KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑4 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑544/23

T.T.,

BAJI Trans s. r. o.

vs

Národný inšpektorát práce

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 3821/85 – Obbligu li jitwettqu kontrolli perjodiċi fuq takografi – Derogi – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) u l-Artikolu 51(1) – Prinċipju ta’ lex posterior mitius – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Kriterji – Appell ta’ kassazzjoni – Liġi ġdida li daħlet fis-seħħ wara s-sentenza appellata”

I. Daħla

1.

Il-proċeduri li jikkonċernaw is-sanzjonijiet amministrattivi huma distinti minn dawk li jikkonċernaw is-sanzjonijiet kriminali, bħala regola ġenerali, fuq tliet aspetti. L-ewwel, is-sanzjonijiet kriminali proprji huma adottati minn qorti, filwaqt li s-sanzjonijiet amministrattivi huma adottati minn awtoritajiet amministrattivi, u l-qorti mbagħad tintervjeni biss fl-istadju ta’ stħarriġ. It-tieni, ir-regoli proċedurali applikabbli għas-sanzjonijiet amministrattivi ġeneralment ma humiex l-istess bħal dawk applikabbli għas-sanzjonijiet kriminali, iżda huma dawk li jirregolaw il-proċedura amministrattiva u t-tilwim amministrattiv ( 2 ). It-tielet, l-ordinament ġudizzjarju inkarigat sabiex jistħarreġ is-sanzjonijiet amministrattivi, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ma huwiex l-istess bħal dak inkarigat jisma’ s-sanzjonijiet kriminali ( 3 ).

2.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ), fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ sanzjoni amministrattiva, fl-istadju tal-appell ta’ kassazzjoni.

3.

Dan il-prinċipju huwa marbut ma’ dak tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-pieni. Fil-fatt, sa fejn il-pieni imposti għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati, jiġifieri għandhom jippenalizzaw lill-awtur ta’ reat għall-fatti li huwa wettaq u sal-portata tal-gravità ta’ dawn tal-aħħar, kif jipprevedi l-Artikolu 49(3) tal-Karta, l-impożizzjoni ta’ piena ma tibqax tidher iġġustifikata jekk, wara t-twettiq tal-fatti, il-leġiżlatur ikun biddel l-evalwazzjoni tiegħu jew dwar in-natura kundannabbli ta’ dawn il-fatti, jew dwar in-natura jew il-livell tal-piena li għandha tiġġarrab.

4.

F’dan il-kuntest, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar jekk il-prinċipju ta’ lex posterior mitius għandux jiġi applikat mill-qorti tal-kassazzjoni, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda sanzjoni amministrattiva, meta l-liġi inqas severa tkun daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri, meta tkun iddeċidiet fuq il-mertu, li tkun saret finali skont id-dritt nazzjonali u li tkun suġġetta għal appell ta’ kassazzjoni.

5.

Din id-domanda toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tippreċiża jekk, f’dan il-każ, il-karatteristiċi partikolari tar-rwol tal-qorti tal-kassazzjoni humiex ta’ natura li jaffettwaw il-portata ta’ dan il-prinċipju.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Ir‑Regolament (KEE) Nru 3821/85

6.

Kif kien applikabbli fid-data tat-twettiq tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq ( 5 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 ( 6 ), kien jipprovdi:

“1.   It-tagħmir ta’ reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 [ ( 7 )] […]

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament [Nru 561/2006] mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

7.

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom, malajr u wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni [Ewropea], jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri għandhom ikopru, inter alia, ir-riorganizzazzjoni, il-proċedura u l-mezzi ta’ kontroll fuq osservanza u l-penali li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ ksur.”

8.

L-ewwel subparagrafu tal-punt 3(a) tat-Taqsima VI tal-Anness I ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“Għandhom isiru spezzjonijiet perjodiċi ta’ l-apparat armat fil-vetturi ta’ mill-inqas kull sentejn u dawn jistgħu isiru flimkien ma’ testijiet li jaraw jekk il-vetturi humiex tajbin għal fuq it-triq.”

9.

Ir-Regolament Nru 3821/85 tħassar, mit‑2 ta’ Marzu 2016, permezz tal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq ( 8 ).

2. Ir‑Regolament Nru 165/2014

10.

L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprovdi:

“1.   It-takografi għandhom jiġu installati u użati fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq u li għalihom japplika r-Regolament [Nru 561/2006].

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament [Nru 561/2006].”

11.

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprovdi:

“It-takografi għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni regolari minn ħwienet tax-xogħol approvati. Għandhom titwettqu spezzjonijiet regolari mill-anqas kull sentejn.”

12.

L-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-arranġamenti kostituzzjonali nazzjonali, jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali, dissważivi u nondiskriminatorji u għandhom ikunu f’konformità mal-kategoriji tal-ksur stabbiliti fid-Direttiva 2006/22/KE [ ( 9 )].”

13.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“[Dan ir-regolament] għandu japplika b’effett mit‑2 ta’ Marzu 2016. […]”

3. Ir‑Regolament Nru 561/2006

14.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

15.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-lista ta’ kategoriji ta’ vetturi li jwettqu trasport bit-triq li għalihom ma japplikax l-imsemmi regolament. Il-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu ma humiex inklużi f’din il-lista.

16.

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jistabbilixxi l-lista ta’ kategoriji ta’ vetturi li jwettqu trasport li għalihom l-Istati Membri, sakemm dan ma jkunx ta’ preġudizzju għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, jistgħu jagħtu derogi mill-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmi regolament.

17.

Fil-verżjoni tar-Regolament Nru 561/2006 fis-seħħ fil-mument tal-ksur imwettaq minn T.T., il-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu ma kinux inklużi f’din il-lista.

18.

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2020/1054 ( 10 ), fl‑20 ta’ Awwissu 2020, il-“vetturi użati għat-twassil ta’ konkos imħallat lest” jinsabu fl-imsemmija lista, fl-Artikolu 13(1)(r) tar-Regolament Nru 561/2006.

B.   Id‑dritt Slovakk

19.

L-Artikolu 50(6) tal-Ústava Slovenskej republiky (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka) jipprovdi:

“L-eżistenza ta’ reat kriminali għandha tiġi evalwata u l-kundanna għandha tingħata skont il-liġi fis-seħħ fil-mument meta twettaq ir-reat. L-iktar liġi reċenti għandha tapplika jekk tkun iżjed favorevoli għall-awtur tar-reat.”

20.

L-Artikolu 1(a) taż-zákon č. 461/2007 Z. z. o používaní záznamového zariadenia v cestnej doprave (il-Liġi Nru 461/2007 dwar l-Użu ta’ Tagħmir ta’ Reġistrazzjoni fit-Trasport bit-Triq), tat‑13 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 461/2007”), jipprevedi:

“Din il-liġi torganizza r-relazzjonijiet ġuridiċi li ma humiex irregolati minn leġiżlazzjoni speċjali [riferiment għar-Regolament Nru 3821/85] f’dak li jirrigwarda

(a)

il-portata tal-obbligu tal-installazzjoni u tal-użu ta’ tagħmir ta’ reġistrazzjoni […] fil-vetturi bil-mutur […]”

21.

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din il-liġi, impriża tat-trasport li tipprovdi servizzi ta’ trasport bix-xarabank jew servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija għandha tiżgura li jiġi installat tagħmir ta’ reġistrazzjoni f’kull vettura użata għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija u li jintużaw folji ta’ reġistrazzjoni u kards [tax-xufier] għat-tħaddim tiegħu.

2.   L-obbligu tal-impriża tat-trasport skont il-paragrafu 1 ma japplikax għall-vetturi użati għat-trasport kopert minn dispożizzjoni partikolari [b’riferiment għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006].”

22.

Il-punt 1 tal-Artikolu 38(1)(a) taż-zákon č. 462/2007 Z. z. o organizácii pracovného času v doprave a o zmene a doplnení zákona č. 125/2006 Z. z. o inšpekcii práce a o zmene a doplnení zákona č. 82/2005 Z. z. o nelegálnej práci a nelegálnom zamestnávaní a o zmene a doplnení niektorých zákonov v znení zákona č. 309/2007 Z. z. (il-Liġi Nru 462/2007 dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol fis-Settur tat-Trasport u li Temenda l-Liġi Nru 125/2006 dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol u li Temenda l-Liġi Nru 82/2005 dwar ix-Xogħol Illegali u l-Impjieg Illegali u li Temenda Ċerti Liġijiet, kif emendata bil-Liġi Nru 309/2007), tat‑13 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 462/2007”), jipprovdi:

“Huwa reat li xufier

(a)

isuq vettura

1.

mingħajr tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni li ma kienx issuġġettat għal kontroll perjodiku validu jew li juża t-tagħmir ta’ reġistrazzjoni b’mod żbaljat.”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

23.

Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tat‑8 ta’ Diċembru 2016, T.T. instab ħati li kiser il-punt 1 tal-Artikolu 38(1)(a) tal-Liġi Nru 462/2007 minħabba li, fl‑4 ta’ Novembru 2015, huwa kien ittrasporta konkos abbord vettura li tappartjeni lil BAJI Trans s. r. o. u li t-takografu tagħha ma kienx issuġġettat għal kontroll perjodiku validu mill‑25 ta’ Ġunju 2015. F’dan ir-rigward, T.T. ġie kkundannat għal multa ta’ EUR 200.

24.

Ir-rikors kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tan-Národný inšpektorát práce (l-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol, is-Slovakkja) tat‑3 ta’ April 2017.

25.

T.T. u BAJI Trans ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi quddiem il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja), fejn allegaw li l-vettura tat-trasport tal-konkos inkwistjoni kienet eskluża mill-kategorija tal-vetturi suġġetti għall-obbligu li jużaw takografu.

26.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2019, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava), bħala qorti amministrattiva, ċaħdet ir-rikors ta’ T.T. bħala infondat, u dak ta’ BAJI Trans ġie miċħud minħabba nuqqas ta’ locus standi.

27.

Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li l-obbligu li jintuża takografu fil-vetturi kollha tat-trasport bit-triq kien previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3821/85 kif ukoll fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 461/2007, bla ħsara għad-derogi msemmija fl-Artikoli 3 u 13 tar-Regolament Nru 561/2006. Madankollu, dawn id-derogi ma kinux jinkludu l-vetturi intiżi għat-trasport tal-konkos, b’tali mod li l-obbligu li jintuża takografu kien japplika fl-intier tiegħu għal dawn il-vetturi.

28.

Fil‑15 ta’ Lulju 2019, T.T. u BAJI Trans ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka).

29.

Matul il-proċedura ta’ kassazzjoni, fl‑24 ta’ Awwissu 2020, T.T. u BAJI Trans ippreżentaw risposta li permezz tagħha enfasizzaw li r-Regolament Nru 561/2006 kien ġie emendat bir-Regolament 2020/1054.

30.

Il-kompetenza sabiex jiġi eżaminat dan l-appell, wara l-preżentata tal-imsemmi appell, ġiet mgħoddija lin-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka), li hija l-qorti tar-rinviju.

31.

Fl-ewwel lok, din il-qorti tindika li l-liġijiet nazzjonali ġew adottati sabiex jiġu implimentati r-Regolamenti Nru 3821/85 u Nru 165/2014, jiġifieri mhux biss l-obbligi previsti minn dawn ir-regolamenti, iżda wkoll l-obbligu li tiġi stabbilita sistema ta’ sanzjonijiet minħabba ksur ta’ dawn l-obbligi. Minn dan, l-imsemmija qorti tiddeduċi li l-awtorità amministrattiva kompetenti applikat id-dritt tal-Unjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta ddeċidiet dwar il-ħtija ta’ T.T. u dwar is-sanzjoni li kellha tiġi imposta fuq dan tal-aħħar. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti adottata skont id-dritt tal-Unjoni u fl-iżgurar tal-protezzjoni ġudizzjarja ta’ T.T., hija timplimentax ukoll id-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta.

32.

Fit-tieni lok, din il-qorti tixtieq tikseb l-assigurazzjoni espressa tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħalma huwa l-każ għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 11 ), l-Artikolu 49(1) tal-Karta jimponi fuq l-awtoritajiet amministrattivi l-obbligu li japplikaw il-prinċipju ta’ lex posterior mitius, bil-ħtieġa konsegwenti li dan il-prinċipju jiġi applikat ukoll fil-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem qorti amministrattiva.

33.

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ lex posterior mitius għandux jiġi applikat mill-qorti inkarigata li tiddeċiedi dwar appell ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra sanzjoni amministrattiva, meta l-liġi l-ġdida tkun daħlet fis-seħħ wara din id-deċiżjoni. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta fil-kuntest tal-eżami ta’ appell ta’ kassazzjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-proċedura.

34.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 51(1) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, jimponi sanzjoni amministrattiva għall-ksur ta’ obbligu ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn tali obbligu jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u l-Istati Membri huma obbligati li jimponu penali għall-ksur tiegħu, kif previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament [Nru 3821/85] u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament [Nru 165/2014]?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur amministrattiv meta d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà u dwar il-penali tiġi adottata l-ewwel mhux minn awtorità ġudizzjarja, iżda minn awtorità amministrattiva, u għalhekk dan il-prinċipju japplika sussegwentement ukoll għall-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità amministrattiva mill-qorti amministrattiva?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali, irrispettivament mill-istadju li jkunu jinsabu fih?

4)

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv, skont liema kriterji dan l-istadju għandu jiġi stabbilit? B’mod partikolari, l-Artikolu 49 tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal proċeduri kontenzjużi amministrattivi li għandhom bħala suġġett rikors bħal appell ta’ kassazzjoni, b’tali mod li qorti bħan-Najvyšší správny súd (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Slovakka) li tiddeċiedi fit-tieni u fl-aħħar istanza fuq l-appell ta’ kassazzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni emenda leġiżlattiva favur l-awtur ta’ ksur amministrattiv li huwa s-suġġett ta’ proċeduri quddiem awtorità amministrattiva u mhux qorti, li tintervjeni biss wara li d-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva ta’ istanza inferjuri li tkun ġiet mistħarrġa [mill-qorti tal-aħħar istanza], tkun saret definittiva?”

35.

L-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol, il-Gvern Slovakk u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. T.T. u BAJI Trans, il-Gvern Slovakk u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, ipparteċipaw fis-seduta li saret fl‑24 ta’ Settembru 2024, li matulha huma wieġbu b’mod partikolari għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

36.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, meta jipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-każ ta’ ksur tal-obbligi relatati mal-preżenza ta’ takografu fil-vetturi li jittrasportaw merkanzija u mal-ispezzjoni perjodika tiegħu, konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju dwar din is-sanzjoni.

37.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li r-risposta għandha tkun fl-affermattiv.

38.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

39.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma għalhekk intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet ( 12 ).

40.

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti indiretti ta’ suġġett fuq ieħor ( 13 ).

41.

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, għandu jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din għandhiex għanijiet oħra għajr dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni li hija speċifika għas-suġġett jew li tista’ taffettwah ( 14 ).

42.

F’dan il-każ, kemm ir-Regolament Nru 3821/85, applikabbli fid-data li fiha twettaq il-ksur, kif ukoll ir-Regolament Nru 165/2014 li ħassru, jirrikjedu li jkun hemm takografu fil-vetturi li jittrasportaw il-merkanzija, kif ukoll li ssir spezzjoni perjodika tiegħu. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti jobbligaw lill-Istati Membri, rispettivament fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, jissanzjonaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet tagħhom. Issa, Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jwettaq obbligu, stabbilit f’dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jipprevedi sanzjonijiet fir-rigward tal-ksur imsemmi f’din id-dispożizzjoni ( 15 ). Konsegwentement, meta imponew multa amministrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Slovakki implimentaw id-dritt tal-Unjoni.

43.

L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju dwar din il-multa.

44.

Għalhekk, peress li l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 3821/85 u Nru 165/2014 minn qorti nazzjonali tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, din il-qorti għandha, fl-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ, tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta ( 16 ).

45.

Huwa minnu li d-domandi preliminari huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur Slovakk issa eżenta l-vetturi li jittrasportaw il-konkos imħallat lest għall-użu mill-obbligu li jkollhom takografu. Madankollu, bl-introduzzjoni ta’ din id-deroga, dan il-leġiżlatur sempliċement uża s-setgħa mogħtija lilu kemm mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3821/85 kif ukoll mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014. Issa, meta Stat Membru jagħmel użu minn setgħa diskrezzjonali jew ta’ evalwazzjoni li tifforma parti integrali mir-reġim stabbilit minn att tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jitqies li jkun qiegħed jimplimenta dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 17 ).

46.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 461/2007, kull vettura li tappartjeni lil impriża tat-trasport bit-triq ta’ merkanzija u li tintuża għat-trasport tal-merkanzija għandha tkun mgħammra b’takografu. Madankollu, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi, il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 huma eżentati minn tali obbligu. Billi għamel riferiment dinamiku għal din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Slovakk b’hekk uża s-setgħa mogħtija lilu kemm mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3821/85, li kien applikabbli fid-data li fiha twettaq il-ksur, kif ukoll mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, li ħassar ir-Regolament Nru 3821/85 mit‑2 ta’ Marzu 2016. Fil-fatt, skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jistgħu jiġu eżentati mill-Istati Membri mill-obbligu li jkunu mgħammra b’takografu ( 18 ).

47.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-lista tat-tipi ta’ vetturi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri huma awtorizzati jidderogaw mill-obbligi (relatati mal-età minima kif ukoll mal-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ tax-xufiera) imposti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan ir-regolament. Sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2020/1054, il-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu ma kinux imsemmija f’din il-lista. Konsegwentement, huma ma kinux jagħmlu parti mill-vetturi li kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 461/2007. Mill-banda l-oħra, mill‑20 ta’ Awwissu 2020, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2020/1054, dawn il-vetturi awtomatikament kienu inklużi fil-lista tal-vetturi msemmija f’dan l-Artikolu 2(2) u għalhekk kienu eżentati, mil-leġiżlatur Slovakk, mill-obbligu li jkunu mgħammra b’takografu.

B.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

48.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika kemm waqt l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, kif ukoll waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn is-sanzjonijiet.

1. Fuq l‑applikabbiltà tal‑prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl‑aħħar sentenza tal‑Artikolu 49(1) tal‑Karta, għas‑sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali

49.

Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-prinċipju ta’ lex posterior mitius jeżiġi li, jekk, wara t-twettiq ta’ ksur, il-liġi tipprevedi piena inqas ħarxa, din għandha tiġi applikata ( 19 ).

50.

Kif jindikaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 20 ), l-Artikolu 49(1) tal-Karta huwa intiż li japplika għal materji kriminali.

51.

Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk miżura bħalma hija s-sanzjoni amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura kriminali.

52.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta u trasposta għall-Artikolu 49(3) tagħha, tliet kriterji (il-“kriterji Engel” ( 21 )) huma rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ sanzjoni: il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern; in-natura proprja tal-ksur, u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab ( 22 ).

53.

Fil-fatt, anki għal ksur li ma huwiex ikklassifikat bħala “kriminali” skont id-dritt nazzjonali, tali natura tista’ tirriżulta min-natura stess tal-ksur inkwistjoni u mill-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mit-twettiq tal-ksur ( 23 ).

54.

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha ( 24 ).

55.

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur fid-dritt intern, il-ksur imwettaq minn T.T. ma jidhirx li huwa kkunsidrat bħala reat kriminali fid-dritt Slovakk.

56.

Fir-rigward tat-tieni kriterju, relatat man-natura proprja tal-ksur, dan jinvolvi l-verifika ta’ jekk il-miżura inkwistjoni ssegwix, b’mod partikolari, għan repressiv, li huwa karatteristiku ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tal-Karta ( 25 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li s-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ssegwi wkoll għan preventiv ma huwiex tali li jċaħħadha mill-klassifikazzjoni tagħha bħala “sanzjoni kriminali”. Fil-fatt, huwa fin-natura stess tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Mill-banda l-oħra, miżura li sempliċement tirrimedja d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura kriminali ( 26 ).

57.

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, meta tipprevedi l-obbligu għal ċerti kategoriji ta’ vetturi li jkollhom takografu u li dan ikun suġġett għal kontrolli perjodiċi, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ssegwi l-għanijiet li jikkonsistu fit-titjib kemm tal-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni kif ukoll tas-sigurtà fit-toroq ( 27 ). Ma hemmx dubju li s-sanzjonijiet li l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu huma intiżi sabiex jissanzjonaw il-ksur ta’ tali obbligu.

58.

Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Gvern Taljan waqt is-seduta, ma naħsibx li l-fatt li s-sanzjoni inkwistjoni tirrigwarda grupp partikolari ta’ persuni huwa ta’ natura li jeskludi, f’dan il-każ, l-għan repressiv ta’ din is-sanzjoni. Ċertament, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi, fir-rigward ta’ miżuri intiżi mhux għall-pubbliku ġenerali, iżda għal kategorija partikolari ta’ destinatarji li, peress li jeżerċitaw attività speċifikament irregolata mid-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jingħataw awtorizzazzjoni, maħruġa mill-Istati Membri u li tagħtihom prerogattivi speċifiċi, li miżuri li jikkonsistu f’li dawn il-persuni jiġu mċaħħda mill-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi, meta l-kundizzjonijiet tagħhom ma jkunux għadhom issodisfatti jew ikun hemm ir-riskju li ma jibqgħux jiġu ssodisfatti, ma jkollhomx neċessarjament għan repressiv ( 28 ). Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza ma hijiex madankollu rilevanti fir-rigward ta’ multa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bl-ebda mod ma għandha l-għan li ċċaħħad lil kategorija partikolari ta’ persuni mill-eżerċizzju ta’ ċerti prerogattivi. F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti l-fatt li din il-multa tista’ tiġi imposta waħedha jew flimkien ma’ projbizzjoni ta’ attività għal tul massimu ta’ sentejn.

59.

Fir-rigward tat-tielet kriterju, jiġifieri l-grad ta’ severità tas-sanzjoni amministrattiva, mill-preċiżazzjonijiet magħmula fuq dan il-punt waqt is-seduta jirriżulta li din is-sanzjoni tidher li għandha grad għoli ta’ severità.

60.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-grad ta’ severità għandu jiġi evalwat skont il-piena massima prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti ( 29 ).

61.

Issa, il-konstatazzjoni li l-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien punibbli b’multa li tista’ titla’ sa EUR 1660, skont l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, tixhed in-natura severa ta’ din is-sanzjoni.

62.

Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nemmen li tnejn mill-kriterji Engel huma ssodisfatti u li l-qorti tar-rinviju jista’ jkollha tikkonstata li s-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Barra minn hekk, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li diġà kkunsidrat, impliċitament, li multa amministrattiva imposta għal ksur tar-Regolament Nru 3821/85 tikkostitwixxi sanzjoni ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Karta ( 30 ).

63.

Għalhekk jidhirli li ftit li xejn huwa probabbli li l-qorti tar-rinviju tasal, fuq il-bażi tal-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, għall-konklużjoni li l-multa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix sanzjoni ta’ natura kriminali. Madankollu, jekk tasal għal tali konklużjoni, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tapplikax. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk jistgħux jinsiltu konsegwenzi simili minn prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jestendi l-prinċipju ta’ lex posterior mitius għas-sanzjonijiet amministrattivi kollha, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita n-natura kriminali tagħhom.

64.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija li le.

65.

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li ta lill-Karta l-istess valur legali bħat-Trattati, il-prinċipju ta’ lex posterior mitius kien idderivat mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u, għaldaqstant, kellu jitqies li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali għandha tosserva meta tapplika d-dritt nazzjonali ( 31 ), hija għamlet dan fir-rigward ta’ ksur li kien ta’ natura kriminali. Minn din il-perspettiva, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni hekk enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkoinċidi ma’ dak li issa huwa stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

66.

Mill-banda l-oħra, ma naħsibx li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius għandu japplika, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, għal sanzjonijiet amministrattivi li ma jkunux ta’ natura kriminali. Fil-fatt, l-estensjoni ta’ tali prinċipju għal dawn is-sanzjonijiet ikollha l-konsegwenza li tirrendi inutli l-verifika minn qabel tan-natura kriminali ta’ sanzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li jkun imur kontra r-rieda tal-awturi ta’ din id-dispożizzjoni li jillimitaw din id-dispożizzjoni għal materji kriminali. Barra minn hekk, tali estensjoni ma jidhirlix li hija bbażata fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

67.

F’dan ir-rigward, nosserva li għadd ta’ Stati Membri japplikaw il-prinċipju ta’ lex posterior mitius għal miżuri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “sanzjonijiet amministrattivi”, mingħajr ma tali applikazzjoni tkun limitata għal miżuri ta’ natura kriminali, fis-sens tal-KEDB u tal-Karta ( 32 ). Madankollu, f’dawn l-Istati Membri, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ssib is-sors tagħha, skont il-każ, f’dispożizzjonijiet kostituzzjonali jew leġiżlattivi kif ukoll fil-ġurisprudenza ( 33 ). Għalhekk huwa dubjuż li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius, applikat barra mill-qasam “kriminali”, jirriżulta minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

68.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa eskluż li dan il-prinċipju japplika, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, għal sanzjonijiet amministrattivi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

69.

Mill-banda l-oħra, jibqa’ possibbli għall-Istati Membri li japplikaw tali prinċipju skont l-Artikolu 53 tal-Karta, bħala standard nazzjonali ta’ protezzjoni, filwaqt li jirrispettaw is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 34 ).

70.

Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 35 ) tikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius ( 36 ) ma jidhirlix li għandu jwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, l-eżistenza stess ta’ tali dispożizzjoni pjuttost jidhirli li turi li dan il-prinċipju, applikat għal sanzjonijiet amministrattivi li ma humiex ta’ natura kriminali, ma jeżistix b’mod awtonomu bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni barra mill-qasam kriminali, iżda jeħtieġ l-adozzjoni ta’ sostenn leġiżlattiv partikolari.

2. Fuq l‑intenzjoni tal‑leġiżlatur li jadotta liġi kriminali iżjed favorevoli

71.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-applikazzjoni [tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius] timplika suċċessjoni ta’ sistemi legali fiż-żmien u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li din is-suċċessjoni tirrifletti, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, bidla fil-pożizzjoni jew f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu reat jew f’dak li jirrigwarda l-piena li għandha tiġi applikata għal tali reat” ( 37 ).

72.

Għalhekk, dan il-prinċipju japplika meta l-iżvilupp tar-regoli fis-seħħ ikun favorevoli għall-awtur tar-reat jew minħabba bidla fil-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti, jew minħabba piena iktar favorevoli ( 38 ).

73.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius tippreżupponi bidla fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur dwar l-adegwatezza tar-reġim tas-sanzjonijiet li huwa kien stabbilixxa qabel ( 39 ). Għalhekk huwa meħtieġ li l-iżvilupp fir-regoli fis-seħħ jirrifletti bidla fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur dwar il-klassifikazzjoni tal-fatti bħala kriminali jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal reat ( 40 ).

74.

Dan ma jkunx il-każ meta l-emenda tal-liġi applikabbli, li tkun saret wara t-twettiq tar-reat, tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ dan ir-reat, sempliċi bidla f’sitwazzjoni ta’ fatt, li ma tkunx ta’ natura li tbiddel l-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi reat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi li l-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ fatt li ma hijiex ta’ natura li tbiddel l-elementi li jikkostitwixxu d-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ( 41 ).

75.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li lanqas ma jkun hemm bidla fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal reat meta l-emenda ta’ leġiżlazzjoni tkun ir-riżultat ta’ evalwazzjoni purament ekonomika u teknika li ma ddaħħalx inkwistjoni l-klassifikazzjoni kriminali jew l-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-piena li għandha tiġi applikata għal aġir li jkollu l-effett li jinkiseb vantaġġ indebitu, anki jekk dan il-vantaġġ issa għandu jiġi rrikonoxxut lilu, skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida ( 42 ).

76.

F’dawn id-diversi każijiet, fin-nuqqas ta’ rieda tal-leġiżlatur li jelimina jew jimmitiga r-repressjoni ta’ aġir partikolari, l-emenda leġiżlattiva ma jkollhiex l-effett li ddaħħal inkwistjoni l-illegalità ta’ aġir preċedenti, li għandu jkompli jiġi ssanzjonat għal raġunijiet ta’ effett repressiv.

77.

Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni hija differenti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

78.

Fil-fatt, l-inklużjoni permezz tar-Regolament 2020/1054 tal-punt (r) fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu deroga mill-obbligu ta’ takografu għall-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu, u d-definizzjoni tad-derogi magħmula fl-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 461/2007 permezz ta’ riferiment ġenerali għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, jixhdu bidla fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u tal-leġiżlatur Slovakk dwar in-neċessità li tali obbligu jiġi impost fuq din il-kategorija ta’ vetturi u, konsegwentement, fuq in-natura kundannabbli tal-assenza ta’ takografu jew ta’ kontroll validu tat-takografu għall-imsemmija kategorija ta’ vetturi. Ir-raġuni għal din il-bidla fil-pożizzjoni tidher li tinsab fil-karatteristiċi partikolari tat-trasport tal-konkos imħallat lest għall-użu, li jitwettaq fuq distanzi relattivament qosra, b’tali mod li seta’ jkun hemm dubju dwar l-utilità li jiġi impost li jkun hemm takografu fil-vetturi li jittrasportaw dan il-konkos.

79.

Għalhekk, sa fejn l-emenda tal-leġiżlazzjoni tippermetti lill-Istati Membri jeskludu l-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu mill-obbligu li jkollhom takografu, huwa permess li minn dan tiġi dedotta bidla fil-perċezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, riflessa mil-leġiżlatur Slovakk li għamel użu minn din il-possibbiltà, fir-rigward tan-neċessità li jiġu ssanzjonati n-nuqqasijiet ta’ dan l-obbligu fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ vetturi. Sa fejn twassal għall-esklużjoni tax-xufiera ta’ vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użati mill-grupp ta’ persuni li jistgħu jiġu akkużati bil-ksur imsemmi fl-Artikolu 38 tal-Liġi Nru 462/2007, din l-emenda tal-leġiżlazzjoni la tikkostitwixxi sitwazzjoni fattwali esterna u lanqas evalwazzjoni purament ekonomika u teknika li ma hijiex marbuta mad-definizzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu dan il-ksur.

80.

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-bażi legali tal-ksur, li jikkostitwixxi dan l-Artikolu 38, tibqa’ l-istess. Fil-fatt, l-emenda leġiżlattiva li tirriżulta mill-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jintroduċu derogi għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tinsab f’regola anċillari għal-liġi ta’ inkriminazzjoni li tiddetermina s-sitwazzjonijiet fattwali li jikkostitwixxu l-ksur. Bħalma huwa l-każ f’numru ta’ Stati Membri, inqis li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius għandu japplika b’mod sħiħ f’dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet ( 43 ).

81.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li japplika kemm għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, kif ukoll waqt l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom, kemm-il darba dawn is-sanzjonijiet ikunu ta’ natura kriminali u kemm-il darba l-liġi l-ġdida, billi ttemm l-obbligu għall-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu li jkollhom takografu, tirrifletti bidla fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur dwar in-neċessità li jiġi ssanzjonat il-ksur ta’ dan l-obbligu.

C.   Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda preliminari

82.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk il-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, jobbligahiex tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni li ġie ppreżentat quddiemha, liġi kriminali iżjed favorevoli li daħlet fis-seħħ wara l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri, li saret finali skont il-liġi nazzjonali u li hija s-suġġett ta’ dan l-appell.

83.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq, għalhekk, tkun taf jekk dan il-prinċipju għandux jiġi applikat fl-istadji kollha tal-proċedura ġudizzjarja, inkluż fl-istadju tal-appell ta’ kassazzjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi ġuridiċi ta’ din il-fażi tal-proċedura ġudizzjarja, meta l-liġi iżjed favorevoli tkun daħlet fis-seħħ matul l-imsemmija fażi. Din il-qorti tippreċiża li din id-domanda ma ngħatatx risposta ċara fl-awli tagħha ( 44 ).

84.

Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li hija għandha tqis, anki fl-assenza ta’ talba għal dan il-għan, il-prinċipji fundamentali tad-determinazzjoni tal-piena, inkluż il-prinċipju ta’ lex posterior mitius ( 45 ). Madankollu, hija marbuta wkoll mis-sitwazzjoni legali li kienet teżisti fiż-żmien meta d-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva inferjuri, li saret finali u eżegwibbli ( 46 ), ġiet ippronunzjata ( 47 ). Din id-deċiżjoni għandha l-awtorità ta’ res judicata ( 48 ).

85.

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-appell ta’ kassazzjoni huwa teoretikament ikkunsidrat bħala rimedju eċċezzjonali, preċiżament għaliex huwa dirett kontra deċiżjoni definittiva ta’ qorti amministrattiva. Madankollu, il-motivi li abbażi tagħhom jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni huma stabbiliti b’mod wiesa’ u jkopru, bħala prinċipju, id-difetti kollha ta’ liġi u ta’ proċedura ( 49 ). Barra minn hekk, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet formali, l-appellant ikollu d-dritt li l-appell jiġi deċiż u li l-proċedura relatata mal-appell ta’ kassazzjoni ssegwi, regolarment u direttament, il-proċedura quddiem il-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri ( 50 ).

86.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, minn naħa, sa fejn in-natura definittiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għandha rwol sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ lex posterior mitius huwiex applikabbli. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi dwar jekk il-karatteristiċi ġuridiċi partikolari tal-appell ta’ kassazzjoni jikkostitwixxux ostakolu proċedurali għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

87.

Ser neżamina dawn iż-żewġ aspetti wara xulxin.

1. Fuq in‑natura definittiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ lex posterior mitius

88.

Hawnhekk għandu jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius tistax tiġi eskluża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell ta’ kassazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li din il-proċedura, li għandha l-għan li tistħarreġ id-deċiżjoni mogħtija minn qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri, issegwi proċedura li permezz tagħha din il-qorti tat deċiżjoni li saret finali skont id-dritt Slovakk.

89.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta hija fformulata b’mod wiesa’ ħafna, mingħajr ma tiffissa limitu ta’ żmien għar-regola li jekk, wara reat, il-liġi tipprevedi piena inqas ħarxa, din għandha tiġi applikata. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għal limitu li jirriżulta mill-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret finali.

90.

B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li dan il-prinċipju ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm il-projbizzjoni tad-dritt tal-vot li tirriżulta ipso jure minn kundanna kriminali biss għall-kundanni definittivi, li jingħataw fl-aħħar istanza skont il-kodiċi kriminali preċedenti, minkejja l-adozzjoni sussegwenti ta’ liġi iżjed favorevoli għall-persuna kkundannata ( 51 ). Għalhekk, l-imsemmi prinċipju ma jirrikjedix li s-sentenzi finali, mogħtija fl-aħħar istanza, ikunu suġġetti għal stħarriġ meta sussegwentement tidħol fis-seħħ leġiżlazzjoni kriminali iżjed favorevoli ( 52 ).

91.

Mill-banda l-oħra, il-prinċipju ta’ lex posterior mitius huwa intiż li japplika sakemm tingħata sentenza finali. Għalhekk huwa deċiżiv li f’kull każ jiġi eżaminat jekk ingħatatx tali sentenza.

92.

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni ( 53 ).

93.

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius, li huwa ggarantit mill-Artikolu 7(1) tal-KEDB, “huwa rifless fir-regola li, jekk il-liġi kriminali fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat u l-liġijiet kriminali sussegwenti adottati qabel l-għoti ta’ sentenza finali jkunu differenti, il-qorti għandha tapplika dik li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu l-iżjed favorevoli għall-akkużat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 54 ).

94.

Il-kunċett ta’ “sentenza finali” ma huwiex imsemmi u wisq inqas iddefinit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta. Madankollu, sa fejn dan il-kunċett huwa deċiżiv sabiex jiġi deċiż jekk il-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit f’din id-dispożizzjoni huwiex applikabbli u fl-interess ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dan il-prinċipju fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu stabbiliti ċerti karatteristiċi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-limiti tiegħu. Għal dan l-għan, huwa possibbli li jintuża l-kunċett ta’ “sentenza li daħlet in ġudikat” li jinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, u li jinsiltu tagħlimiet mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar dan il-prinċipju.

95.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB ( 55 ) għandu l-għan li jipprojbixxi r-repetizzjoni ta’ proċeduri kriminali (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) magħluqa definittivament. Skont ir-Rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Protokoll Nru 7 tal-KEDB ( 56 ), “deċiżjoni tkun finali jekk, skont l-espressjoni stabbilita, din tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Dan huwa l-każ meta tkun irrevokabbli, jiġifieri meta ma tkunx suġġetta għal rimedji ordinarji jew meta l-partijiet ikunu eżawrixxew dawn ir-rimedji jew ikunu ppermettew li l-limiti ta’ żmien jgħaddu mingħajr ma jeżerċitawhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 57 ). Id-deċiżjonijiet suġġetti għal appell ordinarju huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 sakemm il-perijodu ta’ appell ma jkunx għadda. Min-naħa l-oħra, l-appelli straordinarji, bħalma huma talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jew talba għal proroga ta’ terminu li skada, ma jitteħdux inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat jekk il-proċedura ngħalqitx b’mod definittiv. Għalkemm dawn l-appelli jirrappreżentaw kontinwazzjoni tal-ewwel proċedura, in-natura “finali” tad-deċiżjoni ma tiddependix fuq l-eżerċizzju tagħhom ( 58 ).

96.

Sabiex tiddetermina jekk deċiżjoni hijiex finali, il-Qorti EDB tfittex li tistabbilixxi, abbażi tad-dritt intern, liema huma l-“appelli ordinarji” f’kawża partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7. Hija tqis li d-dritt intern – sostantiv u proċedurali – għandu jissodisfa l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi, minn naħa, li l-portata ta’ rikors tkun iddefinita b’mod ċar ratione temporis u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-eżerċizzju tiegħu jkunu ċari għall-partijiet awtorizzati li jinvokawh. Fi kliem ieħor, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali, prinċipju inerenti għad-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew ikkastigat darbtejn għall-istess ksur, jeħtieġ li l-proċedura ta’ appell tippermetti li jkun magħruf b’mod ċar il-mument li fih id-deċiżjoni ssir finali. Il-ħtieġa li jkun hemm terminu sabiex rikors ikun jista’ jitqies bħala “ordinarju” tirriżulta impliċitament mit-test stess tar-Rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, li jindika li d-deċiżjoni tkun irrevokabbli jekk il-partijiet ħallew “it-termini” għall-eżerċizzju tar-rimedju ġudizzjarju kkunsidrat jgħaddu. Liġi li tagħti setgħa mingħajr limitu lil waħda mill-partijiet għall-eżerċizzju ta’ appell jew li tirregola dan l-appell permezz ta’ kundizzjonijiet li juru żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet fl-eżerċizzju tal-imsemmi appell tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 59 ).

97.

Il-Qorti EDB ippreċiżat ukoll li, għalkemm il-KEDB mingħajr dubju tippermetti lill-Istati jiddefinixxu x’inhi, skont id-dritt intern tagħhom, deċiżjoni li tagħlaq il-proċeduri b’mod definittiv, dan isir taħt l-istħarriġ ta’ din il-Qorti. Fil-fatt, jekk l-Istati kontraenti jitħallew jiddefinixxu kif jixtiequ meta deċiżjoni tkun “finali” għall-finijiet tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, mingħajr ma jkun jista’ jitwettaq ċertu stħarriġ mill-imsemmija Qorti abbażi ta’ kriterji oġġettivi, dan ikun ifisser li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni titħalla għad-diskrezzjoni tagħhom, li jista’ jwassal għal riżultati inkompatibbli mal-objettiv u mal-għan tal-KEDB, li huwa li jiġi żgurat li ħadd ma jiġi ġġudikat jew ikkastigat darbtejn għall-istess fatti ( 60 ).

98.

Anki jekk ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa differenti minn dak tal-Qorti EDB, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li f’din il-kawża tiġi adottata loġika simili, li tirrikonċilja l-marġni ta’ manuvra li għandu jkollhom l-Istati Membri mal-effettività tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius. Għalhekk, għalkemm huwa ċar li huwa kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi s-sistema tiegħu ta’ rimedji ġudizzjarji, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjoni ta’ qorti amministrattiva tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni, u l-istadju tal-proċedura ġudizzjarja li minnu sentenza tista’ titqies li hija finali fid-dritt intern, dan il-marġni ta’ manuvra għandu jkun limitat sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-prinċipju fi ħdan l-Unjoni u sabiex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jkollu l-effetti kollha tiegħu ( 61 ).

99.

Għalhekk, filwaqt li l-verifika tan-natura finali ta’ deċiżjoni ġudizzjarja trid issir fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat Membru li jkun ħariġha ( 62 ), in-natura finali ta’ tali deċiżjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, madankollu ma tistax tiġi kkonstatata meta din id-deċiżjoni ma tkunx kisbet karattru irrevokabbli, fis-sens li tkun tista’ tiġi kkontestata b’appell ordinarju li jkun jista’ jiġi eżerċitat mill-persuna kkundannata f’terminu stabbilit. Għalhekk, għalkemm il-punt tat-tluq ta’ din il-verifika għandu jkun id-dritt nazzjonali, huwa impossibbli li wieħed iżomm purament u sempliċement mal-kwalifiki li jsiru fid-dritt nazzjonali, għaliex dan jimmina l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit f’din id-dispożizzjoni. Jekk mill-eżami tad-dritt nazzjonali jirriżulta li d-deċiżjoni mogħtija minn qorti amministrattiva tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti ta’ grad superjuri bl-eżerċizzju mill-persuna kkundannata ta’ appell ordinarju f’terminu stabbilit, dan il-prinċipju jkollu, fil-fehma tiegħi, jiġi applikat.

100.

Fil-qosor, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius, istanza li ma tkunx deċiża b’mod finali tixbah, għalhekk, lil istanza li ma tatx lok għal deċiżjoni li saret irrevokabbli ( 63 ), jiġifieri deċiżjoni li għaliha l-appelli ordinarji ġew eżawriti jew ma ġewx eżerċitati fit-termini stabbiliti.

101.

F’dan ir-rigward, inqis li, anki jekk l-appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju jidher li teoretikament huwa kkunsidrat, fid-dritt Slovakk, bħala appell straordinarju, għaliex huwa dirett kontra deċiżjoni ta’ qorti amministrattiva ta’ natura finali skont dan id-dritt, dan l-appell ma jidhirlix li, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, kif esposti mill-qorti tar-rinviju stess, għandu l-karatteristiċi ta’ appell straordinarju.

102.

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-KĠA li ċċitajt iktar ’il fuq, l-eżerċizzju tal-appell ta’ kassazzjoni quddiem din il-qorti ma huwiex suġġett għal limitazzjonijiet tant restrittivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-motivi li jistgħu jiġġustifikawh jew tal-persuni awtorizzati li jippreżentawh, li għandu jitqabbel ma’ appell straordinarju. Fi kliem ieħor, sa fejn, skont id-dritt Slovakk, il-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura strettament irregolata u eċċezzjonali ( 64 ), dan huwa appell ordinarju li huwa l-kontinwazzjoni tal-proċedura ġudizzjarja mibdija minn T.T. quddiem il-qorti amministrattiva u li jista’ jwassal sabiex tiġi kkontestata s-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar.

103.

Id-dritt Slovakk jirrifletti, fir-realtà, id-differenza fin-natura bejn, minn naħa, ir-rwol tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li huwa li “tiġġudika t-tilwima” u, min-naħa l-oħra, dak tal-qorti tal-kassazzjoni, li huwa li “tiġġudika s-sentenza”. Din id-differenza tissarraf f’żewġ fażijiet ġudizzjarji distinti. Għalhekk, id-deċiżjoni mogħtija minn tal-ewwel tikseb natura definittiva, jiġifieri għandha l-awtorità ta’ res judicata. Madankollu, sa fejn tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni u għalhekk tista’ tiġi kkontestata, din id-deċiżjoni ma tkunx ta’ natura irrevokabbli. Għalhekk jidher li hemm lok li ssir distinzjoni, fid-dritt Slovakk, bejn id-deċiżjonijiet li kisbu natura definittiva u dawk li huma ta’ natura irrevokabbli, peress li dawn tal-aħħar huma dawk li fir-rigward tagħhom ġew eżerċitati jew ma ġewx eżerċitati l-appelli ordinarji kollha, inkluż l-appell ta’ kassazzjoni, fit-terminu stabbilit.

104.

Issa, dak li jgħodd, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius, huwa li jiġi vverifikat, lil hinn mid-distinzjonijiet u mill-klassifikazzjonijiet proċedurali li huma speċifiċi għal kull dritt nazzjonali, jekk id-deċiżjoni mogħtija minn qorti amministrattiva saritx irrevokabbli, fis-sens li din ma tistax iktar tiġi kkontestata quddiem qorti ta’ grad superjuri permezz tal-eżerċizzju mill-persuna kkundannata ta’ appell f’terminu stabbilit. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li, skont id-dritt tal-Istat Membru, ma hijiex irrevokabbli, ma tistax tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ( 65 ). Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, tali konstatazzjoni ta’ deċiżjoni li saret irrevokabbli hija assenti f’dan il-każ. Minn dan isegwi li l-imsemmi prinċipju huwa applikabbli bis-sħiħ.

105.

Inżid li huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk is-sanzjoni amministrattiva kkontestata tkunx fil-frattemp saret eżegwibbli, jekk din tkunx fil-fatt ġiet eżegwita u jekk tistax tiġi direttament annullata jew issostitwita mill-qorti tar-rinviju ( 66 ), peress li l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri u l-fatt li l-kawża tintbagħat lura quddiem din il-qorti ( 67 ) jew inkella mezz kontenzjuż ieħor ( 68 ) jistgħu jkunu ta’ natura li jiggarantixxu d-drittijiet li l-appellant jislet mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, billi jwasslu għall-annullament ta’ din is-sanzjoni, imbagħad għal rimbors tal-multa indebitament miġbura. Barra minn hekk, l-eżistenza stess tal-possibbiltà għall-qorti tal-kassazzjoni, meta tikkonstata li l-appell huwa fondat, li tibgħat il-kawża lura quddiem il-qorti amministrattiva, u b’hekk twassal għal eżami ġdid tal-kawża fil-mertu, tikkonferma li s-sentenza appellata ma tistax titqies li hija ta’ natura irrevokabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

2. Il‑karatteristiċi ġuridiċi partikolari tal‑appell ta’ kassazzjoni jikkostitwixxu ostakolu proċedurali għall‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ lex posterior mitius?

106.

Meta tiġi adottata sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali skont il-kriterji Engel, ma hemmx dubju dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius. L-istess japplika, fil-każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda tali sanzjoni, fir-rigward ta’ liġi iżjed favorevoli li tidħol fis-seħħ fil-mori tal-kawża quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu.

107.

Jekk il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu ma tiħux inkunsiderazzjoni liġi kriminali iżjed favorevoli li tidħol fis-seħħ qabel ma tkun tat id-deċiżjoni tagħha, hija twettaq żball ta’ liġi li jista’ jiġi ssanzjonat mill-qorti tal-kassazzjoni, bl-għoti ta’ effett sħiħ lil dan il-prinċipju.

108.

Għandu jkun hemm differenza meta l-liġi kriminali iżjed favorevoli tidħol fis-seħħ fil-mori tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tal-kassazzjoni? Din hija l-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata issa.

109.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikabbiltà tal-imsemmi prinċipju, meta l-liġi l-ġdida tidħol fis-seħħ wara l-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni, jitnisslu mill-partikolarità ta’ din il-fażi ġudizzjarja. Fil-fatt, il-qorti tal-kassazzjoni hija l-qorti li tiddeċiedi fuq il-liġi u mhux, kuntrarjament għall-qrati ta’ grad inferjuri, fuq il-mertu. Għalhekk, il-mertu tal-kawża huwa definittivament deċiż minn dawn tal-aħħar u ma jibqax suġġett għal eżami mill-ġdid mill-qorti tal-kassazzjoni, li għandha r-rwol li tistħarreġ jekk il-qrati ta’ grad inferjuri applikawx b’mod korrett id-dispożizzjoni legali.

110.

Issa, il-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu ma jistgħux jiġu kkritikati, fuq il-bażi ta’ żball ta’ liġi, li ma applikawx liġi li ma kinitx fis-seħħ fil-mument meta huma ddeċidew.

111.

Din hija s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava), bħala qorti amministrattiva, tat sentenza li hija kklassifikata bħala “finali” skont id-dritt Slovakk. Wara din is-sentenza, daħlet fis-seħħ liġi ġdida. Għal raġunijiet temporali evidenti, din il-qorti ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni din il-liġi fis-sentenza tagħha. Il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk il-qorti tal-kassazzjoni, li l-kompitu tagħha huwa li tistħarreġ jekk il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu applikatx b’mod korrett il-liġi, għandhiex, minkejja din l-impossibbiltà ratione temporis, tieħu inkunsiderazzjoni din il-liġi l-ġdida sabiex, possibbilment, tannulla d-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu u, jekk ikun il-każ, tibgħat il-kawża lura quddiemha.

112.

Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

113.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn reġim stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri huma kompetenti li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 69 ). Dan il-prinċipju jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu osservati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplimentah, inkluż fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli ( 70 ).

114.

Sa fejn il-prinċipju ta’ lex posterior mitius huwa marbut mal-prinċipju ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità tal-pieni ( 71 ), li huwa stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, inqis li hemm lok li jingħata portata wiesgħa, b’tali mod li jkun jista’ jiġi applikat b’mod immedjat għall-awturi ta’ reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida u li ma tawx lok għal deċiżjonijiet li saru irrevokabbli. Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur iddeċieda li jnaqqas r-rigorożità tal-liġi l-qadima, huwa jirrikonoxxi li n-natura oġġezzjonabbli ta’ aġir partikolari u/jew il-piena prevista preċedentement ma għadhomx strettament neċessarji.

115.

Kif tindika ġustament il-qorti tar-rinviju, dan il-prinċipju jfisser għalhekk li, ladarba tkun sparixxiet il-ħtieġa tas-soċjetà li jiġi kkastigat ċertu aġir jew meta s-severità tal-perċezzjoni ta’ dan l-aġir espressa fil-livell ta’ severità tas-sanzjoni tkun inbidlet, ma jkunx hemm raġuni raġonevoli u ġusta sabiex ir-reati “storiċi” kollha u l-awturi tagħhom ikomplu jiffaċċjaw il-proċess jekk id-dannu tal-aġir storikament issanzjonat u s-severità tas-sanzjoni għalih issa huma pperċepiti b’mod differenti mill-korp leġiżlattiv.

116.

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius huwa intiż li japplika meta tali liġi tidħol fis-seħħ qabel id-deċiżjoni mogħtija fl-appell, inkluż meta l-qorti tal-kassazzjoni twettaq stħarriġ limitat għal żbalji ta’ liġi. Għalhekk, il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza hija obbligata tapplika l-liġi kriminali l-iżjed favorevoli, kemm jekk din tkun ingħatat qabel jew wara d-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri li hija mitluba tistħarreġ.

117.

Sabiex tingħata portata sħiħa lill-prinċipju ta’ lex posterior mitius, għandhom jiġu nnewtralizzati d-distinzjonijiet proċedurali marbuta mad-diversi stadji ta’ litigazzjoni li matulhom dan il-prinċipju huwa intiż li japplika. Fil-fatt, il-karatteristiċi partikolari tal-litigazzjoni amministrattiva li huma speċifiċi għal kull Stat Membru (bħalma huma n-natura definittiva jew l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza mogħtija mill-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri, jew ukoll l-effett sospensiv jew le tal-appell ta’ kassazzjoni) ma għandhomx iwasslu sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi prinċipju jiġi limitat għal ċerti stadji tal-proċedura ġudizzjarja, sakemm ir-reat inkwistjoni ma jkunx wassal għal deċiżjoni li tkun saret irrevokabbli.

118.

B’mod partikolari, ir-rwol tal-qorti tal-kassazzjoni għandu jiġi adattat sabiex jippermetti lil din tal-aħħar tapplika l-liġi kriminali l-iżjed favorevoli li daħlet fis-seħħ wara s-sentenza appellata, li l-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni fid-data li fiha ngħatat is-sentenza tagħha. Għaldaqstant, il-qorti tal-kassazzjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tilqa’ l-appell, minkejja li s-sentenza appellata quddiemha ma tistax, bħala prinċipju, titqies li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi għas-sempliċi raġuni li hija ma applikatx liġi li ma kinitx fis-seħħ fid-data tal-għoti tagħha. Dan għandu jwassal lill-qorti sabiex twarrab jew tinterpreta f’armonija mad-dritt tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ( 72 ) tagħha li jistgħu jipprekluduha milli twettaq il-funzjoni tagħha konformement mal-prinċipju ta’ lex posterior mitius.

119.

Jekk is-singularità tal-appell ta’ kassazzjoni ssir vaga ( 73 ), din hija l-konsegwenza inevitabbli tal-portata wiesgħa li għandha tingħata lil dan il-prinċipju.

120.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, f’ċertu numru ta’ Stati Membri, il-qorti tal-aħħar istanza fil-qasam tas-sanzjonijiet amministrattivi hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni liġi iżjed favorevoli, anki jekk din il-liġi tkun daħlet fis-seħħ biss matul il-proċedura quddiemha ( 74 ).

121.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li la l-klassifikazzjoni ta’ sentenza “finali” skont id-dritt Slovakk, la ċ-ċirkustanza li l-appell ta’ kassazzjoni huwa pperċepit, f’dan id-dritt, bħala appell straordinarju, u lanqas il-karatteristiċi proċedurali partikolari tal-appell ta’ kassazzjoni ma għandhom, fil-fehma tiegħi, jipprekludu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, ħlief billi tiġi ristretta b’mod eżaġerat il-portata tiegħu.

V. Konklużjoni

122.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) kif ġej:

1)

L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Stat Membru jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, meta jipprevedi, skont id-dritt tal-Unjoni, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-każ ta’ ksur tal-obbligi dwar il-preżenza ta’ takografu fil-vetturi li jittrasportaw il-merkanzija u dwar il-kontroll perjodiku tiegħu u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju dwar din is-sanzjoni.

2)

Il-prinċipju ta’ lex posterior mitius, stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

japplika kemm għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll waqt l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom, kemm-il darba dawn is-sanzjonijiet ikunu ta’ natura kriminali u kemm-il darba l-liġi l-ġdida, billi ttemm l-obbligu li l-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu jkollhom takografu, tirrifletti bidla fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur dwar in-neċessità li jiġi ssanzjonat il-ksur ta’ dan l-obbligu;

–

jimponi fuq qorti nazzjonali l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni li ġie ppreżentat quddiemha, liġi kriminali iżjed favorevoli li daħlet fis-seħħ wara l-għoti tad-deċiżjoni ta’ qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri, li saret definittiva skont id-dritt nazzjonali u li hija s-suġġett ta’ dan l-appell, sa fejn din id-deċiżjoni ma tkunx saret irrevokabbli għaliex tkun tista’ tiġi kkontestata permezz tal-eżerċizzju mill-persuna kkundannata ta’ appell f’terminu stabbilit.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Madankollu, skont in-nota ta’ riċerka 24/002 stabbilita mid-Direttorat “Riċerka u Dokumentazzjoni” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ riċerka 24/002”), jeżistu eċċezzjonijiet fost l-Istati Membri. Għalhekk, pereżempju, fil-Ġermanja u fil-Portugall, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri kriminali huma intiżi, essenzjalment u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, li japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva bil-għan li tiġi adottata multa amministrattiva.

( 3 ) Madankollu, f’ċerti Stati Membri, bħalma huma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Portugiża, l-istħarriġ tal-multi imposti mill-awtoritajiet amministrattivi ma jaqax taħt il-kompetenza tal-qorti amministrattiva, iżda huwa r-responsabbiltà tal-qrati ordinarji li huma kompetenti wkoll f’materji kriminali, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”. F’dan li ġej, ser nirreferi wkoll għal dan il-prinċipju bħala dak tar-retroattività in mitius, li għandu l-istess tifsira. Barra minn hekk, l-imsemmi prinċipju għandu jinftiehem bħala dak stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, anki jekk mhux ser nippreċiża dan sistematikament sabiex niffaċilita l-qari.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227.

( 6 ) ĠU 2013, L 158, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”.

( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83).

( 8 ) ĠU 2014, L 60, p. 1.

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35).

( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU 2020, L 249, p. 1).

( 11 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26); u tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus (C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 41).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus (C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus (C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 24 sa 28); tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 18 sa 21); u tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ falsifikazzjoni) (C‑655/21, EU:C:2023:791, punt 43).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C‑633/22, EU:C:2024:843, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus (C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 59).

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, NK (C‑231/18, EU:C:2019:103, punt 19).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 106).

( 20 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pricoforest (C‑13/21, EU:C:2022:531, punt 26).

( 28 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod (C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 33), kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2023, Vinal (C‑820/21, EU:C:2023:667, punt 53).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 46 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) iċċitata).

( 30 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze (C‑870/19 u C‑871/19, EU:C:2021:233, punt 49).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 68 u 69), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Skont in-nota ta’ riċerka 24/002, dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fil-Litwanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fis-Slovakkja u fl-Isvezja.

( 33 ) Għalhekk, fl-Istati Membri ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-applikazzjoni hija bbażata fuq regoli leġiżlattivi jew ġurisprudenzjali mmirati lejn is-sanzjonijiet amministrattivi kollha jew uħud minnhom biss, mingħajr klassifikazzjoni minn qabel ta’ dawn is-sanzjonijiet bħala li jaqgħu jew le fil-qasam kriminali skont il-kriterji Engel. Fil-Bulgarija, fi Spanja u fil-Litwanja, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-retroattività in mitius għas-sanzjonijiet amministrattivi f’sens wiesa’ hija rikonoxxuta mil-liġi. Fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Polonja, liġi tirrikonoxxi l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għas-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji. Fil-Portugall, fis-Slovenja u fis-Slovakkja, liġi tipprevedi espressament l-applikazzjoni tiegħu b’reżonanza ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali li tipprevedi wkoll l-eżistenza ġenerali tal-imsemmi prinċipju. Fil-Greċja u fi Franza, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività in mitius għas-sanzjonijiet amministrattivi, minkejja li ma hijiex prevista espressament minn dispożizzjoni kostituzzjonali jew leġiżlattiva, hija bbażata fuq kostruzzjoni ġurisprudenzjali bbażata fuq prinċipji oħra li għandhom, min-naħa tagħhom, valur kostituzzjonali. Fl-aħħar nett, fl-Isvezja, ma teżistix liġi jew ġurisprudenza li rrikonoxxiet prinċipju ġenerali ta’ applikazzjoni tar-retroattività in mitius għas-sanzjonijiet amministrattivi, iżda l-qrati Svediżi japplikaw tali prinċipju b’analoġija mar-regoli eżistenti fir-rigward tas-sanzjonijiet kriminali.

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340). Skont din id-dispożizzjoni, “[f]il-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv”.

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2008, Jager (C‑420/06, EU:C:2008:152, punti 59 u 60), u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, ED u F Man Alcohols (C‑669/11, EU:C:2012:618, punti 52 u 53).

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Nirrileva li l-Qorti EDB iddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ lex posterior mitius japplika mhux biss għall-piena mġarrba, iżda wkoll għad-definizzjoni tar-reat: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2022, Mørck Jensen vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2022:1018JUD006078519, punt 46). Ara wkoll l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti EDB tad‑29 ta’ Mejju 2020, dwar l-użu tat-teknika ta’ “leġiżlazzjoni b’riferiment” għad-definizzjoni ta’ reat u dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex titqabbel il-liġi kriminali kif kienet fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat u l-liġi kriminali kif emendata (talba Nru P16-2019-001, punt 82).

( 39 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2008, Jager (C‑420/06, EU:C:2008:152, punt 70), kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2012, ED u F Man Alcohols (C‑669/11, EU:C:2012:618, punt 59).

( 40 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 27); tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Clergeau et (C‑115/17, EU:C:2018:651, punt 33); u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 107).

( 41 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punti 32 sa 36). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2022, Mørck Jensen vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2022:1018JUD006078519, punti 44 sa 54).

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Clergeau et (C‑115/17, EU:C:2018:651, punti 34 sa 40).

( 43 ) B’hekk, kif tindika n-nota ta’ riċerka 24/002, fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja u fil-Polonja, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-retroattività in mitius f’tali sitwazzjoni – ikklassifikata, fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Ġermanja, tal-Italja, u tal-Polonja, bħala “standard abjad” (rispettivament, “Blankettnorm”, “norma in bianco” u “norma blankietowa”) u, fl-ordinament ġuridiku ta’ Spanja bħala “reat abjad” (jiġifieri “infracción en blanco”) – kienet is-suġġett ta’ ġurisprudenza li abbażi tagħha dan il-prinċipju ġie deċiż, bħala regola ġenerali, li huwa applikabbli b’mod sħiħ.

( 44 ) Il-qorti tar-rinviju tispjega, f’dan ir-rigward, li l-Ewwel Awla tagħha rrispondiet fl-affermattiv għall-imsemmija domanda. Mill-banda l-oħra, il-Ħames Awla tagħha tqis li, fid-dawl tan-natura tal-appell ta’ kassazzjoni u tar-regola li għandha tiġi mistħarrġa deċiżjoni mogħtija minn qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri u li saret finali, ir-risposta għal din l-istess domanda għandha tkun fin-negattiv.

( 45 ) L-Artikolu 195(d) taż-zákon č. 162/2015 Z. z. Správny súdny poriadok (il-Liġi Nru 162/2015 dwar il-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva), tal‑21 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“KĠA”), jipprevedi li, waqt l-istħarriġ ta’ deċiżjoni amministrattiva, il-qorti amministrattiva ma hijiex marbuta bil-portata u bil-motivi tal-azzjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji ta’ kundanna tat-Trestný zákon (il-Kodiċi Kriminali) – prinċipji li fosthom hemm il-prinċipju ta’ retroattività in mitius – li għandhom għalhekk jiġu applikati wkoll għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi.

( 46 ) Mill-Artikolu 145(2)(c) tal-KĠA jirriżulta li, fir-rigward ta’ azzjoni ġudizzjarja amministrattiva fil-qasam tas-sanzjonijiet amministrattivi, is-sentenza ta’ qorti amministrattiva ssir finali inkluż meta jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni fi żmien xahar min-notifika ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, mill-Artikolu 146(1) tal-KĠA jirriżulta li sentenza hija eżegwibbli mal-iskadenza tat-terminu li l-qorti amministrattiva tkun stabbilixxiet fid-dispożittiv sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu jew, fin-nuqqas ta’ dan, malli tikseb l-awtorità ta’ res judicata.

( 47 ) Għalhekk, mill-Artikolu 454 tal-KĠA jirriżulta li s-sitwazzjoni eżistenti fil-mument meta ġiet ippronunzjata jew ingħatat id-deċiżjoni appellata tal-qorti amministrattiva hija determinanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti li tkun adita bl-appell ta’ kassazzjoni.

( 48 ) Skont l-Artikolu 145(5) tal-KĠA, meta tkun ingħatat deċiżjoni finali f’kawża, din tal-aħħar ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi ġġudikata jew tingħata deċiżjoni ġdida dwarha.

( 49 ) Dawn il-motivi huma stabbiliti fl-Artikolu 440(1) tal-KĠA: il-qorti amministrattiva ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża (il-punt (a)); parti fit-tilwima ma kellhiex locus standi (il-punt (b)) jew ma kellhiex il-kapaċità sħiħa li taġixxi b’mod indipendenti quddiem il-qorti amministrattiva u ma kinitx irrappreżentata minn rappreżentant legali jew kustodju legali li jaġixxi f’isimha (il-punt (c)); l-istess kwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni finali jew kienet diġà nbdiet proċedura fl-istess kawża (il-punt (d)); il-kawża tkun ġiet deċiża minn imħallef irrikużat jew minn qorti amministrattiva kkostitwita b’mod irregolari (il-punt (e)); permezz ta’ proċedura li ma hix xierqa, il-qorti amministrattiva tkun ipprekludiet lil parti milli teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha b’tali mod li jkun inkiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq (il-punt (f)); il-qorti amministrattiva tkun iddeċidiet fuq il-bażi ta’ żball ta’ liġi (il-punt (g)); il-qorti amministrattiva tkun iddeċidiet li twarrab il-ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-kassazzjoni (il-punt (h)); il-qorti amministrattiva ma tkunx osservat l-opinjoni legali vinkolanti espressa fid-deċiżjoni ta’ annullament meħuda fl-appell ta’ kassazzjoni (il-punt (i)), jew ir-rikors ikun ġie miċħud illegalment (il-punt (j)).

( 50 ) Konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 438(1) tal-KĠA, jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni mid-deċiżjonijiet finali ta’ qorti amministrattiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 439(1) tal-KĠA jirriżulta li l-appell ta’ kassazzjoni huwa, bħala prinċipju, ammissibbli kontra d-deċiżjonijiet kollha tal-qrati amministrattivi.

( 51 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 56).

( 52 ) Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Qorti EDB applikat il-prinċipju ta’ lex posterior mitius għal persuna kkundannata b’mod definittiv, sa fejn id-dritt nazzjonali kien jimponi espressament fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jistħarrġu ex officio sentenza ta’ kundanna meta liġi sussegwenti tnaqqas il-piena applikabbli għal reat: ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Jannar 2016, Gouarré Patte vs Andorra, (CE:ECHR:2016:0112JUD003342710, punti 28 sa 36).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L-Italja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, punt 109). Il-korsiv miżjud minni. Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Novembru 2021, Artsruni vs L-Armenja (CE:ECHR:2021:1130DEC004112613, punt 55), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2022, Mørck Jensen vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2022:1018JUD006078519, punt 44).

( 55 ) Iffirmat fi Strasbourg fit‑22 ta’ Novembru 1984, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”.

( 56 ) Série des traités européens, Nru 117.

( 57 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Frar 2009, Sergueï Zolotoukhine vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punt 107). Il-korsiv miżjud minni.

( 58 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Frar 2009, Sergueï Zolotoukhine vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punt 108).

( 59 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 115), u tat‑8 ta’ Ottubru 2024, Jesus Pinhal vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2024:1008JUD004804715, punt 177).

( 60 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 116). Għal eżempju li fih deċiżjoni saret finali permezz ta’ sentenza mogħtija mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Settembru 2019, Nodet vs Franza (CE:ECHR:2019:0606JUD004734214, punti 21 u 46).

( 61 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA (C-144/23, EU:C:2024:881, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-ħolqien, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati supremi nazzjonali, taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn l-Istati, huma xorta waħda obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

( 62 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING (C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 61).

( 63 ) Bħala eżempju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda, fis-sentenza Nru 443476 tas‑7 ta’ Ottubru 2022, f’termini li jistħoqqilhom, fil-fehma tiegħi, li jiġu riprodotti għall-finijiet ta’ din l-analiżi, li mill-prinċipju kostituzzjonali ta’ neċessità tal-pieni jirriżulta li “r-regola li l-liġi kriminali l-ġdida għandha, meta tħassar inkriminazzjoni jew tipprevedi pieni inqas severi mil-liġi preċedenti, tapplika għall-awturi ta’ reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha u li ma wasslux għal deċiżjonijiet li saru irrevokabbli. Hija l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu adita b’kontestazzjoni dwar sanzjoni li għandha tapplika, anki ex officio, liġi repressiva ġdida inqas ħarxa li daħlet fis-seħħ bejn id-data li fiha twettaq ir-reat u dik li fiha hija tiddeċiedi. L-istess japplika għall-qorti tal-kassazzjoni jekk il-liġi l-ġdida tkun daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni appellata” (punt 5 ta’ din is-sentenza, il-korsiv miżjud minni). F’termini ta’ proċeduri amministrattivi, Stati Membri oħra jirrikonoxxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex posterior mitius meta din il-liġi tidħol fis-seħħ fl-istadju tal-appell ta’ kassazzjoni. Kif jirriżulta min-nota ta’ riċerka 24/002, dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja u fil-Litwanja.

( 64 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Központi Nyomozó Főügyészség (C‑147/22, EU:C:2023:790, punt 34).

( 65 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING (C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 61).

( 66 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Slovakk indika lill-Qorti tal-Ġustizzja li, b’differenza mill-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri, il-qorti tal-kassazzjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex temenda d-deċiżjoni dwar is-sanzjoni.

( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 462(1) tal-KĠA li jipprevedi l-possibbiltà għall-qorti tal-kassazzjoni, wara li tkun ikkonstatat il-fondatezza tal-appell ta’ kassazzjoni, li tibgħat il-kawża lura quddiem il-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri.

( 68 ) Skont l-Artikolu 462(2) tal-KĠA, jekk il-qorti tal-kassazzjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata tal-awtorità amministrattiva jew il-miżura kkontestata tal-awtorità amministrattiva ma hijiex konformi mal-liġi, u l-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri tkun ċaħdet l-appell, hija tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ din il-qorti billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-awtorità amministrattiva jew il-miżura kkontestata ta’ din l-awtorità u billi tibgħat il-kawża lura għat-tkomplija tal-proċedura.

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2024, Еkоstroy (C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2024, Ekostroy (C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L-Italja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, punt 108).

( 72 ) F’dan il-każ, dan prinċipalment ifisser l-Artikolu 454 tal-KĠA, li jipprevedi, infakkar, li r-rwol tal-qorti tal-kassazzjoni f’materji amministrattivi huwa li tiddetermina jekk il-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument li fih hija tat id-deċiżjoni appellata.

( 73 ) Ara Éveillard, G., “L’application de la rétroactivité in mitius par le juge administratif de cassation”, Droit administratif, LexisNexis, Pariġi, Nru 1, 2023, p. 44 sa 48. L-awtur jinvoka, fir-rigward tal-kassazzjoni ppronunzjata mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) minħabba l-intervent, matul l-istanza ta’ kassazzjoni, ta’ element ġdid bħalma hija liġi kriminali iżjed favorevoli, forma ta’ kassazzjoni “oġġettiva”. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kassazzjoni ma għandhiex “għan ta’ sanzjoni”, fis-sens li hija ma tesprimi ebda diżapprovazzjoni fir-rigward tal-mod li bih il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu applikat id-dispożizzjoni legali kif kienet teżisti fil-mument meta din il-qorti tat id-deċiżjoni tagħha (p. 47). Fl-istess spirtu, wieħed jista’ jitkellem dwar “tixlif tal-uffiċċju tradizzjonali tal-qorti tal-kassazzjoni”, li jmur lil hinn mill-“kompitu tradizzjonali tagħha ta’ stħarriġ tal-korrettezza ġuridika tad-deċiżjoni appellata”, u ta’ “prassi ta’ kassazzjoni ‘oġġettiva’ ta’ sentenzi li madankollu ma setgħux jiġu kkritikati fid-data li ngħataw”: ara l-konklużjonijiet tar-relatriċi pubblika, Céline Guibé, fis-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) Nru 443476 tas‑7 ta’ Ottubru 2022 (punt 4.2.2). Barra minn hekk, ta’ min jinnota li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, din il-qorti kellha tiffaċċja l-istess mistoqsijiet bħal dawk li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża, iżda mill-perspettiva tal-prinċipju tan-neċessità tal-pieni, li għandu valur kostituzzjonali.

( 74 ) Għalhekk, skont in-nota ta’ riċerka 24/002, fil-Ġermanja, il-Gesetz über Ordnungswidrigkeiten (il-Liġi dwar Reati Amministrattivi), tal‑24 ta’ Mejju 1968 (BGBl. 1968 I, p. 481), kif emendata l-aħħar bil-Liġi tat-12 ta’ Lulju 2024 (BGBl. 2024 I, Nru 234), tipprevedi, għal multi amministrattivi, li l-prinċipju ta’ retroattività in mitius huwa maħsub sabiex japplika għall-bidliet kollha magħmula “qabel id-deċiżjoni”, u din il-formulazzjoni tinftiehem, mill-opinjoni ġenerali, bħala li tinkludi deċiżjoni mogħtija dwar appell biss dwar kwistjonijiet ta’ liġi: ara, f’dan is-sens, Rogall, K., “Rückwirkung des milderen Gesetzes”, f’Mitsch, W., Karlsruher Kommentar zum Gesetz über Ordnungswidrigkeiten, il-5 edizzjoni, C.H. Beck, München, 2018, punt 27, kif ukoll Graf, J-P., Beck’scher Online-Kommentar OWiG, l-44 edizzjoni, C.H. Beck, München, 2024, ara n-nota f’qiegħ il-paġna 59, punt 24. Fi Spanja, il-prinċipju ta’ lex posterior mitius fil-qasam tas-sanzjonijiet amministrattivi jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tal-Constitución (il-Kostituzzjoni), kif ukoll mill-Artikolu 26(2) tal-Ley 40/2015, de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 dwar is-Sistema Legali tas-Settur Pubbliku), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 236, tat‑2 ta’ Ottubru 2015, p. 89411). Għaldaqstant, is-sezzjoni tal-litigazzjoni amministrattiva tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-ogħla qorti fil-qasam tas-sanzjonijiet amministrattivi, tapplika l-liġi l-iżjed favorevoli, anki meta din tal-aħħar tkun daħlet fis-seħħ matul il-proċedura quddiemha: ara s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) Nru 1219/2019, tat‑23 ta’ Settembru 2019. Fi Franza, minkejja l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza mogħtija mill-cour administrative d’appel (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, Franza) u n-nuqqas ta’ effett sospensiv tal-appell fil-qasam amministrattiv, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) żviluppa l-ġurisprudenza tiegħu fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi permezz tas-sentenza Nru 443476, tas‑7 ta’ Ottubru 2022, li ċċitajt iktar ’il fuq (ara n-noti f’qiegħ il-paġna 63 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet).