KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2025 ( 1 )

Kawża C‑215/24 [Fira] ( i )

YX,

fil-preżenza ta’:

Ministério Público

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca do Porto - Juízo Local Criminal de Vila Nova de Gaia (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto – il-Qorti Kriminali Lokali ta’ Vila Nova de Gaia, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà — Mandat ta’ arrest Ewropew — Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija mill-awtoritajiet ġudizzjarji konformement mad-dritt intern tal-Istat ta’ eżekuzzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Fl-ispazju tal-Unjoni Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, persuna kkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà fi Stat Membru tista’ tiskonta t-tul ta’ din il-piena fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari jekk dan ikun jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ din il-persuna ( 2 ).

2.

Din il-kawża tikkonċerna persuna li ġiet ikkundannata għal reat fil-Portugall, iżda li issa tirrisjedi fi Spanja. Abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 3 ), l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jirrikonoxxu u jeżegwixxu l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta mit-Tribunal Judicial da Comarca do Porto - Juízo Local Criminal de Vila Nova de Gaia (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto - il-Qorti Kriminali Lokali ta’ Vila Nova de Gaia, il-Portugall) (iktar ’il quddiem il-“qorti Portugiża”).

3.

Madankollu, il-Juzgado Central de lo Penal n.° 1 de Madrid (il-Qorti Kriminali Nazzjonali Nru 1 ta’ Madrid, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“qorti Spanjola”) emendat il-piena mogħtija billi ssospendiet l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ħabs ta’ sitt xhur għal perijodu ta’ sentejn.

4.

Il-qorti Portugiża, li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi jekk tali emenda hijiex awtorizzata mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

5.

In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet jirrigwarda essenzjalment il-punt dwar jekk deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena tistax tifforma parti mill-eżekuzzjoni ta’ sentenza, li hija l-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol, jew jekk tbiddilx in-natura ta’ din is-sentenza, li hija l-pożizzjoni tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni Ewropea.

II. Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.

Fid‑9 ta’ Ottubru 2018, YX ġie kkundannat għal sitt xhur ħabs fil-Portugall talli wettaq ir-reat ta’ frodi fiskali, ikkonstatat u ssanzjonat skont id-Decreto-Lei n.o 20-A/90 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 20-A/90) tal‑15 ta’ Jannar 1990. Dik is-sentenza ġiet issostitwita b’sentenza alternattiva ta’ 180 multa ta’ kuljum ( 4 ).

7.

Madankollu, YX ma ħallasx din il-multa u lanqas ma pproduċa provi li juru li n-nuqqas ta’ ħlas tal-multa ma kienx imputabbli lilu. Għal din ir-raġuni, skont il-Código Penal (il-Kodiċi Kriminali Portugiż) ( 5 ), il-qorti tar-rinviju rrevokat il-piena alternattiva u ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà inizjali ( 6 ).

8.

Madankollu, din il-piena li ċċaħħad il-libertà ma setgħetx tiġi eżegwita fil-Portugall, peress li YX ma setax jinstab sabiex jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest f’dan l-Istat Membru. Konsegwentement, huwa ġie ddikjarat li kien qiegħed jaħrab mill-ġustizzja għall-finijiet tal-piena mogħtija.

9.

Ftit snin wara, YX kien instab fi Spanja. Għalhekk, fit‑22 ta’ Frar 2022, l-awtoritajiet Portugiżi kompetenti ħarġu, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 7 ), mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”), fejn talbu l-konsenja ta’ YX għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà għal sitt xhur.

10.

Il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi raġuni fakultattiva għar-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ MAE meta persuna rikjesta tkun tirrisjedi legalment fl-Istat ta’ eżekuzzjoni u meta din il-persuna tkun tixtieq tiskonta l-piena f’dan l-Istat. Fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni, l-awtoritajiet Spanjoli rrifjutaw li jeżegwixxu l-MAE u impenjaw ruħhom li jirrikonoxxu l-piena tal-qorti Portugiża u li jeżegwixxuha fi Spanja.

11.

Fil‑11 ta’ Ottubru 2023, konformement mal-Artikolu 80 tal-Código Penal Spanjol (il-Kodiċi Kriminali Spanjol) ( 8 ), il-qorti Spanjola ssospendiet għal perijodu ta’ sentejn il-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sitt xhur imposta fuq YX u informat lill-awtoritajiet Portugiżi b’din id-deċiżjoni.

12.

Il-Ministério Público (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Portugiż) ma setax jaqbel mad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-qorti Spanjola. Huwa għalhekk ressaq kawża quddiem it-Tribunal Judicial da Comarca do Porto - Juízo Local Criminal de Vila Nova de Gaia (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto, - il-Qorti Kriminali Lokali ta’ Vila Nova de Gaia), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Portugiż talab li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

13.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tbiddel id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat emittenti billi tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-qorti li tat il-piena bid-deċiżjoni tagħha stess. Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li l-aċċettazzjoni ta’ tali emenda tal-piena tmur kontra l-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi. Skont din il-qorti, billi rrifjutaw li jeżegwixxu l-MAE, l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli ddikjaraw ruħhom disposti li jipproċedu bl-eżekuzzjoni tal-piena fl-intier tagħha, mingħajr il-possibbiltà li jittrasformaw il-piena li ċċaħħad il-libertà f’miżura alternattiva.

14.

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli kellhom, fi kwalunkwe każ, jinformaw bil-quddiem lill-Istat emittenti bil-possibbiltà li l-piena li ċċaħħad il-libertà tiġi sospiża sabiex l-Istat emittenti jkun jista’ jirrispondi.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Judicial da Comarca do Porto - Juízo Local Criminal de Vila Nova de Gaia (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto - il-Qorti Kriminali Lokali ta’ Vila Nova de Gaia, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’, wara li jkun irrifjuta li jeżegwixxi l-[MAE] skont [il-punt 6 tal-Artikolu 4] tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], billi jinvoka r-residenza tal-persuna kkundannata, u wara li jkun irrikonoxxa s-sentenza ta’ kundanna u diġà matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza, jissospendi l-piena li ċċaħħad il-libertà effettiva imposta mill-Istat emittenti fid-deċiżjoni ta’ kundanna tiegħu, abbażi tal-kompetenza tiegħu bħala Stat ta’ eżekuzzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu?

(2)

Id-deċiżjoni tal-korp ġudizzjarja tal-Istat emittenti, li debitament tkun saret res judicata, tista’ tiġi emendata mill-korp ġudizzjarju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 17(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909]?

(3)

L-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jagħti sospensjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà effettiva, billi japplika l-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, ma jkunux għamlu dan?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domandi preċedenti:

(4)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 [u 13 u tal-Artikolu 17(3)] tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-entitajiet ġudizzjarji Spanjoli (Stat ta’ eżekuzzjoni) ma kinux meħtieġa jinformaw minn qabel lill-Istat emittenti dwar il-fehma tagħhom fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi sospiża l-piena li ċċaħħad il-libertà li għaliha tkun ġiet ikkundannata l-persuna akkużata?”

16.

Il-Gvern Spanjol u dak Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

17.

Inżammet seduta fid‑19 ta’ Marzu 2025 li matulha dawn il-partijiet ippreżentaw l-argumenti orali tagħhom.

III. Analiżi

A.   Il-kuntest

18.

Stat Membru jista’ jirrifjuta li jeżegwixxi MAE għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà biss jekk jintrabat li jeżegwixxi l-piena kif mogħtija mill-qorti tal-Istat emittenti.

19.

Jekk, għal kwalunkwe raġuni, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkunx jista’ jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà kif mogħtija mill-qorti tal-Istat emittenti, huwa għandu għalhekk jeżegwixxi l-MAE ( 9 ).

20.

L-uniċi eċċezzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jiddevja mill-piena mogħtija mill-qorti tal-Istat emittenti huma previsti fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom japplikaw jekk piena mogħtija fl-Istat emittenti tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Istat ta’ esekuzzjoni jew minħabba t-tul tagħha jew minħabba n-natura tagħha. F’tali sitwazzjoni, il-piena adattata għandha tirrifletti, kemm jista’ jkun, il-kundanna inizjali fil-limiti awtorizzati mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 10 ).

21.

Konsegwentement, id-dikjarazzjoni ta’ ħtija u l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ piena jitwettqu fl-Istat emittenti u ma jistgħux jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 11 ).

22.

Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ognyanov li l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat b’mod strett u li jħalli biss possibbiltajiet limitati lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jbiddel in-natura jew it-tul tal-piena kif ipproklamata mill-qorti tal-Istat emittenti ( 12 ).

23.

Filwaqt li l-kundanna (jiġifieri l-istabbiliment tal-ħtija u s-sentenza ta’ piena proporzjonali) taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat emittenti, l-eżekuzzjoni tal-piena taqa’, kif jindika l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, taħt il-kompetenza tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

24.

Għalhekk, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, huwa applikat b’żewġ modi: l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu, bħala prinċipju, jirrikonoxxi l-piena mill-qrati tal-Istat emittenti, filwaqt li l-Istat emittenti għandu, bħala prinċipju, jirrikonoxxi r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni, kif jeżistu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

25.

Il-qofol tal-kwistjoni f’din il-kawża jinsab fil-fatt li r-Renju ta’ Spanja jqis deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà bħala deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, filwaqt li r-Repubblika Portugiża, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis deċiżjoni ta’ sospensjoni bħala kundanna.

26.

Ir-risposta għad-domanda dwar jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà tikkostitwixxix modifika jew eżekuzzjoni ta’ din il-piena, li tikkostitwixxi l-essenza tal-ewwel tliet domandi preliminari, tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 17 tagħha. Għalhekk ser nanalizza dawn it-tliet domandi flimkien fil-kuntest tat-Taqsima C ta’ dawn il-konklużjonijiet.

27.

Jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà tikkostitwixxi modifika tan-natura tal-piena li ċċaħħad il-libertà inizjali, isegwi li l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 japplika u jipprojbixxi lill-awtoritajiet Spanjoli ta’ eżekuzzjoni milli jadattaw il-piena li ċċaħħad il-libertà billi jittrasformawha f’piena li ċċaħħad il-libertà sospiża. Jekk, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tikkostitwixxi modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ tali piena, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma jkunx applikabbli. Għall-kuntrarju, l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tagħha skont l-Artikolu 17 ta’ dik id-deċiżjoni.

28.

Qabel ma nipproċedi għal din l-analiżi, ser neżamina fil-qosor l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja (B).

29.

Ir-raba’ domanda hija suġġetta għal risposta pożittiva għall-ewwel tliet domandi. Peress li ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għal dawn id-domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

B.   Ammissibbiltà

30.

Il-Gvern Spanjol ikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tiegħu, ma huwiex possibbli li wieħed jifhem liema tip ta’ proċedura tiżvolġi quddiem il-qorti tar-rinviju u lanqas għaliex ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja huma rilevanti għall-kawża prinċipali.

31.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrispondi domandi preliminari biss jekk risposta tkun utli għall-qorti nazzjonali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża quddiemha ( 13 ).

32.

Fl-istess ħin, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li d-domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn Imħallfin nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ( 14 ).

33.

Fil-kuntest tal-proċedura rregolata mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-awtoritajiet tal-Istat emittenti għandhom jaqblu li l-piena li ċċaħħad il-libertà għandha tiġi eżegwita mill-Istat ta’ eżekuzzjoni bil-ħruġ ta’ ċertifikat ( 15 ). Dan iċ-ċertifikat jista’ jiġi revokat sakemm l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tkunx għadha bdiet ( 16 ).

34.

Għalhekk, anki jekk, sfortunatament, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx fid-digriet tar-rinviju x’inhu eżattament is-suġġett tal-proċeduri mibdija quddiemha mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Portugiż, il-preżunzjoni ta’ ammissibbiltà ma ġietx ikkonfutata. Ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tgħin lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi jekk iċ-ċertifikat għandux jinħareġ jew jiġi rrevokat (jekk ikun diġà nħareġ) ( 17 ).

35.

Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li r-risposti għad-domandi magħmula ma humiex neċessarji sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari.

C.   Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tikkostitwixxi emenda ta’ dik il-piena

36.

Jiena tal-fehma li deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà temenda n-natura tagħha.

37.

Għalhekk f’dan ir-rigward naqbel mal-argumenti tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni, li sostnew li l-piena li ċċaħħad il-libertà u l-piena li ċċaħħad il-libertà sospiża, huma żewġ tipi ta’ pieni differenti.

38.

Deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà għalhekk ma taqax taħt l-eżekuzzjoni, iżda pjuttost tikkostitwixxi emenda ta’ tali piena. Għaldaqstant, hija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8 tagħha jipprojbixxi lir-Renju ta’ Spanja milli jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija mill-qorti Portugiża.

39.

Ser insostni l-pożizzjoni tiegħi billi neżamina l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll il-kuntest u l-għan tagħhom, filwaqt li nirrispondi fl-istess ħin għall-argumenti tal-partijiet f’din il-proċedura.

1. Argumenti bbażati fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

40.

Id-diskussjoni dwar in-“natura” tas-sentenza tirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Skont l-ewwel paragrafu tiegħu, l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu, bħala prinċipju, jirrikonoxxi u jinforza l-piena kif ipproklamata mill-qorti tal-Istat emittenti. Huwa biss jekk is-sistema legali tiegħu ma tirrikonoxxix il-pieni li jċaħħdu l-libertà ta’ ċertu tul ta’ żmien (Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909), jew ta’ ċerta natura (Artikolu 8(3) tagħha), li l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ “jadatta” l-piena (ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

41.

Bħala prinċipju, id-dritt kriminali Spanjol jirrikonoxxi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sitt xhur. Għaldaqstant, is-sospensjoni, li tbiddel in-natura ta’ tali piena, ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

42.

Barra minn hekk, jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni jqis neċessarju li jadatta l-piena konformement mal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, abbażi tal-Artikolu 12(1) tagħha, huwa għandu jinforma lill-Istat emittenti malajr kemm jista’ jkun bid-deċiżjoni tiegħu. Meta jagħmel dan, huwa jippermetti lill-Istat emittenti jiddeċiedi li jirtira ċ-ċertifikat jekk ma jaqbilx ma’ dawn l-adattamenti.

43.

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdewx tali informazzjoni lill-awtoritajiet Portugiżi abbażi tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, peress li huma ma qisux li kienu biddlu n-natura tal-piena rrikonoxxuta fis-sens tal-Artikolu 8 tagħha. Madankollu, huma informaw lill-awtoritajiet Portugiżi li kienu ssospendew l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tagħha.

44.

Id-distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi kundanna u miżura relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ma hijiex dejjem ċara ( 18 ).

45.

B’hekk, f’dan il-każ, il-Gvern Spanjol isostni li s-sospensjoni ma biddlitx in-“natura” tal-piena. Din hija dejjem piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur, anki jekk l-eżekuzzjoni tagħha tiġi sospiża għal perijodu ta’ prova ta’ sentejn.

46.

Fil-fehma tiegħi, wieħed jista’ jsib indikazzjonijiet dwar jekk inbidlitx in-“natura” ta’ piena billi jiġi mistoqsi jekk l-aspett tal-piena li ċċaħħad persuna mill-libertà ġiex emendat. F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, dak li jagħmel id-differenza huwa jekk iċ-ċaħda tal-libertà hijiex inevitabbli, bħal fuq il-bażi ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, jew kundizzjonali, bħal fuq il-bażi ta’ piena li ċċaħħad il-libertà sospiża. Dan l-argument jappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni, li tgħid li l-piena ta’ priġunerija u l-piena ta’ priġunerija sospiża huma żewġ pieni ta’ natura differenti.

47.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, jidher li l-qorti Portugiża, wara li sabet lil YX ħati, qieset opportun li huwa jiskonta l-piena ta’ priġunerija. Kieku hija qieset li l-piena li ċċaħħad il-libertà kellha tiġi sospiża, din il-qorti setgħet timponi sentenza sospiża ( 19 ). Ir-rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata l-kooperazzjoni f’materji kriminali, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jaċċettaw id-dikjarazzjoni ta’ ħtija u d-deċiżjoni dwar il-piena xierqa kif mogħtija mill-qorti tal-Istat emittenti.

48.

Minn dan isegwi li s-sospensjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mill-qorti Spanjola biddlet in-natura tal-piena li ċċaħħad il-libertà ddeterminata mill-qorti Portugiża, li ma kinitx tipprevedi s-sospensjoni, ikkonstatata mill-qorti Portugiża. Peress li l-ordinament ġuridiku Spanjol jirrikonoxxi l-pieni li jċaħħdu l-libertà ta’ sitt xhur, ir-Renju ta’ Spanja, bħala Stat ta’ eżekuzzjoni, ma jistax jinvoka la l-Artikolu 8(2) u lanqas l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ tali piena.

2. Argumenti bbażati fuq l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

49.

L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-piena, li hija, bħala prinċipju, irregolata mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Il-paragrafi 3 u 4 ta’ din id-dispożizzjoni jittrattaw il-kwistjoni tal-libertà ikkundizzjonata mill-ħabs.

50.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol sostna li l-piena li ċċaħħad il-libertà sospiża tixbah il-liberazzjoni bikrija jew ikkundizzjonata mill-ħabs. Fiż-żewġ każijiet, il-piena li ċċaħħad il-libertà jew ma tiġix skontata kompletament jew inkella tiġi skontata biss parzjalment. Barra minn hekk, fiż-żewġ każijiet, deċiżjoni ta’ sospensjoni jew ta’ terminazzjoni bikrija ta’ piena ta’ priġunerija hija marbuta mill-qrib mas-sitwazzjoni personali u mal-aġir tal-persuna kkundannata u tista’ titqies bħala li tikkontribwixxi għal integrazzjoni soċjali aħjar ta’ din il-persuna.

51.

Il-liberazzjoni bikrija jew ikkundizzjonata hija kkunsidrata mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 bħala modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà u, skont il-Gvern Spanjol, fid-dawl tax-xebh, hekk għandha tkun is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà.

52.

Għalkemm l-argument imressaq mill-Gvern Spanjol għandu ċerta saħħa, huwa madankollu ċar ukoll li, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tittratta, fl-Artikolu 17 tagħha, il-liberazzjoni bikrija, hija ma ssemmix il-pieni li jċaħħdu l-libertà sospiżi.

53.

Ir-raġuni għaliex dan id-Deċiżjoni tirregola l-kwistjoni tal-liberazzjoni bikrija mill-ħabs tinsab probabbilment fil-fatt li l-leġiżlatura kkonstata differenzi kunsiderevoli bejn ir-regoli dwar il-liberazzjoni bikrija li jeżistu fi Stati Membri differenti. Fl-istess ħin, il-liberazzjoni bikrija sseħħ neċessarjament wara l-bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija u għalhekk diffiċilment tista’ tinftiehem bħala modalità differenti mill-eżekuzzjoni ta’ piena. Sabiex jiġu indirizzati l-problemi possibbli li jistgħu jirriżultaw minn dan, l-Artikolu 17(3) jipprevedi l-obbligu għall-Istat ta’ eżekuzzjoni li jinforma lill-Istat emittenti bir-regoli tiegħu fil-qasam ta’ liberazzjoni bikrija jew ikkundizzjonata u jawtorizza lill-Istat emittenti jirtira ċ-ċertifikat jekk ma jaqbilx mal-politika tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fil-qasam ta’ liberazzjoni bikrija ( 20 ). Tali rtirar ta’ ċertifikat ma huwiex, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, possibbli wara l-bidu tal-eżekuzzjoni fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi prevista soluzzjoni leġiżlattiva li tippermetti lill-Istat Membru emittenti jirrifjuta l-politika ta’ liberazzjoni bikrija tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni qabel ma tibda l-eżekuzzjoni f’dan l-Istat tal-aħħar.

54.

Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex tali possibbiltà fil-każ ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà.

55.

Fil-fehma tiegħi, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, l-għażla leġiżlattiva li jiġu ttrattati, fl-Artikolu 17, il-problemi li jirriżultaw mid-differenzi fir-regoli ta’ liberazzjoni bikrija, iżda mhux minn pieni li jċaħħdu l-libertà sospiżi, toffri argument (testwali) li jimmilita favur iċ-ċaħda tal-argument li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà hija modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena. Dan pjuttost jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma fehemx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà bħala modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena, iżda bħala piena differenti.

56.

Tali konklużjoni hija msaħħa mill-kuntest iktar wiesa’ li fih taqa’ d-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

3. Argumenti bbażati fuq il-kuntest

57.

Fl-istess sena li adotta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta wkoll id-Deċiżjoni Qafas 2008/947 ( 21 ), applikabbli għas-sentenzi u għad-deċiżjonijiet ta’ probation għall-finijiet tas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u tas-sanzjonijiet alternattivi.

58.

Kif sostniet il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet qafas għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti u jeskludu lil xulxin reċiprokament. Għalkemm il-kooperazzjoni ġudizzjarja timplika r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, ir-regoli applikabbli jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Għalkemm il-kooperazzjoni ġudizzjarja tikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà sospiża, dawn ir-regoli jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2008/947.

59.

Din is-soluzzjoni leġiżlattiva tissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jittratta l-pieni li jċaħħdu l-libertà sospiżi u dawk mhux sospiżi bħala żewġ tipi differenti ta’ pieni kriminali.

60.

F’dan il-każ, kemm l-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kif ukoll dawk tal-Istat emittenti aġixxew abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

4. Argumenti bbażati fuq l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

61.

Il-konklużjoni li piena li ċċaħħad il-libertà ma għandhiex tinbidel f’piena li ċċaħħad il-libertà sospiża mill-Istat ta’ eżekuzzjoni hija konformi mal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

62.

Dan l-istrument għandu l-għan, bħala wieħed mill-għanijiet tiegħu, li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku tal-pieni fil-qasam tad-dritt kriminali. Meta, abbażi tar-rikonoxximent reċiproku, Stat Membru jaqbel li jinforza sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor u ma jinvokax waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza, l-eżekuzzjoni għandha sempliċement tkun, kif osservat il-Kummissjoni, kontinwazzjoni tal-każ kif inbeda fl-Istat emittenti ( 22 ).

63.

Jiena naqbel. Il-fatt li l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà sseħħ fi Stat Membru differenti minn dak li fih ingħatat il-piena ma għandux ibiddel l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, bl-istess mod li sentenza ma tinbidilx jekk tiġi eżegwita f’reġjun ieħor tal-istess Stat u taħt il-kompetenza ta’ qorti differenti minn dik li tkun tat il-piena. Anki jekk ċerti regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni jistgħu jkunu differenti, l-eżekuzzjoni tippreżenta ruħha bħala sempliċi tkomplija tal-kundanna.

64.

Konsegwentement, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, kif stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu, fil-prattika, iwassal għall-awtomatiċità tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Din għandha timplika l-obbligu fuq l-Istat ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi deċiżjoni barranija mingħajr ma jeżamina jekk din id-deċiżjoni kinitx tingħata li kieku l-proċedimenti seħħew skont id-dritt intern tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 23 ).

65.

Konsegwentement, l-evalwazzjoni mill-Istat ta’ eżekuzzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-piena mogħtija fl-Istat emittenti tikkorrispondix għal dik li kienet tingħata għall-istess reat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha titqies li tmur kontra l-għanijiet u l-ispirtu tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ( 24 ).

66.

Anki jekk, kif spjega l-Gvern Spanjol, sospensjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fi Spanja hija possibbli f’żewġ stadji: (i) l-għoti ta’ piena li ċċaħħad il-libertà u (ii) is-sospensjoni tagħha, it-tieni wieħed jinterferixxi fl-evalwazzjoni tal-ħtija u tal-piena xierqa mill-qorti tal-Istat emittenti.

67.

Konsegwentement, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma għandux jitħalla jiddeċiedi dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija jekk il-qorti tal-Istat emittenti ma tkunx iddikjarat tali piena.

5. Argumenti bbażati fuq il-ġurisprudenza

68.

Fl-aħħar nett, għandi nirrifletti fuq l-argumenti tal-Gvern Spanjol, ippreżentati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kkonfermati waqt is-seduta, li s-sentenzi Ardic ( 25 ) u Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) ( 26 ) isostnu l-argument tiegħu li d-deċiżjoni li tiġi sospiża piena li ċċaħħad il-libertà hija modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena u mhux il-bidla tagħha.

69.

F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija preċedentement la taffettwa n-natura u lanqas il-quantum tal-pieni li jċaħħdu l-libertà mogħtija minn sentenzi ta’ kundanna definittivi tal-persuna kkonċernata ( 27 ).

70.

Il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni qiesu li dawn il-kawżi ma humiex rilevanti f’dan il-każ, peress li kienu jikkonċernaw kwistjoni differenti. Ma nistax naqbel ma’ din il-fehma. Anki jekk dawn il-kawżi kienu jirrikjedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta [f’]deċiżjoni” li jinsab fl-Artikolu 4(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dawk il-kawżi kienu jikkonċernaw dilemma simili — kemm jekk it-tneħħija tas-sospensjoni tkun parti mill-piena, jew pjuttost mis-sempliċi eżekuzzjoni tal-piena diġà stabbilita. Konsegwentement, inqis li dawn il-kawżi huma fil-fatt rilevanti għal din il-kawża.

71.

Madankollu, bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà, inkwistjoni f’din il-kawża, u r-revoka tas-sospensjoni, li kienet inkwistjoni f’dawk il-kawżi, huma ta’ natura differenti. Filwaqt li d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà tagħmel parti mill-proċedura ta’ kundanna, li tinvolvi d-deċiżjoni dwar il-ħtija u l-piena xierqa, ir-revoka tas-sospensjoni hija l-eżekuzzjoni tal-piena sospiża li ċċaħħad il-libertà, li l-kundizzjonijiet tagħha jkunu diġà ġew iddeterminati matul il-fażi ta’ kundanna.

72.

Għal din ir-raġuni, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà bħala modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ma jipprekludix il-konklużjoni li, għall-kuntrarju, id-deċiżjoni tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija tikkostitwixxi parti mill-kundanna.

6. Konklużjoni interim

73.

Bħala konklużjoni, inqis li, fid-dritt tal-Unjoni, il-piena li ċċaħħad il-libertà sospiża u l-piena li ċċaħħad il-libertà mingħajr sospensjoni huma żewġ tipi ta’ pieni differenti. Konsegwentement, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija bħala modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li huwa jkun impenja ruħu li jirrikonoxxi. Tali sospensjoni ma taqax taħt l-eżekuzzjoni rregolata mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Għall-kuntrarju, hija tbiddel in-natura tal-piena u hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

74.

F’dan il-każ partikolari, jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkunx jixtieq jeżegwixxi l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, huwa għandu l-possibbiltà li jeżegwixxi l-MAE u li jikkonsenja l-persuna kkundannata lill-Istat emittenti sabiex din il-persuna tiskonta l-piena f’dak l-Istat.

75.

Madankollu, wara li jkun irrifjuta li jeżegwixxi l-MAE skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 minħabba l-post ta’ residenza tal-persuna kkundannata u wara li jkun irrikonoxxa s-sentenza ta’ kundanna, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax jinvoka l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tiegħu sabiex jissospendi l-piena li ċċaħħad il-libertà effettiva imposta mill-Istat emittenti.

76.

Billi ddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà stabbilita mill-qorti Portugiża bħala li hija b’mod proporzjonat għar-reat fiskali mwettaq minn YX, il-qorti Spanjola ma bdietx l-eżekuzzjoni tal-piena, iżda emendatha bi ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Peress li l-eżekuzzjoni tal-piena għadha ma bdietx, l-awtoritajiet Portugiżi għadhom jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw iċ-ċertifikat.

IV. Konklużjoni

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Judicial da Comarca do Porto - Juízo Local Criminal de Vila Nova de Gaia (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto - il-Qorti Kriminali Lokali ta’ Vila Nova de Gaia, il-Portugall) kif ġej:

(1)

L-Artikoli 8 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati kif ġej:

–

wara li jkun irrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri abbażi tal-post ta’ residenza tal-persuna kkundannata, u wara li jirrikonoxxi s-sentenza ta’ kundanna, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax jinvoka l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tiegħu sabiex jissospendi l-piena li ċċaħħad il-libertà effettiva mogħtija mill-Istat emittenti.

–

L-awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ temenda d-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja tal-Istat emittenti meta din tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. F’dan ir-rigward, l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jissostitwixxi kundanna b’piena oħra ta’ natura differenti biss jekk in-natura tal-piena inizjalment mogħtija mill-qorti tal-Istat emittenti ma tkunx irrikonoxxuta mis-sistema legali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

(2)

L-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jagħti s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà effettiva, billi japplika l-kundizzjonijiet tad-dritt intern tiegħu, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti ma jkunux għamlu dan konformement mad-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat.

(3)

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 2 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew– Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (C‑314/18, EU:C:2020:191; punt 51).

( 3 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”).

( 4 ) Tali sostituzzjoni tal-piena ta’ priġunerija b’multa hija possibbli, kif spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 45 tal-Kodiċi Kriminali Portugiż.

( 5 ) F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 45(2) u l-Artikolu 49(3) tal-Kodiċi Kriminali Portugiż.

( 6 ) Il-Gvern Portugiż spjega wkoll waqt is-seduta li, f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, l-Imħallef Portugiż ma kellu ebda possibbiltà oħra ħlief li jmur lura għall-piena ta’ priġunerija inizjali. Kif spjega, ma kienx għadu possibbli f’dak il-mument li l-Imħallef jiddeċiedi li jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

( 7 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45 2 1 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

( 8 ) Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qrati jimponu piena sospiża ta’ bejn sentejn u ħames snin fil-każ ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ta’ inqas minn sentejn.

( 9 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punti 22 sa 24).

( 10 ) Għalhekk, jekk l-inkompatibbiltà kienet dovuta għal tul ta’ żmien, il-piena adattata ma għandhiex tkun inqas mill-piena massima prevista mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għal reati simili (Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909). Jekk l-inkompatibbiltà teżisti minħabba n-natura tal-kundanna, il-piena jew il-miżura adattata tikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-piena mogħtija fl-Istat emittenti u, fi kwalunkwe każ, il-piena ma tistax tiġi kkonvertita f’sanzjoni pekunjarja (Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909).

( 11 ) Filwaqt li spjegat il-kunċett ta’ proċess li jwassal għal deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “deċiżjoni”, li huwa msemmi fih, jirreferi għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi b’mod definittiv, wara l-evalwazzjoni tal-kawża fil-fatt u fid-dritt, dwar il-ħtija ta’ persuna u, jekk ikun il-każ, dwar il-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuqha. Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 67).

( 12 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016 (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 36). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat tali konstatazzjoni f’kawża li kienet taqa’ f’kuntest simili li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u mhux tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tagħha, fis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew - Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191; punt 65). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, AV (Sentenza Globali) (C‑221/19, EU:C:2021:278, punt 35).

( 13 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, CEPSA (C‑279/06, EU:C:2008:485, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija) (C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 46); sentenza tat‑8 ta’ April 2025 (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew - Stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali) (C‑292/23, EU:C:2025:255, punt 36).

( 15 ) Ara l-Artikolu 4 u l-Anness I tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

( 16 ) Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

( 17 ) Aspett mhux ċar ta’ din il-kawża huwa jekk l-awtoritajiet tal-Istat emittenti ħarġux diġà ċertifikat.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, MA (C‑743/24, EU:C:2025:230, punt 26) [Alchaster II]. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża SH (C‑798/23, EU:C:2025:265, punt 68), li fihom huwa jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tal‑10 ta’ Novembru 2022, Kupinskyy vs L-Ukraina (CE:ECHR:2022:1110JUD000508418, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Madankollu, wara li għaddiet għal piena ta’ priġunerija mill-impożizzjoni alternattiva ta’ multa li ma tħallsitx, il-qorti Portugiża kienet legalment prekluża milli tissospendi l-piena ta’ priġunerija inizjali (ara l-punt 7 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 20 ) Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi li l-Istat emittenti jista’ jirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-qorti tiegħu fi Stat Membru ieħor, jekk dan iwassal għal liberazzjoni iktar bikrija mill-ħabs għal dik li hija prevista mill-piena u mil-liġi li tirregola l-liberazzjoni bikrija fl-Istat emittenti.

( 21 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337 2, p. 102) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/947”).

( 22 ) Il-Kummissjoni rreferiet għal tali rekwiżit bħala l-prinċipju tat-tkomplija tal-eżekuzzjoni.

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, Mitsilegas, V., EU Criminal Law after Lisbon: Rights, Trust and the Transformation of Justice in Europe, Hart Publishing Ltd, 2016, p. 128. Schiff Berman, P., Global Legal Pluralism. A Jurisprudence of Law Beto Border, Cambridge University Press, 2012, p. 16.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja 2 2 2 (COM(2014) 57 final, p. 8).

( 25 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017 (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026).

( 26 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023 (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235).

( 27 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 78). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni fis-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 53).