|
1.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 150/88 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/856
tat-30 ta’ Mejju 2022
li taċċetta talba mressqa mill-Irlanda skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex ma tapplikax ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 għall-awtovaguni intermedji IÉ-RU tal-Klassi 22000 ICDMU — “B2”
(notifikat bid-dokument C(2022) 3365)
(It-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fl-4 ta’ Frar 2022, l-Irlanda ppreżentat lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797, talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà (“TSI”) b’rabta mal-vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri (LOC&PAS TSI) stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 (2) u s-sikurezza fil-mini ferrovjarji (SRT TSI) stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (3) għal għadd ta’ awtovaguni intermedji tal-Klassi 22000 ICDMU — B2, li għandhom jiġu operati minn Iarnród Éireann-Railway Undertaking (‘IÉ-RU’). Dik it-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (e) tad-Direttiva (UE) 2016/797, li jkopri n-networks ferrovjarji separati jew iżolati bil-baħar jew separati bħala riżultat ta’ kundizzjonijiet ġeografiċi speċjali min-network ferrovjarju tal-bqija tal-Unjoni. |
|
(2) |
Sabiex tiġi ssodisfata d-domanda tal-passiġġieri li qed tikber b’rata mgħaġġla għas-servizzi ferrovjarji operati mit-trainsets attwali, l-IÉ-RU qed tippjana li tikseb kapaċità addizzjonali billi testendi għadd ta’ trainsets b’formazzjoni fissa eżistenti b’awtovagun wieħed jew tnejn. Għal dak il-għan, IÉ-RU għandha ftehim qafas mal-manifattur Mitsui għall-provvista tal-awtovaguni intermedji addizzjonali (awtovaguni intermedji “B2”) li huma meħtieġa biex jestendu t-trainsets eżistenti (formazzjonijiet fissi “B1”). |
|
(3) |
Skont dak il-ftehim, Mitsui għandha tforni 41 awtovagun intermedju “B2” sal-2022, b’għażliet għall-provvista ta’ 60 awtovagun ieħor, li jistgħu jiġu eżerċitati sal-31 ta’ Diċembru 2026, għal total ta’ 101 awtovagun. L-awtovaguni intermedji “B2” għandhom ikunu bbażati fuq id-disinn tal-awtovagun eżistenti “B1”, li għandu jiġi adattat biex jinkludi l-bidliet fl-inġinerija meħtieġa għal: l-iffaċilitar tar-rekwiżiti tal-kapaċità operazzjonali; l-issodisfar tal-obbligi legali dwar l-emissjonijiet tal-egżost u l-forniment ta’ alternattivi xierqa għal tagħmir u materjal obsoleti jew li ma jkunux disponibbli. |
|
(4) |
Matul l-94 laqgħa tal-Kumitat għall-Interoperabbiltà u għas-Sikurezza tal-Ferroviji, ir-rappreżentanti Irlandiżi infurmaw lill-kontropartijiet tagħhom bid-dettalji tat-talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni mressqa lill-Kummissjoni. |
|
(5) |
L-awtovaguni intermedji “B2” għandhom jiġu inklużi fi trainsets b’formazzjoni fissa eżistenti mhux konformi mat-TSI. L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tat-TSIs toħloq kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà bejn il-vetturi konformi mat-TSI u dawk mhux konformi, li jwasslu għal diffikultajiet tekniċi sproporzjonati u kumplessitajiet tal-produzzjoni. |
|
(6) |
Barra minn hekk, l-ekwilibriju ekonomiku tal-proġett ikun ipperikolat peress li l-applikazzjoni tat-TSIs għall-awtovaguni intermedji “B2” tikkawża dewmien u kost addizzjonali għat-tqegħid ta’ dawk l-awtovaguni fis-suq. Id-disinn sħiħ tal-vettura jkun jeħtieġ evalwazzjoni mill-ġdid u valutazzjoni mill-ġdid tal-parametri tad-disinn, u b’riżultat ta’ dan huwa probabbli ħafna li jkunu meħtieġa modifiki u disinn mill-ġdid sinifikanti tal-vetturi biex tinkiseb konformità mat-TSIs, li għalihom tkun ġiet introdotta talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni; |
|
(7) |
In-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-TSIs ikun limitat sal-punt meħtieġ għall-integrazzjoni u l-kompatibbiltà sikuri tal-awtovaguni intermedji “B2” mat-trainsets b’formazzjoni fissa eżistenti. Id-dispożizzjonijiet alternattivi proposti li l-awtovaguni se jkollhom jikkonformaw magħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali rilevanti u jikkumpensaw kull nuqqas ta’ applikazzjoni tat-TSIs. |
|
(8) |
Bħala miżura ta’ mitigazzjoni, l-Irlanda pproponiet li l-awtovaguni jkollhom l-istess disinn bħall-vetturi eżistenti. L-awtovaguni kkonċernati kienu ddisinjati skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-Istandards tal-Grupp Ferrovjarju stabbiliti mill-British Rail Safety and Standards Board (RSSB), l-istandards CEN-CENELEC, u l-istandards nazzjonali Irlandiżi. Id-disinn tagħhom jiddevja biss mir-rekwiżiti ta’ dawk l-istandards u l-kodiċijiet biss fejn meħtieġ biex ikunu żgurati l-integrazzjoni u l-kompatibbiltà sikuri tal-vetturi man-network ferrovjarju tal-Irlanda fl-istatus attwali tiegħu. |
|
(9) |
L-awtovaguni intermedji “B2” u t-trainsets fissi b’formazzjoni, li fihom ikunu inklużi, huma ppjanati li jintużaw fiż-żona ġeografika li tkopri n-network ferrovjarju kollu tal-Irlanda, li juża gauge differenti ta’ 1 600 mm, bl-ebda possibbiltà ta’ użu kummerċjali vijabbli mill-ġdid f’żoni oħra taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea. |
|
(10) |
In-network Irlandiż huwa konness man-network tal-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020. Għalhekk, l-Irlanda ta’ Fuq saret pajjiż terz ġar tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, l-Irlanda ma għadhiex taqsam fruntiera tal-art ma’ Stat Membru ieħor u n-network ferrovjarju tal-Irlanda sar iżolat mill-bqija tan-network ferrovjarju tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
It-talba mressqa mill-Irlanda tipprovdi biżżejjed garanziji li d-dispożizzjonijiet alternattivi li għandhom jiġu applikati, kif imsemmi fil-premessi 7 u 8, se jiżguraw it-tħaddim sikur ta’ dawn l-awtovaguni fuq in-network ferrovjarju Irlandiż. |
|
(12) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (e) u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 huma ssodisfati. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-talba tal-Irlanda biex ma tapplikax ir-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u r-Regolament (UE) Nru 1303/2014 għal 101 awtovagun intermedju “B2” li se joperaw fin-network Irlandiż, hija aċċettata mill-Kummissjoni.
L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-numri ta’ identifikazzjoni tal-awtovaguni l-ġodda u l-formazzjonijiet fissi finali rispettivi tagħhom, ladarba dawk il-karozzi jkunu operattivi fin-network Irlandiż.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 228).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 394).