1.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/25


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/477

tal-31 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/39 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Fil-11 ta’ Ottubru 2007, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2007 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-miżuri oriġinali”). Żewġ kumpaniji ngħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (TES). Waħda rċeviet rata ta’ dazju anti-dumping individwali ta’ 24,5 %. Il-kumpanija l-oħra, ABC Chemicals (Shanghai) Co., Ltd. (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ABC Shanghai”), instabet li ma kinitx qed tagħmel dumping u għalhekk irċeviet rata ta’ dazju anti-dumping individwali ta’ 0 %. Il-kumpaniji l-oħra kollha huma soġġetti għal rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 71,8 %. L-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri oriġinali se tissejjaħ minn hawn ’il quddiem “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill, wara rieżami ta’ skadenza, estenda l-miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 (“il-miżuri estiżi”) (3).

(3)

Fis-17 ta’ Diċembru 2018, wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ skadenza imminenti tal-miżura fis-seħħ (4), il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) (“in-Notifika ta’ Bidu”), il-bidu tat-tieni rieżami ta’ skadenza tal-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

Fis-17 ta’ Jannar 2020, wara t-tieni rieżami ta’ skadenza tagħha, il-Kummissjoni żammet il-miżuri oriġinali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/39 (6). Minn hawn ’il quddiem, dawn il-miżuri jissejħu “il-miżuri fis-seħħ attwalment”.

1.2.   Il-bidu tal-investigazzjoni ex-officio

(5)

Fl-ewwel nofs tal-2019, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza disponibbli dwar ix-xejriet u l-kanali tal-bejgħ ta’ perossosulfati mill-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. L-istatistika tal-importazzjoni wriet bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping definittiv fuq il-prodott ikkonċernat. Din l-istatistika wriet ukoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi issa qed jidħlu prinċipalment fl-Unjoni taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC għall-prodotti mmanifatturati minn ABC Shanghai, u mhumiex soġġetti għal dazji anti-dumping. Madankollu, evidenza fil-pussess tal-Kummissjoni wriet li ABC Shanghai ma baqgħetx tipproduċi perossosulfati, għalhekk il-bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet tidher li kienet minħabba li l-esportazzjonijiet ġew kanalizzati. Jidher li ma hemm l-ebda raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għal din il-kanalizzazzjoni ta’ esportazzjonijiet għajr id-dazju eżistenti ta’ 0 % għal ABC Shanghai.

(6)

Barra min hekk, il-Kummissjoni kellha biżżejjed evidenza illi l-effetti remedjali tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-perossosulfati qed jiddgħajfu kemm fil-kwantitajiet kif ukoll fil-prezzijiet.

(7)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha biżżejjed evidenza li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-perossosulfati minn ABC Shanghai kienu attwalment iddampjati b’rabta mal-valur normali stabbilit qabel.

(8)

Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li tibda, fuq inizjattiva tagħha stess, investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping attwalment fis-seħħ mill-kumpanija ABC Shanghai u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-perossosulfati minn ABC Shanghai soġġetti għar-reġistrazzjoni. Il-bidu tal-investigazzjoni kien imħabbar bil-pubblikazzjoni ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-26 ta’ Settembru 2019 (“ir-Regolament tal-Bidu”) (7).

1.3.   Investigazzjoni

(9)

Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”), il-kumpanija ABC Shanghai u l-industrija tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub, kif ukoll jitolbu seduta ta’ smigħ.

(10)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet speċifikament lil ABC Shanghai biex tinforma lill-Kummissjoni jekk xtaqitx tikkoopera fil-proċediment u timla kwestjonarju. Fit-8 ta’ Ottubru 2019, ABC Shanghai kkonfermat li kienet se tikkoopera mal-Kummissjoni sabiex tipprova li l-prattika u x-xejra tal-bejgħ tagħha huma ġġustifikati ekonomikament u legalment. Konsegwentement, fid-9 ta’ Ottubru 2019, intbagħtilha kwestjonarju.

(11)

Fid-19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand ABC Shanghai u ż-żewġ kumpaniji relatati tagħha, jiġifieri Siancity Xiamen Co., Ltd. (“Siancity”) u Fujian Hongguan Chemical Corp (“Hongguan”).

(12)

Fit-28 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li tagħmel lil ABC Shanghai soġġetta għar-rata ta’ dazju residwu ta’ 71,8 %. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(13)

Fit-12 ta’ Frar 2020, ABC Shanghai ikkummentat dwar id-divulgazzjoni mill-Kummissjoni. Dawn il-kummenti ġew analizzati u fejn xieraq tqiesu. L-ebda parti interessata oħra ma ssottomettiet kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-Kummissjoni.

1.4.   Perjodu ta’ rapportar u perjodu ta’ investigazzjoni

(14)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u t-30 ta’ Ġunju 2019 (il-“PI”). Għall-PI d-data nġabret biex jiġi investigat, fost l-oħrajn, it-tibdil allegat fix-xejra tal-kummerċ u l-prattika, il-proċess jew il-ħidma warajh. Għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019 (il-perjodu ta’ rapportar jew “il-PR”), intalbet data aktar dettaljata sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ indeboliment tal-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza ta’ dumping.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(15)

Il-Kummissjoni analizzat, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, (i) jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ fir-rigward tal-produtturi esportaturi individwali fir-RPĊ, (ii) jekk dan it-tibdil kienx ġej minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, (iii) jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew li l-effetti rimedjali tad-dazju kienu qed jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott li qed jiġi investigat, u (iv) jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott simili.

2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(16)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-perossosulfati (persulfati), inkluż is-sulfat tal-perossimonosulfat tal-potassju, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 2833 40 00 u ex 2842 90 80 (il-kodiċi TARIC 2842908020) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”).

(17)

Il-perossosulfati jintużaw bħala inizjatur jew bħala aġent ossidanti f’numru ta’ proċessi. Xi eżempji jinkludu l-użu tagħhom bħala inizjatur tal-polimerizzazzjoni fil-produzzjoni tal-polimeri, bħala aġent ta’ inċiżjoni fil-produzzjoni ta’ bordijiet ta’ ċirkwiti stampati, jew bħala aġent tal-ibbliċjar fil-kożmetiċi tax-xagħar.

(18)

Il-prodott investigat waqt dan il-proċediment huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa (16), li attwalment jaqa’ taħt l-istess kodiċijiet bħall-prodott ikkonċernat u importat taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A820 (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

2.3.   Sejbiet dettaljati tal-investigazzjoni

2.3.1.   Informazzjoni rċevuta minn awtoritajiet doganali nazzjonali

(19)

Fl-14 ta’ Ġunju 2019, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi infurmaw lill-Kummissjoni li l-fatturi ta’ Siancity, kummerċjant relatat ma’ ABC Shanghai, sistematikament inkludew dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-perossosulfati importati kienu ġew prodotti mill-kumpanija ABC Shanghai, u għalhekk il-kunsinni ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Ġermanja taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A820 (8).

(20)

Fit-2 ta’ Settembru 2019, l-awtoritajiet doganali Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni li kienu rċevew fattura ddatata t-3 ta’ Ġunju 2019 mingħand Siancity, inkluża dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-perossosulfati importati kienu ġew prodotti mill-kumpanija ABC Shanghai.

2.3.2.   It-tweġiba għall-kwestjonarju minn ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha Siancity u Hongguan

(21)

Kif imsemmi fil-premessa (11), fid-19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand ABC Shanghai u ż-żewġ kumpaniji relatati tagħha, jiġifieri Siancity u Hongguan (minn hawn ’il quddiem il-“Grupp ABC” u/jew “ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha”). Il-Grupp ABC ippreżenta wkoll, fl-istess jum, nota ta’ spjegazzjoni aktar dettaljata, b’xi kummenti preliminari dettaljati dwar il-bidu ta’ dan il-proċediment ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(22)

L-elementi ewlenin tad-dikjarazzjonijiet f’dawn id-dokumenti jistgħu jitqassru kif ġej:

—

Qabel u waqt l-2017, ABC Shanghai, li tinsab f’Shanghai, kienet qed tipproduċi l-prodott ikkonċernat.

—

Fi Frar 2017, wieħed mill-azzjonisti ta’ ABC Shanghai kiseb 20 % tal-ishma f’Hongguan billi kkontribwixxa kemm il-flus kontanti kif ukoll il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ ABC Shanghai. Il-provinċja ta’ Hongguan tinsab fil-provinċja ta’ Fujian, madwar 900 km minn Shanghai. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ABC Shanghai u Hongguan huma kumpaniji relatati. Din tal-aħħar twaqqfet f’Novembru 2009 u ġiet ristrutturata f’kumpanija b’stokk konġunt f’Diċembru 2016.

—

Minħabba serje ta’ liġijiet u modifiki tal-liġijiet tal-protezzjoni ambjentali, inkluża promulgazzjoni biex jiġu rilokati intrapriżi kimiċi perikolużi li jinsabu f’żoni urbani u residenzjali, l-azzjonist ta’ kontroll ta’ ABC Shanghai kien kostrett li jwaqqaf il-produzzjoni fil-bini tiegħu f’Shanghai. Huwa ċaqlaq il-produzzjoni għall-kumpanija relatata tagħha Hongguan fil-provinċja ta’ Fujian. ABC Shanghai waqfet “uffiċjalment” il-produzzjoni tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2017 u saret kumpanija ta’ kummerċ mill-1 ta’ Jannar 2018 ’il quddiem.

—

ABC Shanghai ċaqalqet il-faċilitajiet ta’ produzzjoni kollha tagħha mill-bini tagħha f’Shanghai għall-bini tal-kumpanija relatata tagħha Hongguan fl-2018 (9). Mill-2018 (10), Hongguan ipproduċiet u biegħet il-perossosulfati tagħha lil ABC Shanghai, li min-naħa tagħha qed tbigħ lill-klijenti tagħha, inkluża l-kumpanija relatata tagħha Siancity, li qed tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni.

—

Id-deċiżjoni u l-azzjoni ta’ ABC Shanghai ma kinux allegatament maħsuba biex jevitaw il-miżuri fis-seħħ.

2.3.3.   Analiżi tad-dokumenti ppreżentati minn ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha

(23)

ABC Shanghai kienet l-entità legali speċifikament identifikata bħala produttur esportatur fir-regolamenti kollha li jimponu dazji anti-dumping fuq perossosulfati li joriġinaw mir-RPĊ. Hija soġġetta għal rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 0 %, applikabbli għall-importazzjonijiet taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC speċifiku għall-kumpanija A820 (11).

(24)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni oriġinali kif ukoll iż-żewġ Regolamenti dwar ir-rieżami ta’ skadenza, imsemmija fil-premessi (1), (2) u (4) dment li l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe rata ta’ dazju individwali — inkluża r-rata ta’ dazju ta’ 0 % ta’ ABC Shanghai — tkun tiddependi fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida, b’dikjarazzjoni li l-prodott ikkonċernat ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC).

(25)

Wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, ABC Shanghai infurmat lill-Kummissjoni, għall-ewwel darba, fid-19 ta’ Novembru 2019, li hija stess ma baqgħetx timmanifattura l-prodott investigat peress li temmet il-produzzjoni tagħha fi tmiem l-2017. Madankollu, kif imsemmi hawn taħt fil-premessa (39) u fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-premessa (40) hawn taħt, ABC Shanghai xorta esportat mill-inqas aktar minn 85 % it-total tal-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott investigat fl-2018 u l-PR rispettivament.

(26)

Barra minn hekk, bħala parti mit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, Siancity ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019 tliet fatturi maħruġa fl-2018 lil importaturi tal-Unjoni. Dawn it-tliet fatturi juru dikjarazzjoni li l-entità legali ABC Shanghai bil-kodiċi addizzjonali TARIC A820, soġġetta għal rata ta’ dazju ta’ 0 %, kienet il-manifattur tal-prodott investigat kopert mill-fattura, jiġifieri l-perossosulfati.

(27)

Id-dikjarazzjonijiet dwar dawn it-tliet fatturi, li wasslu għall-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 0 %, kienu żbaljati. Kif imsemmi fil-premessa (22), ABC Shanghai “uffiċjalment” waqqfet il-produzzjoni tagħha fi tmiem l-2017. Għalhekk, ma kinitx il-manifattur tal-perossosulfati koperti mit-tliet fatturi. Dawn l-importazzjonijiet kellhom jiġu ddikjarati taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC għall-“kumpaniji l-oħra kollha” u kellhom ikunu soġġetti għal rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 71,8 %, jiġifieri, ir-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha li ma għandhomx speċifikament rata ta’ dazju anti-dumping individwali.

(28)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha intenzjonalment ħbew il-fatt li l-entità legali ABC Shanghai ma kinitx għadha qed timmanifattura l-prodott investigat mill-2018, kif ukoll il-bidliet sinifikanti l-oħra fl-istruttura tal-grupp tagħha, biex tkun tista’ tkompli tibbenefika mir-rata ta’ dazju anti-dumping individwali ta’ ABC Shanghai ta’ 0 % għall-importazzjonijiet tal-prodott immanifatturat mill-kumpanija relatata tagħha Hongguan. Din il-prattika tikkostitwixxi “kanalizzazzjoni”, peress li r-rata ta’ dazju individwali ta’ ABC Shangai ta’ 0 % tintuża biex “tikkanalizza” prodotti magħmula minn kumpanija oħra lejn l-Unjoni mingħajr ma tħallas ir-rata tad-dazju applikabbli normalment fuq dawk il-prodotti.

(29)

ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha ma ressqu l-ebda evidenza li turi l-eżistenza ta’ kwalunkwe raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għal din il-prattika għajr il-potenzjal li jiġi evitat il-ġbir ta’ dazji anti-dumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ perossosulfati prodotti minn Hongguan lejn l-Unjoni.

(30)

Wara d-divulgazzjoni, ABC Shanghai tenniet li “bidla bħal din kienet motivata u mmexxija esklussivament minn rekwiżiti ambjentali, li ġegħlu lil ABC Shanghai ċċaqlaq il-faċilitajiet kollha tal-produzzjoni tagħha barra minn Shanghai lejn post differenti”. Id-deċiżjoni tagħha taċ-ċaqlieq kienet għalhekk meħtieġa għal operazzjonijiet kummerċjali kontinwi u mhux bħala mezz biex jiġi evitat id-dazju. Hija osservat ukoll li ABC Shanghai hija kumpanija mmexxija minn persuna privata li ma kellha l-ebda għarfien dwar il-liġi anti-dumping, iċ-ċirkomvenzjoni jew l-obbligu ta’ rapportar lill-Kummissjoni.

(31)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-argumenti.

(32)

L-ewwel nett, il-bidla fl-2018 ma tistax tiġi kkwalifikata bħala sempliċi ċaqlieq. ABC Shanghai kienet l-entità legali speċifikament identifikata bħala produttur esportatur fir-regolament li jimponi dazji anti-dumping fuq perossosulfati li joriġinaw mir-RPĊ. Fl-2017, wieħed mill-azzjonisti ta’ ABC Shanghai xtara ishma ta’ kumpanija eżistenti (Hongguan), li diġà tipproduċi l-prodott ikkonċernat. Mill-bidu tal-2018 ’il quddiem, it-tagħmir ta’ produzzjoni ta’ ABC Shanghai ġie ttrasferit lil din l-entità legali differenti (Hongguan). Għalhekk, Hongguan saret manifattur tal-prodott investigat u ABC Shanghai in-negozjant.

(33)

It-tieni, ABC Shanghai kienet irċeviet Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (“TES”). L-għoti ta’ dan it-trattament jiddependi ħafna fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-impjant ta’ produzzjoni fl-entità legali f’Shanghai. La jista’ jiġi preżunt, u lanqas ma ntwera, li jeżistu l-istess kundizzjonijiet fil-fabbrika ta’ Hongguan fil-provinċja ta’ Fujian. Għalhekk, Hongguan ma setgħetx tiġi ttrattata bħala li ħadet ir-rata tad-dazju ta’ ABC Shanghai, li kienet ibbażata fuq sejba TES.

(34)

It-tielet, l-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju individwali tagħha kienet kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha dikjarazzjoni li l-prodott ikkonċernat ġie mmanifatturat mill-entità legali ABC Shanghai. Madankollu, l-entità legali ABC Shanghai kienet għadha identifikata bħala l-manifattur tal-prodott li qed jiġi investigat fuq id-dokumentazzjoni tal-importazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet doganali fl-UE minkejja l-fatt li ma kinitx l-entità legali li effettivament kienet timmanifattura l-oġġetti mill-bidu tal-2018 ’il quddiem. Konsegwentement, ir-rata tad-dazju applikabbli għal merkanzija manifatturata minn ABC Shanghai ġiet applikata b’mod żbaljat għall-importazzjonijiet li, bħala fatt, kienu prodotti minn entità legali differenti u kellhom ikunu soġġetti għal rata ta’ dazju ogħla.

(35)

Ir-raba’, fir-rigward tal-argument li l-persuna privata li tmexxi l-operazzjonijiet ta’ ABC Shanghai ma kellha l-ebda għarfien tal-liġi anti-dumping, il-Kummissjoni fakkret li l-intenzjoni mhijiex rekwiżit legali biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjonijiet ripetuti minn Siancity lill-awtoritajiet doganali tal-UE li ABC Shanghai kienet il-produttur esportatur jidhru li jindikaw fehim li ABC Shanghai biss tkun tagħmel profitt mid-dazju ta’ 0 %. Ikun f’idejn l-awtorità xierqa fl-UE li tinvestiga jekk kienx hemm frodi doganali rigward id-dikjarazzjonijiet fuq il-fatturi mill-Grupp ABC.

(36)

Il-Kummissjoni għalhekk sostniet is-sejba tagħha li ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha ma kinux ressqu evidenza li turi l-eżistenza ta’ kwalunkwe raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika biex ABC Shanghai tiġi ddikjarata bħala l-manifattur tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ħlief l-evitar tal-ġbir ta’ rata ta’ dazju anti-dumping ogħla fuq l-esportazzjonijiet tagħha ta’ perossosulfati lejn l-Unjoni.

2.4.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

2.4.1.   Volumi ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina

(37)

Data speċifika għall-kumpanija hija disponibbli fil-bażi ta’ data fl-Artikolu 14(6), stabbilita skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6)”). Din il-bażi ta’ data tiġbor, fost l-oħrajn, id-data rrapportata kull xahar lill-Kummissjoni mill-Istati Membri fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għal miżuri anti-dumping inklużi wkoll kodiċijiet addizzjonali TARIC speċifiċi għall-kumpanija. Il-Kummissjoni għalhekk użat id-data mill-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6) biex tidentifika t-tibdil fix-xejra tal-kummerċ billi qabblet il-produtturi esportaturi b’livelli differenti ta’ dazji għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. Din id-data hija konformi mad-data mhux verifikata li waslet bħala parti mit-tweġiba għall-kwestjonarju fid-19 ta’ Novembru 2019 (ara l-premessa (11)).

(38)

Il-volumi tal-importazzjoni tal-prodott investigat ammontaw għal aktar minn 85 % it-total tal-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, inkluż il-PR, kif irrappurtat mill-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6).

2.4.2.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ fiċ-Ċina

(39)

It-Tabella 1 hawn taħt turi l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’firxiet (mhux kunfidenzjali) mir-RPĊ lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2016 sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar.

Tabella 1

Volumi totali tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (f’tunnellati, firxiet) lejn l-Unjoni

 

2016

2017

2018

PR

VOLUM TAL-IMPORTAZZJONIJIET

2 300 –

3 000

3 600 –

4 200

4 200 –

4 800

4 000 –

4 800

Sors: il-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 14(6).

(40)

Il-volum tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ żdied sistematikament bejn is-snin 2016 u l-2018. Barra minn hekk, minkejja tnaqqis żgħir fil-volumi ta’ importazzjonijiet matul il-PR meta mqabbel mas-sena 2018, dawn il-valuri xorta għadhom ogħla b’mod sinifikanti minn dawk matul is-snin 2016 u 2017. Kif imsemmi fil-premessa (38), il-volumi tal-importazzjoni tal-prodott investigat ammontaw għal aktar minn 85 % tat-total tal-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(41)

Kif spjegat fit-taqsimiet 2.3.2 u 2.3.3, il-produttur esportatur ABC Shanghai waqqaf il-produzzjoni tiegħu fi tmiem l-2017, u sar kummerċjant mill-2018 ’il quddiem. Barra minn hekk, il-kumpanija relatata tiegħu Hongguan saret il-manifattur tal-prodott investigat fil-bidu tal-2018.

(42)

Madankollu, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott investigat attribwiti lill-entità legali ABC Shanghai, kienu għadhom qed isiru matul l-2018 u l-PR wara li kienet waqqfet il-produzzjoni. Il-volumi tal-importazzjonijiet matul l-2018 u l-PR taħt dan il-kodiċi addizzjonali TARIC (A820) kienu f’livelli ogħla milli matul is-snin 2016 u 2017, meta ABC Shanghai kienet għadha l-manifattur tal-perossosulfati importati fl-Unjoni. B’mod parallel, l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC għall-“produtturi l-oħra kollha” A999 naqsu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(43)

Wara d-divulgazzjoni, ABC Shanghai argumentat li l-bidla fix-xejra u l-bejgħ tagħha kienet ġustifikata b’mod leġittimu minħabba r-regoli ambjentali imposti, u li ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li ċċaqlaq il-faċilitajiet ta’ produzzjoni.

(44)

Il-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni. Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (32) l-avvenimenti tal-2018 ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala ċaqliq sempliċi tal-faċilitajiet tal-produzzjoni iżda kienu jikkostitwixxu bidla fl-istruttura korporattiva li warajha entità legali oħra pproduċiet il-prodott investigat. Barra minn hekk, l-investigazzjoni oriġinali kienet stabbilixxiet rata ta’ dazju ta’ 0 % fir-rigward tal-entità legali ABC Shanghai, li kienet ibbażata fuq trattament ta’ ekonomija tas-suq għal dik l-entità partikolari biss (ara l-premessa (33) hawn fuq). ABC Shanghai għalhekk kellha tinforma lill-Kummissjoni b’din il-bidla biex tippermettilha teżamina l-konsegwenzi eventwali, tal-bidla għall-applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-kumpanija l-ġdida tal-produzzjoni. Madankollu, ABC Shanghai għażlet li ma tagħmilx hekk.

2.4.3.   In-natura tal-prattika ta’ ċirkomvenzjoni fiċ-Ċina

(45)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-bidla fit-tendenza tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, proċess jew ħidma jinkludu, fost l-oħrajn, ir-riorganizzazzjoni tax-xejriet u tal-kanali tal-bejgħ min-naħa tal-esportaturi jew tal-produtturi fil-pajjiż soġġett għal miżuri sabiex il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn l-Unjoni permezz ta’ produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li huwa aktar baxx minn dak applikabbli għall-prodotti tal-manifatturi.

(46)

Kif spjegat fit-taqsima 2.3, il-Kummissjoni sabet li ABC Shanghai u l-kumpaniji relatati tagħha kienu involuti f’ċirkomvenzjoni permezz ta’ riorganizzazzjoni tal-kanali ta’ bejgħ. Minkejja li Hongguan ma kellhiex kodiċi addizzjonali speċifiku tal-kumpanija, din bdiet tesporta volumi kbar tal-prodott ikkonċernat mill-2018 ’il quddiem lejn l-Unjoni taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC speċifiċi għall-kumpanija ta’ ABC Shanghai.

(47)

Il-volumi ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC speċifiku għall-kumpanija ABC Shanghai (A820) jirrappreżentaw aktar minn 85 % tal-volumi totali ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni matul l-2018 u l-perjodu ta’ rapportar, kif irrappurtat mill-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6). Madankollu, l-entità legali ABC Shanghai ma kinitx il-produttur ta’ dawn il-volumi ta’ importazzjonijiet, iżda Hongguan.

(48)

Il-bidliet fil-flussi kummerċjali lejn l-Unjoni jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-kumpaniji relatati Hongguan (il-manifattur tal-prodott li qed jiġi investigat mill-2018 ’il quddiem) u ABC Shanghai (il-manifattur tal-prodott li qed jiġi investigat sa tmiem l-2017) fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Unjoni, li ġej minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom l-investigazzjoni ma rriżultatx f’kawża xierqa jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-evitar tad-dazju residwu jew ogħla fis-seħħ fuq il-perossosulfati li joriġinaw mir-RPĊ.

(49)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ riorganizzazzjoni tal-kanali ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat..

2.5.   Nuqqas ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

(50)

Kif spjegat fil-premessi (28) - (29), l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża xierqa jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-prattiki ta’ riorganizzazzjoni tal-kanali ta’ bejgħ mill-partijiet ikkonċernati għajr l-evitar tad-dazju ogħla fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ Hongguan ta’ perossosulfati li joriġinaw mir-RPĊ.

2.6.   Evidenza ta’ dumping

(51)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali preċedentement stabbilit għall-prodott ikkonċernat.

(52)

Biex jiġi stabbilit il-valur normali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data mill-aħħar investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ bħalissa, jiġifieri l-valur normali ex works skont it-tip ta’ prodott stabbilit fit-taqsima 3.1.4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/39.

(53)

Il-prezz tal-esportazzjoni skont it-tip ta’ prodott kien ibbażat fuq id-data pprovduta minn Siancity, il-kummerċjant relatat fil-Grupp ABC, li kienet tinsab fit-tweġiba għall-kwestjonarju li waslet fid-19 ta’ Novembru 2019. Dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni ġew aġġustati biex iwasslu għal valur ex works.

(54)

Il-valur normali medju skont it-tip ta’ prodott imbagħad ġie mqabbel mal-medja ponderata ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni skont it-tip ta’ prodott matul il-PR.

(55)

Billi dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni għat-tipi kollha ta’ prodotti kienu inqas mill-valur normali għal dawn it-tipi ta’ prodotti, l-eżistenza ta’ dumping ġiet ikkonfermata għall-prodott investigat.

2.7.   Imminar tal-effett rimedjali fuq id-dazju anti-dumping

(56)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jekk l-importazzjonijiet tal-prodott investigat kinux, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, imminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

(57)

Fil-premessa (109) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/39 il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-konsum tal-Unjoni kien jammonta għal bejn 37 000 u 43 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza (li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2017 sat-30 ta’ Settembru 2018), li huwa l-aktar ċifra riċenti dwar il-konsum tal-Unjoni li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha. Is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li saru taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC speċifiku għall-kumpanija A820 matul il-PR skont il-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6) huwa aktar minn 10 % tas-suq totali tal-Unjoni, li huwa sehem importanti tas-suq.

(58)

Rigward il-prezzijiet, ma ġiex stabbilit prezz medju li ma jikkawżax dannu fl-investigazzjoni l-aktar reċenti li wasslet għall-miżuri fis-seħħ bħalissa. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li kien xieraq li jintuża l-kost medju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, peress li tali kost huwa aktar baxx minn prezz medju li ma jikkawżax dannu. Il-kost medju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni - kif stabbilit fl-aħħar investigazzjoni li wasslet għall-miżuri attwalment fis-seħħ — tqabbel mal-medja ponderata tal-prezzijiet CIF tal-Grupp ABC li nstab li kien qed jaħrab mill-miżuri waqt dan il-PR ta’ din l-investigazzjoni kif irrappurtat fil-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6).

(59)

Minħabba li l-prezzijiet CIF kienu taħt il-kost medju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-importazzjonijiet li kienu qed jaħarbu l-miżuri kienu qed jimminaw l-effetti rimedjali tad-dazju f’termini ta’ prezzijiet.

(60)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-prattiki ta’ riorganizzazzjoni tal-kanali ta’ bejgħ deskritti hawn fuq imminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ attwalment kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet.

3.   MIŻURI

(61)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ perossosulfati li joriġinaw mir-RPĊ ġie evitat permezz ta’ prattiċi ta’ riorganizzazzjoni tal-kanali ta’ bejgħ mill-kumpanija ABC Shanghai, li hija soġġetta għal dazju anti-dumping ta’ 0 %.

(62)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ għalhekk li d-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, jiġi estiż għall-importazzjonijiet tal-istess prodott iddikjarati li ġew immanifatturati minn ABC Shanghai (jiġifieri l-prodott investigat), billi attwalment qed jiġu prodotti minn Hongguan, li ma hi soġġetta għall-ebda rata ta’ dazju individwali (iżda, minflok, soġġetta għar-rata tal-“kumpaniji l-oħra kollha”).

(63)

L-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku jistipulaw li kwalunkwe miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-Bidu. Għalhekk, jentħtieġ li d-dazji jinġabru fuq l-importazzjonijiet reġistrati ta’ perossosulfati li joriġinaw mir-RPĊ li kienu importati fl-Unjoni taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A820 matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. L-ammont ta’ dazji anti-dumping li għandhom jinġabru b’mod retroattiv jenħtieġ li jkun id-dazju residwu ta’ 71,8 %.

4.   DIVULGAZZJONI

(64)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stidnithom jikkummentaw. Il-kummenti orali u bil-miktub mibgħuta mill-partijiet ġew ikkunsidrati fejn xieraq.

(65)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv ta’ 71,8 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/39 fuq l-importazzjonijiet ta’ perossosulfati (persulfati), inkluż is-sulfat tal-perossimonosulfat tal-potassju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2833 40 00 u ex 2842 90 80 (il-kodiċi TARIC 2842908020) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed jiġi estiż, sa mis-27 ta’ Settembru 2019 għall-importazzjonijiet iddikjarati bħala li huma manifatturati mill-kumpanija ABC Chemicals (Shanghai) Co., Ltd skont il-kodiċi addizzjonali TARIC A820. Il-kodiċi addizzjonali TARIC tagħha A820, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/39, għandu jinżamm.

2.   It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/39 qed tiġi sostitwita bit-tabella li ġejja:

Kumpanija

Dazju (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

ABC Chemicals (Shanghai) Co., Ltd., Shanghai

71,8

A820

United Initiators Shanghai Co., Ltd

24,5

A821

Il-kumpaniji l-oħra kollha

71,8

A999

3.   Id-dazju estiż bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1584 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għall-kumpanija ABC Chemicals (Shanghai) Co., Ltd.

4.   L-ammont ta’ dazji anti-dumping li għandu jinġabar b’mod retroattiv għandu jkun dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping ta’ 71,8 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Sakemm ma jiġix speċifikat b’mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati li ma jkomplux ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1584.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-peroxosulphates (persulphates) li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 265, 11.10.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ peroxosulphates (persulphates) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 11).

(4)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C 110, 23.3.2018, p. 29).

(5)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 454, 17.12.2018, p. 7).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/39 tas-16 ta’ Jannar 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 13, 17.1.2020, p. 18).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1584 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 246, 26.9.2019, p. 19).

(8)  Ittra elettronika tal-14 ta’ Ġunju 2019 mingħand l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi lill-Kummissjoni Ewropea.

(9)  Ma ngħatat l-ebda data speċifika fit-tweġiba għall-kwestjonarju.

(10)  Ma ngħatat l-ebda data speċifika fit-tweġiba għall-kwestjonarju.

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/39 tas-16 ta’ Jannar 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 13, 17.1.2020, p. 18).