|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1486 |
23.7.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1486
tat-22 ta’ Lulju 2025
li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-esklużjoni temporanja ta’ offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa jew fil-Belarussja, milli jinġabru permezz tal-mekkaniżmu li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-Mekkaniżmu tal-Idroġenu (“il-mekkaniżmu”) biex tappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu msemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2024/1789, li jrid jiġi implimentat skont l-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu (2). Il-mekkaniżmu tnieda f’Lulju 2025. Il-mekkaniżmu għandu l-għan li jżid it-trasparenza tad-domanda, tal-provvista, tal-flussi u tal-prezzijiet tal-idroġenu u li jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni, billi jikkonnettja, jipproċessa, u jagħti aċċess għall-informazzjoni dwar id-domanda u l-provvista għall-idroġenu u għad-derivattivi tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sottomessa mill-off-takers stabbiliti fl-Unjoni u fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u l-fornituri kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali. Il-Mekkaniżmu tal-Idroġenu se jiġi implimentat u se jopera f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. |
|
(2) |
Il-provvista tal-idroġenu tirreferi għall-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-idroġenu, inkluż fil-forma ta’ trasportaturi tal-idroġenu organiku likwidu jew idroġenu likwidu u derivattivi tal-idroġenu inkluż l-ammonijaka jew il-metanol lill-klijenti (3). |
|
(3) |
Ir-Russja u l-Belarussja jipproduċu volumi sinifikanti ta’ idroġenu u derivattivi tal-idroġenu bbażati fuq il-fjuwils fossili (bħall-ammonijaka). Barra minn hekk, hemm potenzjal ta’ bejgħ u provvisti sostanzjali ta’ idroġenu u ta’ derivattivi tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li joriġinaw fir-Russja u fil-Belarussja. Mhux eskluż li xi wħud minn dawk il-volumi tal-idroġenu u tad-derivattivi tal-idroġenu jiġu esportati, anke lejn l-Unjoni. |
|
(4) |
L-esperjenza fil-qasam tal-provvisti tal-enerġija mir-Russja u mill-Belarussja wriet li r-Russja sfruttat id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-enerġija tagħha lejn l-Unjoni bħala mezz kif teżerċita l-koerċizzjoni u l-manipulazzjoni (4). Ir-Russja abbużat sistematikament mid-dipendenzi għad-detriment tal-ekonomija u s-sigurtà ekonomika tal-Unjoni u użat ir-relazzjonijiet tal-provvista tal-enerġija mas-sħab fl-Unjoni biex timmanipula s-swieq u ddgħajjef is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni (5). |
|
(5) |
Hemm riskju li r-Russja u l-Belarussja jippruvaw jistabbilixxu relazzjonijiet tan-negozju u dipendenzi simili fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-idroġenu u tad-derivattivi tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju lejn l-Unjoni, li jistgħu jintużaw biex is-swieq jiġu mmanipulati. |
|
(6) |
Il-fatt li provvisti li joriġinaw fir-Russja jew fil-Belarussja jitħallew jiġu offruti permezz tal-mekkaniżmu jista’ jippermetti lir-Russja u lill-Belarussja jiksbu bażi sinifikanti fis-suq tal-Unjoni, u b’hekk jiġu ffaċilitati t-tentattivi biex jimmanipulaw is-suq tal-idroġenu li għadu jibda. |
|
(7) |
Peress li l-idroġenu spiss jintuża minn klijenti industrijali kbar, u billi s-suq tal-idroġenu huwa ħafna inqas likwidu mis-suq tal-gass naturali, l-istabbiliment ta’ dipendenzi ġodda tal-provvista mar-Russja jew mal-Belarussja jista’ jippermetti lil dawk il-pajjiżi jkomplu l-istrateġija tagħhom fil-konfront tal-Unjoni biex jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista billi jimmanipulaw is-swieq, jinterrompu l-provvisti, jew isibu mod ieħor kif jużaw il-provvisti tal-enerġija bħala arma. |
|
(8) |
Għalkemm dawn ir-riskji huma preżenti anke fil-każ ta’ ishma iżgħar fil-volumi kumplessivi, il-ġbir tal-offerti tal-provvista tal-idroġenu Russa u Belarussa permezz tal-mekkaniżmu li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu jista’ jżid b’mod sinifikanti r-rwol u l-viżibbiltà tar-Russja u tal-Belarussja fis-suq tal-idroġenu tal-Unjoni. Dan imur kontra l-isforzi tal-Unjoni biex telimina gradwalment id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa (6) u tevita dipendenzi ġodda fuq il-provvisti tal-enerġija minn dawk il-pajjiżi (7). |
|
(9) |
Fid-dawl ta’ dik is-sitwazzjoni ġeopolitika u filwaqt li jitqiesu r-riskji li jirriżultaw mill-konsenji tal-enerġija mir-Russja u mill-Belarussja, huwa meħtieġ li l-offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fir-Russja jew fil-Belarussja jiġu esklużi temporanjament milli jinġabru permezz tal-mekkaniżmu biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2024/1789, id-deċiżjoni għandha tkun valida għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena u tista’ tiġġedded jekk ikun iġġustifikat. |
|
(10) |
L-esklużjoni temporanja mhux se tfixkel bla bżonn il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-idroġenu u mhux se timmina s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru, b’mod partikolari minħabba li s-suq tal-idroġenu tal-Unjoni għadu jibda bi provvisti limitati ħafna mir-Russja u l-Belarussja. Barra minn hekk, l-esklużjoni temporanja tħares il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika (8), għax issir fl-interess tal-Unjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu, mingħajr impatti mhux xierqa fuq id-drittjiet tal-Istati Membri jew tal-operaturi ekonomiċi tagħhom li jikkummerċjaw l-idroġenu, inkluż dak rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u d-derivattivi tiegħu, ma’ pajjiżi terzi barra mill-mekkaniżmu volontarju. Barra minn dan, din id-Deċiżjoni tittieħed f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri fir-rigward tal-pajjiżi terzi. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2024/1789, il-Kummissjoni infurmat kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tagħha, u tista’ tipproponi li ġġedded id-deċiżjoni, jekk ikun iġġustifikat, anke bil-ħsieb li l-miżura tiġi allinjata ma’ politiki oħra tal-UE, bħall-Pjan Direzzjonali RePowerEU (9), li għandu l-għan li jkompli javvanza l-indipendenza tal-UE mill-enerġija Russa permezz ta’ miżuri li jappoġġaw l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass, tal-enerġija nukleari u taż-żejt biex jitnaqqsu r-riskji tal-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala arma, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa jew fil-Belarussja għandhom jiġu esklużi milli jinġabru permezz tal-Mekkaniżmu tal-Idroġenu biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu għal perjodu ta’ sena.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu, Brussell, COM(2023) 156 final, 16.3.2023.
(3) L-Artikolu 2, il-punt (28), tad-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE (ĠU L, 2024/1788, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1788/oj).
(4) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu, it-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938, COM (2025) 828 final, 17.6.2025.
(5) Ara fid-dettall l-istorja ta’ theddid min-naħa tar-Russja għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass Russu u t-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija, u l-emendar tar-Regolament (UE) 2017/1938” tas-17 ta’ Ġunju 2025, SWD(2025) 830 final, il-paġni 1 sa 15.
(6) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Pjan REPowerEU, COM(2022) 230 final, 18.5.2022.
(7) Il-premessa 71 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
(8) Is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Ġermanja vs Il-Polonja, C-848/19 P, ECLI:EU:C:2021:598, il-punt 71 (Il-“prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jinkludi obbligu ġenerali, għall-Unjoni u għall-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-atturi kollha li jistgħu jkunu kkonċernati billi jevitaw li jieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw l-interessi tagħhom, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, tal-vijabbiltà ekonomika u politika u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tagħhom, u dan bil-għan li jassumu l-interdipendenza u s-solidarjetà de facto tagħhom.”)
(9) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan direzzjonali lejn tmiem l-importazzjoni tal-enerġija Russa, COM(2025) 440 final, 6.5.2025.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1486/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)