|
15.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 187/71 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
ta' l-24 ta' April 2007
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima VIIIA – Ombudsman Ewropew
(2008/505/KE)
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005 (1),
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2005 – Volum I (C6 0472/2006) (2),
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabilità tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),
wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u partikularment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0104/2007),
|
1. |
Jagħti kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, |
|
2. |
Jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni hawn taħt; |
|
3. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u li jippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L). |
Il-President
Hans-Gert PÖTTERING
Is-Segretarju Ġenerali
Harald RØMER
(2) ĠU C 264, 31.10.2006, p. 1.
(3) ĠU C 263, 31.10.2006, p. 1.
(4) ĠU C 263, 31.10.2006, p. 10.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
ta' l-24 ta' April 2007
li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Sezzjoni VIIIA – Ombudsman Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005 (1),
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2005 – Volum I (C6 0471/2006) (2),
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabilità tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),
wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u partikularment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0104/2007),
|
1. |
Jinnota li fl-2005 l-Ombudsman Ewropew (“l-Ombudsman”) kellu approprjazzjonijiet ta' impenji disponibbli li jammontaw għal total ta' EUR 7 224 554 (2004: EUR 5 782 968) b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 84,27 %; |
|
2. |
Jinnota li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' l-2005 ta' l-Ombudsman juru riżultat ekonomiku negattiv għas-sena (EUR 98 482) u totali identiċi ta' assi u obbligazzjonijiet (EUR 890 853); |
|
3. |
Jinnota li l-Qorti ta' l-Awdituri indika fir-rapport annwali tiegħu dwar is-sena finanzjarja 2005 li l-verifika ma wasslet għall-ebda osservazzjoni fir-rigward ta' l-Ombudsman; |
|
4. |
Jinnota li skond ir-Rapport ta' l-Awdituri Interni għall-Istituzzjoni Nru 6/81: i) il-ħidma ta' l-awdituri interni ta' l-2005 ma wriet l-ebda qasam ta' riskju sinifikanti għall-operazzjonijiet baġitarji ta' l-Ombudsman; u ii) il-maniġment intern u s-sistemi ta' kontroll ta' l-Istituzzjoni huma effettivi u jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli li l-objettivi ta' kontroll jintlaħqu fuq bażi konsistenti; |
|
5. |
Jinnota l-informazzjoni mogħtija, mill-Uffiċjal Delegat Prinċipali li jawtorizza, fid-dikjarazzjoni ta' l-attività tiegħu li l-awto-evalwazzjoni ta' l-effiċjenza tal-qafas ta' kontroll intern tas-servizzi ta' l-Ombudsman sar fil-bidu ta' l-2006 u li l-istampa globali li tirriżulta minn dan l-eżerċizzju kien dak ta' livell globalment sodisfaċenti ta' l-implimentazzjoni ta' l-istandards ta' kontroll interni (76 %); madankollu, kien hemm bżonn ta' titjib fl-effettività f'ċertu oqsma (evalwazzjoni tar-riskju, funzjonijiet sensittivi, programmar plurijennali); |
|
6. |
Ifakkar li sa mill-2004 l-Ombudsman għandu awtonomija u kontroll sħiħ fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mas-sezzjoni tiegħu tal-baġit; |
|
7. |
Jinnota li qafas ġdid ta' ftehima għall-koperazzjoni ta' tul ta' żmien indefinit bejn l-Ombudsman u l-Parlament Ewropew rigward l-għoti ta' ċertu servizzi amministrattivi, inklużi t-traduzzjoni u l-bini ta' l-uffiċċji, ġie nnegozjat matul l-2005 u ffirmat f'Marzu ta' l-2006; |
|
8. |
Jirreġistra li, skond ir-Rapport Annwali ta' l-Ombudsman għall-2005, il-klijenti annwali ta' l-Ombudsman żdiedu minn bejn wieħed u ieħor 800 fl-1996 għal kważi 4 000 fl-2005, b'żieda partikolarment kbira bejn l-2003 u l-2004 (53 %); |
|
9. |
Jirrimarka li matul l-2005, l-Uffiċċju ta' l-Ombudsman ħass l-impatt baġitarju sħiħ tat-tkabbir ta' l-2004 u li fis-snin 2004 u 2005, l-awtorità baġitarja awtorizzat lill-Ombudsman biex iżid mal-pjan ta' l-istabbiliment tiegħu 20 post tax-xogħol ieħor, li ġew miżjuda mal-31 diġà eżistenti fl-2003 (żieda ta' 65 % ta' l-istaff) filwaqt li fl-istess ħin il-livell ta' approprjazzjonijiet awtorizzati fil-baġit telgħu minn EUR 4 438 635 fl-2003 għal EUR 7 312 614 fl-2005 (ukoll żieda ta' 65 %); |
|
10. |
Jinnota mir-rapport annwali ta' l-Ombudsman li fl-2005 huwa kompla ż-żjarat ta' tagħrif tiegħu fl-Istati Membri bil-għan li jtejjeb il-kuxjenza taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom, ikabbar il-profil tal-ħidma ta' l-Ombudsman qalb il-Membri ewlenin tal-fergħat ġudizzjarji, leġiżlattivi u eżekuttivi u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-kontropartijiet nazzjonali tiegħu; jisħaq fuq l-importanza ta' dik il-kampanja ta' l-informazzjoni; |
|
11. |
Jinnota wkoll li fl-2005 l-Ombudsman u l-istaff tiegħu għamlu l-isforzi tagħhom biex jippreżentaw ix-xogħol ta' l-Istituzzjoni, billi matul l-2005 għamlu 120 preżentazzjoni waqt konferenzi, seminars u laqgħat, flimkien ma' 50 intervista mal-ġurnalisti; |
|
12. |
Jinnota li skond it-tweġibiet tiegħu fil-kwestjonarju tar-rapporteur, l-Ombudsman fittex li jwassal it-tagħrif f'dawk il-pajjiżi fejn il-livell ta' lmenti rċevuti huwa inqas milli huwa mistenni meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni, per eżempju l-Ġermanja u l-Italja u li għalhekk l-istrateġija tal-midja ta' l-Ombudsman hija li tkabbar il-profil ta' l-Ombudsman fi Stati Membri bħal dawn; iqis li sabiex jidentifika pajjiżi fil-mira tiegħu, l-Ombudsman għandu jiddependi fuq servejs dwar il-kuxjenza taċ-ċittadini rigward xogħlu fl-Istati Membri varji iżjed milli fuq in-numru ta' lmenti; |
|
13. |
Jipponta lejn ir-rimarka, li saret fid-dikjarazzjoni ta' l-attività ta' l-Ombudsman, li s-sena 2005 kienet sena eċċezzjonali għall-Ombudsman mill-perspettiva tal-komunikazzjoni għax flimkien ma' l-attivitajiet tas-soltu ta' l-Istituzzjoni f'dak li hu għoti tat-tagħrif dwar xogħlu, huwa organizza wkoll serje estensiva ta' avvenimenti biex ifakkar l-10 anniversarju ta' l-Ombudsman; barra minn hekk, il-kapaċità tal-komunikazzjoni ta' l-istituzzjoni kienet imwessgħa b'mod sinifikanti permezz ta' impjegar ta' staff biex jimtlew tliet postijiet tax-xogħol ġodda għal speċjalisti tal-komunikazzjoni u l-għoti ta' membru ieħor ta' l-istaff, magħżul mill-istaff diġà eżistenti, lis-settur tal-komunikazzjoni li nħoloq ġdid; |
|
14. |
Ifakkar li l-Istatut ta' l-Ombudsman, stipulat mill-Parlament Ewropew fl-1994, ma jimponi l-ebda obbligazzjoni fuq l-Ombudsman biex jippubblika l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tiegħu; |
|
15. |
Jinnota li l-Istatut iqiegħed lill-Ombudsman f'livell li jista' jitqabbel ma' ta' Imħallef tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ); jinnota li l-ECJ – fuq suġġeriment tal-Parlament Ewropew – waqqaf grupp ta' ħidma biex jeżamina l-iżjed mod xieraq biex jiżgura t-trasparenza fir-rigward ta' l-interessi finanzjarji ta' l-imħallfin; jitlob li skond ir-riżultat ta' l-inkjesta, l-Ombudsman għandu jsegwi l-eżempju mogħti mis-Superviżur Ewropew għall-Ħarsien tad-Dejta u l-viċi tiegħu bil-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji bbażata fuq il-forma użata għar-Reġistru ta' l-Interessi Finanzjarji tal-Membri tal-Parlament Ewropew. |
(2) ĠU C 264, 31.10.2006, p. 1.
(3) ĠU C 263, 31.10.2006, p. 1.
(4) ĠU C 263, 31.10.2006, p. 10.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).