batteriji tal-konsumatur b’ċelloli xotti miċ-Ċina, iżda sempliċiment irrikonoxxiet ir-realtà li dawk l-importazzjonijiet huma preżenti fis-suq tal-Unjoni bħala kompetizzjoni għall-batteriji magħmula mill-utenti tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

(211)

Autlan affermat li l-Kummissjoni ma analizzatx biżżejjed l-effetti fuq il-ktajjen tal-provvista tal-utenti bl-argument, essenzjalment, li jekk id-dazji jiġu imposti fuq il-livell tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz, l-industrija tal-Unjoni ma tkunx protetta biżżejjed u tibqa’ ma tkunx tista’ tirkupra minn dumping dannuż. Barra minn hekk, dan imur kontra l-interess tal-Unjoni fid-dawl tal-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima Kritika (47), li telenka l-manganiż tal-grad tal-batteriji bħala waħda mill-materja prima strateġika. Il-Kummissjoni fakkret li l-miżuri anti-dumping servew l-għan li jirrestawraw il-kummerċ ġust u l-valutazzjoni dwar liema livell ta’ dazji jkun biżżejjed biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni, kif iddikjarat fil-premessa (282) u konkluż fil-premessi (295) sa (297) tar-Regolament provviżorju. Fl-istess ħin, kif iddikjarat fil-premessa (179), l-analiżi ta’ x’effett ikollhom dazji differenti fuq l-Unjoni kollha hija b’dan imwettqa fil-kuntest tat-test tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7 (2b) tar-Regolament bażiku, fejn jitqies l-effett fuq l-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-parti ġiet miċħuda.

(212)

Tosoh u Autlan komplew jikkontestaw is-simulazzjonijiet ipotetiċi ppreżentati mill-Kummissjoni fil-premessi (192) u (193), u sostnew li l-utenti realistikament jiddiversifikaw il-provvisti tagħhom kemm jista’ jkun, inkluż żieda fix-xiri mill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kkummentat f’dak ir-rigward li skont dawk iż-żewġ simulazzjonijiet, il-Kummissjoni qieset l-aktar xenarji ottimisti, fejn it-totalità tal-provvisti affettwati mill-ogħla marġnijiet tad-dumping ġiet sostitwita bl-aktar alternattivi kost-kompetittivi (jew fiċ-Ċina fil-premessa (192) jew kompletament minn swieq terzi oħra fil-premessa (193)). Għalhekk, dawk ix-xenarji diġà qiesu l-aħjar eżiti li l-utenti setgħu teoretikament jiksbu. Il-Kummissjoni żiedet ukoll f’dak ir-rigward li, permezz tal-ħames simulazzjonijiet fil-premessi (190) sa (194), il-Kummissjoni vvalutat, abbażi tad-data li kellha disponibbli, il-probabbiltà ta’ modi differenti li bihom l-utenti li kkooperaw jistgħu jlaħħqu ma’ kostijiet ogħla tal-EMD li attwalment jinkisbu mill-fornituri tagħhom fiċ-Ċina, u l-effetti probabbli li dawn ikollhom fuq il-profittabbiltà tagħhom. L-analiżi taħt dawn is-simulazzjonijiet għandha għalhekk titqies bħala ħaġa waħda, aktar milli tħares lejn simulazzjonijiet individwalment. Peress li kważi l-ebda waħda mis-simulazzjonijiet ma wriet eżiti pożittivi għall-utenti li kkooperaw, il-Kummissjoni kkonkludiet li, kollox ma’ kollox, l-utenti x’aktarx li jkunu affettwati b’mod negattiv mill-impożizzjoni ta’ dazji fil-livell tal-marġnijiet tad-dumping, u l-ispazju ta’ mmanuvrar tagħhom kien limitat. L-affermazzjonijiet tal-partijiet ma ntlaqgħux.

(213)

Fl-aħħar nett, Tosoh argumentat li kienet imċaħħda mid-drittijiet tal-proċess tagħha minħabba n-nuqqas ta’ divulgazzjoni matul l-investigazzjoni, li rriżulta f’limitazzjonijiet fil-verifika tal-oriġini tad-data u l-metodoloġiji użati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-effett tad-dazji tad-dumping fuq l-industrija tal-utenti. Il-Kummissjoni nnotat li l-informazzjoni sottomessa mill-utenti li kkooperaw, li fuqha bbażat il-konklużjonijiet tagħha wara li vverifikatha, kienet disponibbli fil-fajl tal-każ matul l-investigazzjoni. Għalhekk dan l-argument ġie miċħud.

6.2.1.6.   Konklużjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(214)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni evalwat bir-reqqa l-elementi kollha u ma setgħetx tikkonkludi li huwa fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont ta’ dazji f’konformità mal-Artikolu 7(2a), jiġifieri ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tistabbilixxi l-livell tal-miżuri fil-livell tad-dumping fid-dawl tal-effett negattiv sproporzjonat li dan x’aktarx ikollu fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li jenħtieġ li l-miżuri jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz.

6.3.   Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(215)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Xiangtan

8,6

Guiliu

0

Daxin

17,1

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

10,1

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

35,0

7.   L-INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(216)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCMC/il-GMIA asserew li s-suq tal-Unjoni tal-EMD qabel l-2020 ma kienx kompetittiv (duwopolju), li kellu biss żewġ produtturi li l-kapaċitajiet tagħhom storikament setgħu jfornu d-domanda tal-Unjoni u kienu profittabbli peress li setgħu jgħaddu ż-żidiet kollha fil-kostijiet lill-klijenti tagħhom. Għalhekk, la l-prezzijiet eċċessivi tal-produttur tal-Unjoni, iċ-ċifri tal-profitt fil-mira/tal-marġni tad-dannu, u lanqas it-tnaqqis fil-prezz tal-produtturi tal-Unjoni ma jistgħu jiġu ġġustifikati, ladarba l-kompetizzjoni effettiva tkun ġiet irrestawrata fis-suq tal-Unjoni tal-EMD fit-tieni nofs tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni permezz ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina. Jekk id-duwopolju jiġi rrestawrat mill-miżuri anti-dumping, dan ikun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni u jkollu effett negattiv fuq il-produtturi downstream fit-tul.

(217)

Kif innotat mill-Kummissjoni fil-premessa (286) tar-regolament proviżorju, numru limitat biss ta’ produtturi kimiċi fid-dinja kienu involuti fil-proċess tal-produzzjoni tal-EMD. Il-fatt li kien hemm biss żewġ produtturi tal-Unjoni li rnexxielhom jiksbu profitt matul l-ewwel nofs tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma kienx jikkostitwixxi sitwazzjoni mhux kompetittiva fis-suq tal-Unjoni, billi l-konsum fis-suq tal-Unjoni ġie pprovdut mill-produtturi tal-Unjoni kif ukoll mill-pajjiżi importaturi disponibbli kollha li għandhom il-produzzjoni tal-EMD inkluża ċ-Ċina. Barra minn hekk, id-dazji anti-dumping ma joħolqux is-sitwazzjoni mhux kompetittiva fis-suq tal-Unjoni iżda jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-Unjoni u l-produtturi esportaturi tal-pajjiż ikkonċernat. Għaldaqstant, il-pretensjoni tal-parti ġiet miċħuda.

(218)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (301) sa (303) tar-Regolament proviżorju.

7.2.   Interess ta’ importaturi/negozjanti li mhumiex relatati

(219)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (304) sa (305) tar-Regolament proviżorju.

7.3.   L-interess tal-utenti

(220)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Duracell asseriet li l-impatt tal-kost tal-miżuri anti-dumping fuq l-utenti tal-Unjoni kien sottovalutat fis-sejbiet proviżorji, filwaqt li l-profittabilità tal-utenti tal-Unjoni ma kinitx issostanzjata minn kwalunkwe evidenza. Fl-aħħar nett, iż-żewġ utenti li kkooperaw affermaw li jekk ir-regola dwar id-dazju inferjuri ma tiġix applikata, l-utenti tal-Unjoni ma jkunux profittabbli, u b’hekk jirriskjaw is-sopravivenza tal-operazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni.

(221)

Kif previst fis-sejbiet proviżorji, l-analiżi tad-data tal-utenti kienet ibbażata fuq tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju pprovduti minn dawn l-utenti, filwaqt li tqieset id-data dwar is-sorsi, il-volumi u l-prezzijiet qabel id-dazji tax-xiri u l-fatturat miksub fuq il-prodotti downstream, inkluż il-livell ta’ profittabilità miksub fl-2021 – 2022. Tabilħaqq, ix-xejra ta’ profittabbiltà dejjem tonqos tal-utenti ġiet innotata f’dawn is-snin. Tabilħaqq, il-Kummissjoni stmat li jekk il-miżuri anti-dumping definittivi jibqgħu fil-livell tal-marġni tad-dannu, l-utenti xorta jibqgħu jżommu profittabilità pożittiva anki meta jitqies il-livell tad-dazji anti-dumping u jekk wieħed jassumi li l-kost miżjud ma jingħaddiex lill-klijenti tagħhom.

(222)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar l-interess tal-utenti, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (319) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. Il-kummenti li jikkonċernaw l-interess tal-utenti fil-kuntest tal-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku ġew indirizzati fit-Taqsima 6.2.1.3 ta’ dan ir-Regolament.

7.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(223)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (320) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

8.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(224)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità, il-livell tal-miżuri u l-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(225)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġini tad-dumping (%)

Marġini tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Xiangtan

47,2

8,6

8,6

Guiliu

62,9

0

0

Daxin

18,3

17,1

17,1

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

47,4

10,1

10,1

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

100,9

35,0

35,0

(226)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklussivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(227)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (48). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(228)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpanniji b'dazji antidumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura se jkunu suġġetti għad-dazju antidumping applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

(229)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun iġġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(230)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(231)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(232)

Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; ma huwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

(233)

Esportatur jew produttur li ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li kien intuża sabiex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju applikabbli bħalissa għall-esportazzjonijiet tiegħu jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex isir soġġett għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li ntuża sabiex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju applikabbli għall-esportazzjonijiet tiegħu; ma huwiex relatat ma’ kumpanija li għamlet dan u li, għalhekk, hija soġġetta għad-dazji anti-dumping; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

8.2.   Il-ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(234)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping provviżorji, imposti bir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(235)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(236)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping proviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidi tal-manganiż elettrolitiċi (jiġifieri diossidi tal-manganiż prodotti permezz ta’ proċess elettrolitiku) mhux trattati bis-sħana wara l-proċess elettrolitiku, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2820 10 00 (kodiċi TARIC 2820100010) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Xiangtan Electrochemical Scientific Ltd

Jingxi Xiangtan electrochemical scientific ltd.

8,6

899N

Guangxi Guiliu New Material Co., Ltd Guangxi Xiatian Manganese Mine Co. LTD

0

899O

Guangxi Daxin Huiyuan New Energy Technology Co., Ltd

17,1

899P

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

10,1

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

35,0

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   F’każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha ħsara qabel ma tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (50), l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkolat abbażi tal-ammonti ta’ hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2120 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tad-diossidi tal-manganiż elettrolitiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li huwa:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-01 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ Bidu ta’ proċedura anti-dumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 57, 16.2.2023, p. 11).

(3)   ĠU C 323, 13.9.2023, p. 10.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2120 tat-12 ta’ Ottubru 2023 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tad-diossidi tal-manganiż elettrolitiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2023/2120, 13.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2120/oj).

(5)  In-Notifika li temenda n-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblikata fis-16 ta’ Frar 2023 (ĠU C 323, 13.9.2023, p. 10).

(6)  In-Notifika ta’ Bidu ta’ proċedura anti-dumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 57, 16.2.2023, p. 11).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2239 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti torrijiet tar-riħ tal-azzar fuq skala utilitarja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 450, 16.12.2021, p. 59).

(8)  Il-Kawża T-126/21, Azot vs Il-Kummissjoni, EU:T:2023:376.

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal-1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 108, 6.4.2020, p. 1).

(10)  L-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

(11)  Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2023, Guangdong Haomei New Materials u Guangdong King Metal Light Alloy Technology vs Il-Kummissjoni, T-326/21, EU:T:2023:34,7 il-punt 104.

(12)  Ara, pereżempju, il-Kapitoli 2-3, 8-9, 58-60 tal-14-il FYP nazzjonali.

(13)  Ara l-Kapitolu 65 tal-14-il FYP nazzjonali.

(14)  Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2023, Guangdong Haomei New Materials u Guangdong King Metal Light Alloy Technology vs Il-Kummissjoni, T-326/21, EU:T:2023:34,7 il-punt 107.

(15)  It-termini tal-użu tal-bażi tad-data Fastmarkets.com ma ppermettewx lill-Kummissjoni turi estratti ta’ data ta’ kull xahar jew ta’ kull ġimgħa lill-partijiet interessati fejn din id-differenza fil-prezzijiet kienet viżibbli. Il-partijiet għandhom ukoll l-opportunità li jivverifikaw il-preċiżjoni tad-data tal-Kummissjoni billi jixtru huma stess l-aċċess għal din il-bażi tad-data.

(16)  Id-differenza fil-prezz ta’ madwar [5 %–7 %] fit-tieni parti tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni u ta’ madwar [8 %–12 %] fl-2019.

(17)  Il-profittabilità kienet ta’ [2–3] % fil-perjodu ta’ investigazzjoni u ta’ [7–8] % fl-2019.

(18)  Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu madwar [10 %–15 %] inqas mill-kost medju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-PI, meta mqabbla mad-differenza ta’ madwar [1 %–2 %] fl-2019.

(19)  Il-produzzjoni ta’ batteriji ta’ prestazzjoni għolja (madwar nofs in-negozju tal-produttur tal-batteriji) teħtieġ grad ta’ EMD ta’ prestazzjoni għolja ta’ skariku.

(20)  Kwalità baxxa (grad tal-karbonju-żingu), grad alkalin standard u grad EMD alkalin ta’ kwalità għolja.

(21)  Dawn l-utenti kienu jirrappreżentaw madwar 70 % tal-konsum tal-Unjoni fil-PI u wieħed minnhom kien qiegħed jikkoopera fl-investigazzjoni.

(22)  Dawn l-utenti kienu jirrappreżentaw madwar 70 % tal-konsum tal-Unjoni fil-PI u wieħed minnhom kien qiegħed jikkoopera fl-investigazzjoni.

(23)  Bażi tad-data stabbilita f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: https://taxation-customs.ec.europa.eu/online-services/online-services-and-databases-customs/surveillance-system_en

(24)  Il-Kummissjoni ħadet il-profitti miksuba miż-żewġ produtturi tal-Unjoni qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jiġifieri l-profitt attwali miksub fl-2020, meta l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kellhom l-inqas impatt. Fl-2020, l-importazzjonijiet Ċiniżi rrappreżentaw l-iżgħar sehem mis-suq ([10–20] %) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-indikaturi finanzjarji l-oħrajn tal-industrija tal-Unjoni kienu l-aktar pożittivi f’dik is-sena (l-ogħla fluss tal-flus u l-ogħla redditu fuq l-investimenti miksub).

(25)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 221/2008 tal-10 ta’ Marzu 2008 li jimponi dazju definittiv antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel (ĠU L 69, 13.3.2008, p. 1).

(26)  Autlan irreferiet għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, Severstal vs Il-Kummissjoni, C-747/21 P (Kawżi Magħquda C-747/21 P, C-748/21 P), EU:C:2023:459, il-punti 76 u 79, u l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali f’dik il-kawża, il-punti 33, 56, u 57.

(27)  Is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, Severstal vs Il-Kummissjoni, C-747/21 P (Kawżi Magħquda C-747/21 P, C-748/21 P), EU:C:2023:459, il-punt 76.

(28)  Is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, Severstal vs Il-Kummissjoni, C-747/21 P (Kawżi Magħquda C-747/21 P, C-748/21 P), EU:C:2023:459, il-punt 78.

(29)  Ir-rapport annwali tal-2022 ta’ Autlan, https://www.autlan.com.mx/wp-content/uploads/2019/09/Informe_Anual_2022-ING.pdf

(30)  https://www.tosoh.com/investors/audited-financial-statements

(31)  In-nota mal-fajl dwar il-kalkolu tal-kostijiet ambjentali futuri t23.004660 tal-11/10/2023.

(32)  In-nota mal-fajl dwar il-kalkolu tal-kostijiet ambjentali futuri t23.004660 tal-11/10/2023.

(33)  https://www.ieta.org/resources/ghg-sentiment-survey/2023-survey/ (last visited on 31 January 2024).

(34)  Bloomberg NEF, Commerzbank AG, Banco Santander SA, Intesa Sanpaolo SpA, MUFG Bank.

(35)  In-nota mal-fajl dwar il-kalkolu tal-kostijiet ambjentali futuri t23.004660 tal-11.10.2023.

(36)  Miksuba mill-International Manganese Institute.

(37)  Kapaċità totali ta’ [470 000 000–490 000 000 kg] u produzzjoni ta’ [260 000 000–280 000 000 kg].

(38)  Sors: U.S. Geological Survey, Mineral Commodity Summaries, January 2022,https://pubs.usgs.gov/periodicals/mcs2022/mcs2022-manganese.pdf

(39)  Xiangtan Electrochemical Scientific Ltd u Guangxi Daxin Huiyuan New Energy Technology Co., Ltd (sors: anness 2, t23.004362, 28.9.2023).

(40)  https://baijiahao.baidu.com/s?id=1772377473207861712&wfr=spider&for=pc

(41)  Żieda simili fil-prezzijiet tal-batteriji ġiet osservata mill-2021 sal-PI fl-Unjoni.

(42)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ferro molibdenu li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, (ĠU L 35, 6.2.2002, p.1), premessa 14, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ troti qawsalla kbar li joriġinaw fin-Norveġja u fil-Gżejjer Faeroe, (ĠU L 72, 11.3.2004, p.23), premessa 26, rispettivament.

(43)  Bidla fil-prezz tal-minerali tal-manganiż mill-PI għall-2023 ibbażata fuq data minn fastmarkets.com.

(44)  Il-prezzijiet tal-elettriku tal-EU27 għall-użu mhux domestiku fl-ewwel nofs tal-2023 meta mqabbla mal-PI (sors: Eurostat - https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/nrg_pc_205/default/table?lang=en, aċċessat fit-22 ta’ Diċembru 2023).

(45)  Is-salarji għal Duracell ġew aġġustati bir-rata ta’ indiċjar tas-salarji għall-2023 b’mandat mill-Kumitat Industrijali Konġunt (JIC 200) fil-Belġju. Il-kostijiet lavorattivi ta’ Varta ġew aġġustati abbażi tal-evidenza ppreżentata minn Varta dwar is-salarji nnegozjati mill-ġdid.

(46)  Disponibbli fuq: https://www.varta-ag.com/en/about-varta/news/details/varta-ag-achieves-best-quarter-of-the-current-financial-year-to-date (l-aħar żjara li saret fil-31 ta’ Jannar 2024).

(47)  Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020, l-Artikolu 1, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52023PC0160 (l-aħħar aċċessat fil-31 ta’ Jannar 2024).

(48)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, il-Belġju.

(49)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(50)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Guizhou Redstar Developing Dalong Manganese Industry Co., Ltd.

899Q

Guizhou Manganese Mineral Group Co., Ltd.

899R

Prince Minerals China Ltd.

899S

Hunan Qingchong New Materials Co., Ltd.

899T


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/844/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)