Brussell, 15.6.2026

COM(2026) 279 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI




















Rapport Annwali lill-Awtorità ta' Kwittanza dwar l-awditi interni li saru fl-2025

{SWD(2026) 149 final}


Werrej

Objettiv u ambitu tar-rapport

Is-Servizz tal-Awditjar Intern

Ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-awditjar

Riżultati ġenerali bbażati fuq ix-xogħol tal-awditjar imwettaq fl-2025

Riżultati ġenerali dwar il-prestazzjoni

Konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni

Azzjonijiet meħuda mill-entitajiet awditjati

Konsultazzjoni mal-bord tal-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet finanzjarji

Objettiv u ambitu tar-rapport

Dan ir-rapport jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-awditi interni mwettqa fl-2025 mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea f’51 entità organizzazzjonali: direttorati ġenerali, servizzi, uffiċċji tal-UE, u aġenziji eżekuttivi ( 1 ). Huwa kontribut għall-proċedura ta’ kwittanza u fih: (a) sommarju tal-għadd u tat-tip ta’ awditi interni mwettqa; (b) sinteżi tar-rakkomandazzjonijiet prinċipali magħmula; u (c) l-azzjonijiet meħuda fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet. F’konformità mal-Artikoli 118(8) u 253 tar-Regolament Finanzjarju ( 2 ), il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa bbażat fuq ir-rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 118(4) tar-Regolament Finanzjarju mill-Awditur Intern tal-Kummissjoni dwar l-awditi tas-Servizz tal-Awditjar Intern u fuq rapporti ta’ inkarigu oħrajn li tlestew fl-2025 ( 3 ).

Barra minn hekk, kif meħtieġ mill-Artikolu 118(5) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rapport jiffoka fuq il-konformità ġenerali mal-prinċipji ta’ ġestjoni u ta’ prestazzjoni finanzjarja tajba billi jipprovdi r-riżultati ġenerali dwar il-prestazzjoni u konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja (it-Taqsima 4) ( 4 ) u jenfasizza kwalunkwe problema sistemika identifikata mill-bord tal-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet finanzjarji (it-Taqsima 5).

Is-Servizz tal-Awditjar Intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern huwa servizz indipendenti fil-Kummissjoni u huwa mmexxi mill-Awditur Intern tal-Kummissjoni.

Skont il-mandat tiegħu li jirriżulta mir-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif tittratta r-riskji, billi jivvaluta:

•l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni interna;

•il-prestazzjoni tad-dipartimenti fl-implimentazzjoni tal-politiki, tal-programmi u tal-azzjonijiet;

•l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ awditjar applikabbli għall-operazzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

Il-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern hija li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li toħloq, tipproteġi u ssostni l-valur pubbliku – bħala istituzzjoni moderna, responsabbli u orjentata lejn il-prestazzjoni – billi jipprovdi aċċertament, pariri, informazzjoni intuwittiva u prospettiva indipendenti, ibbażati fuq ir-riskju u oġġettivi.

Għal dan l-għan, is-Servizz tal-Awditjar Intern jipprovdi:

•valutazzjonijiet indipendenti tal-effettività tal-governanza, tal-ġestjoni tar-riskju, u tal-proċessi ta’ kontroll għall-operazzjonijiet, għall-attivitajiet u għat-tranżazzjonijiet finanzjarji (“servizzi tal-aċċertament”); u

•pariri, informazzjoni intuwittiva u prospettiva (“servizzi mhux tal-aċċertament”).

Ir-riżultati ewlenin huma rapporti tal-awditjar intern li fihom opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kif ukoll rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-operazzjonijiet u għall-promozzjoni ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

Fl-2025, il-Kummissjoni adottat karta tal-missjoni riformulata ( 5 ), li timmarka aġġornament sinifikanti għall-qafas legali u operazzjonali tas-Servizz tal-Awditjar Intern. Il-Karta tiżgura allinjament sħiħ mar-Regolament Finanzjarju riformulat tal-2024 u mal-Istandards Globali tal-Awditjar Intern il-ġodda ( 6 ). Billi tiggarantixxi l-indipendenza tal-Awditur Intern u tagħti aċċess sħiħ u mingħajr limitu għall-informazzjoni u għall-persunal meħtieġa għall-ħidma tagħhom, il-Karta tipprovdi s-salvagwardji neċessarji biex is-servizz jopera b’mod effettiv. Il-valutazzjoni tal-kwalità esterna tal-2021, li hija valida għal ħames snin, ikkonfermat il-konformità tas-Servizz tal-Awditjar Intern mal-Istandards u mal-Kodiċi ta’ Etika fis-seħħ f’dak iż-żmien.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern adotta l-Istrateġija tal-Awditjar 2025-2029 tiegħu fl-2025. Dan huwa allinjat mal-mandat politiku l-ġdid tal-Kummissjoni u għandu l-għan li jixpruna t-tisħiħ tal-prestazzjoni u tar-responsabbiltà fil-Kummissjoni u f’entitajiet oħra tal-UE, kif ukoll li jipprovdi servizzi b’valur miżjud lill-partijiet ikkonċernati.

F’konformità mal-Artikolu 8(2) tal-karta tal-missjoni, l-Awditur Intern jissodisfa għadd ta’ obbligi ta’ rapportar annwali lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditu. Il-Kumitat tal-Progress tal-Awditu jassisti lill-Kulleġġ fil-qadi tal-obbligi tiegħu skont it-Trattati, ir-Regolament Finanzjarju u strumenti statutorji oħrajn. Ir-rwol tiegħu, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 123 tar-Regolament Finanzjarju, huwa li jiżgura l-indipendenza tas-Servizz tal-Awditjar Intern, jimmonitorja l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar intern u jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet jitqiesu u jingħataw segwitu mill-Kummissjoni, mill-aġenziji eżekuttivi tagħha u minn korpi oħra.

Fid-dikjarazzjoni annwali tagħha lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditu, l-Awditur Intern ikkonfermat li s-Servizz tal-Awditjar Intern żamm l-indipendenza organizzazzjonali sħiħa fl-2025 u kien ħieles minn interferenza jew minn limitazzjonijiet fit-twettiq tax-xogħol tal-awditjar tiegħu; u li ma kien hemm l-ebda xkiel għall-oġġettività individwali fil-fatt jew fid-dehra.

L-Awditur Intern żgura li r-riżorsi disponibbli fl-2025 kienu suffiċjenti u ġew implimentati b’mod effettiv biex tiġi ottimizzata l-kisba tal-pjan tal-awditu intern approvat. Ir-riżorsi kellhom taħlita xierqa ta’ għarfien, ta’ ħiliet u ta’ kompetenzi oħra.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ma jagħmilx awditjar tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri fuq il-fondi tal-UE. Dawn l-awditi jilħqu sal-livell tal-benefiċjarji individwali, u jitwettqu mill-awdituri interni tal-Istati Membri, mill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar, minn direttorati ġenerali oħrajn tal-Kummissjoni u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Madankollu, is-Servizz tal-Awditjar Intern jagħmel awditu tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni għas-superviżjoni u għall-awditjar ta’: (a) korpi fl-Istati Membri; u (b) korpi oħra li huma responsabbli għall-iżborż tal-fondi tal-UE.


Ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-awditjar 

L-2025 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Awditjar 2025-2029 tas-Servizz tal-Awditjar Intern, li hija allinjata mal-mandat politiku, mal-prijoritajiet u mal-objettivi l-ġodda tal-Kummissjoni. Sad-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2025 ( 7 ), is-Servizz tal-Awditjar Intern kien lesta total ta’ 35 inkarigu  (29 awditu tal-aċċertament, u sitt inkarigi mhux tal-aċċertament) fid-direttorati ġenerali u fis-servizzi tal-Kummissjoni. Is-Servizz tal-Awditjar Intern ipprovda 100 % tar-rapporti ta’ aċċertament ippjanati fil-pjan tal-awditu tal-2025 għall-Kummissjoni. Rapport tal-awditjar wieħed ġie ffinalizzat f’Marzu 2025 u ġie inkluż fir-rapport annwali tal-awditu intern għall-2024 ( 8 ).

F’konformità mal-karta tiegħu u mal-istandards globali tal-awditjar, is-Servizz tal-Awditjar Intern jippjana x-xogħol tal-awditjar tiegħu abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ analiżi tal-kapaċità. L-għan huwa li jitfassal pjan tal-awditu li jkopri l-oqsma bl-ogħla riskju, u b’hekk jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tiegħu, kif ukoll li jgħin biex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi u l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-pjan tal-awditu. Is-Servizz tal-Awditjar Intern jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-pjan tal-awditu u jaġġustah kif neċessarju.

Fl-2025, is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ 33 rapport (rapporti finali tal-awditjar u noti ta’ informazzjoni intuwittiva) u żewġ rapporti interni.

Iċ-ċart ta’ hawn taħt turi l-kontribut tal-inkarigi tal-aċċertament għall-kisba tal-objettivi ġenerali inklużi fil-pjan strateġiku 2025-2029 tal-Kummissjoni.

Kontribut għall-objettivi ġenerali tal-Kummissjoni

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ 123 rakkomandazzjoni li rriżultaw mill-ħidma tal-awditjar tiegħu tal-2025. Kif muri hawn taħt, 2 % ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew ikklassifikati bħala kritiċi, 52 % bħala importanti ħafna u 46 % bħala importanti.

Rakkomandazzjonijiet skont il-klassifikazzjoni

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

Fl-2025, l-entitajiet awditjati aċċettaw 118-il rakkomandazzjoni u aċċettaw parzjalment ħames rakkomandazzjonijiet. Għar-rakkomandazzjonijiet (parzjalment aċċettati) kollha, l-entitajiet awditjati abbozzaw pjanijiet ta’ azzjoni. Imbagħad, is-Servizz tal-Awditjar Intern ivvalutahom bħala sodisfaċenti jew talab pjan ta’ azzjoni rivedut. Għar-rakkomandazzjonijiet li parzjalment ma ġewx aċċettati, l-entitajiet awditjati aċċettaw ir-riskju residwu. Ir-rapporti kollha ta’ aċċertament ġew ippreżentati lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditu tal-Kummissjoni flimkien mal-pjanijiet ta’ azzjoni.


Riżultati ġenerali bbażati fuq ix-xogħol tal-awditjar imwettaq fl-2025

Riżultati ġenerali dwar il-prestazzjoni

Biex jappoġġa l-kultura tal-Kummissjoni bbażata fuq il-prestazzjoni u l-enfasi fuq il-valur għall-flus, is-Servizz tal-Awditjar Intern iffinalizza 29 inkarigu tal-awditjar iffukati fuq l-aspetti tal-prestazzjoni. Għal madwar 80 % ta’ dawn l-inkarigi, is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika riskji residwi għoljin fl-oqsma jew fil-proċessi awditjati li wasslu għal rakkomandazzjonijiet importanti ħafna. Rapport tal-awditjar wieħed ħareġ rakkomandazzjoni kritika lil żewġ entitajiet, filwaqt li nnota riskji residwi għoljin ħafna. Ġew innotati wkoll diversi punti b’saħħithom u prattiki tajbin.

F’konformità mal-metodoloġija u mal-prattiki tajbin tiegħu, is-Servizz tal-Awditjar Intern jawditja l-prestazzjoni b’mod indirett. Huwa jivvaluta l-prestazzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki, tal-programmi u tal-azzjonijiet b’referenza għar-riskji assoċjati magħhom. B’dan l-approċċ, għandu l-għan li jiżgura li d-direttorati ġenerali u s-servizzi jkunu żviluppaw oqfsa ta’ prestazzjoni robusti, għodod adegwati għall-kejl tal-prestazzjoni, u sistemi ta’ monitoraġġ komprensivi; u li jużawhom biex jimmaniġġaw il-prestazzjoni u r-riskji.

L-inkarigi tas-Servizz tal-Awditjar Intern għall-2025 jindikaw li l-ġestjoni finanzjarja, il-proċessi operazzjonali u ta’ appoġġ tal-Kummissjoni għadhom robusti, għalkemm ċerti oqsma jeħtieġu attenzjoni biex jiġu żgurati l-konformità u l-effettività fit-tul.

Filwaqt li s-sistemi ta’ ġestjoni finanzjarja ġeneralment ikunu inqas effettivi (ara l-Konklużjoni Ġenerali), xi vulnerabbiltajiet fl-akkwist u fil-ġestjoni tal-għotjiet, b’mod partikolari l-istrateġiji ta’ aċċertament u tal-awditjar, jeħtieġu li jiġu indirizzati. L-awditi tal-programmi ta’ finanzjament żvelaw ħtieġa għal konsistenza akbar fil-kejl tal-prestazzjoni, fejn indikaturi aktar ċari u proċessi simplifikati jistgħu jtejbu t-trasparenza u l-impatt, b’mod partikolari fid-dawl tal-bidla lejn mudelli ta’ twassil ibbażati fuq il-prestazzjoni. Bl-istess mod, il-prestazzjoni operazzjonali tibbenefika minn definizzjoni aktar ċara tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet u mill-ġestjoni tajba tar-riskji relatati mas-sistemi ta’ appoġġ, prinċipalment l-IT. Fl-aħħar nett, meta titqies id-dipendenza tal-Kummissjoni fuq ir-riżorsi umani u teknoloġiċi, is-sistemi għall-għażla u għar-reklutaġġ tal-persunal, għall-ġestjoni tal-proġetti tal-IT u għall-ġestjoni taċ-ċibersigurtà jeħtieġu tisħiħ bħala elementi fundamentali ewlenin għal amministrazzjoni pubblika moderna.

It-taqsimiet li ġejjin jippreżentaw il-konklużjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar id-diversi aspetti tal-prestazzjoni vvalutati fl-awditi tiegħu tal-2025.

Proċessi finanzjarji

L-awditi tas-Servizz tal-Awditjar Intern ipprovdew aċċertament lill-Kulleġġ, kif ukoll lid-direttorati ġenerali u lis-servizzi, li l-kontrolli interni fuq il-ġestjoni finanzjarja kienu qegħdin jiġu implimentati b’mod effiċjenti u effettiv (ara wkoll il-konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja fit-Taqsima 4.2).

Ħames awditi mwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Intern ma żvelaw l-ebda dgħufija maġġuri fis-sistemi ta’ kontroll eżaminati. It-13-il awditu l-oħrajn żvelaw ħtieġa għal titjib u wasslu għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet kritiċi u importanti ħafna.

Fil-qasam tal-ġestjoni tal-għotjiet, is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika żewġ każijiet fejn l-entitajiet eżaminati kienu meħtieġa jtejbu l-proċessi fis-seħħ.

Ħames awditi mwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Intern dwar il-ġestjoni tal-għotjiet intemmu f’konklużjonijiet tal-awditjar mhux kwalifikati: (a) il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGO) skont il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE); (b) l-implimentazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; (c) il-ġestjoni tal-proġetti u l-proċess tal-ħlas għall-Programm l-UE għas-Saħħa; (d) il-ġestjoni tal-proġetti u l-proċess tal-ħlas tal-Fond Ewropew għad-Difiża; u (e) l-implimentazzjoni bikrija tal-għotjiet fl-istrumenti tad-difiża għal terminu qasir l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) u l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP).

Awditu dwar it-tħejjija tal-ftehimiet ta’ għotja u l-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni tal-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni rriżulta f’opinjoni negattiva u f’rakkomandazzjoni kritika dwar il-ħtieġa għad-Direttorat Ġenerali u għall-aġenzija eżekuttiva kkonċernata li jirrevedu l-proċess tad-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni speċifika għall-iskema tal-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni f’konformità mar-regoli applikabbli. L-awditu rriżulta wkoll f’rakkomandazzjonijiet importanti ħafna liż-żewġ entitajiet awditjati għat-tisħiħ tal-kontrolli relatati mat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja; reviżjoni tar-rapportar dwar l-indikatur ta’ żmien għal għotja fir-Rapport Annwali tal-Attività u l-valutazzjoni tal-kawżi ewlenin tad-dewmien; reviżjoni tal-proċess ta’ deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni emendatorju; u tisħiħ tal-monitoraġġ tal-baġit, u żgurar tat-trażmissjoni formali tad-deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni lill-Bank Ewropew tal-Investiment.

F’awditu ieħor imwettaq fuq l-għotjiet, is-sistema ta’ kontroll intern għall-ġestjoni tal-għotjiet skont il-programm tal-Istrument għat-tagħmir ta’ Kontroll Doganali nstabet li kienet imfassla u implimentata b’mod adegwat, ħlief għal żewġ kwistjonijiet relatati mal-istrateġija ta’ kontroll tal-istrument, u għad-dokumentazzjoni tal-monitoraġġ tal-proġett u għall-ipproċessar tal-ħlasijiet fl-għodda eGrants.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq żewġ awditi fil-qasam tal-ġestjoni tal-programmi għall-perjodu ta’ programmazzjoni kurrenti.

Fl-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ awditi tal-ġestjoni tal-programmi, bil-ħsieb li tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, tfasslu u ġew implimentati proċessi ta’ kontroll intern adegwati u effettivi għall-bini tal-kapaċitajiet, għall-valutazzjoni ex ante u għall-monitoraġġ u għar-rapportar dwar għażliet ta’ kostijiet issimplifikati u finanzjament mhux marbut mal-kostijiet. Madankollu, jeħtieġ li jittejbu l-gwida, id-dokumentazzjoni u l-valutazzjonijiet ex ante relatati. Barra minn hekk, it-taħriġ jeħtieġ li jittejjeb u r-riskji ta’ dipendenza fuq esperti esterni jeħtieġ li jiġu mmonitorjati. Fl-aħħar nett, id-direttorati ġenerali jeħtieġ li jtejbu l-monitoraġġ u r-rapportar.

Fit-tieni wieħed minn dawn iż-żewġ awditi tal-ġestjoni tal-programm, is-Servizz tal-Awditjar Intern ikkonkluda li l-proċessi ta’ kontroll intern għar-rieżami u għall-approvazzjoni tal-emendi għall-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), kienu tfasslu u ġew implimentati b’mod adegwat. Madankollu, kien hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar id-data tal-bidu tal-eliġibbiltà għall-bidliet approvati fl-interventi tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li kienu ġew innotifikati qabel iżda li nstabu li ma kinux konformi mal-bażi legali għan-notifiki. Barra minn hekk, ġiet identifikata dgħufija importanti ħafna fir-rigward tal-kjarifika dwar id-devjazzjonijiet aċċettabbli bejn l-indikaturi tar-riżultati u l-outputs u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

Fil-qasam tematiku tal-istrateġija dwar il-bini tal-aċċertament u tal-awditjar, is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika każijiet fejn l-entitajiet eżaminati kienu meħtieġa jtejbu l-proċessi fis-seħħ.

Fi programm kopert mir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, id-direttorat ġenerali awditjat kien stabbilixxa arranġamenti tal-awditjar ibbażati fuq l-Istrateġija Unika tal-Awditjar iżda sa tmiem ix-xogħol tal-awditjar fuq il-post ma kienx stabbilixxa bis-sħiħ arranġamenti addizzjonali tal-awditjar għat-trattament speċjali tad-dokumenti, approċċ komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju u ppjanar tal-awditjar li jinkorpora fatturi ta’ riskju speċifiċi għall-fondi u komuni.

F’awditu ieħor, il-proċessi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tar-riskju għall-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-awditi ex post dwar l-objettivi intermedji u l-miri f’konformità mar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kienu tfasslu b’mod adegwat u ġew implimentati b’mod effettiv, ħlief għal żewġ kwistjonijiet importanti ħafna relatati: (a) mad-durata tal-awditi; u (b) mal-istandards tal-awditjar u mal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità.

Fir-rigward tal-affidabbiltà tal-opinjonijiet tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-Erasmus+ iddikjarata mill-aġenziji nazzjonali, id-direttorat ġenerali awditjat kien implimenta b’mod effettiv miżuri li kienu mfassla b’mod adegwat biex jiżguraw l-affidabbiltà tal-opinjonijiet tal-awditjar maħruġa mill-korpi indipendenti tal-awditjar biex jiksbu l-aċċertament neċessarju, ħlief għal kwistjoni waħda relatata mal-ġestjoni tal-osservazzjonijiet.

Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-pajjiżi koperti minn dikjarazzjoni ta’ kriżi tingħata f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni operazzjonali u finanzjarja tajba, is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tar-riskju stabbiliti nstabu li huma mfassla u implimentati b’mod adegwat, ħlief għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar relatat mal-kuntratti konklużi skont proċeduri flessibbli.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq ukoll rieżamijiet limitati dwar ir-riżultati tal-kontroll ipprovduti mis-sħab. Dawn ir-rieżamijiet ikkonkludew li s-sistemi mfassla u implimentati mid-direttorati ġenerali responsabbli fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni biex jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni jikkontribwixxu għall-aċċertament dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-fondi tal-UE taħt ġestjoni indiretta ma’ entitajiet fdati jkunu adegwati, ħlief għal kwistjonijiet relatati ma’ xi aspetti tad-disinn u għall-effettività u għall-effiċjenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni bħala miżura ta’ kontroll.

Fir-rigward tal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni, is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika każijiet li fihom l-entitajiet eżaminati kienu meħtieġa jtejbu l-proċessi fis-seħħ:

Awditu dwar il-programm InvestEU kkonferma mekkaniżmu intern adegwat u effettiv ta’ tmexxija u ta’ koordinazzjoni għall-finanzjament tal-operazzjonijiet tal-Fond InvestEU u ġiet stabbilita metodoloġija robusta dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Madankollu, dan identifika nuqqasijiet fl-objettivi li huma definiti fil-bażi legali rilevanti u fl-indikaturi użati għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-objettivi tal-programm.

Awditu dwar it-tfassil tal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni għall-Politika Agrikola Komuni tal-2023-2027 sab li kien imfassal b’mod adegwat għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u għar-rapportar dwarha. Madankollu, l-approċċ għall-approvazzjoni ta’ bidliet fil-miri u fl-objettivi intermedji għall-indikaturi tar-riżultati kien jeħtieġ aktar kjarifiki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari fil-leġiżlazzjoni bażika.

Fir-rigward tal-akkwist u tal-ġestjoni tal-kuntratti, is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika tliet każijiet li fihom l-entitajiet eżaminati kienu meħtieġa jtejbu l-proċessi fis-seħħ.

Awditu minnhom identifika kwistjoni importanti ħafna dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-approċċ tal-akkwist segwit għat-traduzzjonijiet esternalizzati. Awditu ieħor identifika kwistjoni importanti ħafna dwar l-identifikazzjoni ta’ aspetti (potenzjali) ta’ kunflitt ta’ interess, li l-aġenzija eżekuttiva responsabbli teħtieġ li ssaħħaħ, f’kooperazzjoni mad-direttorati ġenerali prinċipali tagħha.

F’awditu dwar l-akkwist ta’ valur għoli u l-ġestjoni tal-kuntratti, is-sistema ta’ kontroll intern stabbilita jeħtieġ li tittejjeb b’mod sinifikanti biex issaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tagħha. Is-Servizz tal-Awditjar Intern identifika ħames kwistjonijiet importanti ħafna dwar: (a) l-istrateġija tal-ġestjoni u tal-kontroll tar-riskju; (b) il-kriterji għall-aġġudikazzjoni u l-proċess ta’ evalwazzjoni; (c) stima tal-valur tal-kuntratt u d-durata tal-kuntratt; (d) is-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni; u (e) kontrolli ex ante fuq il-pagamenti.

Proċessi operazzjonali

Is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq sitt awditi li ffukaw fuq attivitajiet jew fuq programmi speċifiċi.

Awditu dwar il-ġestjoni tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) u l-portal tal-EURES sab li d-direttorat ġenerali responsabbli u l-aġenzija deċentralizzata affiljata kienu stabbilew għadd ta’ arranġamenti biex jirregolaw il-kooperazzjoni tagħhom. Madankollu, dawn l-arranġamenti mhux dejjem kienu dettaljati biżżejjed jew miżmuma aġġornati f’għadd ta’ oqsma, inkluża l-governanza tal-IT u l-mandat tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-IT.

Awditu mwettaq fuq il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni relatati mas-superviżjoni finanzjarja sab li d-direttorat ġenerali responsabbli kien fassal b’mod adegwat u implimenta b’mod effettiv u effiċjenti l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni mat-tliet awtoritajiet superviżorji ħlief għal kwistjonijiet relatati mal-proċess tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet, u r-rieżami u l-evalwazzjoni.

Awditu ieħor sab li l-proċessi għall-ġestjoni tad-data ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd kienu tfasslu b’mod adegwat u ġew implimentati b’mod effettiv u effiċjenti, f’konformità mal-qafas legali applikabbli fiż-żmien tal-awditu, ħlief għal kwistjoni waħda relatata mar-riċevuta, mal-użu u mal-pubblikazzjoni ta’ data relatata mal-opportunitajiet tas-sajd.

Awditu dwar il-proċess tal-għażla fl-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal ikkonkluda li l-proċessi ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll stabbiliti mill-Uffiċċju responsabbli għall-mudell il-ġdid tal-kompetizzjoni għall-persunal permanenti ma kinux imfassla b’mod adegwat. Il-kwistjonijiet identifikati kienu jinkludu l-ġestjoni tal-ħtiġijiet tal-klijenti u l-aspetti ta’ komunikazzjoni relatati; il-pjan direzzjonali għall-varar tal-mudell il-ġdid tal-kompetizzjoni u l-proċedura għall-proċess tal-għażla; u l-indikaturi u l-monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-kisba tal-objettivi tal-mudell il-ġdid tal-kompetizzjoni.

Awditu mwettaq fuq il-ġestjoni tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal sab li l-uffiċċji inkarigati kienu fasslu, b’mod ġenerali, qafas u sistema ta’ kontroll adegwati. Madankollu, ġew identifikati kwistjonijiet fl-implimentazzjoni dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-kumitati ta’ sorveljanza u tal-atturi esterni involuti; l-istabbiliment tal-baġit interistituzzjonali u l-allokazzjoni tal-kostijiet u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet istituzzjonali u tad-direttorati ġenituri; u kontrolli tal-IT fuq il-ġestjoni tal-proġett u s-sigurtà tal-IT tal-għodda tal-IT rilevanti.

Awditu dwar il-ġestjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura skont Orizzont Ewropa kkonkluda li b’mod ġenerali, id-direttorat ġenerali responsabbli kien ipprovda appoġġ adegwat lill-impriżi konġunti, ħlief għal kwistjoni importanti ħafna li tikkonċerna l-appoġġ tal-IT u l-funzjonalitajiet disponibbli fl-għodda tal-IT.

Proċessi ta’ appoġġ

Ġestjoni tar-riżorsi umani

Awditu mwettaq fuq il-Programm ta’ Trasformazzjoni tar-Riżorsi Umani kkonkluda li għalkemm l-istruttura u l-proċessi ta’ governanza tal-programm kienu ġew stabbiliti sew b’mod ġenerali, kien fadal kwistjoni importanti ħafna relatata mal-proċessi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-IT li tista’ taffettwa l-kisba tal-objettivi strateġiċi tal-programm u l-konformità mal-istandards tas-sigurtà interna tal-Kummissjoni.

Governanza tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), ġestjoni tal-proġetti tal-IT u ġestjoni tas-sigurtà tal-IT

Is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq żewġ awditi f’dan il-qasam.

Awditu mwettaq dwar il-governanza tal-IT u l-ġestjoni tas-sigurtà tal-IT f’direttorat ġenerali żvela li, b’mod ġenerali, is-sistema ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll stabbilita għall-governanza tal-IT u għall-arranġamenti tas-sigurtà tal-IT kienet imfassla b’mod adegwat u implimentata b’mod effiċjenti u effettiv, ħlief għal kwistjoni waħda relatata mal-allinjament tal-ħtiġijiet tan-negozju u mal-aspettattivi ta’ rkupru, iż-żamma tal-pjanijiet tas-sigurtà tal-IT u l-formalizzazzjoni tal-proċessi dwar il-ġestjoni tal-inċidenti u tal-aċċess tal-utenti.

Għall-proġett Arachne+, il-proċessi ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll stabbiliti minn direttorat ġenerali, bħala sid tas-sistema, bl-appoġġ ta’ direttorati ġenerali oħra, ma kinux xierqa biex iwasslu l-fażi 2 tal-proġett b’mod effettiv u biex jilħqu l-objettivi strateġiċi u l-aspettattivi tan-negozju għall-proġett ġenerali fil-ħin u bir-riżorsi allokati. Il-proċessi ta’ kontroll tas-sigurtà tal-IT u tal-protezzjoni ta’ data personali kienu konformi mal-passi tal-proċessi tal-Kummissjoni, iżda kien neċessarju titjib sinifikanti fir-rigward tal-kwalità tal-artefatti tas-sigurtà tal-IT.

Barra minn hekk, għadd ta’ awditi oħrajn ħarsu lejn l-aspetti tal-IT tal-proċessi awditjati u identifikaw kontrolli adegwati jew dgħufijiet f’każijiet differenti.

Konklużjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni

Kif meħtieġ mill-karta tal-missjoni tiegħu, is-Servizz tal-Awditjar Intern joħroġ konklużjoni ġenerali annwali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni. Din hija bbażata fuq il-ħidma tal-awditjar fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja fil-Kummissjoni mwettqa fl-aħħar tliet snin (mill-2023 sal-2025). Tqis ukoll l-informazzjoni minn sorsi oħrajn, jiġifieri r-rapporti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-konklużjoni ġenerali tinħareġ fl-istess żmien ma’ dan ir-rapport u tkopri l-istess sena.

Abbażi ta’ din l-informazzjoni tal-awditjar, l-Awditur Intern qies li, fl-2025, il-Kummissjoni stabbiliet proċeduri ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern li, meħuda flimkien, huma adegwati biex jagħtu aċċertament raġonevoli dwar il-kisba tal-objettivi finanzjarji tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-oqsma ta’ ġestjoni finanzjarja li fuqhom l-uffiċjali awtorizzanti b’delega esprimew riżervi fid-dikjarazzjoni ta’ aċċertament tagħhom.

Mingħajr ma jikkwalifika ulterjorment il-konklużjoni ġenerali għall-2025, l-Awditur Intern jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament jibqa’ robust, proporzjonat u effettiv għall-ġestjoni tar-riskji għal livell aċċettabbli, speċjalment fil-kuntest ta’ prijoritajiet konkurrenti u ta’ pressjoni kontinwa fuq ir-riżorsi. Dan huwa partikolarment pertinenti fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni u jiġi żgurat għeluq f’waqtu tal-programmi kurrenti filwaqt li jsiru tħejjijiet għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, li se jintroduċi aktar strumenti innovattivi u mudelli ta’ twassil.

L-ambjent soċjoekonomiku u politiku ta’ sfida u l-ħtieġa ta’ tweġib għad-diversi kriżijiet matul l-aħħar ftit snin kienu jeħtieġu mobilizzazzjoni rapida ta’ ammonti bla preċedent ta’ riżorsi u ta’ finanzjament, u l-ħolqien ta’ strumenti ġodda bbażati fuq il-prestazzjoni. Id-dewmien fil-finalizzazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ kontroll u ta’ awditjar għall-perjodu ta’ programmazzjoni kurrenti, bħala riżultat tal-adattamenti neċessarji fil-mudelli ta’ twassil riveduti, għandu jingħata l-attenzjoni xierqa. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni trid tkompli bl-isforzi ta’ simplifikazzjoni biex tiżgura li l-finanzjament tal-UE jibqa’ aċċessibbli u jwassal ir-riżultati filwaqt li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba.

Fil-kuntest ta’ tiġdid maġġuri tal-mudelli ta’ finanzjament u ta’ twassil skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mit-tagħlimiet meħuda mill-perjodu kurrenti ta’ 7 snin u tiżgura li l-mudell ta’ aċċertament jiġi ddefinit mill-bidu nett, sabiex l-istrateġiji ta’ kontroll għall-istrumenti individwali jiġu żviluppati fi żmien xieraq qabel ma tibda l-implimentazzjoni.

Il-bidla kontinwa lejn mudelli ta’ twettiq ibbażati fuq il-prestazzjoni se teħtieġ approċċ rivedut biex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi aċċertament dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa, inklużi, fejn neċessarji, appoġġ lill-Istati Membri, aġġustamenti għall-organizzazzjoni tal-funzjoni tal-awditjar u reviżjoni tal-indikaturi tradizzjonali tal-legalità u tar-regolarità, bħar-rata ta’ żball.

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni kontinwa lil kontrolli proporzjonati u effettivi għas-sorveljanza tal-ammonti tal-baġit implimentati mill-Istati Membri u/jew minn partijiet terzi, meta titqies id-dipendenza akbar li l-Kummissjoni tpoġġi fuqhom.

Barra minn hekk, l-operazzjonijiet finanzjarji li qegħdin jespandu tal-Unjoni jenfasizzaw l-importanza ta’ qafas robust u integrat sew ta’ ġestjoni tar-riskju u sorveljanza b’saħħitha tas-self, tal-garanziji baġitarji u tal-finanzjament permezz tal-ħruġ ta’ titoli ta’ dejn.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-objettivi tagħha relatati mar-responsabbiltà, mal-ġestjoni finanzjarja tajba u mal-protezzjoni tal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni għandha tkompli bl-isforzi u taħtaf l-opportunitajiet biex tottimizza l-użu ta’ riżorsi limitati u taġġusta l-organizzazzjoni, il-proċessi u l-operazzjonijiet tagħha. It-tfassil ta’ mudelli ta’ aċċertament ġodda u l-istrateġiji ta’ kontroll individwali għandhom ikunu akkumpanjati minn definizzjoni ta’ riżorsi umani adegwati, f’numri, f’ħiliet u fi twaqqit, u strateġija biex il-mezzi teknoloġiċi xierqa jintużaw b'mod effettiv filwaqt li r-riskji li jintroduċu jiġu ġestiti bir-reqqa.



Azzjonijiet meħuda mill-entitajiet awditjati

L-impatt tal-ħidma tal-awditjar intern fuq it-titjib tal-prestazzjoni u tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni jiddependi fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha. Sabiex jippermetti s-sorveljanza mill-korpi governattivi, is-Servizz tal-Awditjar Intern iwettaq awditi ta’ segwitu meta l-entità awditjata tkun irrapportat ir-rakkomandazzjoni bħala lesta għar-rieżami. Is-Servizz tal-Awditjar Intern jipprovdi wkoll informazzjoni regolari lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditu dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern segwa 50 inkarigu tal-awditjar preċedenti biex jirrieżamina l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u ħareġ 82 ( 9 ) nota ta’ segwitu lid-direttorati ġenerali u lis-servizzi rispettivi. B’riżultat ta’ dan, għal 22 inkarigu, ngħalqu r-rakkomandazzjonijiet kollha ( 10 ), filwaqt li għat-28 inkarigu l-oħra, rakkomandazzjoni waħda jew aktar baqgħu miftuħa sad-data limitu( 11 ).

Kif muri hawn taħt, fid-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2025, minn total ta’ 773 rakkomandazzjoni aċċettati (parzjalment) ( 12 ) magħmula mis-Servizz tal-Awditjar Intern fl-2021-2025, 525 (68 %) ġew ivvalutati mill-entitajiet awditjati bħala implimentati( 13 ). Dan iħalli total ta’ 248 rakkomandazzjoni (32 %) li għadhom pendenti.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

Mill-248 rakkomandazzjoni li kienu għadhom miftuħa fid-data limitu, tnejn ġew ikklassifikati bħala kritiċi, 112 (45 %) bħala importanti ħafna, u 134 (54 %) bħala importanti.

Mir-rakkomandazzjonijiet miftuħa, 43 kienu ilhom li suppost ġew implimentati (jiġifieri ma ġewx implimentati sad-data miftiehma oriġinarjament). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet li kienu ilhom li suppost ġew implimentati kienu jirrappreżentaw 5,6 % tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati (parzjalment).

Mir-rakkomandazzjonijiet li ilhom li suppost ġew implimentati, erba’ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna maħruġa fl-2021-2025 ġew ikklassifikati bħala li ilhom ħafna li suppost ġew implimentati (jiġifieri miftuħa għal aktar minn sitt xhur wara d-data tal-implimentazzjoni oriġinali), meta mqabbla ma’ sitt rakkomandazzjonijiet fis-sena preċedenti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna li ilhom ħafna li suppost ġew implimentati kienu jirrappreżentaw 0,5 % tal-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet aċċettati (parzjalment) fl-2021-2025 (f’konformità mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti). Barra minn hekk, hemm rakkomandazzjoni waħda importanti ħafna li ilha ħafna li suppost ġiet implimentata li nħarġet qabel il-pjan tal-awditu tal-2021, li żżid in-numru totali fid-data limitu għal ħames rakkomandazzjonijiet importanti ħafna.

Dewmien tar-rakkomandazzjonijiet li ilhom li suppost ġew implimentati skont il-klassifikazzjoni

(Maħruġa fl-2021-2025)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz tal-Awditjar Intern

B’mod ġenerali, is-Servizz tal-Awditjar Intern iqis li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu hija sodisfaċenti u komparabbli mal-perjodi ta’ rapportar preċedenti. Dan juri li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu diliġenti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kritiċi u importanti ħafna, u b’hekk ittaffew ir-riskji enfasizzati mis-Servizz tal-Awditjar Intern.

Il-Parti 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport tiġbor fil-qosor dawn ir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna li ilhom li suppost saru.

Konsultazzjoni mal-bord tal-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet finanzjarji

Il-bord stabbilit skont l-Artikolu 145 tar-Regolament Finanzjarju ma rrapporta l-ebda problema sistemika fl-2025, meta ta l-opinjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 93 tar-Regolament Finanzjarju.

(1)
(2)
(3)
(4)
(5) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2570 tat-18 ta’ Diċembru 2025 li tistabbilixxi l-karta tal-missjoni għas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni.
(6) ()    L- Istandards Globali tal-Awditjar Intern , ippromulgati mill-Istitut tal-Awdituri Interni (IIA) effettivi mid-9 ta’ Jannar 2025, jiggwidaw il-prattika professjonali dinjija tal-awditjar intern u jservu bħala bażi għall-evalwazzjoni u għall-elevazzjoni tal-kwalità tal-funzjoni tal-awditu intern. L- Istandards Globali tal-Awditjar Intern jissostitwixxu l-Qafas tal-Prattiki Professjonali Internazzjonali tal-2017 tal-Istitut tal-Awdituri Interni li kien applikabbli fl-2024.
(7) ()    Il-pjan tal-awditu tal-2025 huwa sena ta’ tranżizzjoni għad-data limitu l-ġdida tal-31 ta’ Diċembru 2025. Sal-2024, il-perjodu ta’ referenza għall-pjanijiet tal-awditu kien mill-1 ta’ Frar n sal-31 ta’ Jannar n+1.
(8) ()    Dan ir-rapport tal-awditjar kien relatat mal-awditu dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani fid-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Ir-rapport tal-awditjar finali għal dan l-awditu nħareġ fl-10 ta’ Marzu 2025.     
(9) ()    Xi inkarigi tal-awditjar ngħataw segwitu aktar minn darba u xi noti ta’ segwitu koprew aktar minn inkarigu tal-awditjar wieħed.
(10) ()    It-Taqsima 2.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal fiha l-lista ta’ awditi li ngħalqu wara li ngħata segwitu.
(11) ()    It-Taqsima 2.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal fiha lista ta’ awditi li baqgħu miftuħa wara li twettaq segwitu fuq rakkomandazzjonijiet kritiċi u/jew importanti ħafna.
(12) ()    Minn 777 rakkomandazzjoni maħruġa fl-2021-2025, 763 rakkomandazzjoni ġew aċċettati kompletament, għaxra ġew aċċettati parzjalment u erbgħa ġew irrifjutati.
(13) ()    Iċ-ċart turi l-klassifikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fid-data limitu. Dan jista’ jvarja mill-klassifikazzjoni fir-rapport tal-awditjar oriġinali minħabba li, f’awditu ta’ segwitu, is-Servizz tal-Awditjar Intern jista’ jivvaluta li l-azzjonijiet meħuda mill-entità awditjata mmitigaw parzjalment ir-riskji li ġew identifikati inizjalment u, għalhekk, jistgħu jnaqqsu l-klassifikazzjoni tar-rakkomandazzjoni.