European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2053

8.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2053

tal-10 ta’ Settembru 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk għal ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-emenda tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000.

(2)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-104/16 P (2), tal-21 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”) iċċarat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jkopri biss it-territorju tar-Renju tal-Marokk u ma jkoprix is-Saħara tal-Punent, li huwa territorju mhux awtonomu li huwa distint mir-Renju tal-Marokk.

(3)

Sabiex tiġi stabbilita bażi legali għall-għoti tal-preferenzi tariffarji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-oġġetti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk ikkonkludew Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (3) (“il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”), li ġie ffirmat fil-25 ta’ Ottubru 2018.

(4)

Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2024 fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P (4), il-Qorti ddeċidiet ukoll li kwalunkwe ftehim mal-Marokk dwar is-Saħara tal-Punent irid ikollu l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li tali kunsens jista’ jiġi preżunt dment li l-ftehim inkwistjoni ma jagħti lok għall-ebda obbligu għall-poplu tas-Saħara tal-Punent u li dak il-poplu jirċievi benefiċċju speċifiku, tanġibbli, sostanzjali u verifikabbli mill-użu tar-riżorsi naturali fit-territorju tas-Saħara tal-Punent li jkun proporzjonali għal-livell ta’ dak l-użu. Il-benefiċċju jrid ikun akkumpanjat minn garanziji li dak l-użu jsir skont kundizzjonijiet konsistenti mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.

(5)

Bħala konsegwenza tas-sentenza fil-Kawża C-779/21 P, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 (5) mhux se jibqa’ jkollha effett fl-4 ta’ Ottubru 2025.

(6)

Importanti li jiġi żgurat li l-flussi tal-kummerċ li żviluppaw matul is-snin ma jiġux imfixkla, u li l-preferenzi tariffarji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplikaw għall-oġġetti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P.

(7)

L-Unjoni tappoġġa l-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti biex tinstab soluzzjoni politika aċċettabbli b’mod reċiproku li tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent b’mod konsistenti mal-prinċipji u l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(8)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-emenda tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri li jirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti mill- Qorti fis-sentenza tagħha fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, għal ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-emenda tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxewf’konformità mad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali previst fl-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/204/oj.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Front Polisario, C-104/16 P, ECLI:EU:C:2016:973.

(3)  Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, (ĠU L 34, 6.2.2019, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/217/oj).

(4)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2024, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Front Polisario, il-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P, ECLI:EU:C:2024:835.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 34, 6.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/217/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2053/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)